This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AP0461
Parliament's position on the 2012 draft budget as modified by the Council – all sections European Parliament resolution of 26 October 2011 on the draft general budget of the European Union for the financial year 2012 as modified by the Council – all sections (13110/2011 – C7-0247/2011 – 2011/2020(BUD)) and letters of amendment Nos 1/2012 (COM(2011)0372 and 2/2012 (COM(2011)0576) to the draft general budget of the European Union for the financial year 2012
Pożizzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz tal-baġit tal-2012 kif modifikat mill-Kunsill - it-taqsimiet kollha Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 26 ta' Ottubru 2011 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 kif modifikat mill-Kunsill – it-taqsimiet kollha (13110/2011 – C7-0247/2011 – 2011/2020(BUD)) u ittri ta' emenda Nri 1/2012 (COM(2011)0372) u 2/2012 (COM(2011)0576) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012
Pożizzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz tal-baġit tal-2012 kif modifikat mill-Kunsill - it-taqsimiet kollha Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 26 ta' Ottubru 2011 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 kif modifikat mill-Kunsill – it-taqsimiet kollha (13110/2011 – C7-0247/2011 – 2011/2020(BUD)) u ittri ta' emenda Nri 1/2012 (COM(2011)0372) u 2/2012 (COM(2011)0576) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012
ĠU C 131E, 8.5.2013, p. 142–155
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 131/142 |
L-Erbgħa 26 ta’ Ottubru 2011
Pożizzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz tal-baġit tal-2012 kif modifikat mill-Kunsill - it-taqsimiet kollha
P7_TA(2011)0461
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 kif modifikat mill-Kunsill – it-taqsimiet kollha (13110/2011 – C7-0247/2011 – 2011/2020(BUD)) u ittri ta' emenda Nri 1/2012 (COM(2011)0372) u 2/2012 (COM(2011)0576) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012
2013/C 131 E/22
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kumitat Ewropea tal-Enerġija Atomika, |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (3), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2012 (4), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2012 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju 2011 (COM(2011)0300), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2012 (6), |
— |
wara li kkunsidra l-Pożizzjoni dwar l-Abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Lulju 2011 (13110/2011 – C7-0247/2011), |
— |
wara li kkunsidra l-Ittri Emendatorji Nri 1/2012 u 2/2012 għall-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 ippreżentati mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ġunju 2011 u fis-16 ta' Settembru 2011 rispettivament, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 75b tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A7-0354/2011), |
TAQSIMA III
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. |
Ifakkar li l-promozzjoni ta' ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, li toħloq l-impjiegi u impjiegi ta' kwalità għolja permezz tat-twettiq tas-seba' inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 hija objettiv approvat b'mod konġunt tas-27 Stat Membru u tal-Istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija teħtieġ ammont kbir ta' investiment orjentat lejn il-futur sal-2020, investiment li hu stmat mill-Kummissjoni għal mhux anqas minn EUR 1 800 biljun fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ‧Ir-reviżjoni tal-Baġit tal-UE‧ (COM(2010)0700); jenfasizza, għalhekk, li investimenti meħtieġa – kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell tal-Istati Membri – iridu jsiru issa u ma jiddewmux aktar; |
2. |
Ifakkar li, bil-għan li l-Ewropa tingħata l-għajnuna biex tirkupra mill-kriżi u toħroġ minnha aktar b'saħħitha, l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv trid tkun fil-qalba tal-istrateġija baġitarja tal-UE għall-2012; |
3. |
Jinsab imħasseb sew, f'dan il-kuntest, li l-kriżi attwali rriżultat f'nuqqas f'daqqa fl-investiment pubbliku f'xi wħud minn dawn l-oqsma minħabba l-aġġustamenti li l-Istati Membri għamlu fil-baġits nazzjonali tagħhom; jitlob li nreġġgħu lura minn din it-tendenza u jemmen bis-sħiħ li l-investimenti jeħtieġu jiġu garantiti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali jekk l-UE, fit-totalità tagħha, trid twettaq l-istrateġija Ewropa 2020; huwa tal-fehma li l-baġit tal-UE għandu rwol sinifikanti xi jwettaq bħala strument ta' ingranaġġ għall-politiki ta' rkupru tal-Istati Membri billi jqanqal u jappoġġa l-investiment nazzjonali għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi u għandu jintuża għal dan il-għan; jenfasizza li dan huwa kompletament konformi mad-dinamika tas-Semestru Ewropew, li, bħala mekkaniżmu ġdid għall-governanza ekonomika Ewropea msaħħa, huwa intiż biex iżid il-konsistenza, is-sinerġiji u l-kumplimentaritajiet bejn l-UE u l-baġits nazzjonali fit-twettiq tal-objettivi li kien hemm ftehim konġunt fuqhom tal-Ewropa 2020; |
4. |
Ifakkar, għal darba oħra, li l-baġit tal-UE m'għandu bl-ebda mod jitqies u jiġi vvalutat bħala sempliċiment partita finanzjarja mdaħħla bħala piż fil-baġits nazzjonali, iżda, għall-kuntrarju, għandu jinftiehem bħala opportunità biex jiġu intensifikati dawk l-inizjattivi u l-investimenti li huma ta' interess u ta' valur miżjud għall-Unjoni kollha kemm hi, u li l-parti l-kbira tagħhom huma kodeċiżi mill-Parlament u mill-Kunsill u li allura għandhom leġittimità anke fil-livell nazzjonali; |
5. |
Itenni n-natura komplemenari tal-baġit tal-UE għall-baġits nazzjonali u l-impetu li joħloq għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi u jenfasizza li fid-dawl tan-natura stess tiegħu u tad-daqs limitat tiegħu ma għandux jiġi kontrollat u mrażżan permezz ta' tnaqqis arbitrarju iżda, bil-maqlub, jetħieġ li jissaħħew oqsma fil-mira; |
6. |
Jirrikonoxxi li hemm nuqqas kbir ta' fondi fl-UE, kemm fil-livell ta' Stati Membri kif ukoll tal-Unjoni; jenfasizza li l-programmi u l-infiq kollu għandhom ikunu analizzati bir-reqqa f'termini ta' vijabbiltà, effiċjenza u effikaċja billi tkun attribwita importanza reali għall-kunċett ta' valur tal-flus; |
7. |
Jirrimarka li l-marġni li hemm fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ma jippermettux spazju reali għal manuvra, speċjalment fis-subintestatura 1a u l-intestatura 4, u jnaqqsu l-kapaċità tal-Unjoni li tirreaġixxi għal bidliet politiċi u bżonnijiet mhux previsti filwaqt li żżomm il-prijoritajiet tagħha; jirrimarka li l-ambitu tal-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni jirrikjedi mezzi li jmorru lil hinn sew mil-limiti masimi attwali tal-MFF; ifakkar, f'dak ir-rigward, li l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti previsti fil-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba spiċċat biex saret inevitabbli minħabba d-diversi sfidi u prijoritajiet ġodda li nqalgħu, bħalma hi r-Rebbiegħa Għarbija ta' din is-sena u l-bżonn li jingħata spinta b'saħħitha lill-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 bħala mezz koordinat għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u soċjali ta' bħalissa; |
