Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5207

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)” COM(2013) 430 final – 2013/0202 (COD)

ĠU C 67, 6.3.2014, pp. 116–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)”

COM(2013) 430 final – 2013/0202 (COD)

2014/C 67/23

Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Nhar l-1 ta’ Lulju u nhar it-8 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 149 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

COM(2013) 430 final – 2013/0202 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-17 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) sabiex iservi bħala punt tat-tluq biex tiġi kkumparata l-prestazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew, jiġu identifikati l-prattiki tajba u jiġu promossi l-proċessi ta' skambju tal-għarfien bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi kif ukoll l-effiċjenza tagħhom. Dan in-netwerk għandu jaqdi qabel kollox rwol konsultattivi u ta' koordinazzjoni.

1.2

Il-Kumitat jirrikonoxxi li fil-livell reġjonali diġà jeżistu strutturi li jaħdmu tajjeb, inklużi n-netwerks tal-osservatorji tas-suq tax-xogħol, u li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-ksib tal-għanijiet komuni tal-UE dwar l-impjiegi stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu relazzjoni aktar koerenti mal-PES u l-osservatorji reġjonali filwaqt li jirrispettaw kif dovut is-sussidjarjetà u d-diversità madwar l-UE.

1.3

B'konformità mal-Aġenda għall-ħiliet il-ġodda u l-impjiegi, il-KESE jagħraf ir-rwol importanti li għandhom il-PES fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet maħsuba għat-tisħiħ ta' kull wieħed mill-erba' aspetti tal-flessigurtà.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex fid-dokument tagħha tispeċifika b'mod ċar ir-rabtiet bejn in-netwerk Ewropew tal-PES li għadu kif twaqqaf u l-Kumitat tal-Impjieg (EMCO), u sabiex tiddeskrivi b'ċarezza n-natura u l-għan tal-kunċetti ta' modernizzazzjoni mħejjija mill-PES, li m'għandhomx ikunu obbligatorji.

1.5

Il-KESE jqis li l-valutazzjoni komparattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li tibbaża fuq indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi maħsuba biex jivvalutaw il-prestazzjoni tal-PES, hija forma utli ta' kooperazzjoni. Il-KESE japprova, qabel kollox, li jintużaw indikaturi statistiċi tal-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-servizzi tal-impjiegi u l-politiki attivi tal-impjiegi. Il-KESE madankollu jenfasizza li dan jista' jtejjeb l-adattabbiltà u r-reattività tal-ħaddiema bil-għan li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol b'mod dejjiemi u jkun hemm trasferiment armonjuż fi ħdan dan is-suq.

1.6

Fir-rigward tal-adozzjoni tal-qafas ġenerali u tal-atti delegati, il-KESE jirrakkomanda sabiex il-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar it-termini futuri ta' dawn l-atti fid-dokument tagħha. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi speċifikat b'mod aktar konkret il-kontenut tal-proposta sabiex jiġu elenkati l-indikaturi bażiċi tal-qafas ġenerali. L-atti delegati għandhom jikkompletaw l-anqas aspetti importanti ta' dawn l-indikaturi bażiċi, b'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE.

1.7

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi b'mod ċar ir-rwol li għandu kull wieħed mill-imsieħba fil-kuntest tal-Artikolu 4 dwar il-kooperazzjoni. Il-proposta l-ġdida inkwistjoni m'għandhiex tnaqqas ir-rwol tal-imsieħba soċjali għal dak ta' "imsieħba assoċjati", anzi għandha ssaħħaħ l-influwenza tagħhom fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-PES. Din il-proposta għandha tindirizza wkoll ir-rwol tas-soċjetà ċivili fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sħubija.

1.8

Fl-istess waqt, il-KESE jirrakkomanda li l-atturi kollha kkonċernati jikkontribwixxu għall-konklużjonijiet u għar-rakkomandazzjonijiet tan-netwerk Ewropew tal-PES.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri – dejjem jekk dawn beħsiebhom jadattaw b'suċċess il-mudelli organizzattivi, l-objettivi strateġiċi u l-proċeduri tal-PES għal ambjent li jiżviluppa malajr – sabiex jistabbilixxu l-qafas tekniku, uman u finanzjarju. Dan għandu l-għan li jżid il-kapaċitajiet tagħhom u jippermetti li jwettqu r-rwol multifunzjonali ġdid tagħhom.

