This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IE0188
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The current state of commercial relations between food suppliers and the large retail sector’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomku u Soċjali Ewropew dwar “L-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomku u Soċjali Ewropew dwar “L-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 133, 9.5.2013, p. 16–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 133/16 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomku u Soċjali Ewropew dwar “L-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2013/C 133/03
Relatur: M. Igor ŠARMÍR
Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(A) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Jannar 2013
Matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 79 vot favur, 6 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jinnota li l-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar jiffurmaw oligopolija fil-pajjiżi kollha. L-istatistiċi dwar il-preżenza tagħhom fis-suq juru li hemm għadd żgħir ta’ bejjiegħa bl-imnut li għandhom kontroll fuq il-parti l-kbira tas-suq. Fil-fehma tal-KESE din il-pożizzjoni ta’ oligopolija tagħti lill-kumpaniji li jiffurmawha saħħa enormi fin-negozjati mal-aġenti, b’mod li jistgħu jimponu kundizzjonijiet kummerċjali li m’huma bbilanċjati xejn. |
1.2 |
Il-KESE jinnota li l-kumpaniji li jiffurmaw l-oligopolija ma jikkompetux bejniethom ħlief biex jiġbdu l-konsumaturi. Huma jikkompetu bejniethom biex jiksbu lil dawn tal-aħħar, iżda rarijikkompetu bejniethom għall-aġenti. Fl-istess ħin, anke l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji biex jiġbdu l-konsumaturi sseħħ l-iktar fil-livell tal-prezzijiet għall-pubbliku u ma tagħtix każ biżżejjed tal-aspetti soċjali u ambjentali differenti li jiffurmaw il-kwalità globali (1). |
1.3 |
Il-KESE jinnota li l-qasam tal-ipprezzar u tal-marġni ta’ profitt għall-atturi differenti m’huwa ċar xejn. Fil-fatt minħabba fit-tnaqqis parzjali b’lura għall-aġenti (supplier rebates) li jagħmlu l-ħwienet il-kbar, il-prezz tax-xiri mogħti lill-aġent ma jirriflettix id-dħul reali li jsir fuq il-prodott. |
1.4 |
Il-KESE huwa konvint li ma teżistix libertà kuntrattwali f’sitwazzjoni li fiha l-parti kuntrattwali tista’ timponi l-kundizzjonijiet tagħha fuq l-imsieħba kummerċjali tagħha. Fil-fehma tal-KESE, il-prova tan-nuqqas ta’ libertà kuntrattwali ġenwina tinsab fl-użu ta’ prattiki abużivi u li jmorru kontra l-kompetizzjoni min-naħa tas-settur tal-ħwienet il-kbar fuq l-aġenti li jipprovdu l-prodotti tal-ikel. Il-prattiki abużivi ma jagħmlux ħsara lill-produtturi biss iżda anki lill-konsumaturi (l-aktar fit-tul). B’mod ġenerali, il-firxa attwali tal-fenomenu tal-prattiki abużivi jagħmel ħsara lill-interess pubbliku u b’mod partikolari lill-interess ekonomiku tal-Istati. |
1.5 |
Fil-fehma tal-KESE l-prattiki abużivi li huma l-aktar preokkupanti jseħħu biss fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel. Huma ma jseħħu la mill-industrija tal-ikel fil-konfront tal-bdiewa u l-anqas mis-settur tal-ħwienet il-kbar fir-rigward ta’ aġenti oħra għajr dawk li jfornu l-prodotti tal-ikel. |
1.6 |
Il-KESE jinnota li f’xi Stati Membri, l-isforzi tal-bdiewa u ta’ intrapriżi li jipproċessaw l-ikel biex jiffurmaw gruppi ta’ produtturi ġew penalizzati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni peress li s-saħħa ta’ dawn il-gruppi ġiet ivvalutata billi tqiset biss il-produzzjoni nazzjonali. |
1.7 |
Il-KESE jinnota l-falliment tas-suq peress li s-sitwazzjoni qed tkompli tmur lura f’sistema li ma hijiex regolata biżżejjed. |
1.8 |
Il-KESE jqis li l-awtoregolamentazzjoni mhijiex rimedju suffiċenti għad-distorsjonijiet li qed jiġu osservati. Mhux ser ikunu “l-kodiċi ta’ etika” li jreġġgħu l-bilanċ fir-relazzjonijiet kummerċjali kkonċernati. In-natura stess tal-prattiki abużivi titlob u tiġġustifika li dawn jiġu projbiti bil-liġi. |