Pożizzjoni tal-Kunsill
8. |
Jiddispjaċih minħabba t-tnaqqis li sar mill-Kunsill fl-Abbozz ta' Baġit tal-Kummissjoni ta' EUR 1,59 biljun f'impenji (– 1,08 %) u ta' EUR 3,65 biljun fi ħlasijiet (– 2,75 %), li jwasslu għall-ammonti totali ta' EUR 146,25 biljun f'impenji (jew + 2,91 % meta mqabbel mal-Baġit tal-2011 (7)) u EUR 129,09 biljun fi ħlasijiet (+ 2,02 %) – li jridu jiġu mqabbla rispettivament ma' + 4,03 u + 4,91 % skont l-AB tal-Kummissjoni (inkluża l-Ittra Emendatorja Nru 1/2012); |
9. |
Jinnota li l-Kunsill ippropona tnaqqis għal diversi mijiet ta' linji baġitarji, filwaqt li ma ppropona lanqas rinforz wieħed; jenfasizza li dan it-tnaqqis lineari huwa mifrux fuq l-intestaturi kollha tal-Qafas Finanzjarju Munltiannwali, għalkemm mhux sal-istess livell; |
10. |
Jirrimarka wħud mill-inkoerenzi minn dawn il-miżuri ta' tnaqqis, meta mqabblin mal-pożizzjonijiet li ħa l-Kunsill dan l-aħħar, bħat-tnaqqis li għamel fl-abbozz ta' baġit tal-2012 dwar il-linji baġitarji li l-aġenziji li għadhom kemm inħolqu għas-superviżjoni finanzjarja u li imbotta għall-ħolqien tagħhom imma ma jidhirx lest jipprovdilhom il-mezzi finanzjarji neċessarji biex joperaw b'mod sodifaċenti; |
11. |
Jirrikonoxxi t-tħassib tal-Kunsill dwar il-limitazzjonijiet ekonomiċi u baġitarji fil-livell nazzjonali; jemmen li l-Unjoni għandha turi responsabbiltà baġitarja iżda jfakkar li skont dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-baġit tal-UE ma jistax ikun f'defiċit; u li l-baġit tal-UE jirrappreżenta 2 % tan-nefqa pubblika totali fl-Unjoni; |
12. |
Jiddeplora, f'dan il-kuntest u minkejja appelli preċedenti mill-Parlament, li l-Kunsill għamel tnaqqis orizzontali fil-baġit, filwaqt li ddeċieda fuq il-livell ġenerali tal-approprjazzjonijiet a priori, mingħajr ma qies kif dovut valutazzjoni eżatta tal-ħtiġijiet reali biex jintlaħqu l-objettivi u l-impenji politiċi miftiehma tal-Unjoni, u lanqas il-prijoritajiet tal-Parlament, kif ippreżentati fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-mandat għat-trilogu; |
13. |
Jisħaq li l-unika kunsiderazzjoni tar-rati ta' implimentazzjoni imgħoddija, flimkien mar-rati taż-żieda meta mqabbla mal-baġit tas-sena ta' qabel, bħala bażi biex jintgħażlu l-linji u l-ammonti li jridu jitnaqqsu hija approċċ li jħares lura li ma jippermettix, fil-kuntest ta' prrogrammazzjoni multiannwali, li jiġi rifless kif suppost l-aċċellerar tal-implimentazzjoni matul is-snin; |
14. |
Jinnotal li l-livell baxx ta' ħlasijiet propost mill-Kunsill ikun iwassal għal diskrepanza akbar bejn approprjazzjonijiet ta' ħlas u approprjazzjonijiet ta' impenn, li mekkanikament twassal għal żieda ta' impenji pendenti (RAL) fi tmiem is-sena, partikolarment fis-sottointestaturi 1a u 1b; iwissi, f'dan il-kuntest, dwar l-ammont diġà estremament kbir ta' RAL akkumulat tant viċin it-tmiem ta' dan l-MFF; |
Il-proposta tal-baġit tal-Parlament
15. |
Jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għal EUR 147 763,82 miljunu EUR 133 143,18 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' ħlas rispettivament, |
16. |
Ifakkar li l-politiki tal-Ewropa 2020 ġew identifikati mill-Parlament bħala wħud mill-prijoritajiet l-aktar importanti tiegħu (8) għall-baġit tal-2012 peress li huma partijiet essenzjali u neċessarji tal-istrateġija tal-UE għall-irkupru ekonomiku; jenfasizza li ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet għal numru magħżul ta' partiti baġitarji jaqdu kemm l-istrateġiji għal perjodu qasir ta' żmien kif ukoll dawk għal perjodu twil ta' żmien għall-futur tal-Unjoni; |
17. |
Iqis li l-livell ta' ħlasijiet propost mill-Kummissjoni huwa l-minimu bażiku għall-ħlasijiet, kif inhu msemmi f'diversi dikjarazzjonijiet mill-President Barroso u l-Kummissarju Lewandowski; ma jinsabx fiduċjuż li l-abbozz ta' dikjarazzjoni nru 1 tal-Kunsill dwar l-approprjazzjonijiet ta' ħlas li jimmiraw li jindirizzaw il-kwistjoni ta' ħtiġijiet possibbli ta' ħlasijiet addizzjonali huwa ta' xi għajnuna f'dan ir-rigward, partikolarment fid-dawl tal-esperjenza tal-bidu tal-2011, meta l-Kunsill inzerta sabha bi tqila li jonora d-dikjarazzjoni simili li beda hu stess għall-Baġit tal-2011; għalhekk jiddeċiedi wkoll li l-parti l-kbira tal-approprjazzjonijiet jerġa' jġibhom għal-livelli tal-AB aktar u aktar meta jitqies li t-tnaqqis min-naħa tal-Kunsill fil-ħlasijiet jaffettwa wkoll oqsma u linji baġitarji li jaqgħu taħt l-objettivi tal-UE 2020 b'mod partikolari s-subintestaturi 1a u 1b; |
Dwar is-subintestatura 1a
18. |
Ifakkar li s-subintestatura 1a hija l-intestatura ewlenija tal-MFF 2007-2013 f'dak li hu lħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, grazzi għall-kontribuzzjoni tagħha diretta jew indiretta għall-finanzjament tal-ħames objettivi primarji tagħha kollha kemm huma u għas-seba' inizjattivi l-aktar importanti; |
19. |
Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma jipproponux ġeneralment li jiġi xprunat – lil hinn minn dak li kien ippjanat fil-bidu nett – l-appoġġ għall-investimenti meħtieġa b'mod urġenti sabiex jiġu implimentati s-seba' inizjattivi l-aktar importanti, u jinnota li sfortunatament għandhom it-tendenza li jipposponu l-qabża l-kbir neċessarja f'dak li hu sforz finanzjarju komuni għall-MFF ta' wara l-2013; huwa konvint li din l-attitudni se tipperikola b'mod gravi l-ilħiq tal-objettivi primarji sal-2020; jipproponi għalhekk xi żidiet immirati fuq l-abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni f'ċerti oqsma fundamentali, speċifikament il-kompetittività u l-imprenditorija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja; |
20. |
Ifakkar li, bil-għan li jiġi ffinanzjat l-ITER, se jkun neċessarju li l-awtorità tal-baġit taqbel dwar reviżjoni tal-MFF 2007-2013; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2011 għall-finanzjament fl-2012 u l-2013 tal-EUR 1,3 biljun li huma nieqsa għall-ITER imma, f'konformità mal-esklużjoni tal-Kunsill ta' finanzjament addizzjonali għall-ITER mill-qari tal-baġit tiegħu, jinsisti li n-negozjati dwar l-ispejjeż addizzjonali tal-ITER huma skonnessi minn mal-proċedura baġitarja tal-2012; jesprimi madankollu d-disponibbiltà tiegħu li jsolvi l-kwistjoni tal-finanzjameni oħrajn meħtieġa għall-ITER sa tmiem l-2011 sabiex jiggarantixxi li l-istrutturi għall-fużjoni eżistenti tal-UE ma jdgħajfux ir-riżultat ta' stall fit-teħid tad-deċiżjonijiet; |
21. |
Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għal kull forma ta' riassenjazzjoni mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) kif propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett ta' finanzjament tal-ITER peress li din il-ħaġa tkun tipperikola l-implimentazzjoni b'suċċess tal-FP7 u tnaqqas b'mod sinifikanti l-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-ilħuq tal-objettivi primarji u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020; għalhekk jerġa' jġib l-FP7 kif kien għaċ-ċifri ta' programmazzjoni finanzjarja billi jżid EUR 100 miljun mal-linji baġitarji li ġew imnaqqsa mill-Kummissjoni; barra minn hekk jerġa' jġib kif kienu l-maġġoranza l-kbira tat-tnaqqis fil-ħlasijiet li saru fuq il-linji tal-FP7 mill-Kunsill (EUR 492 miljun), bil-ħsieb li jiġi evitat kull riskju ta' nonimplimentazzjoni ta' obbligi ġuridiċi eżistenti, li jistgħu jwasslu għal spejjeż addizzjonali minħabba li jkun hemm interessi ttardjati x'jitħallsu; |
22. |
Jiddeċiedi jkompli jżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenngħal linji magħżula tal-FP7 (Kapaċitajiet - Riċerka għall-benefiċċju tal-SMEs, Kooperazzjoni - Enerġija, Ideat, Persuni, Riċerka relatata mal-enerġija); iqis li dawn il-linji huma strumentali biex jiżguraw tkabbir u investimenti f'oqsma fundamentali li jinsabu fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020; jemmen li r-rata ta' implimentazzjoni attwali tal-FP7 sejra tiggarantixxi li dawn l-ammonti addizzjonali jistgħu jiġu integrati b'mod effikaċi fil-programmazzjoni finanzjarja ta' dawk il-programmi; |
23. |
Barra minn hekk ikompli jżid il-livell totali tal-approprjazzjonijiet ta' impenngħall-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP - Enerġija Intelliġenti u CIP - Imprenditorja u Innovazzjoni) meta mqabbel ma' dak li inizjalment ġie previst, ħalli b'hekk jirrealizza l-inizjattivi ewenin tal-istrateġija Ewropa 2020; jispera li din iż-żieda se tikkontribwixxi għat-titjib fl-aċċess tal-SMEs għal dan il-programm u għall-iżvilupp ta' programmi speċifiċi u mekkaniżmi finanzjarji innovattivi; ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-rwol ewlieni li għandhom l-SMEs li jagħtu spinta lill-ekonomija tal-UE u jappoġġa, b'mod partikolari, il-programm CIP-EIP bħala strument indispensabbli għall-irkupru mill-kriżi; |
24. |
Jiddeċiedi jintroduċi żieda importanti tal-approprjazzjonijiet ta' impenngħall-programm Tagħlim Tul il-Ħajja, minħabba l-valur miżjud Ewropew għoli tiegħu kif ukoll minħabba l-kontribut qawwi tiegħu għall-inizjattivi emblematiċi ‧Żgħażagħ Attivi‧ u ‧Unjoni tal-Innovazzjoni‧; jinsab konvint li dawn iż-żidiet jistgħu jkunu implimentati totalment peress li l-allokazzjoni finanzjarja addizzjonali għal dan il-programm, proposta mill-Parlament u adottata mill-awtorità baġitarja fil-baġit tal-2011, sal-lum ġiet eżegwita b'suċċess u dan wassal għal żieda fl-għadd ta' parteċipanti tiegħu; itenni l-impenn qawwi tiegħu favur il-programmi tal-UE fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni billi dawn jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jipproponi wkoll żieda ulterjuri fl-approprjazzjonijiet ta' impenngħall-programm Erasmus Mundus; |
25. |
Jiddeċiedi li jerġa' jġib kif kienu l-ħlasijiet tal-AB għal-linja tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u jtenni l-appell tiegħu għal aktar titjib fil-proċedura ta' mobilizzazzjoni tal-FED, bil-għan li tiġi aċċelerata l-assistenza fil-post; |
26. |
Jipproponi f'dak ir-rigward lill-fergħa l-oħra tal-awtorità tal-baġit il-mobilizzazzjoni tal-istrument ta' Flessibilità għal ammont ta' EUR 30,75 miljun taħt is-subintestatura 1a; |
Dwar is-subintestatura 1b
27. |
Jinnota li l-pożizzjoni tal-Kunsill ma timmodifikax il-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impenji, u jenfasizza li din il-pożizzjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta' impennhija konformi sew mal-allokazzjonijiet stipulati fl-MFF, meta jitqies l-aġġustament tekniku għall-qafas finanzjarju għall-2012, kif previst fil-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta' Mejju 2006; |
28. |
Ifakkar fir-rwol importanti li jwettqu l-politiki reġjonali u ta' koeżjoni favur l-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-irkupru ekonomiku tar-reġjuni Ewropej; jiddeplora l-approċċ restrittiv tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlasijiet, li ġew imnaqqsa b'madwar EUR 1,3 biljun meta mqabbla mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta' ħlasijiet għall-2012; jinnota li huma biss il-linja tal-objettiv tal-konverġenza u l-linja tal-assistenza teknika li baqgħu ma ntmessux mit-tnaqqis tal-Kunsill; ifakkar li dan it-tnaqqis japplikaw għall-allokazzjonijiet baġitarji li diġà kienu wisq aktar baxxi mill-estimi tal-Istati Membri stess (EUR 61 biljun għall-2012 jew madwar 50 % aktar mill-AB) u li kienu meqjusa b'mod ġenerali li kienu l-minimu bażiku biex jiġu onorati t-talbiet tal-ħlasijiet li ġejjin dalwaqt u li kienu konsistenti mal-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni; jinsab konvint li dan l-atteġġjament min-naħa tal-Kunsill huwa aktar u aktar inaċċettabbli billi l-Kummissjoni dan l-aħħar għamlet xi proposti konkreti biex tagħti spinta lill-ħlasijiet tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni f'dawk il-pajjiżi li l-aktar intlaqtu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali; jitlob valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni, bi proposti konkreti dwar il-mod kif jitnaqqsu l-RALs; |
29. |
Jitlob lill-Kummissjoni tagħraf ir-rwol kruċjali li għandhom il-livell lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; |
30. |
Għalhekk jerġa' jġib kif kien it-tnaqqis li għamel il-Kunsill fl-approprjazzjonijiet ta' ħlas għal-livell tal-AB; |
Dwar l-Intestatura 2
31. |
B'mod ġenerali jerġa' jġib kif kien it-tnaqqis li għamel il-Kunsill taħt l-intestatura 2 għal-livell ta' EUR 60 457,76 miljun, li huwa 3,07 % ogħla mill-baġit tal-2011; iqis li l-istimi tal-ħtiġijiet baġitarji tal-Kummissjoni huma aktar realistiċi mill-proposti tal-Kunsill, partikolarment fil-kuntest attwali ta' inċertezza ekonomika kbira u ta' instabbilità fis-swieq; |
32. |
Jirrimarka li l-ittra emendatorja tradizzjonali li tirrigwarda l-agrikoltura u li għandha tiġi ppreżentata fil-ħarifa tal-2011 se taġġusta l-istimi attwali għal valutazzjoni aktar preċiża tal-bżonnijiet reali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għall-aħħar livell tad-dħul assenjat disponibbli fl-2012 (il-korrezzjoni tal-approvazzjoni tal-konformità, l-irregolaritajiet u l-imposta speċjali tal-ħalib) li eventwalment se jistabbilixxi l-livell ta' approprjazzjonijiet ġodda li għandhom jiġu adottati fil-baġit tal-2012; jistima li l-bqija tal-marġni attwali (EUR 352,24 miljun) għandha tkun biżżejjed sabiex tkopri l-bżonnijiet taħt din l-intestatura fin-nuqqas ta' ċirkostanzi imprevisti; |