1.10

Il-KESE huwa konvint li l-kompetenzi l-ġodda tal-PES, b'mod speċjali fil-kuntest tal-politiki tal-impjiegi attivi, għandhom jiġu riflessi f'kapaċitajiet u appoġġ finanzjarju adegwati. Il-fondi allokati għall-Programm EaSI (1) għandhom jinżammu u l-finanzjament għandu jkun sostenibbli.

1.11

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet u l-impenji tal-partijiet kollha li pparteċipaw fil-konferenza dwar l-impjieg taż-żgħażagħ fit-3 ta' Lulju 2013 f'Berlin.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Istrateġija Ewropa 2020 (2) stabbilixxiet għall-Istati Membri kollha l-għan komuni ambizzjuż li sal-2020 ir-rata tal-impjieg għan-nisa u l-irġiel bejn l-20 u l-64 sena tiżdied sa 75 %. Is-servizzi pubbliċi tal-impjieg (PES) għandhom rwol important x'jaqdu jekk irid jintlaħaq dan l-objettiv.

2.2

Il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi għall-2020 (3) jirrikonoxxu l-PES bħala atturi ċentrali li jaqdu rwol kruċjali fit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet 7, "Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol", u 8, "L-iżvilupp ta' forza tax-xogħol b'kapaċitajiet". Il-konklużjonijiet adottati waqt il-laqgħa tal-kapijiet tal-PES f'Budapest fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2011, bit-titlu "Making the employment guidelines work", jirrikonoxxu l-kontribut ta' dawn il-PES għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.3

Il-politika tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol għadha l-kompetenza tal-Istati Membri, li huma responsabbli wkoll mill-organizzazzjoni, il-persunal u l-funzjonament tal-PES tagħhom. Madankollu, l-arranġamenti attwali għall-kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri, li ġew implimentati fl-1997 bil-ħolqien ta' grupp konsultattiv informali (4) ta' PES, laħqu l-limiti tagħhom u m'għadhomx jikkorrispondu mal-ħtiġijiet u mal-isfidi attwali. Jeħtieġ mekkaniżmu li jippermetti li jidentifika malajr il-prestazzjonijiet batuti u l-problemi strutturali li jirriżultaw minnhom, tinħtieġ informazzjoni sistematika dwar ir-riżultati tal-metodi attwali ta' valutazzjoni komparattiva u l-iskambju tal-għarfien.

2.4

Barra minnhekk, id-diskussjonijiet informali tal-ministri tal-Kunsill għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EPSCO) f'Dublin fis-7 u t-8 ta' Frar 2013 (5), kienu waslu għall-konklużjoni li kooperazzjoni miżjuda u aktar immirati bejn il-PES għandha ttejjeb l-iskambju tal-aqwa prattiki, u kienu talbu lill-Kummissjoni biex tħejji proposta dettaljata dwar inizjattiva għal tagħlim komparattiv.

2.5

Nhar is-17 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tikkonforma mal-estensjoni tal-inizjattiva ewlenija "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi" (6) u l-"Pakkett dwar l-Impjiegi" (7) tal-2012, u tipproponi li tiġi fformalizzata b'mod uffiċjali l-kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u li jitwaqqaf netwerk Ewropew ta' dawn is-servizzi.

2.6

Dan in-netwerk għandu jopera bejn l-2014 u l-2020, b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-funzjonament ta' dan in-netwerk għandu jiġi valutat u eżaminat mill-ġdid wara erba' snin. Il-finanzjament tan-netwerk għandu jiġi assigurat mill-krediti tal-Programm għall-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali (EaSI) u l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi s-segretarjat tiegħu bir-riżorsi umani attwali tagħha.

2.7

L-azzjonijiet ta' inkoraġġiment imwettqa permezz tan-netwerk għandhom jikkontribwixxu:

għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi prinċipali tagħha fir-rigward tal-impjieg;

għal funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-UE;

għat-titjib tal-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol;

għaż-żieda fil-mobbiltà ġeografika u professjonali;

għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol.

