EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE2527

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti” COM(2012) 663 final

ĠU C 133, 9.5.2013, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti”

COM(2012) 663 final

2013/C 133/05

Relatur: is-Sur COULON

Nhar il-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti

COM(2012) 663 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Jannar 2013.

Matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’94 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li s-suq intern tal-enerġija hu opportunità biex jinkiseb benefiċċju mill-għażliet differenti fil-qasam tal-enerġija fl-Ewropa, u biex jiġi żgurat li s-suq b’mod globali jopera bl-aħjar mod possibbli – permezz tal-infrastrutturi interkonnessi – għall-benefiċċju tal-konsumaturi industrijali u domestiċi.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni sakemm l-għan tiegħu jkun li jitneħħew il-miżuri li jwaqqfu lill-konsumatur aħħari milli jibbenefika minn għażla varjata fil-qasam tal-enerġija.

1.3

Il-konsumatur għandu jerġa’ jitpoġġa fil-qalba ta’ kollox, u kull funzjonalità ġdida marbuta man-netwerks intelliġenti u l-arloġġi intelliġenti (“smart grids” u “smart meters”) għandha titfassal fl-interess tiegħu.

1.4

Jeżisti nuqqas sinifikanti ta’ informazzjoni dwar l-għanijiet u l-modalitajiet tas-suq intern tal-enerġija, u dan jista’ jingħeleb biss permezz ta’ kampanja kbira ta’ informazzjoni tal-Unjoni li titfassal flimkien mar-rappreżentanti kollha tas-soċjetà ċivili.

1.5

Il-ġlieda kontra l-faqar/prekarjetà fil-qasam tal-enerġija għandha tkun il-prijorità tal-politiki pubbliċi tal-Unjoni. Il-KESE jappella lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lil dan is-suġġett fis-summit Ewropew ta’ Mejju 2013 li hu ddedikat għall-enerġija.

2.   Is-suq intern tal-enerġija, suq li mhux perfett

2.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ġustament tappella minn qalbha biex is-suq intern tal-enerġija jopera tajjeb bil-għan li jintlaħaq l-objettiv stabbilit fi Frar 2011 mill-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE għall-2014. Dak iż-żmien saħqu fuq il-bżonn li sal-2014 jitwaqqaf suq intern tal-enerġija fejn kull konsumatur Ewropew ikun jista’ jagħżel b’mod totalment ħieles min ifornilu l-elettriku u l-gass.

2.2

Sa mill-1996 is-suq intern tal-elettriku u tal-gass inbena fuq l-idea doppja li kull konsumatur Ewropew jista’ jagħżel min ifornilu l-elettriku u l-gass (irrispettivament min-nazzjonalità tal-fornitur) permezz ta’ infrastruttura tal-enerġija li tkun indipendenti mill-produtturi, u li l-effiċjenza ta’ dan is-suq uniku jkollha effett tajjeb fuq il-prezzijiet tal-enerġija u tagħti sinjali dinamiċi u rilevanti għall-investimenti li għandhom isiru.

2.3

Sal-lum il-ġurnata din l-ambizzjoni għadha ma ntlaħqitx. Bis-saħħa tas-suq intern tal-enerġija, ċerti pajjiżi diġà setgħu joffru għażliet aktar flessibbli għall-konsumaturi u tariffi aktar kompetittivi, u b’hekk ittaffiet iż-żieda fil-prezzijiet minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġiji primarji. Hu ffaċilita wkoll it-twaqqif ta’ swieq tal-operaturi aktar fluwidi u trasparenti, u b’hekk saħħaħ is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni Ewropea. Fil-maġġorparti tal-Istati Membri, is-swieq tal-enerġija evolvew billi għaddew mill-monopolji (nazzjonali jew reġjonali) għall-oligopolji, dejjem nazzjonali jew reġjonali, fejn l-interferenzi u l-kompetizzjoni bejniethom kienu ftit ħafna.

