This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE5037
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on End-to-end e-procurement to modernise public administration’ COM(2013) 453 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika” COM(2013) 453 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika” COM(2013) 453 final
ĠU C 67, 6.3.2014, p. 96–100
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/96 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika”
COM(2013) 453 final
2014/C 67/19
Relatur: is-Sur BARROS VALE
Nhar is-26 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika
COM(2013) 453 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2013.
Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) diġà ddikjara li huwa favur l-implimentazzjoni rapida tal-akkwist elettroniku (1) "minn tarf sa tarf" (2) u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ġeneralizzazzjoni ta' din il-prattika li tippermetti l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi. |
1.2 |
L-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" għandu jiġi kkunsidrat bħala mezz ta' modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, li jippermetti li tissaħħaħ l-effikaċja tagħha permezz ta' reqqa u trasparenza msaħħa marbutin ma' din il-prattika. |
1.3 |
Din hija wkoll opportunità għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), peress li tiffaċilita l-aċċess għal opportunitajiet ġodda f'suq aktar miftuħ u trasparenti. |
1.4 |
Madankollu, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-riżultati dgħajfa li nkisbu sal-lum il-ġurnata li jidhru li qed jikkompromettu t-twettiq tal-għan inizjali li t-tranżizzjoni lejn akkwist pubbliku elettroniku titlesta sal-2016. |
1.5 |
Ta' min jinnota bi tħassib l-impenn dgħajjef f'dan ir-rigward min-naħa tal-Istati Membri li għadhom iżommu lura milli jadottaw prattiki li madankollu huma vantaġġużi għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-atturi ekonomiċi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkompli twettaq ir-rwol tagħha ta' persważjoni favur l-adozzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf", kemm permezz tal-implimentazzjoni ta' din is-sistema ta' akkwist pubbliku fil-proċeduri tagħha kif ukoll billi toħroġ leġislazzjonijiet u xxerred il-prattiki tajba. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qiegħdet is-soluzzjonijiet tagħha fir-rigward tal-akkwist pubbliku għad-dispożiżżjoni tal-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu minnhom. |
1.6 |
Il-qasam tal-akkwist huwa frammentat: fl-istess ħin jeżistu diversi soluzzjonijiet u pjattaformi li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma tfasslux b'tali mod li jkunu interoperabbli. In-nuqqas ta' orjentazzjonijiet strateġiċi u saħansitra n-nuqqas ta' rieda tal-Istati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet komuni għal aċċess universali jfixklu l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, nazzjonali u internazzjonali, u għaldaqstant jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni ħielsa. Il-Kummissjoni għandha taqdi r-rwol tagħha li tistabbilixxi standards billi tarmonizza l-eżiġenzi tekniċi meħtieġa, abbażi tal-ħidma li diġà saret, b'mod partikolari fil-qafas tal-proġett PEPPOL, u li ġiet appoġġjata b'mod ġenerali. L-armonizzazzjoni tikkostitwixxi pass 'il quddiem importanti fid-demokratizzazjoni ta' suq li jrid ikun trasparenti u aċċessibbli, f'termini ta' applikazzjoni stretta ta' fondi pubbliċi. |
1.7 |
Il-KESE jqis ukoll li s-soluzzjonijiet proposti għandhom ikunu universalment aċċessibbli, imorru lil hinn mill-ostakli lingwistiċi u dawk li jikkonċernaw l-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà. Barra minn hekk, jeħtieġ li jinżammu baxxi kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-ħolqien jew tal-adattament tal-pjattaformi eżistenti kif ukoll tal-manutenzjoni tagħhom. Għaldaqstant, l-istandardizzazzjoni hija ta' importanza fundamentali. |