2.8

Tul l-ewwel diskussjonijiet tal-Kunsill f'Lulju 2013, il-maġġoranza tal-Istati Membri laqgħet il-proposta tal-Kummissjoni u ħadet approċċ pożittiv għall-għanijiet stabbiliti. Ġew espressi dubji l-ewwel nett dwar ir-rabtit reċiproċi mal-ħidmiet tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u d-duplikazzjoni possibbli, l-għadd wisq kbir ta' kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea, il-kontenut tal-atti delegati u l-impreċiżjonijiet fil-finanzjament.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

B'mod ġenerali l-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi kollha li ħadet il-Kummissjoni Ewropea sabiex tikseb l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi u s-suq tax-xogħol, issaħħaħ mill-ġdid il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, jiġu żviluppati l-kompetenzi u biex dawn jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi u tal-ħaddiema u biex tappoġġja l-mobbiltà ġeografika u professjonali.

3.2

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, b'mod partikolari f'ċerti Stati Membri, taż-żieda fil-qgħad, speċjalment il-qgħad fit-tul fost iż-żgħażagħ, il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi sabiex iservi bħala punt tat-tluq biex tiġi kkumparata l-prestazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew, jiġu identifikati l-prattiki tajba u jiġu promossi l-proċessi ta' skambju ta' għarfien bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi kif ukoll l-effiċjenza tagħhom.

3.3

Għadd ta' Stati Membri, li jinsabu taħt pressjoni minħabba l-isfidi fuq medda twila ta' żmien marbuta mal-bidliet dinjija u teknoloġiċi, u ma' forza tax-xogħol li qed tixjieħ, iżda wkoll minħabba l-miżuri ta' urġenza fuq medda qasira ta' żmien sabiex jirrimedjaw għall-konsegwenzi tat-tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija, diġà qegħdin fil-proċess li jimmodernizzaw il-PES tagħhom (bi gradi differenti ta' suċċess), jirristrutturawhom billi jiċċentralizzawhom, jew bil-kontra jiddeċentraliżżawhom, iwessgħu l-kamp ta' azzjoni tagħhom u jippruvaw jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom.

3.4

Il-KESE jqis li l-PES għandhom jadattaw assolutament għall-eżiġenzi l-ġodda tal-forza tax-xogħol, l-espansjoni tal-ekonomija tal-anzjani u tal-ekonomija ekoloġika, il-kompetenzi l-ġodda u l-eżiġenzi l-ġodda tal-ġenerazzjoni żgħażugħa, l-iżvilupp tal-ICT u tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi jew saħansitra ż-żieda fin-nuqqas ta' tqabbil bejn l-offerta u d-domanda tal-kompetenzi.

3.5

Fl-istess ħin, il-PES iridu jaffrontaw sfidi fuq medda qasira u twila ta' żmien. Iridu jirreaġixxu b'mod immedjat, flessibbli u kreattiv, għal evoluzzjoni tal-ambjent ġenerali tagħhom, u jikkombinaw interventi fuq medda qasira ta' żmien ma' soluzzjonijiet sostenibbli kif ukoll jantiċipaw ir-riskji soċjali.

3.6

Il-KESE huwa konvint li l-kompetenzi l-ġodda tal-PES, b'mod speċjali fil-kuntest tal-politiki attivi dwar l-impjiegi, għandhom jiġu riflessi f'kapaċitajiet u appoġġ finanzjarju adegwati. F'ħafna Stati Membri, is-sitwazzjoni ma tidhirx li sejra f'din id-direzzjoni, speċjalment f'perjodu ta' tnaqqis baġitarju u miżuri ekonomiċi. Għall-kuntrarju, bħalissa r-riżorsi previsti għall-funzjonament tal-PES għandhom jiżdiedu speċjalment fir-rigward tal-persunal sabiex tiġi żgurata l-istess kwalità li tiftaħ il-bieb għal opportunitajiet ta' impjieg. Il-PES li jistgħu jiftaħru li qed jaħdmu tajjeb fil-ġejjieni jistgħu jiġu trasformati f'ċentri ta' kompetenzi.