33. |
Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tiddefinixxi prijoritajiet ċari taħt din l-Intestatura favur sistemi ta’ biedja sostenibbli, li jippreservaw il-bijodiversità, jipproteġu r-riżorsi tal-ilma u l-fertilità tal-ħamrija, jirrispettaw il-benessri tal-annimali u l-impjiegi; jemmen li politika bħal din jista’ jkollha, bħala effett sekondarju pożittiv, il-prevenzjoni tal-kriżijiet bħat-tifrix tal-E.coli; |
34. |
Jirrifjuta ż-żieda tal-hekk imsejħa linja ta' nefqa negattiva (saldu tal-kontijiet) li madankollu tidher bħala tnaqqis artifiċjali tal-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet tal-intestatura 2; iqis madankollu li l-Istati Membri jistgħu jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jevalwaw l-effikaċja u l-affidabilità tas-sistemi nazzjonali tagħhom ta' superviżjoni u kontroll fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni, li tidher li hija stmata aktar milli fil-fatt hi; |
35. |
Jisħaq li huwa ċar li l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni u r-rispons fir-rigward tal-kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħaxix mhumiex biżżejjed u għalhekk jeħtieġ li tinstab soluzzjoni immedjata qabel ma tkun stabbilita l-PAK il-ġdida; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta konkreta lill-Parlament u lill-Kunsill bil-għan li tiggarantixxi żieda suffiċjenti fil-kontribut tal-Unjoni fil-fond għall-kriżi fi ħdan l-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi; jappella biex din iż-żieda sservi għal miżuri speċifiċi għal dawk il-produtturi milquta mill-kriżi tal-E. coli u għall-prevenzjoni ta' kriżijiet futuri; |
36. |
Jipprevedi appoġġ akbar għall-programm tal-ħalib fl-iskejjel u l-appoġġ ikkontinwat għall-programm li jikkonċerna l-frott fl-iskejjel; |
37. |
Isostni li l-allokazzjoni baġitarja ddedikata lill-Programm tad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fl-Unjoni li tagħti sostenn lil 18-il miljun ruħ bi problemi ta' nutrizzjoni ħażin fit-territorju tal-Unjoni; jilqa' favorevolment l-isforz reċenti li għamlet il-Kummissjoni (ara l-proposta emendata tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2011 għal regolament dwar dan is-suġġett (COM(2011)0634) maħsub biex isib soluzzjoni politika u ġuridika biex jiġi evitat tnaqqis drastiku fl-implimentazzjoni tal-programm fl-2012 u fl-2013; jistieden b'mod qawwi lill-Kunsill japprova mingħajr dewmien din il-proposta, speċjalment fid-dawl tal-qagħda soċjali diffiċli f'bosta Stati Membri b'segwitu għall-kriżi finanzjarja u ekonomika; |
38. |
Ikompli jappoġġja f'livell proporzjonat il-programm LIFE+, li jagħti prijorità unikament lill-proġetti ta' azzjoni ambjentali u klimatika; ifakkar għal darba oħra li l-problemi ambjentali u s-soluzzjonijiet tagħhom ma jirrikonoxxux fruntieri nazzjonali, u għalhekk il-fatt li jiġu ttrattati fil-livell tal-UE huwa evidenti minnu nnifsu; jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jtejbu b'mod sinfikanti l-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE; |
39. |
Jenfasizza li l-Politika Komuni tas-Sajd tibqa' prijorità politika importanti u żżomm il-finanzjament tagħha fil-livelli proposti tal-AB, minħabba r-riforma imminenti tagħha; huwa tal-opinjoni li l-finanzjament tal-politika marittima integrata ma għandux isir aspejjeż ta' azzjonijiet u programmi tas-sajd oħra taħt l-Intestatura 2; iqis li ġestjoni effikaċi tas-sajd hija ta' importanza kruċjali bil-għan li jiġu ppreservati l-istokkijiet tal-ħut u ma' jitħalliex li jsir sajd eċċessiv; jilqa' appoġġ addizzjonali għall-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-sajd il-ġodda. |
Dwar s-subintestatura 3a
40. |
Ifakkar fl-appell pressanti tiegħu għal reazzjoni xierqa u ekwilibrata għall-isfidi li hemm bħalissa fil-qasam tal-migrazzjoni u tas-solidarjetà, bil-ħsieb li ssir ġestjoni tal-migrazzjoni legali u titnaqqas il-migrazzjoni klandestina; jirrikonoxxi l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw tad-dritt tal- Unjoni stabbilit, jenfasizza l-bżonn għall-finanzjament u għodod ta' appoġġ suffiċjenti biex jittrattaw sitwazzjonijiet ta' emerġenza bi spirtu li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli ta' protezzjoni interni u d-drittijiet tal-bniedem u solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha; jappella, f'dan is-sens, għal żieda bilanċjata tal-approprjazzjonijiet tal-baġit fuq l-Abbozz ta' Baġit favur, minn naħa, il-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil, fid-dawl tal-kompiti dejjem ikbar tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati; jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet ta' impenngħal-livell tal-AB kemm għall-Fond Ewropew għar-Ritorn kif ukoll għall-Fond għall-Fruntieri Esterni; jemmen bil-qawwa li, fid-dawl tal-iżviluppi attwali, partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran u l-isfidi għas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal- Unjoni u l-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni, id-dotazzjoni xierqa ta' dawk il-fondi hija indispensabbli; |
41. |
Jiddeplora t-tnaqqis sinifikanti ppreżentat mill-Kunsill għal Frontex, il-Fond tal-Fruntieri Esterni u l-Fond Ewropew għar-Ritorn; jemmen bil-qawwa li, fid-dawl tal-iżviluppi attwali, partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran u l-isfidi għas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal- Unjoni u l-ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni, ir-rinfurzar ta' dawk il-fondi hu indispensabbli; |
42. |
Għandu l-ħsieb li, billi jerġa' jġib kif kienu l-approprjazzjonijiet tal-abbozz tal-baġit għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għall-prevenzjoni tat-terroriżmu f'konformità mal-programmazzjoni finanzjarja, javvanza iktar il-kooperazzjoni li kulma jmur aktar qed tkun meħtieġa f'oqsma bħalma huma l-istrateġija tas-sigurtà ċibernetika Ewropea, jew il-konfiska tal-assi tal-organizzazzjonijiet kriminali; |
43. |
Jidhirlu li l-programm Daphne ma kienx iffinanzjat biżżejjed s'issa u se jiżgura l-finanzjament xieraq tiegħu biex jittratta b'mod determinat il-ħtiġijiet rikonoxxuti fil-ġlieda kontra l-vjolenza lejn in-nisa; |
Dwar subintestatura 3b
44. |
Itenni li l-finanzjament għall-programmi, l-inizjattivi u l-korpi li huma orjentati lejn l-edukazzjoni għandu jiżdied minħabba l-kontribut tagħhom għat-tlestija għalkollox tal-inizjattivi emblematiċi tal-istrateġejia Ewropa 2020 "Żgħażagħ Attivi" u "Unjoni tal-Innovazzjoni"; għandu l-ħsieb b'mod partikolari li jkompli jżid aktar il-finanzjament għall-programm "Żgħażagħ fl-Azzjoni"; |
45. |
Jinsab konxju tal-importanza li ċ-ċittadini jkunu involuti fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u tal-ħajja politika b'perspettiva Ewropea, u jqis li hija ħasra li n-nefqa relatata maċ-ċittadinanza kellha titnaqqas mill-Kunsill; konsegwentement jerġa' jġib kif kienu l-ammonti tal-abbozz ta’ baġit; |