1.9 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda tqis b’mod serju t-tema tal-oligopoliji, tistudja l-piż u l-influwenza vera tagħhom, tiddeċiedi b’liema mod l-effett tagħhom jista’ jitqabbel ma’ dak tal-monopolji u wara tibdel b’mod adatt il-prinċipji tar-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni. |
1.10 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex hija wkoll tagħraf in-nuqqas ta’ libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel. |
1.11 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi soluzzjonijiet li jwasslu għal sistema aktar trasparenti. L-ideal ikun li “t-tnaqqis parzjali b’lura” li jħaddem is-settur tal-ħwienet il-kbar isir “bil-quddiem”, biex dawn il-kumpaniji jiġu obbligati jdaħħlu l-ispejjeż tas-servizzi differenti li għalihom jitolbu ħlas mill-aġenti fil-prezz li bih jixtru l-prodott. B’hekk ikun jista’ jidher kemm l-aġent ikun irċieva fil-fatt għall-prodott tiegħu. |
1.12 |
Il-KESE jtlob lill-Kummissjoni tagħti struzzjonijiet ċari lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex fil-valutazzjoni tal-piż tan-negozjar tal-gruppi tal-produtturi, jitqies is-suq rilevanti, jiġifieri dak tal-prodotti alimentari kollha tal-istess kategorija offruti fis-suq tal-Istat ikkonċernat, u mhux biss ta’ dawk li ġew prodotti fil-pajjiż. |
1.13 |
Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tabbanduna immedjatament l-idea tal-awtoregolamentazzjoni u tipproponi test legali vinkolanti li jtejjeb is-sitwazzjoni fil-katina agroalimentari u jippromovi l-kompetizzjoni bla xkiel. Il-kunċett tar-regolamentazzjoni m’għandux ikun ibbażat fuq il-ħarsien tal-kompetizzjoni, iżda għandu jippermetti li l-Istat li l-interess ekonomiku tiegħu ikun mhedded, jaġixxi bħala kwerelant meta jkun hemm proċeduri amministrattivi jew legali. |
1.14 |
Fl-aħħar, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ liġijiet immirati lejn l-għażla soċjali u li jmorru lil hinn mis-sempliċi loġika tas-suq. B’hekk titwaqqaf it-tendenza ta’ konċentrazzjoni fis-settur tal-ħwienet il-kbar li kull ma jmur dejjem jiksbu iktar poter u jiġu promossi forom oħra ta’ kummerċ bħall-ħwienet iż-żgħar, is-swieq tradizzjonali jew il-bejgħ dirett mill-produtturi għall-konsumaturi. F’dan il-qafas, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tagħti attenzjoni speċjali lill-ktajjen ta’ distribuzzjoni aktar qosra fid-dokumenti li tħejji fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel. |
2. Għan
2.1 Żvilupp fil-perċezzjonijiet tas-settur tal-ħwienet il-kbar
Is-suġġett tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel qed iqajjem dejjem aktar interess u anke inkwiet. Għaxar snin ilu dan is-suġġett kien projbit mhux biss għall-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll għall-ħafna mill-ġurnalisti (2), minkejja li fi Franza, wieħed isib sforzi ta’ leġislazzjoni li jmorru lura sal-1992 u fir-Renju Unit, il-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni wettqet stħarriġ fl-1999 u l-2000 bil-konklużjoni li s-supermarkets jabbużaw mill-poter tagħhom ta’ xerrejja (dan it-terminu essenzjalment jirreferi għas-saħħa li x-xerrej għandu biex jikseb kundizzjonijiet ta’ xiri aktar favorevoli minn dawk possibbli f’suq li jkun kompetittiv għal kollox (3)). B’mod ġenerali, is-settur tal-ħwienet il-kbar kien ikkunsidrat bħala fenomenu utli għall-pubbliku, li minnu jgawdi kulħadd, u l-iżvilupp tiegħu kien qed jitqies bħala sinjal tal-istat tajjeb tal-ekonomija tal-pajjiż. L-awtoritajiet u l-mezzi tax-xandir kienu l-aktar jiġbdu l-attenzjoni lejn l-aspetti li bla dubju kienu pożittivi, l-aktar il-possibbiltà tal-konsumaturi li jixtru kważi kollox mill-istess post bi prezzijiet relattivament baxxi, kif ukoll il-faċilitajiet (pereżempju postijiet biżżejjed għall-parkeġġ) u s-servizzi proposti. Minn xi ħames snin ilu, bejn wieħed u ieħor, is-sitwazzjoni inbidlet b’mod radikali u l-istituzzjonijiet Ewropej ippubblikaw diversi dokumenti ta’ kritika dwar is-suġġett.