3.7

Fl-2010, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (EUROFOUND), fuq talba tal-KESE ħejjiet nota ta' informazzjoni bit-titlu "Finanzjament u applikazzjoni tal-programmi attivi tas-suq tax-xogħol waqt il-kriżi" (8), li fuq il-bażi tal-eżempji tal-għaxar Stati Membri magħżula, iddeskriviet il-varjazzjonijiet tal-interazzjonijiet bejn il-politiki attivi u passivi tal-impjiegi, id-deterjorazzjoni tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż f'termini tal-PDG għall-promozzjoni tal-miżuri ta' attivazzjoni, b'mod speċjali fl-Istati Membri fejn il-qgħad qed jiżdied b'rata mgħaġġla.

3.8

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni hija li tippromovi, permezz ta' miżuri ta' inċentiv (skont l-Artikolu 149 tat-TFUE), il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tiżgura t-titjib tal-integrazzjoni u l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol fl-UE, tikkontribwixxi għat-titjib tal-mobbiltà ġeografika u professjonali u tiġġieled l-esklużjoni soċjali.

3.9

In-netwerk il-ġdid ser jiffoka b'mod partikolari fuq l-inizjattivi li ġejjin: it-tħejjija u l-implimentazzjoni, fil-livell Ewropew, tas-sistemi ta' valutazzjoni komparattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-organizzazzjoni ta' assistenza reċiproka, l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' mudell ta' modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-PES fl-oqsma ewlenin u t-tħejjija ta' rapporti dwar il-qasam tal-impjiegi.

3.10

Il-proposta tal-Kummissjoni hija segwitu ta' attivitajiet preċedenti u studji dwar il-mudell ekonomiku tal-PES, is-sistemi ta' kejl tal-prestazzjoni tal-PES u r-rwol tal-PES fil-qasam tal-flessigurtà, l-antiċipar tal-kwalifiki u l-kapaċità li ċ-ċittadini jadattaw ruħhom għal professjonijiet ġodda.

3.11

Il-KESE jemmen li fil-ġejjieni, l-attività tal-PES ma tistax tibqa' sempliċement waħda ta' rutina (9). Il-PES għandhom jinbidlu gradwalment f'aġenziji multifunzjonali li jiffaċilitaw diversi tipi ta' transizzjoni, fis-suq tax-xogħol, bejn l-istudju u l-ewwel impjieg, bejn il-karrieri u fi ħdan l-UE. Dawn għandhom jiżguraw l-interazzjoni bejn l-atturi tas-suq tax-xogħol u jħeġġuhom jikkooperaw u jinnovaw, għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-imsieħba pubbliċi u privati tagħhom (10), u jiggarantixxu li l-atturi tas-suq tax-xogħol jikkonformaw mal-politiki f'dak l-istess qasam.

3.12

Il-KESE huwa tal-fehma li l-PES għandhom ikunu aktar orjentati lejn il-provvista tax-xogħol, madankollu mingħajr ma jixħtu dubju fuq ir-rwol tagħhom fir-rigward tal-ħlas tal-allokazzjonijiet, peress li min iħaddem qed ikollu aktar diffikultà jirrekluta l-ħaddiema li jeħtieġ. L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari, sikwit ikollhom bżonn ta' appoġġ akbar mill-PES u għal din ir-raġuni jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn il-PES u l-intrapriżi.

3.13

Anki waqt perjodu ta' qgħad għoli, tippersisti diskrepanza bejn il-provvista tal-kompetenzi u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Perezz tan-netwerk HoPES (11), il-PES jipparteċipaw għad-dibattiti u l-konsultazzjonijiet dwar ir-rwol tal-kompetenzi fil-kuntest ekonomiku u soċjali. L-għan huwa li jkun hemm rabta bejn id-dinja tax-xogħol u dik tal-edukazzjoni u li tiġi stabbilita komprensjoni komuni tal-kwalifiki u l-kompetenzi. Għall-PES, dan jimplika li jiġu stabbiliti sħubiji mal-partijiet differenti interessati u jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-kwalifiki fil-kuntest ta' kumplessità miżjuda tas-swieq lokali tax-xogħol (12).