46. |
Jirrifjuta kwalunkwe tnaqqis aktar fil-finanzjament tal-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili peress li l-abbozz tal-baġit diġà huwa aktar baxx mill-programmazzjoni finanzjarja u l-protezzjoni ċivili hija kompetenza ġdida tal-Unjoni; konsegwentement jerġa' jġib kif kienu l-ammonti tal-abbozz tal-baġit; |
47. |
Fir-rigward tal-ispazji pubbliċi Ewropej, iqis li jridu jiġu ppreżentati lill-awtorità tal-baġit rapport ta' valutazzjoni u programm ta' ħidma kmieni biżżejjed biex jilħqu jingħaddu fil-proċedura baġitarja; jiddeċiedi li jżomm f'riżerva parti mill-approprjazzjonijiet tal-Kumunikazzjonijiet sakemm il-Kummissjoni turi r-rieda tagħha li ttejjeb il-kollaborazzjoni interistituzzjonali f'dan ir-rigward; |
48. |
Jistabbilixxi għadd ta' riżervi biex jintlaqgħu rapporti ta' valutazzjoni speċifiċi u impenn formali għal kooperazzjoni interistituzzjonali aktar mill-qrib; |
49. |
Jilqa' l-approprjazzjonijiet għall-Programm tas-Saħħa Pubblika li jikkumplimenta u jżid il-valur tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli bil-kampanja HELP għal ħajja mingħajr tabakk, fl-ambitu tal-programm tas-Saħħa Pubblika; |
Dwar l-intestatura 4
50. |
Itenni li, din is-sena aktar milli fl-imgħoddi, l-Intestatura 4 tal-baġit tal-2012 tal-UE hija sottofinanzjata u l-marġni disponibbli taħt l-istess intestatura huwa baxx wisq biex ilaħħaq maż-żieda fl-isfidi politiċi fil-viċinat tagħna u madwar id-dinja; |
51. |
Jilqa' r-rinforz tal-approprjazzjonijiet għall-Istrument tal-Viċinat, kif propost fl-Ittra Emendatorja Nru 1/2012, bħala li hu konformi mal-appoġġ tiegħu għal reazzjoni ċara u konsistenti tal-UE għall-iżviluppi politiċi u soċjali reċenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran u l-valur miżjud għad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-intern tal-UE u l-istrateġiji makroreġjonali; itenni madankollu b'mod ċar ħafna li tali għajnuna finanzjarja ma tista' bl-ebda mod tkun ta' detriment għall-prijoritajiet eżistenti; |
52. |
Iqis li, bil-għan li jiġi ffaċilitat ftehim fil-konċiljazzjoni mal-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja, jista’ jsir qbil dwar tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta' impenndwar diversi linji baġitarji u speċjalment dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni; fir-rigward ta’ din tal-aħħar, iqis il-livell ta’ approprjazzjonijiet li ġew ivvutati għall-baġit tal-2011 bħala xierqa, u jiddeċiedi li jemenda l-pożizzjoni tal-Kunsill f’dan is-sens; |
53. |
Jemmen li l-finanzjament miżjud għall-Palestina u l-UNRWA li huwa jipproponi huwa kruċjali biex jiġu żgurati aħjar is-sikurezza u l-għajxien tar-rifuġjati u l-isforzi li qed isiru bħalissa biex jiġi żgurat stat Palestinjan vijabbli; jitlob għal darb'oħra li jkun hemm strateġija ċara għall-Palestina, li tgħaqqad l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ma’ rwol politiku akbar għall-Unjoni fil-proċess ta' paċi fir-rigward taż-żewġ partijiet fil-kunflitt; |
54. |
Ifakkar li ż-żieda fil-ħtiġijiet fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Asja u mal-Amerika Latina għandha tiġi rikonoxxuta fil-baġit 2012; |
55. |
Jiddispjaċih li mhux il-ħtiġijiet kollha u l-prijoritajiet limitati kollha identifikati b’attenzjoni mill-kumitati speċjalizzati tiegħu setgħu jiġu ffinanzjati fil-limitu tal-MFF għall-Intestatura 4, u jqis il-qari tiegħu bħala l-minimu meħtieġ għal pożizzjoni kredibbli tal-Unjoni bħala attur globali; |
56. |
Jipproponi f’dak ir-rigward lill-fergħa l-oħra tal-awtorità tal-baġit il-mobilizzazzjoni tal-istrument ta’ Flessibilità għal ammont ta’ EUR 208,67 miljun taħt l-Intestatura 4; |
Dwar l-intestatura 5
57. |
Jirrifjuta l-pożizzjoni ġenerali tal-Kunsill dwar in-nefqa tal-Intestatura 5, li tikkonsisti fi tnaqqis ġenerali ta' madwar EUR 74 miljun, li minnhom EUR 33 miljun għall-Kummissjoni, li jirriżulta minn tnaqqis mifrux fil-baġit ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet; |
58. |
Jenfasizza li approċċ restrittiv bħal dan, filwaqt li jwassal għal iffrankar fuq żmien qasir għall-baġit tal-UE u għall-Istati Membri, jipperikola l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE, li fl-aħħar mill-aħħar hija ta' ħsara għaċ-ċittadini u għandha effett negattiv pospost fuq il-baġits nazzjonali; jenfasizza wkoll li l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom jingħataw riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom, speċjalment wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); |
59. |
Jinnota li dan it-tnaqqis intlaħaq permezz ta' żieda fl-hekk imsejħa rata ta' tnaqqis standard għall-persunal (postijiet mhux iffinanzjati) li tipprevjeni xi titjib fir-rati ta' okkupanza tal-organigrammi approvati mill-awtorità tal-baġit (permezz tal-impatt dirett tagħha fuq ir-reklutaġġi); jistagħġeb f’dan ir-rigward kif il-Kunsill jista' jistma l-livelli possibbli ta' persunal fis-servizzi tal-Kummissjoni b'aktar preċiżjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni nfushom; barra minn hekk jirrifjuta dak it-tnaqqis fuq partiti ta’ nefqa li għalihom il-Kummissjoni diġà pproponiet iffrankar nett fl-abbozzi tal-baġits tagħhom (pereżempu l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, studji u konsultazzjonijiet, tagħmir u għamara); |
60. |
Filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi kbar magħmula mill-Kummissjoni biex tiffriża n-nefqa amministrattiva tagħha f’termini nominali diġà fil-proposta tagħha tal-abbozz tal-baġit, jiddeċiedi li jerġa' jġib għal dak il-livell in-nefqa kollha tal-intestatura 5 fit-Taqsima III; |
61. |
Madankollu jistabbilixxi riżervi fuq ċerti linji amministrattivi, sakemm jittieħdu azzjonijiet speċifiċi, jingħata segwitu jew isiru proposti speċifiċi mill-Kummissjoni jew bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni addizzjonali; |
Dwar l-aġenziji
62. |
Japprova, bħala regola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji u jirrifjuta l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat it-tnaqqis arbitrarju u mifrux tal-Kunsill, meta mqabbla mal-2011; |
63. |
Iqis verament li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-aġenziji waqt il-proċedura baġitarja għandu jkun relatat aktar mill-qrib mal-proċess tal-ippjanar tax-xogħol u mal-kompiti tal-aġenziji, kemm-il darba ma jistgħux jiġu identifikati xi għejun preċiżi ta’ gwadann ta’ effiċjenza; F'dan ir-rigward iqis it-tnaqqis li sar lill-Frontex, li l-mandat tiegħu għadu kif ġie rivedut, bħala eżempu tipiku tal-iskonnessjoni kompleta operata mill-Kunsill bejn il-kompiti u l-attivitajiet tal-aġenziji - kif hemm imnaqqax mit-testi u r-rekwiżiti ġuridiċi - u r-riżorsi baġitarji allokati lilhom; |