1.8 |
Għad hemm diffikultajiet biex l-SMEs li mhumiex kbar biżżejjed jew m'għandhomx biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji jkollhom aċċess għall-akkwist pubbliku. Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-leġislazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku għandha tappoġġja lill-SMEs b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, f'termini ta' kapital u ta' esperjenza, b'mod partikolari permezz ta' konsorzji jew assoċjazzjonijiet temporanji ta' intrapriżi (3). |
1.9 |
Din il-proposta għal Direttiva dwar il-fatturar elettroniku fil-qafas tal-akkwist pubbliku hija pass addizzjonali importanti biex jitwettaq iċ-ċiklu tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf". L-istandardizzazzjoni tal-kontenut tal-fattura li ser tippermetti l-interoperabbiltà ser toffri vantaġġi konsiderevoli. Il-KESE madankollu jqis li minkejja dawn il-vantaġġi l-iskadenzi għall-adozzjoni u l-ġeneralizzazzjoni previsti f'dan ir-rigward huma twal wisq. Fil-fatt, fi żmien meta l-evoluzzjoni teknoloġika hija kontinwa, l-isforzi għall-istandardizzazzjoni huma urġenti u mixtieqa inkella nispiċċaw b'soluzzjonijiet irrilevanti. |
1.10 |
Bla dubju ta' xejn, huwa ta' min ifaħħar il-finanzjament mill-Kummissjoni tal-iżvilupp tal-infrastrutturi għall-akkwist elettroniku fl-Ewropa kollha permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iżda t-tnaqqis drastiku tal-ammoniti allokati mill-Kunsill jixħet dubju fuq dan. Il-KESE jikkundanna dan it-tnaqqis li jwassal għal taqlib kbir fil-proġetti ta' interess komuni promossi mill-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward tal-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku. |
1.11 |
Il-KESE jenfasizza li f'dan il-qasam, bħal f'kull qasam ieħor li jimplika tibdil, it-taħriġ tal-persunal huwa ta' importanza fundamentali. Barra minn hekk, ta' min jilqa' l-possibbiltà ta' finanzjament tal-programmi ta' taħriġ mill-fondi strutturali 2014-2020. Iżda ma rridux ninsew it-taħriġ tal-atturi tas-settur pubbliku: huwa essenzjali li dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw kompetenzi tekniċi ġodda u li jiġu sensibilizzati dwar ir-realtajiet virtwali ġodda tax-xogħol. |
1.12 |
Il-KESE jieħu din l-opportunità biex jitlob minnufih lill-Kunsill jistieden lill-Istati Membri jwettqu fil-prattika l-ideat imħabbra fid-dokumenti li tfasslu mill-Kummissjoni u l-korpi konsultattivi f'dan ir-rigward, sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-ħidma li twettqet. |
2. Kontenut essenzjali tad-dokument
2.1 |
Din il-Komunikazzjoni tagħmel enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" u toħroġ fid-dieher l-iżvilupp li sar fir-rigward tal-miżuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar "Strateġija għall-akkwist elettroniku" (4). |
2.2 |
Peress li r-riforma tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u t-titjib tat-trasparenza huma wkoll fatturi ta' tkabbir ekonomiku, il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tagħmel parti mill-ħames prijoritajiet elenkati fl-2012 u mbagħad fl-2013 mill-Kummissjoni fl-analiżi annwali tagħha tat-tkabbir. Ix-xiri ta' oġġetti, ta' servizzi u ta' ħidmiet pubbliċi jirrappreżenta 19 % tal-PDG tal-UE (skont id-data tal-2011). Dan juri kemm huwa importanti li titwettaq riforma tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex tonqos in-nefqa pubblika, filwaqt li jiġu liberati riżorsi importanti li jistgħu jiġu investiti biex jitħeġġeġ it-tkabbir. |
2.3 |