2.2 Il-pożizzjoni ta’ oligopolija fis-settur tal-ħwienet il-kbar
2.2.1 |
Is-settur tal-ħwienet il-kbar beda jiżviluppa b’mod mgħaġġel ftit aktar minn tletin sena ilu u dan l-iżvilupp kien marbut mill-qrib mal-proċess tal-globalizzazzjoni. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tas-soċjetajiet kummerċjali l-kbar li bħalissa jikkontrollaw is-suq tal-bejgħ bl-imnut, huma multinazzjonali. Huma jinsabu f’pożizzjoni bil-wisq aħjar minn dik tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, biex jisfruttaw il-kundizzjonijiet il-ġodda li rriżultaw mill-globalizzazzjoni. |
2.2.2 |
L-iżvilupp tal-multinazzjonali (fosthom is-settur tal-ħwienet il-kbar) spiss isir b’detriment għall-SMEs. F’ħafna oqsma, grupp żgħir ta’ soċjetajiet kbar u transnazzjonali jikkontrolla l-parti essenzjali tas-suq ikkonċernat. Barra mis-soċjetajiet il-kbar tal-bejgħ bl-imnut, dan japplika wkoll, pereżempju għall-industrija farmaċewtika u tal-ikel, kumpaniji taż-żrieragħ (4), kumpaniji li jirraffinaw iż-żejt, is-settur bankarju u oħrajn. F’ħafna mill-każijiet dawn il-multinazzjonali mhumiex monopolji, fl-istess suq huma għandhom il-kompetizzjoni ta’ multinazzjonali oħra u ta’ xi SMEs, u minħabba f’hekk ma jitqisux li jinsabu f’pożizzjoni dominanti (5). |
2.2.3 |
Il-kumpaniji l-kbar Ewropej tal-bejgħ bl-imnut huma attivi ħafna fil-konkwista tas-suq dinji. Il-kumpanija Ingliża Tesco, il-kumpaniji Franċiżi Auchan u Carrefour, il-multinazzjonali Ġermaniżi u Awstrijaċi Kaufland, Lidl, Metro jew Billa, kif ukoll il-kumpanija Olandiża Ahold jinsabu f’diversi pajjiżi. |
2.2.4 |
Ir-riżultat ta’ dan kollu huwa li grupp żgħir ta’ kumpaniji jikkontrolla b’mod effikaċi is-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel f’diversi pajjiżi. Pereżempju, fil-Ġermanja, erba’ kumpaniji, jikkontrollaw 85 % tas-suq; l-istess fir-Renju Unit, erba’ kumpaniji jikkontrollaw 76 % tas-suq fl-Awstrija, tliet kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut jikkontrollaw 82 % tas-suq Franċiż, l-istess bħall-Pajjiżi l-Baxxi, ħames kumpaniji jikkontrollaw 65 % tas-suq etc (6). Din is-sitwazzjoni twassal biex, minn naħa, l-ebda kumpanija ta’ ħwienet kbar ma tapplika għaliha d-definizzjoni uffiċjali ta’ pożizzjoni dominanti, filwaqt li min-naħa l-oħra, minn tlieta sa ħames kumpaniji kummerċjali jikkontrollaw il-parti essenzjali tas-suq u jiffurmaw oligopolju. |
2.2.5 |
M’hemmx dubju li l-membri ta’ dawn l-oligopoliji jikkompetu bejniethom biss għall-konsumaturi. Kompetizzjoni għall-aġenti ma tidher kważi mkien, speċjalment fil-każ tal-SMEs. Għall-kuntrarju tal-aġenti, li huma ħafna aktar numerużi, il-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar għandhom għażla kbira. Fi kliem ieħor, l-aġenti jridu jagħmlu sforz kbir u jċedu ħafna biex ikunu jistgħu jbiegħu filwaqt li x-xerrejja jagħżlu lil dawk li huma l-aktar “flessibbli” fil-kundizzjonijiet tagħhom. |
2.2.5.1 |
Madankollu, filwaqt li l-eżiġenza tal-produtturi għal sehem ġust mill-valur miżjud fil-qafas ta’ relazzjonijiet kummerċjali b’saħħithom u lejali mas-settur tal-ħwienet il-kbar hija ġusta, huma jridu xorta waħda jagħtu każ is-sinjali dwar l-aspettattivi tal-konsumaturi li dan is-settur iwasslilhom. Il-produttur ikun aktar b’saħħtu waqt in-negozjati jekk ikun kapaċi jiġġedded u jadatta għat-talba tal-konsumaturi fit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-prodott tiegħu. |
2.3 Prattiki abużivi
2.3.1 |
Bis-saħħa tal-poter tagħhom tal-akkwist, il-ħwienet il-kbar jistgħu jiddettaw il-kundizzjonijiet kuntrattwali, b’mod li spiss wieħed jista’ jitkellem dwar abbuż tal-poter tal-akkwist. Dawn il-kundizzjonijiet kuntrattwali jissejħu wkoll “prattiki abużivi” jew “prattiki inġusti” u f’diversi okkażjonijiet tħejjiet lista, mhux sħiħa, tagħhom. Barra milli ħoloq pressjoni permanenti fuq il-prezz tax-xiri (l-isfel), pagamenti li jsiru tard jew skadenzi twal iż-żejjed li fihom isir il-ħlas permezz tal-prattiki abużivi, is-settur tal-ħwienet il-kbar biddel għal kollox il-mudell klassiku ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenti u x-xerrejja. Biex nissimplifikaw ftit, wieħed jista’ jgħid li tradizzjonalment il-partijiet kuntrattwali kienu jaqblu fuq il-volum u l-prezz tal-merkanzija, kif ukoll fuq ħwejjeġ oħra meħtieġa, u mbagħad, l-aġent kien iwassal il-merkanzija u x-xerrej kien iħallas. Bil-wasla tas-settur tal-ħwienet il-kbar, dan il-mudell inqaleb ta’ taħt fuq. Illum l-aġenti, li jitħallsu dejjem anqas għall-prodotti tagħhom, huma obbligati li jħallsu dejjem aktar, jew li jikkumpensaw b’xi mod ieħor l-aċċess għas-servizzi li joffri x-xerrej. B’hekk dawk li jmisshom jirċievu l-ħlas jirċievu l-kontijiet! Għandu jiġi notat li s-settur tal-ħwienet il-kbar irnexxielu jimponi dan il-mudell il-ġdid, u llum huwa aċċettat b’mod ġenerali u ħadd, l-anqas l-awtoritajiet kompetenti, ma jiskanta. |