2.4

L-għodod il-ġodda li nħolqu (swieq, akkoppjament tas-swieq, eċċ.) jinkludu biss ammonti ċkejknin, u l-parti l-kbira tal-kummerċ illum għadha tiġi organizzata l-aktar fil-livell nazzjonali. F’ċerti pajjiżi l-kompetizzjoni fil-produzzjoni tal-elettriku hija waħda ipotetika: fi tmien pajjiżi minn 27, 80 % tal-produzzjoni tal-elettriku hija kkontrollata mill-operaturi storiċi, u minħabba l-pożizzjoni dominanti (jew saħansitra esklużiva f’ċerti pajjiżi) tal-fornituri nazzjonali tal-gass, is-suq intern tal-gass għadu wkoll virtwali ħafna.

2.5

Għaldaqstant, illum is-suq intern tal-enerġija aktar qisu għadd ta’ prattiki, swieq u operaturi industrijali nazzjonali li joperaw flimkien filwaqt li japplikaw ir-regolamenti Ewropej differenti li ġew adotatti fl-aħħar kważi 20 sena taħt il-kontroll tar-regolaturi ta’ kull pajjiż u tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), milli spazju ekonomiku uniku li hu ta’ benefiċċju għall-industriji u l-konsumaturi Ewropej bis-saħħa ta’ kompetizzjoni reali. Madankollu, l-għażliet nazzjonali fil-qasam tal-enerġija għandhom impatt fuq il-prezzijiet tal-enerġija fil-pajjiżi ġirien, u d-deċiżjonijiet relatati ma jistgħux jiġu adottati b’mod unilaterali.

2.6

Il-prezzijiet użati huma affettwati minn distorsjoni minħabba ż-żieda ta’ taxxi lokali jew nazzjonali mhux ċari, asimetriċi u sikwit eċċessivi li f’ċerti każijiet żdiedu b’1 000 % fi 15-il sena, u ppenalizzaw bil-kbir lill-konsumatur domestiku u lill-industriji li jużaw ħafna elettriku. Il-politiki nazzjonali mhux koordinati li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli jirrikjedu, billi dawn l-enerġiji huma “fatali” u prijoritarji fin-netwerk, li s-suq Ewropew jitfassal mill-ġdid minnufih sabiex jiġi evitat li l-ġestjoni tas-sistema Ewropea tal-elettriku ssir aktar fraġli. Irrispettivament mill-enerġija kkonċernata, jeħtieġ li jkun hemm trasparenza sħiħa fil-politiki dwar is-sussidji (jew l-eżenzjonijiet) tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-atturi kollha tas-suq iġibu ruħhom b’mod ġust u li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiġu rispettati fil-qasam tal-enerġija.

2.7

Il-prattika mifruxa ta’ tariffi nazzjonali regolati ma tipprovdix is-sinjali dinamiċi tal-prezzijiet li jistgħu jinkoraġġixxu lill-konsumaturi biex inaqqsu l-konsum tagħhom u jikkontrollaw il-fattura tagħhom; u lanqas ma tiggarantixxi li jiġu koperti l-ispejjeż reali tal-provvista jew tal-produzzjoni tal-enerġija, u b’hekk iddgħajjef il-bilanċi tal-intrapriżi tal-enerġija u l-investimenti, sew fil-produzzjoni u sew fin-netwerks, li huma neċessarji fl-għexieren ta’ snin li ġejjin.

2.8

Minħabba n-nuqqas ta’ tagħlim, informazzjoni u trasparenza, fil-maġġoranza tal-każijiet iċ-ċittadin/konsumatur Ewropew għadu ma jifhimx l-għanijiet u l-modalitajiet tas-suq intern tal-enerġija. Filwaqt li s-suq tal-konsumaturi domestiċi ilu teoretikament miftuħ mill-1 ta’ Lulju 2007, il-persentaġġ baxx ta’ tibdil tal-fornituri f’ċerti pajjiżi tal-Unjoni huwa r-riżultat ta’ nuqqas kroniku ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-Istati, ir-regolaturi u l-operaturi industrijali.