Ir-riforma tal-proċeduri tal-akkwist elettroniku u l-introduzzjoni tal-mudell tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" jikkostitwixxu wkoll opportunità biex jiġu introdotti innovazzjonijiet fil-mudell organizzattiv tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan li jissaħħu t-trasparenza u r-reqqa, u b'hekk jingħata kontribut għall-ksib tal-objettivi ta' tkabbir sostenibbli tal-Istrateġija Ewropa 2020. |
2.4 |
L-aċċess għall-internet mill-SMEs bħalissa huwa ġeneralizzat: fl-2012, 4,6 % biss tal-SMEs kienu għadhom mhux konnessi (5). Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-SMEs huma mgħammra għall-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf". Barra minn dan, l-intrapriżi f'pajjiżi fejn din hija prattika ta' kuljum iqisu li din hija esperjenza pożittiva. Madankollu, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tas-servizzi ta' fatturar elettroniku u l-implimentazzjoni ta' proċeduri tal-akkwist elettroniku li ma jiswewx ħafna flus u li jkunu faċli biex jintużaw. |
2.5 |
Minkejja l-użu ġeneralizzat tal-internet, l-akkwist elettroniku għadu fil-bidu; il-Kummissjoni pproponiet li jsir obbligatorju sa nofs l-2016. Fil-fatt, ir-rata ta' adozzjoni għat-tressiq elettroniku tal-proposti għadha baxxa wisq (madwar 10 %), u fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-preżentazzjoni tal-proposti b'mod elettroniku hija fakultattiva, ħlief fil-Portugall li għamel din il-prattika obbligatorja jekk jinqabeż ċertu livell. Il-fatturar elettroniku diġà huwa realtà f'ċerti każijiet, li jmorru lil hinn minn ċerti livelli, iżda skont l-istimi, 12 % biss tal-intrapriżi jużaw mezzi elettroniċi biex jibagħtu fatturi lill-awtoritajiet pubbliċi jew biex jirċivuhom. |
2.6 |
It-triq li għandha tiġi segwita tikkonsisti fl-istandardizzazzjoni tal-akkwist elettroniku, billi l-fatturar elettroniku jsir ir-regola pjuttost milli l-eċċezzjoni fil-qafas tal-akkwist pubbliku, sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jistabbilixxu strateġiji nazzjonali b'tali mod li jimplimentaw l-akkwist elettroniku u l-fatturar elettroniku u jaqsmu l-aħjar prattiki. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-Kumitat ifakkar li fir-rigward tal-akkwist pubbliku jqis li huwa importanti li ssir reviżjoni tal-qafas legali li twassal għall-virtwalizzazzjoni tal-proċedura filwaqt li l-akkwist elettroniku jsir gradwalment obbligatorju. Madankollu, iqis li l-progress li sar kellu effetti mhux mixtieqa, kif juru r-riżultati dwar l-użu tal-akkwist elettroniku. |
3.2 |
Il-frammentazzjoni tas-suq tal-akkwist elettroniku ġiet enfasizzata peress li l-Istati Membri għażlu li jaħdmu għal rashom u dan wassal biex jinħolqu soluzzjonijiet u pjattaformi differenti li, peress li kien hemm nuqqas ta' viżjoni strateġika, ma tfasslux biex ikunu interoperabbli - kundizzjoni essenzjali għall-aċċess universali. Għalkemm fil-livell lokali ġiet irreġistrata żieda fin-numru ta' parteċipanti fis-sejħiet għall-offerti, li huwa sinjal ta' titjib fl-aċċess għas-suq, ma jistax jingħad l-istess għas-sejħiet għall-offerti transkonfinali, fejn l-SMEs għandhom diffikultajiet fir-rigward tal-aċċess mhux biss minħabba raġunijiet tekniċi iżda wkoll minħabba raġunijiet ekonomiċi - l-aċċess għas-sejħiet għall-offerti transkonfinali huwa possibbli biss għall-SMEs li jingħaqdu f'konsorzji, soluzzjoni li tista' u li għandha tiġi ppreżentata u titħeġġeġ fil-livell nazzjonali. |
3.3 |
Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-interoperabbiltà hija essenzjali u jitlob li jinstab approċċ aktar deċiżiv f'dan ir-rigward. Huwa jaqbel mal-ħidma ta' standardizzazzjoni li saret u jqis li jeħtieġ li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenzi li nkisbu fil-pajjiżi fejn is-sistema hija aktar żviluppata. |
3.4 |