2.3.2 |
B’mod ġenerali, wieħed jista’ jgħid li l-prattiki abużivi l-aktar mifruxa jikkonċernaw żewġ aspetti fir-relazzjonijiet bejn l-aġent u x-xerrej (7). L-ewwel jirrigwarda t-trasferiment tal-ispejjeż kummerċjali mix-xerrej għall-aġent, jiġifieri l-ispejjeż tar-reklamar u tal-kummerċjalizzazzjoni, l-ispejjeż tat-tagħmir tal-ħwienet, tad-distribuzzjoni u tal-ġestjoni tal-ħwienet individwali. Il-bejjiegħa bl-imnut jirnexxielhom jagħmlu dan billi jimponu “ħlasijiet” differenti fuq l-aġenti, bħal pereżempju ħlas għall-inklużjoni fost il-prodotti għall-bejgħ (listing fees) jew għall-fuljetti tar-riklamar. It-tieni prattika abużiva hija li, il-kumpanija tal-ħwienet il-kbar jitrasferixxu l-ispejjeż tar-riskju kummerċjali tagħhom fuq l-aġent u dan iwassal għall-prattika ta’ aġġustament retrospettiv tal-prezz tax-xiri skont il-volum tal-bejgħ tal-prodotti lill-konsumaturi finali, b’mod li d-differenza bejn il-volum tal-bejgħ attwali u dak previst ibatiha kollha l-aġent. Dan jintlaħaq b’sistema kkumplikata li tiffissa l-prezz nett finali (tipi differenti ta’ bonuses fuq il-qligħ). Iż-żewġ mekkaniżmi jiddeformaw il-formola sempliċi tal-kummerċjalizzazzjoni li skontha l-ispejjeż tal-produzzjoni jkunu f’idejn il-produttur u l-ispejjeż kummerċjali f’idejn il-bejjiegħ. |
2.3.3 |
Dan il-mudell il-ġdid ta’ relazzjonijiet bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-aġenti tpoġġa bil-pretest tal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni kummerċjali aktar mill-qrib minħabba fil-kompetizzjoni aktar qawwija fis-suq tal-bejgħ bl-imnut. Skont ir-raġunament tal-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar, iż-żieda fil-bejgħ tal-prodotti tagħhom hija fl-interess tal-aġenti u għaldaqstant, huwa leġittimu għal kollox li huma jipparteċipaw finanzjarjament fl-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni. Minkejja li mhux kulħadd jaqbel ma’ din il-viżjoni, l-aġenti jkollhom jaċċettawha. Fl-istess waqt il-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar ma jiqfux hemm u din il-kooperazzjoni kummerċjali estiża twassal għal abbużi anke aktar skandalużi. Dan kemm għaliex il-kont għas-servizzi li jingħataw realment huwa għoli wisq kif ukoll għaliex ix-xerrejja joħorġu kontijiet għal servizzi li huma għal kollox fittizji. Din l-aħħar prattika tissejjaħ “ħruġ ta’ kontijiet bla kawża” peress li huwa ċar li huma nieqsa għal kollox minn kull kontroparti. Pereżempju, biżżejjed issemmi “il-ħlas għal kooperazzjoni stabbli”, “il-ħlas biex jiġi kalkulat il-kont”, “il-ħlas talli tħallas il-kont” jew “il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-festa tal-intrapriża”. Minkejja li dan jista’ jidher inkredibbli, il-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar filfatt bagħtu kontijiet għal dawn l-affarijiet lill-aġenti tal-prodotti tal-ikel tagħhom. |
2.3.3.1 |
Id-deputati Franċiżi identifikaw aktar minn 500 raġuni msemmija miċ-ċentri tax-xiri li għalihom jitolbu vantaġġi supplimentari mill-aġenti tagħhom (8). |
2.3.3.2 |
Fil-fehma tal-Konfederazzjni tal-Industriji Agroalimentari (FoodDrinkEurope) u l-Assoċjazzjoni tal-Industriji tad-Ditti, fl-2009, 84 % tal-aġenti Ewropej tas-settur tal-ħwienet il-kbar spiċċaw vittimi ta’ nuqqas ta’ rispett tat-termini kuntrattwali fl-2009; 77 % minnhom ġew mhedda li jiġu esklużi jekk ma’ jaċċettawx li jagħtu lill-kumpaniji vantaġġi mhux ġustifikati; 63 % kellhom tnaqqis fil-prezzijiet tagħhom mingħajr raġuni kummerċjali serja; 60 % minnhom ġew obbligati jagħmlu ħlasijiet bla ebda kontroparti reali. |
2.3.4 |
“It-tnaqqis parzjali b’lura” li s-settur tal-ħwienet il-kbar jikseb bil-kontijiet li joħroġ lill-aġenti jwassal biex is-sistema tal-ipprezzar ma tkun ċara xejn. La l-aġent u l-anqas l-osservaturi esterni ma jkunu jistgħu jistabbilixxu l-prezz reali tax-xiri. Il-prattika kummerċjali bażata fuq it-teknika ta’ “marġni tal-profitt doppju” toħloq problemi gravi lill-konsumaturi u lill-aġenti (9) Trid tiġi imposta sistema aktar trasparenti. |
2.4 Nuqqas ta’ libertà kuntrattwali reali
2.4.1 |