64. |
Jaqbel b'mod ġenerali li l-bilanċi pożittivi tal-aġenziji għandhom jitqiesu meta jiġi stabbilit l-abbozz tal-baġit u jiġu ppreżentati b'mod ċar u trasparenti; madankollu jtenni li l-bilanċi pożittivi ta' aġenziji li huma parzjalment awtoffinanzjati għandhom ikunu eżentati minn din ir-regola ġenerali biex wieħed jaħseb għan-nuqqas ta' affidabilità tal-introjtu tagħhom; |
65. |
Barra minn hekk jiddeċiedi li jżid l-allokazzjoni tal-baġit tal-2012 għat-tliet aġenziji ta' superviżjoni finanzjarja l-ġodda bħala kwestjoni tal-akbar importanza fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali u għall-proċeduri tagħhom biex jibnu lilhom infushom; |
Dwar il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji
66. |
Jenfasizza li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, adottati f'numru limitat, tqiesu u ġew ivvalutati bir-reqqa, anke fid-dawl tal-ewwel valutazzjoni mill-Kummissjoni f'Lulju 2011, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' azzjonijiet li huma diġà koperti minn programmi eżistenti tal-UE; ifakkar li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji għandhom l-għan li jifformulaw prijoritajiet politiċi u li jintroduċu inizjattivi ġodda li jistgħu jsiru attivitajiet u programmi futuri tal-UE; |
TAQSIMIET I, II, IV, V, VI, VII, VIII, IX
Qafas Ġenerali
67. |
Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu adottata fir-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq tas-6 ta’ April 2011, li titlob li l-istituzzjonijiet kollha għandhom ifasslu l-baġits tagħhom fuq il-bażi ta’ ġestjoni soda u effiċjenti u jfittxu li jiffrankaw fejn ikun possibbli, f'konformità mal-ittra tal-Kummissarju Lewandowski tat-3 ta’ Frar 2011 li tistieden lil kull istituzzjoni tagħmel l-isforzi kollha possibbli bil-ħsieb li tillimita ż-żieda fin-nefqa għal anqas minn 1 % meta mqabbla mal-2011; |
68. |
Jagħraf l-isforzi li saru mill-istituzzjonijiet kollha li rriżultaw fi tnaqqis reali fil-baġits tagħhom stess; f’termini reali, it-tkabbir tal-baġit fl-istituzzjonijiet kollha huwa wieħed negattiv, minkejja l-kompetenzi ġodda, l-impjiegi, l-azzjonijiet u l-attivitajiet ġodda tagħhom li nħolqu bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; |
69. |
Jinnota li l-baġit għan-nefqa amministrattiva u operattiva mill-istituzzjonijiet kollha jirrappreżenta 5,59 % tal-baġit globali tal-UE, li l-Intestura 5 għandha marġni ta' EUR 497,9 miljun minnu; |
70. |
Jafferma mill-ġdid li miżuri ta’ ffrankar ma jistgħux jipperikolaw il-ħlas tas-salarji u l-pensjonijiet, il-manutenzjoni tal-bini u s-sigurtà peress li l-istituzzjonijiet irid ikollhom il-minimu u l-meħtieġ biex joperaw u li t-tnaqqis għandu jkun xieraq b’tali mod li l-istituzzjonijiet li jkunu laħqu l-limitu massimu tal-ammonti ffrankati ma jiġux ippenalizzati u barra minn hekk li l-ammonti ffrankati għandhom ikunu legali u jibqgħu jżommu l-effikaċja tagħhom fl-2012; |
Taqsima I - Il-Parlament Ewropew
Il-qafas ġenerali
71. |
Jirrimarka li l-attwalizzazzjoni attwalment ivvutata tal-baġit tal-2012 hija ta' 1,44 % meta mqabbla mal-2011 (mingħajr l-ittra emendatorja dwar il-Kroazja) billi l-Ittra Emendatorja dwar il-Kroazja se tiġi ttrattata fil-kumitat ta' konċiljazzjoni mal-Kunsill; jistenna li l-ispejjeż neċessarji għall-Kroazja se jiżdiedu; jistenna li l-attwalizzazzjoni finali tal-baġit 2012 għalhekk tkun 1,9 % (inkluża l-Kroazja) wara l-kumitat ta' konċiljazzjoni; 1,9 % hija l-iktar attwalizzazzjoni baxxa fi 12-il sena; u mingħajr l-ispejjeż għall-adeżjoni tal-Kroazja u t-tmintax-il MEP ġdid wara t-Trattat ta' Lisbona, hija biss 0,8 %; 0,8 % hija l-aktar żieda baxxa f'mill-inqas 15-il sena; fl-aħħar 15-il sena l-medja taż-żieda kienet ta' 4,5 %; minħabba r-rata attwali ta' inflazzjoni ta' 2,9 %, hemm tnaqqis reali fil-baġit 2012; minkejja l-kompetenzi l-ġodda, il-karigi, l-azzjonijiet u l-attivitajiet il-ġodda, li huma l-konsegwenzi tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament għamel tnaqqis reali; |
72. |
Jirrimarka li l-livell globali tal-Baġit 2012 tiegħu huwa EUR 1 710,1 miljun (inklużi t-tmintax-il MEP wara t-Trattat ta' Lisbona); dan jirrappreżenta tnaqqis nett ta' EUR 14,5 miljun meta mqabbel mal-Estimi u EUR 74,085 miljun meta mqabbel mal-proposti baġitarji inizjali qabel il-konċiljazzjoni mal-Bureau; |
73. |
Jirrimarka li l-baġit tal-2012 huwa baġit ta' konsolidament, li fih il-Parlament għamel sforz massimu biex jiffranka mingħajr ma jipperikola l-kwalità tal-ħidma u l-eċċellenza leġiżlattiva; dan il-baġit tal-2012 u l-baġit ta' wara għall-2013 huma r-referenza għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss; |
74. |
Itenni li l-iffrankar mistenni mil-linji baġitarji għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ma għandhomx ikunu ta' ħsara għall-prinċipju tal-multilingwiżmu fil-Parlament Ewropew u matul id-djalogi bejn istituzzjonijiet oħrajn; itenni li l-iffrankar se jiġi implimentat mingħajr ma jippreġudika d-dritt ta' kwalunkwe Membru li jitkellem waqt il-plenarja, il-kumitati, il-laqgħat tal-koordinaturi u t-trilogi fil-lingwa tiegħu; Il-Membri għandu jibqagħlhom ukoll id-dritt li jiktbu u jaqraw fil-lingwa tagħhom stess; |
75. |
Jemmen li fi żminijiet ta' diffikultajiet finanzjarji li qed jiżdiedu għal ħafna Ewropej u politiki ta' awsterità kontinwi, il-Parlament għandu jagħti eżempju ta' trażżin billi jnaqqas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu; Jitlob lill-Bureau joħloq il-kundizzjonijiet sabiex isir iffrankar ta' 5 % fit-tipi kollha ta' nfiq għall-ivvjaġġar inklużi d-delegazzjonijiet tal-kumitati u d-delegazzjonijiet interparlamentari filwaqt li jiġi rrispettat għalkollox l-Istatut tal-Membri u l-miżuri implimentattivi tiegħu; jemmen li tnaqqis fit-titjiriet fuq xogħol mill-Membri Parlamentari għandu jgħin sabiex jinkiseb iffrankar ta' din ix-xorta; jitlob li 15 % tal-approprjazzjoni għall-ivvjaġġar titqiegħed f'riżerva sakemm is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jagħmel rapport lill-Bureau u lill-Kumitat għall-Baġits sal-31 ta' Marzu 2012; jitlob li dan ir-rapport jeżamina l-fattibilità ta' miżuri biex tiġi żgurata l-akbar effiċjenza possibbli tal-ivvjaġġar tal-Membri bil-ħsieb li jsiru rakkomandazzjonijiet għal iffrankar potenzjali fil-baġit billi jitqiesu l-proposti u r-riżoluzzjonijiet kollha li l-Parlament diġà adotta dwar din il-kwistjoni, billi jkunu ppreżentati proposti li jnaqqsu l-għadd ta' titjiriet fi klassi “business”, li jinkoraġġixxu x-xiri ta' biljetti tal-ajru fi klassi ekonomika/ ekonomika flessibbli, li jiżguraw trattament xieraq tal-punti għal min itir b'mod frekwenti u li jirrevedu r-regoli tal-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru tal-Membri, b'mod partikulari nhar ta' Ġimgħa; jistenna li l-approprjazzjonijiet għall-ivvjaġġar jitnaqqsu fl-2012 u fis-snin ta' wara sa tmiem il-leġiżlatura; jissuġġerixxi li l-iffrankar magħmul miż-żjarat istituzzjonali għandu jqis li l-pluraliżmu jieħu preċedenza fuq il-proporzjonalità meta tiġi definita l-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet; |