L-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" huwa strument importanti biex jiżdiedu r-reqqa u t-trasparenza f'settur li, peress li jikkonċerna lil kulħadd, għandu jkun ta' eżempju u jkun id-difensur tal-onestà u s-serjetà. |
3.5 |
Il-vantaġġi li jistgħu jinsiltu huma dawn li ġejjin:
|
3.6 |
Fir-rigward tal-iżvantaġġi nistgħu nsemmu dawn li ġejjin:
|
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Din il-proposta għal Direttiva dwar il-fatturar elettroniku fil-qafas tal-akkwist pubbliku, li tistabbilixxi standard Ewropew għall-fatturar elettroniku, hija pass li hu ta' min ifaħħru lejn l-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf", mentri l-ħruġ u l-iskambju ta' fatturi elettroniċi għadhom fl-istadju inizjali. L-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni fil-fattura ser tikkontribwixxi biex tiġi faċilitata l-interoperabbiltà transkonfinali mixtieqa. Il-Kumitat madankollu jqis li l-iskadenzi previsti huma twal wisq u ma jaqdux l-għan ta' ġeneralizzazzjoni rapida tal-użu tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku, prattika li tista' tipproduċi effett kaskata fuq l-akkwist l-ieħor. |
4.2 |
Il-proposta mhijiex ambizzjuża biżżejjed peress li kulma tagħmel huwa li tipprojbixxi lill-korpi pubbliċi milli jirrifjutaw id-dokumenti mfassla skont l-istandard Ewropew. |
4.3 |
Fid-dawl tal-ammont tal-investiment fl-infrastruttura miftiehem mill-Istati Membri, hemm bżonn li l-istandardizzazzjoni ssir mill-aktar fis sabiex l-investiment li diġà sar ikollu redditu u jiġi evitat li jsir investiment ġdid li sadanittant ma jkunx konformi mal-istandard il-ġdid. |
4.4 |
Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ser jingħata mandat mill-Kummissjoni sabiex iwettaq il-ħidma ta' standardizzazzjoni. Il-KESE jqis li din il-ħidma għandha tibbaża fuq ir-riżultati miksuba mis-CEN fil-qafas tal-workshop "Business Interoperability Interfaces (BII)" li wassal għall-ħolqien ta' "profili standardizzati interoperabbli" kif ukoll fuq l-esperjenza tal-proġett PEPPOL (Pan-European Public Procurement Online - Akkwist Pubbliku Onlajn Pan-Ewropew) li fassal is-soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà meħtieġa għall-konnessjoni tal-pjattaformi li jeżistu diġà fl-Istati Membri. |
4.5 |
Fil-kuntest attwali ta' skarsezza ta' riżorsi finanzjarji, il-Kumitat jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni bil-għan li tiffinanzja u tappoġġja l-iżvilupp tal-infrastrutturi għall-akkwist pubbliku "minn tarf sa tarf" permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (6). Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi u t-tnaqqis tar-riżorsi disponibbli, minn EUR 9,2 biljun għal EUR 1 biljun biss, il-Kumitat jirrakkomanda li ma jiġix injorat l-investiment għat-tfassil ta' mekkaniżmi tal-akkwist elettroniku meta jkunu qed jiġu allokati r-riżorsi limitati. |
4.6 |
Is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" ma kienx biss ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, ta' min ifakkar lill-Istati Membri fir-rwol tagħhom sabiex din il-prattika ssir realtà. Il-Kummissjoni mhux biss għandha tagħti eżempju billi taqleb għall-akkwist elettroniku iżda, hija u twettaq il-poter ta' standardizzatur tagħha, għandha wkoll tgħin lill-Istati Membri billi xxerred il-prattiki tajba u tħeġġeġ l-istabbiliment ta' strateġiji nazzjonali bil-għan li tiġi implimentata sistema ta' akkwist pubbliku aċċessibbli għal kulħadd, sistema kkaratterizzata mill-interoperabbiltà u l-aċċess universali. Element importanti ieħor tar-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippubblika s-soluzzjonijiet ta' sorsi miftuħa (open source) li jeżistu. |
4.7 |
