EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE1186

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija: applikazzjoni, effikaċja u solidarjetà” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 48, 15.2.2011, p. 81–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija: applikazzjoni, effikaċja u solidarjetà” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/15

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-18 ta' Marzu 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija: applikazzjoni, effikaċja u solidarjetà

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tas-16 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’44 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Jeħtieġ li jissaħħu l-aspetti kollha tal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija fir-rigward tal-infrastruttura, is-sistema tal-akkwist pubbliku, il-funzjonament tajjeb tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jenfasizza li l-kwistjoni bażika hija l-bżonn li jiġu żviluppati infrastruttura tal-enerġija u n-netwerks trans-Ewropej bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern tal-enerġija.

B’mod aktar speċifiku, jeħtieġ li jiġu implimentati mekkaniżmi biex jiġu identifikati l-kriterji dwar kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet biex jiġu evitati differenzi serji u mhux ġustifikati, li sikwit ikunu bbażati, b’mod skorrett, fuq it-tip tal-enerġija użata, is-sorsi tal-provvista jew il-faċilitajiet ta' distribuzzjoni.

Bl-istess mod, għandhom jinħolqu kriterji u metodi għar-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija fl-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jkunu bbażati fuq aspetti ġeografiċi u klimatiċi, bħal pereżempju l-identifikazzjoni tal-ogħla perijodi ta' attività għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fotovoltajka, mir-riħ jew mill-marea.

1.1.1   Swieq tal-enerġija li jaħdmu tajjeb jeħtieġu trasparenza sabiex min jidħol ġdid fihom ikollu aċċess għan-netwerks tal-enerġija u l-konsumaturi. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet għandhom jevitaw imġiba li teskludi, l-isfruttament bla rażan u l-kollużjoni kummerċjali. Għaldaqstant, il-politika ta' kompetizzjoni għandha timmira li ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-konsumatur u tiżgura l-benesseri tiegħu filwaqt li tikkunsidra fatturi speċifiċi bħall-bżonn li jiġu ggarantiti s-sigurtà tal-provvista, it-trasport tal-enerġija u d-distribuzzjoni finali. Il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar is-servizzi universali u s-servizzi ta' interess ġenerali, fejn diġà ħa pożizzjoni stretta dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, u enfasizza l-bżonn ta' definizzjoni ċara tal-kunċett ta' servizz universali u l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar il-provvista tas-servizzi ta' interess ġenerali.

1.1.2   Fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti, l-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx jitħallew jabbużaw il-prerogattivi tagħhom billi jduru għal interpretazzjonijiet preġudikati tad-drittijiet sovrani previsti fl-Artikolu 194(2) tat-TFUE (1) huma u jiddeterminaw il-kundizzjonijiet onerużi jew diskriminatorji għall-aċċess għan-netwerks tat-trasport tal-gass naturali (2) jew għall-aċċess għan-netwerk ta' kummerċ transkonfinali tal-elettriku (3). Fil-qosor, l-UE għandha tieħu l-ikbar impenn istituzzjonali possibbli biex issaħħaħ u ttejjeb il-proċeduri li jiggarantixxu t-trasparenza tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku li jħallsu l-utenti industrijali finali (4).

1.1.3   F’dan il-kuntest, x’aktarx jerġa’ jiġi definit ir-rwol tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fis-suq intern. Fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona, dawn is-servizzi għandhom iwettqu b’mod aktar effettiv il-kompiti li jistgħu jiġu allokati lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali (5). Dan japplika b’mod partikolari għall-qasam tal-enerġija minħabba r-rwol ewlieni tas-servizzi provduti minn industriji ewlenin li jużaw netwerk.

1.1.4   Għaldaqstant, hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari huwa u jiġi stabbilit qafas legali li jibbilanċja d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali (ara Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 anness mat-TUE u t-TFUE u l-Artikolu 194(2) tat-TFUE) mal-libertà tal-kompetizzjoni fis-suq intern, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, mingħajr preġudizzju għall-poter tal-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (6), enfasizzat il-bżonn li dan ikun konformi mat-Trattati u li, fi kwalunkwe każ, l-eċċezzjonijiet possibbli għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (7) ibbażati fuq l-eżerċizzju intern tal-poteri f’dan il-qasam għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett (8).

2.   Introduzzjoni

2.1   Tul l-erbgħin sena li ġejjin, is-settur Ewropew tal-enerġija ser ikollu jindirizza għadd ta' sfidi li ser jirrikjedu bidliet fundamentali fil-provvista, it-trasmissjoni u l-konsum tal-enerġija. Biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta dwar it-tħejjija ta' strateġija ġdida tal-enerġija għall-perijodu 2011–2020 u għal pjan ta' azzjoni għall-2050. Il-Kumitat qed jaħdem fuq opinjoni dwar dawn iż-żewġ inizjattivi.