76. |
Jirrimarka li l-baġit tal-2012 jinkludi nfiq li jirriżulta mit-tmintax-il Membru addizzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (EUR 10,6 miljun); |
77. |
Iżomm mal-pożizzjoni tiegħu li, fi kwalunkwe każ, politika ta' identifikazzjoni ta' ffrankar kull fejn ikun possibbli u tiftix kontinwu ta' riorganizzazzjoni u ridistribuzzjoni tar-riżorsi eżistenti huma elementi kruċjali tal-politika baġitarja tiegħu, speċjalment f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika; iqis għalhekk li tali ffrankar għall-baġit tal-2012 għandu jsir fil-kuntest aktar wiesa’ tal-fatt li bidliet strutturali jkollhom effetti fuq żmien itwal; it-tnaqqis li l-Parlament aċċetta jirrikjedu bidliet strutturali, li m' għandhomx jipperikolaw l-eċċellenza leġiżlattiva tal-Parlament; iqis li l-għan huwa li wieħed jikkonċentra fuq il-ħidma ċentrali tal-Parlament; iqis li l-iffrankar fl-interpretazzjoni u fit-traduzzjoni ma jpoġġix f'riskju l-prinċipju tal-multilingwiżmu, li madankollu huwa possibbli grazzi għall-innovazzjoni, ir-riorganizzazzjoni tal-istrutturi u metodi ġodda ta' ħidma; |
78. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni tajba bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau bbażata fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproċi; iqis li l-ftehim li sar fil-konċiljazzjoni fit-22 ta' Settembru 2011 u fil-kuntest tal-estimi (ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 adottata fil-plenarja b’479 vot favur) ma għandux jiġi kkontestat u l-ebda wieħed mill-elementi ta’ dak il-ftehim ma għandu jinfetaħ mill-ġdid jekk minn dakinhar ’il hawn ma seħħew l-ebda ċirkostanzi ġodda; |
79. |
Jinnota li l-allowance għall-infiq ġenerali hija ffriżata fil-livell tal-2011; jitlob lill-Bureau biex ma jindiċja l-ebda allowance tal-Membri (inkluża l-allowance "ta' kuljum"); |
80. |
Itenni li numru ta' riżervi ġew proposti matul in-negozjati baġitarji tal-Parlament; minkejja dan il-kompromess fil-konċiljazzjoni bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau, jitlob li l-mistoqsijiet sottostanti f'dawn ir-riżervi rigward il-baġit tal-Parlament jitwieġbu u jiġu spjegati b'mod trasparenti, billi tingħata informazzjoni ċara dwar il-ħtiġijiet tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, il-catering, it-tindif u l-manutenzjoni kif ukoll is-servizzi u l-faċilitajiet tal-ivvjaġġar, servizzi esterni oħra u dwar l-istruttura tal-prezzijiet u kwalunkwe sussidji applikabbli oħra għal dawn is-servizzi; |
Riżorsi umani
81. |
Japprova l-bidliet li ġejjin fl-organigramma:
|
82. |
Jiddeċiedi li japprova l-internalizzazzjoni tas-servizz ta' sigurtà, kif issuġġerit fl-Ittra Emendatorja, u, konsegwentement, li joħloq 29 post AST1 ġdid (26 AST1 u 3 AD5) fl-organigramma; |
83. |
Japprova l-miżuri li ġejjin li jinsabu fl-Ittra Emendatorja, li ġew ibbilanċjati b'iffrankar ieħor:
|
Politika tal-bini u tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni
84. |
Jemmen li l-politika tal-bini tal-Parlament tirrikjedi analiżi li ssir b'attenzjoni u li l-amministrazzjoni għandha tkompli tiżviluppa politika tal-bini f'kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Baġits; jitlob għalhekk li jinżamm infurmat fuq bażi regolari dwar l-iżviluppi l-ġodda għal proġetti tal-bini b'implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-baġit, bħal pereżempju l-bini tal-Konrad Adenauer; id-Dar tal-Istorja Ewropea u proġetti ta' bini/akkwist fil-postijiet ta' ħidma tal-Parlament; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-ħolqien ta' karigi ġodda relatati mal-pjan ta' tliet snin ta' DĠ INLO qabel ma jiġu approvati mill-amministrazzjoni; jitlob lill-amministrazzjoni tistabbilixxi ftehim ta’ servizz għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż rikorrenti mal-Kummissjoni, u ma' kwalunkwe istituzzjoni oħra li tkun tixtieq tuża l-faċilitajiet tad-Dar tal-Istorja Ewropea; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jikkoordinaw aħjar il-programmi tal-viżitaturi tagħhom bil-ħsieb li jisfruttaw is-sinerġiji, iżidu s-sodisfazzjon tal-viżitaturi u jaqsmu l-ispejjeż; jitlob lill-amministrazzjoni ttejjeb il-governanza tal-proġetti interistituzzjonali; |
85. |
Jindika li l-finanzjament għal persunal kuntrattwali ġdid sabiex tkun appoġġjata l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-proprjetà tal-Parlament, għandu jkun żgurat b'mod trasparenti tul is-snin baġitarji li jmiss; barra minn hekk, jitlob li jinżamm infurmat dwar kwalunkwe intenzjoni għall-ħolqien ta' karigi ġodda u dwar kwalunkwe żieda fl-approprjazzjonijiet relatati mal-politika tad-DĠ INLO qabel ma jiġu approvati mill-amministrazzjoni; |
86. |
Jemmen li l-proġett tad-Dar tal-Istorja Ewropea jirrikjedi kooperazzjoni attiva u kontribut finanzjarju mill-istituzzjonijiet l-oħrajn; jilqa' l-impenn tal-President tal-Kummissjoni espress f'ittra tiegħu tat-28 ta' Settembru 2011 li jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-proġett u jiżgura appoġġ għall-funzjonament tad-Dar tal-Istorja Ewropea; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 li titlob pjan ta' negozju li jistipula l-istrateġija tan-negozju fuq perjodu twil ta' żmien tad-Dar tal-Istorja Ewropea u jinnota li l-amministrazzjoni pprovdiet l-informazzjoni mitluba; itenni li d-deċiżjonijiet relatati mal-proġett għandhom ikunu suġġetti għal dibattitu miftuħ u djalogu li jħalli l-frott u għandhom jiżguraw proċess trasparenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob li jiġi infurmat malajr kemm jista' jkun dwar il-proġett tal-bini skont l-Artikolu 179(3) tar-Regolament Finanzjarju; jistieden lill-Bureau jiżgura li jkun hemm konformità stretta mal-pjan tal-ispejjeż li jinsab fil-pjan ta' negozju; |
87. |
Jemmen li, bil-ħsieb li jsir iffrankar għal perjodu twil ta' żmien, b'mod li l-organizzazzjoni ssir aktar moderna u effiċjenti, il-baġit tal-Parlament għandu jkun suġġett għal studju kumparattiv mal-baġits ta' kampjun rappreżentattiv tal-Istati Membri u mal-baġit tal-Kungress tal-Istati Uniti; |
Kwistjonijiet marbuta mal-ambjent
88. |
Jilqa’ l-istabbiliment ta’ inċentivi konkreti biex isir aktar użu ta’ mezzi ta’ trasport li jniġġsu anqas billi tiġi introdotta s-sistema tal-Jobcard ta’ 50 % fi Brussell; jirrimarka li r-riżerva fuq il-linji differenti għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiddependi wkoll mir-riżultat ta’ rapport mitlub mill-Bureau li jeżamina l-fattibilità ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-akbar effiċjenza possibbli tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal iffrankar baġitarju; |