3.14

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol uniku li jaqdu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex jimplimentaw kull wieħed mill-aspetti tal-flessigurtà. L-istudju dwar ir-rwol tal-PES fil-qasam tal-flessigurtà fis-swieq tax-xogħol Ewropej (13) wera, fuq il-bażi tal-eżempji tajba li ħarġu mill-istħarriġ, li l-PES huma konxji mill-ħtieġa ta' approċċ ġdid tas-servizzi tagħhom u li adottaw firxa kbira ta' strateġiji u miżuri biex jappoġġjaw il-flessigurtà. Il-PES għandhom ikomplu jirsistu li jsaħħu l-kapaċità tagħhom sabiex ikunu kapaċi jaqdu r-rwol tagħhom ta' intermedjarji u ta' evalwaturi tal-flessigurtà.

3.15

Il-KESE jqis li l-PES għandhom jagħtu prijorità lill-persuni jew lill-kategoriji tal-ħaddiema li għalihom huwa l-aktar diffiċli li jsibu xogħol u li għandhom bżonnijiet speċifiċi. Dawn huma dawk il-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, il-ħaddiema avvanzati fl-età, in-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-migranti. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu applikati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u li jiġi żgurat is-segwitu tagħha.

3.16

Fil-kuntest tal-ġlieda mwettqa madwar l-Ewropa kollha kontra l-qgħad li qed jiżdied fost iż-żgħażagħ, il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol importanti tal-PES fit-twettiq tal-inizjattiva ta' garanzija għaż-żgħażagħ, u jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn meħud mill-kapijiet tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg waqt il-konferenza dwar l-impjieg taż-żgħażagħ fit-3 ta' Lulju 2013 f'Berlin sabiex ikollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ fl-Ewropa, iżidu l-effiċjenza tal-azzjoni tagħhom u jsaħħu l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra (14).

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1

Skont din il-proposta għal deċiżjoni, in-netwerk Ewropew għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandu jikkooperaw mill-qrib mal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u jikkontribwixxi għal ħidmietu billi jressaqlu informazzjoni u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-impjiegi. Il-KESE huwa tal-fehma li d-deċiżjoni għandha tidentifika l-kompiti konsultattivi tan-netwerk u r-relazzjonijiet tiegħu mal-Kumitat tal-Impjiegi. In-netwerk għandu jkollu rwol konsultattiv u ta' koordinazzjoni u t-twaqqif tiegħu m'għandux jitqies bħala xi tip ta' miżura sabiex jiġu armonizzati l-istrutturi tal-PES jew is-sistemi soċjali.

4.2

Il-KESE ma jistax jinjora l-fatt li fil-livell reġjonali diġa jeżistu strutturi li jaħdmu tajjeb, inklużi n-netwerks tal-osservatorji tas-suq tax-xogħol reġjonali, u li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-ksib tal-għanijiet komuni tal-UE dwar l-impjieg stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020.

Sabiex tiġi żgurata relazzjoni aktar koerenti bejn il-PES u l-osservatorji, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jkun hemm:

a)

arranġamenti b'tali mod li l-osservatorji tax-xogħol fis-settur pubbliku fil-livell reġjonali li jitħaddmu direttament mir-reġjuni jkunu jistgħu jipparteċipaw fin-netwerk Ewropew;

b)

rabta aħjar bejn in-netwerk Ewropew tal-osservatorji reġjonali tal-impjieg u n-netwerk Ewropew tal-PES;

c)

arranġamenti dwar is-sħubija u l-aċċess għan-netwerk Ewropew tal-osservatorji tal-impjieg fis-settur privat fil-livell reġjonali u l-osservatorji tal-impjieg fis-settur pubbliku fil-livell reġjonali li mhumiex ġestiti mir-reġjuni iżda joperaw taħt l-istruzzjonijiet tagħhom u jaħdmu favur l-għanijiet tagħhom;

d)

kwalunkwe azzjoni oħra biex jittejbu l-funzjonament u l-konnessjoni bejn l-istrutturi eżistenti kollha, bil-għan li jintużaw l-istrumenti disponibbli kollha sabiex jiġu involuti l-livelli kollha ta' governanza u tittieħed azzjoni fil-livelli kollha – nazzjonali, reġjonali u lokali.