L-aġenti jaċċettaw din is-sistema mimlija żvantaġġi għalihom peress li m’għandhomx għażla. Ma jistgħux jgħaddu mingħajr is-settur tal-ħwienet il-kbar biex ibigħu l-prodotti tagħhom u għal din ir-raġuni, huma jibqgħu jiffirmaw kuntratti ta’ bejgħ minkejja li din il-kooperazzjoni tagħtihom marġini minimi ta’ profitt. Filfatt, il-prattiki abużivi li jħaddmu l-kumpaniji differenti huma kważi l-istess u b’hekk mhux possibbli li wieħed jiddeċiedi jekk jaqbillux jikkollabora ma’ waħda u mhux ma’ l-oħra. Ir-relazzjonijiet kummerċjali huma karatterizzati minn atmosfera ta’ biża’ (mit-tneħħija tal-prodott mill-lista tal-prodotti għall-bejgħ), ħaġa li hija rikonoxxuta wkoll mid-dokumenti uffiċjali (10). |
2.4.2 |
L-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali abużivi normalment meqjusa bħala prattika li mhix etika. Madankollu, fid-dawl tal-prattiki preżentati hawn fuq, din it-tikketta ma tidhirx suffiċjenti. F’sitwazzjoni li fiha l-kundizzjonijiet kummerċjali jiġu dettati mill-parti li hija l-aktar b’saħħitha u li fiha l-parti l-oħra m’għandiex il-possibbiltà reali li tirrifjutahom, huwa aktar adatt li wieħed jitkellem dwar rikatt jew estorsjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma tantx huwa l-każ li wieħed jitkellem dwar libertà kuntrattwali, li spiss jirreferu għaliha l-bejjiegħa bl-imnut u l-awtoritajiet kompetenti. L-istess kif wieħed ma jistax jissponi li teżisti libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet bejn il-monopolji naturali (provvedituri tal-elettriku jew tal-gass, eċċ.), minn naħa u l-konsumaturi min-naħa l-oħra, ikun żball li niddeskrivu r-relazzjonijiet bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel b’dan il-mod. |
2.5 Konsegwenzi u identifikazzjoni tal-vittmi tal-prattiki abużivi
2.5.1 |
L-użu ta’ prattiki abużivi mis-settur tal-ħwienet il-kbar għandu impatt ħażin fuq l-aġenti iżda anke fuq il-konsumaturi. L-aġenti, l-aktar il-produtturi ta’ daqs żgħir u medju spiss jiffaċċjaw sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna, li tista’ twassal għall-falliment tal-intrapriża, xi ħaġa li sseħħ minn żmien għall-ieħor. Il-kumpaniji l-kbar tal-prodotti tal-ikel jifilħu aktar għal din is-sitwazzjoni peress li huma jistgħu jpattu għall-qligħ baxx fuq kull prodott bl-ammonti kbar li jipprovdu. Barra minn hekk, dawn il-multinazzjonali tal-ikel għandhom huma wkoll poter pjuttost kbir fin-negozjar: il-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar ma jkunux iridu jibqgħu mingħajr il-prodotti tagħhom, u għaldaqstant ma jistgħux jitrattawhom bl-istess mod li bih jitrattaw l-SMEs. Ir-riżultat huwa li fi Franza, pereżempju, il-provvisti tal-gruppi tal-multinazzjonali l-kbar jiffurmaw minn 70 sa 80 % tan-negozju tal-ħwienet il-kbar (11). |
2.5.2 |
Fil-każ tal-konsumaturi, li fil-fehma tal-awtoritajiet kompetenti huma dawk li qed igawdu l-iktar minn din is-sistema, ir-realtà hija wisq inqas sabiħa minn kif titpinġa. Filfatt, diversi elementi jindikaw li l-użu ta’ prattiki abużivi fir-rigward tal-aġenti għandu impatt ħażin ukoll fuq il-konsumaturi. Minn naħa, il-konsumaturi mhux dejjem jibbenefikaw minn prezz tal-bejgħ baxx (12), u min-naħa l-oħra l-għażla qed issir aktar limitata, l-innovazzjonijiet qed jonqsu, il-kwalità ta’ ħafna prodotti tal-ikel qed tonqos minħabba fil-pressjoni kontinwa fuq il-prezz tax-xiri u l-prezz bl-imnut qed jogħla wkoll (13). |
2.5.2.1 |
Is-settur tal-ħwienet il-kbar għandu wkoll impatt soċjali kbir, peress li l-mod kif jaħdem xejjen ċerti tabujiet. Pereżempju, il-Ħadd m’għadux sagru daqs kemm kien qabel peress li l-hypermarkets u s-supermarkets jiftħu kuljum, saħansitra anke 24 siegħa kuljum, bil-konsegwenzi kollha fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
2.5.3 |
Barra mis-settur tal-ikel, il-fenomenu tas-settur tal-ħwienet il-kbar jirrigwarda diversi oqsma oħra. Madankollu, il-vittimi tal-prattiki abużivi huma l-aktar il-produtturi tal-prodotti tal-ikel. Ir-raġunijiet probabbilment huma diversi, waħda hija żgur l-għażla akbar ta’ żbokkijiet li għandhom produtturi oħra li ma jipproduċux ikel. Flimkien mas-supermarkets, il-produtturi tal-ħwejjeġ, ta’ apparat differenti tad-dar, tal-kotba jew tat-tagħmir sportiv għandhom netwerk ta’ ħwienet speċjalizzati. Għalhekk huwa leġittimu li wieħed jagħti attenzjoni speċjali lir-relazzjoni bejn is-settur tal-ħwienet il-kbar u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel. |
2.5.4 |