89. |
Jitlob li jittieħdu aktar miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, tal-ilma u tal-karti bil-ħsieb li jsir iffrankar fil-baġit tal-Parlament; |
Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja
90. |
Jirrimarka li t-tnaqqis magħmul mill-Kunsill ikun iqiegħed lill-Qorti f’pożizzjoni fejn ma tkunx kapaċi twettaq dmirijietha kif suppost fil-kuntest ta' ammont ta' xogħol ġudizzjarju li qed jiżdied; għalhekk iddeċieda li jerġa' jġib l-AB parzjalment kif kien rigward l-approprjazzjonijiet dwar il-Membri, il-persunal u l-IT; |
Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri
91. |
Jinnota li l-Qorti qed tagħmel sforzi sinifikanti biex tirridistribwixxi persunal mis-servizzi ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' verifika biex tissodisfa d-domandi li qed jiżdiedu fuq l-istituzzjoni, kif ukoll qed tagħmel ekonomiji sostanzjali fin-nefqa amministrattiva tagħha; jinnota li l-Kunsill naqqas approprjazzjonijiet għas-salarji fuq il-bażi tal-livell baxx ta’ implimentazzjoni fl-2010; qed jistenna li l-implimentazzjoni għall-2011 tagħti prestazzjoni aħjar u għalhekk iddeċieda li jistabbilixxi mill-ġdid parzjalment l-AB; |
Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
92. |
Jirrimarka li xi tnaqqas introdott mill-Kunsill jipperikola l-funzjonijiet ewlenin tal-KESE u jqajjem dubji dwar il-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-obbligi legali tiegħu fir-rigward tal-persunal tiegħu; jiddeċiedi għalhekk li jerġa' jġib l-abbozz tal-baġit kif kien għall-approprjazzjonijiet disponibbli għall-Membri tal-KESE biex iwettqu l-attività ewlenija tal-istituzzjoni li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-livell tal-UE, li fil-livell ta' estimi prudenti għall-inflazzjoni effettivament ifisser iffriżar f'termini reali, li jerġa' jġib l-abbozz tal-baġit kif kien parzjalment għar-remunerazzjoni u l-allowances tal-persunal u li jerġa' jġib l-abbozz tal-baġit kif kien parzjalment għall-interpretazzjoni biex il-livell jinġieb lura għal dak tal-eżekuzzjoni fl-2009, li xorta waħda, meta jitqiesu ż-żidiet fir-rati għall-interpretazzjoni, ifisser tnaqqis f'termini reali; |
Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni
93. |
Jirrifjuta parzjalment it-tnaqqis li ddaħħal mill-Kunsill; iżid il-parti l-kbira tal-partiti kkonċernati minħabba li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet b’mod konsiderevoli għal anqas mil-livell tal-eżekuzzjoni tal-2010 u l-2011; jiddeċiedi għalhekk li jerġa' jġib kif kien l-abbozz tal-baġit bil-għan li jippermetti lill-istituzzjoni tippreserva l-livell ta’ attivitajiet politiċi tal-2011; |
Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew
94. |
Hu tal-fehma li l-approprjazzjonijiet għal din l-istituzzjoni diġà ġew imnaqqsa b’mod sinifikanti fuq dawn l-aħħar sentejn; għalhekk jerġa' jġib kif kien l-AB fuq il-parti l-kbira tal-linji; |
Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
95. |
Ħa veduta differenti mill-Kunsill u aċċetta l-ħolqien ta’ żewġ postijiet permanenti addizzjonali (1 AD9 u 1 AD6) fl-organigramma tal-KEPD minħabba l-kompiti l-ġodda għal din l-istituzzjoni kkonferiti lilha mill-Artikolu 16 TFUE peress li huwa l-kompitu tal-KEPD li jimmoniterja u jiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data personalijiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE); jaċċetta, biex jikkonforma mal-obbligi legali, il-promozzjoni tad-direttur tagħha minn AD14 għal AD15, għalkemm il-persunal tal-KEPD b’kollox jgħodd 43 post; |
96. |
Għall-istess raġuni ddeċieda li jerġa' jġib il-linji l-oħra lura kif kienu fl-AB; |
Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
97. |
Jinnota li s-SEAE bħala organizzazzjoni ġdida li tirrappreżenta ambizzjoni ewlenija Ewropea teħtieġ li jkollha biżżejjed mezzi; f'dan ir-rigward, l-approprjazzjonijiet għar-remunerazzjoni tal-persunal għall-2012 jeħtieġ li jqisu r-rati veri ta' postijiet battala fil-Ħarifa 2011; jistieden lis-SEAE joqgħod lura fir-rigward tal-ħolqien futur ta' karigi ta' livell għoli; jemmen li mod kif jintlaħaq dan ikun li l-Esperti Nazzjonali Sekondati (SNE) jiġu sostitwiti b'mod gradwali b'karigi permanenti għall-uffiċjali tal-Istati Membri; Jinnota li l-Esperti Nazzjonali Ssekondati mhux qed jingħaddu fit-terz tal-persunal tas-SEAE fil-livell ta' AD; madankollu, ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE li tgħid li "sal-iskadenza tal-kuntratt ta' SNE ttrasferit fis-SEAE skont l-artikolu 7, il-funzjoni tiġi konvertita f'kariga ta' aġent temporanju fejn il-funzjoni mwettqa mill-SNE tikkorrispondi għal funzjoni normalment imwettqa minn persunal fil-livell AD, sakemm il-kariga neċessarja tkun disponibbli skont l-organigramma"; barra minn hekk, jenfasizza li r-rekwiżiti operattivi għat-twaqqif tas-SEAE bis-sistemi tiegħu stess tat-teknoloġija tal-informazzjoni f'bini ġdid jeħtieġu li jiġu ffinanzjati; |
98. |
Jikkunsidra l-kjarifiki li waslu mis-SEAE fl-ittra mibgħuta mill-President tal-Kumitat għall-Baġits fit-30 ta' Settembru 2011 rigward is-sehem ta' uffiċjali tal-UE fl-organigramma, bi qbil mal-impenn meħud mill-VP/RGħ; għalhekk, jiddeċiedi li jerġa' jġib kif kienet l-organigramma tas-SEAE kif proposta fl-abbozz ta’ baġit tal-Kummissjoni, u jemmen li r-riżervi kollha relatati mar-reklutaġġ u t-twaqqif ta' delegazzjoni tal-UE fl-Emirati Għarab Magħquda għandhom jitneħħew; |
99. |
Huwa mħasseb dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill li jnaqqas l-abbozz tal-baġit tas-SEAE għall-2012 għal +2,25 %; ħa wkoll approċċ prudenti fuq iż-żidied minħabba l-kuntest finanzjarju ġenerali u jaċċetta parzjalment biss it-talbiet tas-SEAE; |
100. |
Jaċċetta l-emendi mitluba għall-organigramma tas-SEAE, notevolment bil-ħsieb li jissaħħu d-delegazzjonijiet; madankollu se jkompli jeżerċita viġilanza rigward il-kompożizzjoni tal-persunal tas-SEAE u l-konformità mal-obbligu statutarju li l-uffiċjali tal-UE jirrappreżentaw mill-inqas 60 % tal-persunal AD tas-SEAE; jitlob li s-SEAE jipprovdi rapporti regolari dwar din il-kwistjoni; jirrimarka li ż-żieda fil-ħtiġijiet baġitarji tas-SEAE hija riżultat ta' riallokazzjoni tal-kompetenzi li qabel kienu jitwettqu mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, u l-iżvilupp ta' ħtiġijiet sottovalutati bħall-ispejjeż tal-bidu, obbligi ġodda u kompiti attwalment imwettqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; |
*
* *
101. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati. |
(1) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0114.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0140.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0296.
(7) Inklużi l-Baġits Emendatorji 1sa 3/2011.
(8) Ara pereżempju r-riżoluzzjoni tal-Parlament għall-mandat tat-trilogu, kif adottata fit-23 ta' Ġunju 2011.