4.3

Il-finanzjament allokat għat-tkabbir tal-kooperazzjoni bejn il-PES għandu jittieħed mill-fergħa PROGRESS tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) bejn l-2014 u l-2020. Il-proposta leġislattiva inkwistjoni hija newtrali mill-perspettiva baġitarja u ma teħtieġx riżorsi umani supplementari. Fir-rigward tal-proġetti żviluppati min-netwerk jew maħsuba għall-attivitajiet ta' skambju ta' għarfien, imbagħad attwalizzati fi ħdan il-PES differenti, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u l-programm qafas Orizzont 2020. Għall-KESE, l-aktar ħaġa importanti hija li jinżammu r-riżorsi allokati fi ħdan il-fondi strutturali u li l-finanzjament ikun sostenibbli. Il-kompetenzi l-ġodda tal-PES, b'mod speċjali fil-kuntest tal-politiki attivi dwarl-impjiegi, għandhom jiġu riflessi f'kapaċitajiet u appoġġ finanzjarju adegwati.

4.4

L-Artikolu 3 tal-proposta tiddefinixxi l-inizjattivi tan-netwerk.

L-Artikolu 3(1)(a) jipprevedi li dan in-netwerk ser jiżviluppa u jimplimenta sistemi ta' valutazzjoni komparattivi bbażati fuq l-evidenza mal-Ewropa kollha fost is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi abbażi tal-użu tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi biex jivvalutaw il-prestazzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u biex jiġbru evidenza bil-għan li jistabbilixxu mutur adegwat għat-tagħlim reċiproku.

Il-KESE japprova l-prinċipju ta' din il-formulazzjoni. Huwa jqis li l-valutazzjoni komparattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li tibbaża fuq indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi maħsuba biex jivvalutaw il-prestazzjoni tal-PES, hija forma utli ta' kooperazzjoni. Il-KESE japprova, qabel kollox, li jintużaw indikaturi statistiċi tal-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-servizzi tal-impjiegi u politiki attivi dwar l-impjiegi. Jeħtieġ li l-indikaturi ta' input (bħal pereżempju l-baġit) jintużaw aktar bħala indikaturi ta' kuntest. Fost l-indikaturi l-oħra li l-KESE jqis bħala utli hemm pereżempju n-numru ta' persuni reġistrati (għal kull Stat Membru), l-għadd totali tal-intermedjarji u l-għadd tagħhom għal kull kandidat, ir-rata ta' ritorn, u ta' ritorn sostenibbli, għax-xogħol wara tliet jew sitt xhur, il-medda medja ta' żmien ta' qgħad, kemm tkun adegwata l-provvista meta mqabbel mad-domanda tal-impjiegi, it-tul ta' żmien li wieħed iqatta' f'impjieg u t-tip ta' xogħol li jinkiseb wara li jitlesta programm ta' politika attiva favur l-impjieg, il-persentaġġ ta' ħaddiema li jipparteċipaw f'azzjonijiet ta' taħriġ, l-ispejjeż li jiġġarrbu u saħansitra l-għadd ta' ħaddiema fl-UE u fil-pajjiżi terzi.

Għandha tingħata prijorità lil dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, u għandhom jiġu analiżżati u mqabbla r-riżultati miksuba mis-servizzi ta' impjieg ta' reġjuni b'kuntesti simili mil-lat tar-rata tal-qgħad u d-dinamika tal-ekonomija.

L-Artikolu 3(1)(c) jipprevedi li n-netwerk jadotta u jimplimenta mudell ta' modernizzar u t-tisħiħ tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f’oqsma ewlenin.

Il-KESE jirrakkomanda li din il-formulazzjoni ssir aktar preċiża sabiex ikun ċar li n-netwerk tal-PES għandu funzjoni konsultattiva biss. Il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi ppreċiżat f'din id-dispożizzjoni x'għandu jkun il-karattru u l-għan tal-mudell ta' mmodernizzar tal-PES. Skont il-KESE, dawn m'għandhom taħt l-ebda kundizzjoni jkunu obbligatorji.

4.5

L-Artikolu 4 dwar il-kooperazzjoni jirreferi għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-atturi tas-suq tax-xogħol inklużi fornituri oħra tas-servizzi tal-impjieg. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li f'dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi definit b'mod aktar ċar ir-rwol ta' kull wieħed minn dawn l-atturi.