Il-prattiki abużivi jidhru li huma ferm aktar rari wkoll fir-relazzjonijiet bejn il-bdiewa u l-industrija tal-ikel minkejja li l-intrapriżi ta’ dan is-settur għandhom poter kbir bħala xerrejja. Filwaqt li n-negozjati dwar il-prezz tax-xiri huma spiss iebsin ħafna, kumpanija li jipproċessaw l-ikel normalment ma titlobx lill-fornitur tal-materja prima tagħha kontribut għax-xiri ta’ sistema ġdida tal-ibbottiljar. Mill-banda l-oħra, is-settur tal-ħwienet il-kbar, jistenna b’mod sistematiku li l-aġenti jħallsu għall-immodernizzar tal-ħwienet tiegħu jew għall-ftuħ ta’ ħwienet ġodda. |
2.5.5 |
Fil-qosor, il-parti l-kbira tal-prattiki abużivi li ssemmew ma jeżistux ħlief fil-qafas tar-relazzjoni bejn is-supermarkets u l-aġenti tal-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, minħabba fil-konsegwenzi tagħhom u l-fatt li huma mifruxin, dawn il-prattiki għandhom it-tielet vittma: l-interess ekonomiku tal-Istat. Għal uħud mill-aġenti, huwa impossibbli li jissodisfaw l-eżiġenzi tal-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar, u dan, flimkien ma’ diffikultajiet ekonomiċi qed iwasslu biex is-settur agroalimentari kollu kemm hu qed imur lura f’diversi pajjiżi. Xi Stati, li fi żminijiet oħra kienu awtosuffiċjenti fil-produzzjoni tal-ikel, tilfu s-sigurtà tal-ikel tagħhom, ħaġa li llum hija perikoluża ferm. |
2.6 Soluzzjonijiet possibbli
2.6.1 |
Minn xi żmien ’l hawn, l-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti kif ukoll l-istituzzjonijiet Ewropej bdew jikkritaw b’mod iktar konkret il-prattiki abużivi tas-settur tal-ħwienet il-kbar fir-rigward tal-aġenti. L-ewwel dokument, li kien kritiku ferm, ġie adottat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-2005 (14) Imma fuq kollox kienet id-Dikjarazzjoni bil-miktub tal-membri tal-Parlament Ewropew (15) iffirmata mill-maġġoranza tad-deputati f’Jannar 2008, li nediet dibattitu ġenwin dwar is-suġġett. Id-dikjarazzjoni ġiet segwita minn diversi dokumenti u studji ppubblikati mill-Kummissjoni, il-Parlament u l-KESE (16) |
2.6.1.1 |
In-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, li jgħaqqad flimkien il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fis-27 Stat Membru, ippubblika rapport b’segwitu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-titjib fit-tħaddim tal-katina tal-provvista alimentari. Il-komunikazzjoni appellat għal approċċ komuni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-qafas tan-Netwerk biex jiġu identifikati aħjar il-problemi endemiċi li huma speċifiċi għas-swieq tal-prodotti tal-ikel u jiġu koordinati malajr l-azzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni stabbiliet forum ta’ livell għoli dwar it-titjib tat-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel, li tibbaża fuq il-ħidma ta’ diversi pjattaformi ta’ esperti, fosthom dik dwar il-prattiki kuntrattwali bejn l-intrapriżi (business to business) inkarigata biex tidentifika l-metodu l-aktar adatt biex jiġu evitati prattiki inġusti. Fuq qbil bejn l-atturi kollha tul il-katina agroalimentari dwar il-prattiki bażiċi, il-pjattaforma ngħatat mandat biex toħloq kunsens dwar l-implimentazzjoni tagħhom. S’issa, il-partijiet kollha għadhom ma laħqux kompromess sodisfaċenti fil-qafas ta’ kodiċi volontarju. |
2.6.2 |
Is-sitwazzjoni saret politikament sensittiva u l-awtoritajiet huma mitluba li jaġixxu immedjatament. Sadanittant, ir-regolazzjoni li tirriżulta biss mill-forzi tas-suq falliet u llum rari titqies bħala l-aħjar soluzzjoni possibbli, peress li f’dawn l-aħħar deċenni, kkaratterizzati minn relazzjonijiet kummerċjali mhux regolati, il-problemi komplew jikbru. Fost is-soluzzjonijiet possibbli, hemm min jissuġġerixxi regolamentazzjoni jew awtoregolamentazzjoni jew l-iffurmar ta’ gruppi ta’ produtturi li s-saħħa tagħhom tista’ tibbilanċja l-poter tax-xiri tas-settur tal-ħwienet il-kbar. |
2.6.3 |
Il-kodiċi ta’ etika huma soluzzjoni hekk imsejħa “ratba”. Dawn iwasslu għal impenn volontarju li wieħed jastjeni mill-użu tal-prattiki li qed jiġu diskussi. L-awtoregolamentazzjoni ġiet adottata fir-Renju Unit, Spanja u l-Belġju. Ir-riżultati la huma sodisfaċenti u l-anqas konvinċenti. Barra minn nuqqas ta’ esperjenzi pożittivi fir-rigward tal-awtoregolamentazzjoni, il-kodiċi etiċi jqajjmu wkoll kwistjoni ta’ natura filososfika. Filfatt, fil-każ ta’ muntinazzjonali, liema etika qed tiġi kunsidrata? Dik tad-diriġenti, tal-azzjonisti jew tas-soċjetà stess? Is-sidien veri tal-multinazzjonali huma l-azzjonisti, li spiss huma anonimi u li għalihom il-fatt li għandhom l-ishma ma jfisser xejn għajr investiment purament finanzjarju. Huma mhumiex personalment responsabbli għall-imġieba tal-intrapriża u fl-aħħar mill-aħħar, l-użu ta’ prattiki abużivi. Għaldaqstant, fil-każ ta’ kumpanija ta’ ħwienet kbar, huwa diffiċli li l-etika titqies bħala referenza pertinenti. |