3.   Il-linji ta’ prijorità sabiex jitlesta s-suq intern tal-enerġija

3.1

Fid-dawl tal-isfidi kbar li qed tiffaċċja l-Ewropa (kriżi ekonomika dinjija, tisħin globali, sigurtà tal-provvista, eċċ.), jeħtieġ li jkun hemm aktar trasparenza, flessibbiltà, skambju tal-enerġija u interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri sabiex jiġu xprunati l-benefiċċji evidenti f’termini ta’ effiċjenza u solidarjetà kif ukoll biex l-investimenti li jsiru jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

3.2

Il-KESE jappoġġja b’mod ċar l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea u jemmen li t-tlestija ta’ żona komuni tal-enerġija ġenwina għal 500 miljun konsumatur hija fattur essenzjali sabiex jerġa’ jkun hemm tkabbir fl-Ewropa u, barra minn hekk, għall-istabbiliment ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija. Il-KESE jemmen li għall-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u għall-ħolqien tal-impjiegi fi ħdanha, huwa essenzjali li jkun hemm enerġija abbundanti, kondiviża u kompetittiva. L-industrija Ewropea għandha bżonn prezzijiet tal-enerġija kompetittivi, sew biex tissopravivi u sew biex tkompli tiżviluppa.

3.3

F’dan il-kuntest għandu jiġi kkontrollat li lil hinn mill-applikazzjoni formali tar-regolamenti u d-direttivi adottati minn Diċembru 1996 ’l hawn, l-ispirtu tat-testi dwar is-suq intern tal-enerġija jiġi rispettat u li l-Istati Membri jippromovu kompetizzjoni ġenwina sew fil-livell reġjonali, sew f’dak nazzjoni u sew f’dak Ewropew. Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi li joħolqu aktar fluwidità fl-użu u l-effiċjenza tan-netwerks tat-trasport tal-enerġija billi tiġi aċċellarata l-istandardizzazzjoni, li hi meħtieġa għall-iżvilupp importanti tal-enerġiji rinnovabbli. Hu jaqbel mal-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija u l-akkoppjament tas-swieq, kif ukoll mal-kooperazzjonijiet multilaterali bħal pereżempju l-ħolqien ta’ Coreso (koordinazzjoni tan-netwerk tal-elettriku fl-Ewropa tal-Punent), il-bidu ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku Ewropea.

3.4

It-tariffi regolati, l-aktar għal raġunijiet politiċi nazzjonali, jagħmlu parti minn approċċ protezzjonista li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni; minħabba fihom ma tistax titqies l-ispiża reali tal-enerġija fl-imġiba tal-konsumaturi. Dawn it-tariffi jistgħu jiġu aċċettati b’mod temporanju biss fl-Istati Membri li jixtiquhom. Il-konsumaturi u l-investituri għandhom jirċievu sinjali tal-prezzijiet li jirriflettu l-evoluzzjoni reali tal-ispejjeż (inkluż s-CO2) sabiex jiggwidawhom fl-għażliet futuri tagħhom b’mod għaqli. Prezz tal-enerġija marbut mal-ispejjeż reali huwa wieħed mill-elementi biex jiġi kkontrollat aħjar il-konsum, u jagħmel parti minn evoluzzjoni neċessarja tal-konsumaturi li għandhom ikunu aktar attivi fil-mudell il-ġdid li qed jinbena.

3.5

Fl-istess ħin, jeħtieġ li tiġi ċċarata u eżaminata fil-fond it-taxxa fuq l-enerġija kemm fil-livell lokali kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tvarja ħafna fl-Unjoni. Fil-każ tal-elettriku, pereżempju, il-piż tat-tariffi u tal-VAT ivarja minn 4,7 % fir-Renju Unit sa 54,6 % fid-Danimarka, mingħajr ma jitqies il-kontenut tal-enerġija fl-elettriku prodott. Għalhekk, il-KESE jaqbel mal-inizjattivi tal-Kummissjoni favur tassazzjoni omoġenja u aktar intelliġenti tal-enerġija fl-Ewropa. Sabiex jinkisbu l-għanijiet 20/20/20 u l-emissjonijiet tas-CO2 jonqsu b’bejn 80 % u 95 % sal-2050, jinħtieġ qafas fiskali komuni li jorganizza l-piż tat-taxxa fuq l-enerġiji rinovabbli u l-enerġiji fossili fuq bażi oġġettiva u jinkludi, għal kull prodott, il-kontenut tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ CO2 tiegħu.