Il-Kummissjoni tħabbar it-tnedija ta' studju li l-għan tiegħu hu li jelenka l-aktar strateġiji effikaċi fir-rigward tal-akkwist elettroniku u tal-fatturar elettroniku fl-Ewropa sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jivvalutaw huma stess il-politiki tagħhom. It-tixrid tal-prattiki tajba huwa kemm importanti kif ukoll mixtieq. Diġà saru diversi studji u r-riżultati tagħhom ġew ippubblikati, bħal pereżempju r-rakkomandazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti dwar l-akkwist elettroniku, "The Golden Book of e-procurement" (Il-Ktieb tad-Deheb dwar l-Akkwist Elettroniku), (dawn l-istudji, għalkemm indipendenti, waslu għal konklużjonijiet simili) u r-rapport finali tal-proġett PEPPOL. Kull pajjiż għandu l-ispeċifiċitajiet tiegħu u għandu jiġi megħjun fit-tfassil tal-istrateġiji, iżda mhux bilfors permezz tal-pubblikazzjoni ta' studju ieħor; fil-fatt, dan il-mod ta' din il-proċedura jista' jkun kontroproduttiv, u saħansitra inutli. |
4.8 |
Il-Kumitat jilqa' l-opinjoni tal-Kummissjoni favur il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' ċertifikati elettroniċi permezz tal-Fajl tal-Kumpaniji Virtwali (Virtual Company Dossier - VCD) li saru fil-qafas tal-proġett PEPPOL, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jressqu d-dokumenti meħtieġa lil kwalunkwe intrapriża aġġudikanti fl-Ewropa kapaċi li tinterpretahom u li taċċettahom. |
4.9 |
Ta' min jilqa' wkoll l-intenzjoni li jiġu kkontrollati, fil-livell nazzjonali, l-ispejjeż marbuta mal-akkwist pubbliku kif ukoll l-indikaturi ta' prestazzjoni relatati. Hawnhekk ta' min isemmi l-eżempju tal-portal Portugiż "Base" (7) li diġà jippermetti li jiġu kkontrollati l-ispejjeż relatati mal-akkwist pubbliku u li jinkisbu diversi tipi ta' statistika. |
4.10 |
Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli l-possibbiltà li jiġi ffinanzjat il-ħolqien tal-programmi ta' taħriġ għall-intrapriżi billi jintużaw il-fondi strutturali għall-2014-2020 u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu megħjuna b'mod partikolari l-SMEs. Madankollu, m'għandux jiġi injorat it-taħriġ tas-settur pubbliku u t-tfassil ta' programmi ta' taħriġ li jippromovu l-użu effikaċi tal-metodi l-ġodda, virtwali u li jiswew anqas. Il-possibbiltà ta' finanzjament tal-infrastrutturi hija importanti wkoll u din m'għandhiex tiffoka biss fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iżda għandha tiffoka wkoll fuq l-atturi ekonomiċi. |
4.11 |
Kif diġà stqarr, il-Kumitat iqis li l-kwistjoni tal-interoperabbiltà u tal-aċċess universali hija ta' importanza assoluta u jilqa' b'mod favorevoli l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-sistemi tal-akkwist elettroniku. Apparti t-tħassib tiegħu dwar il-faċilità ta' aċċess għall-fornituri transkonfinali u l-SMEs, il-Kumitat jinsisti li jiġu kkunsidrati l-ostakli lingwistiċi u d-diffikultajiet ta' aċċess li jesperjenzaw il-persuni b'diżabbiltà u f'dan ir-rigward ifakkar fir-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' diżabbiltà stipulati fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà li ġiet irratifikata mill-Unjoni Ewropea. |
Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(2) L-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" jinvolvi l-użu tal-komunikazzjoni elettronika u l-ipproċessar elettroniku tat-tranżazzjonijiet ta' akkwist ta' beni u servizzi minn entitajiet tas-settur pubbliku fl-istadji kollha tal-akkwist pubbliku mill-fażi ta' qabel il-proċedura ta' aġġudikazzjoni (il-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi, l-aċċess għad-dokumenti pubbliċi, il-preżentazzjoni tal-proposti, l-evalwazzjoni tal-proposti u l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt) sal-fażi ta' wara l-aġġudikazzjoni (l-ordni, il-fatturar u l-ħlas).
(4) COM(2012) 179 final.
(5) Data tal-Eurostat 2013.
(6) ĠU C 143, 22.5.2012, p. 116-119.
(7) www.base.gov.pt