4.5.1

Il-KESE jinsisti li l-imsieħba soċjali huma l-atturi prinċipali tas-suq tax-xogħol u jaqdu rwol neċessarju fil-proċess ta' modernizzazzjoni tal-PES. Għal din ir-raġuni huma għandu jkollhom post adegwat fl-istruttura l-ġdida. Fid-dokument ta' ħidma tagħha dwar ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta' ġestjoni tal-PES, b'mod speċjali f'perjodu ta' kriżi, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol turi biċ-ċar, fuq il-bażi tal-eżempju ta' erba' Stati Membri tal-UE, li t-tibdil fl-istrutturi tal-PES jinvolvi tibdil fir-rwol, il-parteċipazzjoni u l-influwenza tal-imsieħba soċjali. Filwaqt li fl-Awstrija kibru l-mezzi ta' azzjoni tagħhom, b'mod speċjali fil-livell reġjonali, fil-Ġermanja u d-Danimarka, l-influwenza tagħhom naqset u r-rwol tagħhom huwa aktar konsultattiv milli kodeċiżiv. Fir-Renju Unit, minħabba raġunijiet storiċi, l-imsieħba soċjali mhumiex attivi fil-parteċipazzjoni istituzzjonali (15). Din hija r-raġuni li għaliha l-KESE jilqa' b'sodisfazzjon għadd ta' inizjattivi tal-imsieħba soċjali Ewropej fil-kuntest tal-programmi ta' ħidma komuni tagħhom (16).

4.5.2

F'dan il-kuntest, il-KESE jinnota li hemm tendenza li sejra għall-agħar fir-rigward tad-deċiżjoni l-ġdida 2012/733/UE tal-Kummissjoni dwar il-EURES. Waqt il-laqgħa ta' April tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema (17), ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali esprimew it-tħassib kbir tagħhom dwar il-fatt li r-rwol tal-imsieħba soċjali qed jonqos għal dak ta' imsieħba assoċjati.

4.5.3

F'għadd ta' opinjonijiet tiegħu, il-KESE approva t-talba li għamlet il-Kummissjoni għal sħubijiet bejn il-partijiet interessati kollha sabiex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjieg, jiżdied ix-xogħol, jiġu żviluppati l-kompetenzi u bħala ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. B'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad li qed jiżdied fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, il-KESE enfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet tat-tagħlim, l-aġenziji ta' konsulenza, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, movimenti tan-nisa, organizzazzjonijiet ta' appoġġ għal persuni b'diżabbiltà, eċċ.), tal-familji u tal-individwi, peress li dan huwa l-uniku mod kif tiġi indirizzata, b'mod konġunt u bis-sħiħ, is-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol Ewropej.

4.5.4

Il-KESE jilqa' wkoll b'sodisfazzjoni l-iżvilupp tas-sħubija bejn is-servizzi tal-impjiegi (PARES) (18) għall-promozzjoni tad-djalogu fil-livell tal-UE sabiex jiġu faċilitati t-transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-kumplessità tas-swieq tax-xogħol dejjem qed tikber u l-atturi kollha tas-servizzi tal-impjieg għandhom jikkooperaw. Il-KESE japprova wkoll il-programm tal-Kummissjoni Ewropea ta' djalogu bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, li huwa maħsub biex jappoġġja l-iskambju tal-aqwa prattiki.

4.6

Skont l-Artikolu 7 dwar l-Adozzjoni ta' qafas ġenerali, il-Kummissjoni ser tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 8 tal-proposta fir-rigward ta' qafas ġenerali għat-twettiq ta' attivitajiet ta' valutazzjoni komparattiva u ta' skambju ta' għarfien definiti fl-Artikolu 3(1). B'mod ġenerali, il-KESE jista' japprova r-rikors għal atti delegati sabiex jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-qafas ġenerali għat-twettiq ta' attivitajiet ta' valutazzjoni komparattiva u ta' skambju ta' għarfien. Madankollu, ser ikun meħtieġ li tingħata aktar informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu determinati l-kwistjonijiet li dawn l-atti delegati jistgħu jemendaw konkretament. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi speċifikat b'mod aktar konkret il-kontenut tal-proposta sabiex jiġu raffinati l-indikaturi bażiċi tal-qafas ġenerali. L-atti delegati għandhom jikkompletaw l-anqas aspetti importanti ta' dawn l-indikaturi bażiċi, b'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE.