2.2   Biex tiżviluppa strateġija Ewropea sħiħa u komprensiva li tista’ tindirizza l-isfidi li ġejjin, huwa ċar li l-Unjoni Ewropea ser ikollha tuża bis-sħiħ il-kompetenzi ġodda fil-qasam tal-enerġija li ngħatawlha mit-Trattat ta' Lisbona u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jidħlu f’forma ta' kooperazzjoni u ta' kollobarazzjoni wiesgħa dwar sensiela ta' kwistjonijiet li legalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kompetenzi nazzjonali jew kondiviżi. Uħud mill-approċċi attwali jistgħu jirrikjedu aktar emendi għat-Trattati jew anke Trattat ġdid (pereżempju l-proposta ta' Jacques Delors għal Trattat ġdid li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija). Fi kwalunkwe każ, għall-għan ta' din l-opinjoni, ser jiġi indirizzat biss it-Trattat ta' Lisbona u dawk il-miżuri li huma neċessarji biex jiġi ggarantit li l-kompetenzi kondiviżi stabbiliti f’dak it-Trattat jiġu eżerċitati b’tali mod li tiġi żgurata enfasi sħiħa fuq u r-rispett tad-drittijiet tal-konsumatur u l-varji kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u lill-Istati Membri.

2.3   L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (9) jintroduċi bażi ġdida għal azzjoni sovranazzjonali b’rabta mal-enerġija, li madankollu hija soġġetta għal ċerti limitazzjonijiet imposti kemm mill-qafas regolatorju, fejn jiġu stabbiliti b’mod fiss u espliċitu mil-liġi primarja u istituzzjonali prevalenti, kif ukoll mill-koerenza futura tagħha ma' ċerti drittijiet li huma rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.4   Għalhekk, l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija – il-funzjonament tas-suq tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-effiċjenza, l-innovazzjoni u l-iffrankar tal-enerġija, l-interkonnessjoni tan-netwerks – jistgħu biss jinkisbu jekk ikunu konformi bis-sħiħ mal-funzjonament tas-suq intern u kompatibbli mal-protezzjoni ambjentali (Artikolu 194(1) tat-TFUE). Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed timpenja ruħha b’mod partikolari biex tikseb l-objettivi li ġejjin: l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-enerġija u l-aċċess għal enerġija bi prezzijiet aċċettabbli u kompetittivi għall-konsumaturi, u dan fid-dawl tal-fatt li l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-Ewropa fiha nnifisha mhijiex objettiv iżda pjuttost mezz essenzjali għall-ksib tal-għanijiet imsemmija.

2.5   Barra minn hekk, il-miżuri futuri li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni skont il-proċedura leġislattiva ordinarja għall-ksib ta' dawn l-objettivi mhux ser jippreġudikaw id-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttar tar-riżorsi tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu (Artikolu 194(2) tat-TFUE).

2.6   Din l-aħħar dispożizzjoni, li tirriżerva b’mod espliċitu oqsma ta' sovranità għall-Istati Membri, tiggrantilhom ukoll ambitu wiesa’, b’konformità mal-Artikolu 2(6) tat-TFUE (10), mingħajr ma tostakola l-azzjonijiet tagħhom milli jiġu ggwidati minn “spirtu ta' solidarjetà” b’konformità mal-Artikolu 194(1) tat-TFUE.

2.7   Peress li l-enerġija issa hija inkluża fost il-kompetenzi kondiviżi (punt (i) tal-Artikolu 4(2) tat-TFUE) u bil-għan li jiġu evitati kunflitti futuri potenzjali bejn l-interess ġenerali tal-Unjoni, l-interessi nazzjonali tal-Istati Membri (11), l-interessi speċifiċi tal-kumpaniji fis-settur tal-enerġija, id-drittijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-utenti, jeħtieġ li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew jieħu pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni.

2.8   Il-Kummissjoni fasslet pakkett ta' proposti fuq firxa wiesgħa bil-għan li tissodisfa l-impenji tal-Unjoni Ewropea sal-2020 fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-Parlament impenjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra b’20 %, jintroduċu kwota ta' 20 % għall-enerġija rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’20 %. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat regolament ġenerali ta' eżenzjoni ta' kategorija ġdid li jeżenta min-notifika l-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jekk dawn jissodisfaw ċerti kriterji.

2.9   Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati fl-Istrateġija ġdida dwar l-enerġija għall-Ewropa 2011–2020 tal-Kummissjoni jinkludu, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċess għas-servizzi tal-enerġija u l-impjiegi li jinħolqu mill-ekonomija b’livell baxx ta' karbonju, kif ukoll:

l-implimentazzjoni ta' politiki li diġà ġew approvati fil-pakketti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima u fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET);

il-pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-karbonju fis-settur tal-enerġija sal-2050;

l-innovazzjoni teknoloġika;

it-tisħiħ u l-koordinazzjoni tal-politika esterna;

it-tnaqqis tal-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija (pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija), b’mod partikolari l-bżonn li tiġi żviluppata infrastruttura tal-enerġija biex jiġu żgurati l-provvista u d-distribuzzjoni b’konformità mal-bżonnijiet tas-suq intern tal-enerġija.