3.6

Il-faqar/prekarjetà fil-qasam tal-enerġija jikkonċerna lil 13 % tad-djar Ewropej, jiġifieri 65 miljun Ewropew, u ma jistax jiġi separat mill-bini ta’ suq intern tal-enerġija. Il-kompetizzjoni, li tinsab fost l-għanijiet inizjali, tista’ tiġi kkunsidrata biss fl-interess tal-konsumaturi kollha tal-Unjoni. Dan jimplika li ċ-ċittadin-konsumatur għandu jerġa’ jitpoġġa fil-qalba ta’ kollox, u li titfassal minnufih definizzjoni Ewropea tal-faqar tal-enerġija li tista’ twassal għal politiki nazzjonali ta’ appoġġ, bħal fil-każ tal-politika Ewropea dwar l-għajnuna reġjonali. L-Unjoni Ewropea għandha tiddistingwi bejn dawn il-politiki biex jiġi miġġieled il-faqar fil-qasam tal-enerġija, li huma neċessarji u urġenti, u l-prattiki tariffarji protezzjonisti li jmorru kontra l-ispirtu tas-suq intern. Il-KESE jissuġġerixxi li s-summit Ewropew li jmiss dwar l-enerġija, f’Mejju 2013, ikun iddedikat l-aktar għal din il-kwistjoni, u jippermetti li jitfassal servizz pubbliku Ewropew tal-enerġija.

3.7

Il-KESE jagħti prijorità lill-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-trasparenza fil-qasam tal-enerġija (1), sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet sew f’termini ekonomiċi u sew f’termini ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u sabiex jiġu ggwidati lejn l-inqas fornituri għaljin. L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel sforz importanti ta’ komunikazzjoni sabiex tispjega l-isfidi komuni u tipprovdi, b’mod sempliċi u konkret, l-informazzjoni essenzjali lill-konsumaturi Ewropej.

3.8

Il-KESE jemmen li l-involviment tal-konsumatur huwa indispensabbli għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-meters intelliġenti, sistema li tista’ ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, għad hemm ħafna punti mhux riżolti, bħal jekk il-benefiċċji potenzjali humiex iżjed mill-ispejjeż għall-konsumatur, kif ukoll kwistjonijiet marbuta mal-ħarsien tad-data. Dawn il-problemi għandhom jiġu solvuti kemm jista’ jkun malajr fl-interess ta’ dawk kollha li jużaw l-enerġija.

3.9

Is-suq Ewropew tal-enerġija ta’ għada m’għandux ikun iggwidat biss mil-loġika tal-provvista; għandu jinkoraġġixxi wkoll it-tnaqqis tal-konsum industrijali u domestiku filwaqt li jibbenefika mill-funzjonalitajiet ġodda marbutin man-netwerks intelliġenti u l-arloġġi intelliġenti. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja li fil-livell Ewropew jitfasslu mekkaniżmi tal-kapaċità koordinati li jistgħu jnaqqsu l-perjodi meta l-konsum jilħaq l-ogħla livell tiegħu, li jassiguraw l-operat tas-sistemi Ewropej tal-elettriku (b’mod partikolari f’perjodi meta l-konsum jilħaq l-ogħla livell tiegħu) u li jistimolaw it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku.

3.10

Il-KESE jappella bis-sħiħ li jsir dibattitu Ewropew ġenwin dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-isfidi u l-ispejjeż tagħha kif ukoll dwar l-organizzazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri. L-Ewropa ma tistax tkun l-addizzjoni ta’ 27 politika tal-enerġija li ġew adottati b’mod egoistiku. L-Unjoni għandha tkun kapaċi tevalwa r-riperkussjonijiet tal-għażliet li jsiru f’pajjiż fuq il-pajjiżi l-oħra. L-involviment tas-soċjetà ċivili huwa fundamentali f’dan ir-rigward. L-eżistenza ta’ forums differenti hija ħaġa tajba. Għandu jinfetaħ, b’mod partikolari fl-Istati Membri, djalogu Ewropew ġenwin dwar l-enerġija li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, b’konformità mad-dimensjoni Ewropea.

Brussell, 13 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 11-17.


Top