2.6.4 |
Il-Kummissjoni Ewropea, u korpi oħra, jirrakkomandaw b’qawwa lill-bdiewa u lill-SMEs, li jingħaqdu flimkien biex itejbu s-saħħa tagħhom fin-negozjati waqt il-laqgħat mal-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar. Fl-istess waqt, f’xi Stati Membri li fihom l-intrapriżi ngħaqdu b’dan il-mod, din l-inizjattiva ġiet penalizzata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bil-pretest li kien hemm “ftehim ta’ kartell”. Filfatt, fil-fehma tal-awtoritajiet lokali, il-parti tas-suq ikkontrollata minn dawn il-gruppi ta’ produtturi kienet kbira wisq; iżda huma qiesu biss il-produzzjoni domestika, u mhux il-prodotti li jiġu minn pajjiżi oħra. Għal raġuni li diffiċli tinftiehem, meta jiġu biex jiddeċiedu s-sehem tas-suq iddominat minn opreatur, dawn l-awtoritajiet m’għandhomx id-drawwa li jqisu s-suq kollu tal-prodotti offerti fis-suq nazzjonali. |
2.6.5 |
F’dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni, saru sforzi xi ftit jew wisq kuraġġużi f’diversi Stati Membri. Xi pajjiżi pprojbixxew ċerti prattiki (pereżempju l-projbizzjoni tal-bejgħ b’telf tinsab f’nofs l-Istati Membri); oħrajn adottaw liġijiet settorjali speċifiċi, pereżempju l-Ungerija, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Polonja, jew bidlu r-regoli tagħhom kif għamlu l-Latvja u Franza. Tul dawn l-aħħar snin, ġew adottati liġijiet marbutin mal-projbizzjoni ta’ prattiki abużivi min-naħa tas-settur tal-ħwienet il-kbar partikolarment minn diversi pajjiżi li kienu komunisti fl-Ewropa ċentrali u dik tal-Lvant. Probabbilment, ir-raġuni hija li s-sitwazzjoni f’dan ir-reġjun hija partikolarment preokkupanti. Fost affarijiet oħra, b’differenza tal-Punent tal-Ewropa, is-settur tal-ħwienet il-kbar hemmhekk huwa kważi għal kollox f’idejn kumpaniji barranin, li għandhom kuntatt privileġġjat mal-aġenti mill-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jew minn pajjiżi fejn huma kienu diġà stabbiliti. Ir-riżultat huwa li s-settur agroalimentari fir-reġjun qed imur lura. |
2.6.6 |
Huwa veru li l-infurzar ta’ dawn il-liġijiet mhuwiex faċli, l-aktar peress li l-aġenti vittimizzati jibżgħu jilmentaw għal raġunijiet ta’ sopravivenza. Madankollu, dawn il-liġijiet joffru risposta aktar adegwata mill-kodiċi tal-etika. Parzjalment dan għaliex il-prattiki abużivi ma jmorrux biss kontra l-etika, iżda huma wkoll inkompatibbli mal-prinċipji bażiċi tal-ġustizzja. Indipendentement mill-problemi marbutin mal-applikazzjoni, dan l-argument biss huwa biżżejjed biex naslu li nipprojbuhom bil-liġi. Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-isforz legali sistematiku diġà wassal għal xi riżultati fi Franza (17). |
2.6.7 |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eżistenza tal-problemi, iżda għalissa qed tippreferi l-awtoregolamentazzjoni u tikkritika l-frammentazzjoni fl-ispazju ġuridiku Ewropew. Fil-fatt, il-liġijiet adottati minn Stati Membri differenti mhumiex kompatibbli ħafna bejniethom. Fl-istess waqt, l-uniku mod li bih tista’ tingħeleb din il-frammentazzjoni u inkompatibbiltà ikun li jiġi adottat regolament vinkolanti Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda b’insistenza lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq il-ħidma meħtieġa f’dan ir-rigward. Għal raġunijiet prattiċi, jidher adatt li regolamentazzjoni Ewropea futura ma tkunx ibbażata fuq il-kunċett tal-ħarsien tal-kompetizzjoni, dan ifisser li l-aġenti, bħala vittimi jkollhom quddiemhom il-kumpaniji tal-ħwienet il-kbar fil-qrati. Jekk jiġi segwit il-mudell Franċiż, huwa l-Istat, li l-interess ekonomiku tiegħu ukoll qiegħed jiġi mhedded, li jrid jaġixxi ta’ kwerelant. Dan jagħmilha possibbli li jiġu evitati problemi li huma magħrufa ferm marbutin mal-biża’ tal-aġenti li jressqu lment. |
2.6.7.1 |
Din ir-regolamentazzjoni trid timponi kuntratti bil-miktub li jindikaw it-tul tal-kuntratt, il-kwantità u l-karatteristiċi tal-prodott mibjugħ, il-prezz, kif ser jitwassal il-prodott u l-metodi ta’ ħlas, b’piena li l-kuntratt jiġi dikjarat null. Il-ħlas irid isir fi żmien legali ta’ 30 ġurnata fil-każ ta’ prodotti bi skadenza qasira u ta’ 60 ġurnata għall-prodotti l-oħra, u f’każ kuntrarju tiġi imposta multa. Għandu jiġi pprojbit:
|
Brussell, 13 ta’ Frar 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE “Il-mudell agrikolu Komunitarju: kwalità tal-produzzjoni u komunikazzjoni lill-konsumaturi bħala fatturi ta’ kompetittività”, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 5-10.
