EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XE1157

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea”

ĠU C 48, 15.2.2011, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea”

2011/C 48/01

Matul is-sessjoni plenarja li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b’151 vot favur, 22 vot kontra u 28 astensjoni.

1.

Il-Kumitat jikkundanna bil-qawwi kull azzjoni diskriminatorja kontra r-Roma jew kontra kull grupp ta’ minoranza etnika.

2.

Il-KESE dejjem ħadem favur il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea u dejjem impenja ruħu kontra kull għamla ta’ diskriminazzjoni lejn il-minoranzi nazzjonali u kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-qafas regolatorju u politiku ta’ dawn l-isforzi, kif ukoll l-għodod maħsuba għall-implimentazzjoni tagħhom.

3.

Barra minn hekk, il-Kumitat dejjem appoġġja bis-sħiħ id-dritt għall-moviment ħieles u għas-soġġorn taċ-ċittadini Komunitarji kollha u tal-familji tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja.

4.

Il-Kumitat dejjem ħeġġeġ bis-sħiħ politiki attivi ta’ inklużjoni soċjali favur il-minoranzi u l-migranti, u b’mod partikolari favur ir-Roma.

5.

Il-KESE jixtieq ukoll jesprimi l-impenn tiegħu favur il-prinċipju tal-istat tad-dritt, li jsostni li r-responsabbiltà ta’ kull att, inklużi l-atti kriminali, għandha dejjem tibqa’ waħda individwali.

6.

Għaldaqstant, il-KESE, għad li huwa konxju li l-problemi marbuta mal-integrazzjoni tar-Roma jinsabu l-ewwel nett fil-livell tal-Istati Membri kkonċernati, jenfasizza r-responsabbiltà tal-UE fuq il-bażi tat-Trattat il-ġdid, u l-ħtieġa li tinstab tweġiba fil-livell tal-UE, kemm biex tingħata kunsiderazzjoni lill-ispefiċitajiet tal-popolazzjonijiet Roma kif ukoll biex jiġi żgurat trattament ugwali fit-territorju kollu tal-Unjoni.

7.

Il-Kumitat jappella b’mod attiv favur l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni Rom, bħalma huwa favur dik tal-minoranzi u l-migranti l-oħra, u jipproponi lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea jwaqqfu strateġija globali u konvinċenti vis-à-vis l-Istati Membri sabiex titwettaq integrazzjoni ġenwina msejsa fuq id-drittijiet u l-obbligi komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Din l-istrateġija għandha titfassal b’mod parteċipattiv permezz tal-involviment tal-komunitajiet Roma u għandha tiġi appoġġjata minn fondi sostanzjali u adegwati għall-isfidi kbar inkwistjoni.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


Top