4.7

Il-proposta tindika li dawn l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni ser jiżdiedu mal-kooperazzjoni tal-PES fi ħdan il-EURES, skont l-Artikolu 45 u 46 tat-Trattat. Il-KESE huwa tal-fehma li l-formulazzjoni tat-test għandha turi biċ-ċar is-sinerġiji bejn in-netwerk il-ġdid tal-PES u l-EURES (19). In-netwerk il-ġdid tal-PES għandu jappoġġja mandat usa' tal-EURES u r-rwol tiegħu bħala strument ewlieni biex iqabbel il-kompetenzi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol Ewropew, u biex titjieb il-mobbiltà fl-UE. In-netwerk jista' wkoll jikkoopera ma' organizzazzjonijiet oħra, bħall-aġenziji għall-orjentazzjoni professjonali.

Brussell, 17 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Programm għall-Impjiegi, u l-Innovazzjoni Soċjali, (EaSI) li jintegra u jestendi l-kopertura ta' tliet programmi eżistenti: PROGRESS, EURES u l-Fond Ewropew ta' Mikrofinanzjament, Progress.

(2)  COM(2010) 2020 final.

(3)  Deċiżjoni 2010/707/UE tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.

(4)  Dan huwa l-grupp konsultattiv informali tal-Kummissjoni Ewropea HoPES ("Heads of Public Employment Services" - Kapijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi).

(5)  Waqt il-laqgħa informali tal-EPSCO f'Dublin fis-7 u t-8 ta' Frar 2013.

(6)  COM(2010) 682 final.

(7)  COM(2012) 173 final.

(8)  Ara: John Hurly: "Finanzjament u applikazzjoni tal-programmi attivi tas-suq tax-xogħol waqt il-kriżi", EUROFOUND, 2010.

(9)  Ara: Il-Kontribut tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għall-UE 2020, id-Dokument dwar il-Prestazzjoni tal-Istrateġija tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi 2020, 2012.

(10)  Il-Kummissjoni Ewropea nediet l-inizjattiva PARES, is-sħubija bejn is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi tal-UE, li tikkostitwixxi azzjoni prijoritarja fil-qasam tal-komunikazzjoni li din ippubblikat fl-2011 dwar l-"Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi".

(11)  Ara The Case for Skilles: A Respons to the Recommendations regarding the Future Role of Public Employment Services under the New Skills for New Jobs Agenda, in-Netwerk Ewropew tal-Kapijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg, Settembru 2011.

(12)  Ara R.A. Wilson, Anticipating skills needs of the labour force and equipping people for new jobs: which role for public employment services in early identification of skill needs and labour up-skilling? Rapport imħejji għall-Kummissjoni Ewropea. Danish Technological Institute/ÖSB Consulting/Warwick Institute for Employment Research, 2010.

(13)  "The role of the Public Employment Services related to ‘Flexicurity’ in the European Labour Markets" – rapport finali, "Policy and Business Analysis", Danish Technological Institute/ ÖSB Consulting/Tilburg University/Leeds Metropolitan University, Marzu 2009.

(14)  Konferenza dwar l-impjieg taż-żgħażagħ (Konferenz zur Jugendbeschäftigung), organizzata fit-3 ta' Lulju 2013 f'Berlin, bil-kontribut tan-netwerk HoPES.

(15)  J. Timo Weishaupt, Labour Administration and Inspection Programme: Social Partners and the Governance of Public Employment Services: Trends and Experiences from Western Europe, 2011.

(16)  Il-ftehim awtonomu dwar swieq tax-xogħol inklużivi (2010) jibbaża fuq l-analiżi komuni tal-fatturi prinċipali tas-suq tax-xogħol (2009).

(17)  Ara l-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema, 12 ta' April 2013, fi Brussell.

(18)  PARES huwa wieħed mill-miżuri ta' appoġġ tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Aġenda għall-ħiliet il-ġodda u l-impjiegi, maħsub biex jappoġġja l-flessigurtà.

(19)  Ara ĠU L 328, 28.11.2012, p. 21–26.


Top