(2) Wieħed mill-esperti rari li dak iż-żmien azzarda jitkellem pubblikament dwar l-abbuż tas-settur tal-ħwienet il-kbar kien Christian Jacquiau, awtur tal-ktieb Coulisse de la grande distribution (Wara l-kwinti tas-settur tal-ħwienet il-kbar) u tal-artiklu ppubblikat f’Le Monde diplomatique (Diċembru 2002 bit-titlu “Racket dans la grande distribution à la française” (Estorsjoni stil Franċiż fis-settur tal-ħwienet il-kbar).
(3) Consumers International, “The relationship between supermarkets and suppliers: What are the implications for consumers?” (Ir-relazzjoni bejn is-supermarkets u l-aġenti: X’inhuma l-implikazzjonijiet għall-konsumaturi?), 2012, p. 2.
(4) Fl-2009, 80 % tas-suq dinji taż-żrieragħ kien ikkontrollat minn madwar għaxar soċjetajiet, filwaqt li 25 sena qabel, l-għażla u l-bejgħ taż-żrieragħ kien isir minn mijjiet ta’ intrapriżi. L-istess jgħodd għall-prodotti agrokimiċi.
(5) British Institute of International and Comparative Law, “Models of Enforcement in Europe for Relations in the Food Supply Chain” (Mudelli ta’ tisħiħ fl-Ewropa għar-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista tal-ikel), 23 ta’ April 2012, p. 4.
(6) Consumers International, “The relationship between supermarkets and suppliers: What are the implications for consumers?” (Ir-relazzjoni bejn is-supermarkets u l-aġenti: X’inhuma l-implikazzjonijiet għall-konsumaturi?), 2012, p. 5.
(7) British Institute of International and Comparative Law, “Models of Enforcement in Europe for Relations in the Food Supply Chain” (Mudelli ta’ infurzar fl-Ewropa għar-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista tal-ikel), 23 ta’ April 2012, p. 4.
(8) Christian Jacquiau, “Racket dans la grande distribution à la française”, (Estorsjoni stil Franċiż fis-settur tal-ħwienet il-kbar) Le Monde diplomatique, Diċembru 2002, p 4 u 5.
(9) Opinjoni tal-KESE “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar ”ĠU C 48, 15.2.2011, p.145-149.
(10) Pereżempju r-rapport tal-Kummissjoni COM(2010)355 final, “Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni: lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020” p. 8 jew il-British Institute of International and Comparative Law, "Models of Enforcement in Europe for Relations in the Food Supply Chain” (Mudelli ta’ tisħiħ fl-Ewropa għar-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista tal-ikel), 23 ta’ April 2012, p. 3.
(11) Sgheri Marie-Sandrine, “La machine à broyer des PME” (It-tisħiq tal-SMEs), Le Point, Paris, nru 1957, 18 ta’ Marzu 2010, p 88 – 89.
(12) Pereżempju, fi żmien il-kriżi tal-ħalib fl-2009, is-supermarkets komplew għal xhur sħaħ ibigħu ħalib lill-konsumaturi bl-istess prezz ta’ qabel, minkejja r-roħs kbir fil-prezz tax-xiri mill-produtturi.
(13) Consumers International, "The relationship between supermarkets and suppliers: What are the implications for consumers?" (Ir-relazzjoni bejn is-supermarkets u l-aġenti: X’inhuma l-implikazzjonijiet għall-konsumaturi?), 2012, p. 12. kif ukoll l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 255, 14.10.2005, p. 48.
(14) Is-settur tal-ħwienet il-kbar - tendenzi u konsegwenzi għall-bdiewa u l-konsumaturi ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44-49 (mhux disponibbli bil-MT).
(15) Dikjarazzjoni bil-miktub nru. 0088/2007 dwar il-ħtieġa ta’ investigazzjoni dwar dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkits kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea.
(16) Opinjoni tal-KESE, “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”, ĠU C 48, 15.2.2011, pp.145-149.
(17) Skont id-DGCCRF, il-marġni b’lura tas-settur tal-ħwienet il-kbar naqas għal livell raġonevoli.