2.10   Dawn il-miżuri tal-Kummissjoni, li uħud minnhom għad iridu jiġu adottati mill-Kunsill u l-Parlament, u l-implimentazzjoni futura tagħhom mill-Istati Membri (pereżempju d-distribuzzjoni tal-gass naturali, l-espansjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, u miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija applikati fis-settur tat-trasport u tal-kostruzzjoni, eċċ.) jirriflettu r-rieda li tiġi implimentata b’suċċess l-Istrateġija 2020.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Madankollu jeħtieġ li jiġu identifikati miżuri li, fin-nuqqas ta' bażi legali stabbilita b’mod espliċitu fit-Trattati, huma meħtieġa għall-ħolqien ta' politika ġenwina dwar l-enerġija fil-perijodu qasir, politika li hija adatta għall-isfidi li qed tiffaċċja l-UE fis-seklu 21. Ċerti inizjattivi rilevanti huma rrakkomandati bħal pereżempju dik ta' Jacques Delors biex ikun hemm Trattat li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija li tagħti lill-UE s-setgħa li tippromovi l-iżvilupp ta' aktar netwerks mtejba ta' infrastruttura transnazzjonali tal-enerġija, riżorsi konġunti u finanzjament għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, jew tagħti lin-negozji għodda biex joperaw b’mod konġunt fis-swieq internazzjonali tal-prodotti relatati mal-enerġija (12).

3.2   Fl-istess ħin, b’referenza għall-Artikolu 194 tat-TFUE msemmi hawn fuq, għandha titnieda diskussjoni dwar l-ambitu tat-tliet oqsma li ser jintlaqtu mill-politika pubblika fil-livell nazzjonali u sovranazzjonali, jiġifieri s-salvagwardja u l-iżvilupp tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, il-koerenza fl-applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali u ta' sigurtà tal-enerġija sovranazzjonali, u l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mat-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tat-trasport u tad-distribuzzjoni, l-interkonnessjoni tan-netwerks, is-sistema tal-akkwist pubbliku u d-drittijiet tal-konsumatur.

3.3   Id-drittijiet prinċipali li huma l-aktar rilevanti għall-miżuri futuri tal-UE fil-qasam tal-enerġija huma rikonoxxuti fis-sezzjonijiet li ġejjin tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: Titolu IV (Solidarjetà), Artikolu 36 (L-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali), Artikolu 37 (Protezzjoni tal-ambjent), u Artikolu 38 (Protezzjoni tal-konsumatur). Jeħtieġ li jitqiesu l-konsegwenzi potenzjali jekk l-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Protokoll Nru 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li flimkien mat-Trattat ta' Lisbona jwitti t-triq għas-sħubija tal-UE fil-Konvenzjoni.

3.3.1   Madankollu, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu prinċipji għal azzjoni formali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE, ma jirrikonoxxux b’mod espliċitu d-drittijiet soġġettivi (13) anke jekk fil-każ tal-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur hemm qafas legali sigur għas-salvagwardja tal-interessi individwali u l-hekk imsejħa interessi diffużi. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, anness mat-TUE u t-TFUE, żgur ser jgħin biex jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom aċċess għal sorsi differenti ta' konsum ta' enerġija, b’attenzjoni partikolari għaċ-ċirkostanzi tal-aktar sezzjonijiet żvantaġġati tas-soċjetà.

3.3.2   Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, wieħed jista’ jistenna li jkun hemm tensjonijiet legali bejn l-UE u l-Istati Membri minħabba d-distakk bejn il-kompitu sovranazzjonali tal-liberalizzazzjoni u/jew l-armonizzazzjoni tal-aspetti ewlenin tal-funzjonament tas-suq tal-enerġija fl-Ewropa u l-kompitu nazzjonali tal-protezzjoni tal-benesseri soċjali (14). Madankollu, il-Kummissjoni pjuttost temmen li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ser issaħħaħ is-sigurtà nazzjonali.

3.3.3   Fuq kollox dan ser jiġri peress li l-Karta, kif nafu, tistabbilixxi biss livelli minimi ta' protezzjoni għad-drittijiet u l-libertajiet li tirrikonoxxi (15) u hija soġġetta wkoll għar-restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tagħha fit-territorji ta' ċerti Stati Membri (16). Il-koeżjoni soċjali għandha tinżamm kemm jista’ jkun biex jiġu garantiti d-drittijiet tas-solidarjetà kemm fl-aċċess għall-enerġija għal dawk l-anqas vantaġġati fis-soċjetà f’termini ekonomiċi u għall-persuni vulnerabbli u b’diżabbiltà.

3.3.4   Dan huwa qabel kollox minħabba t-theddida ta' esklużjoni ta' ħafna sezzjonijiet tal-popolazzjoni mill-aċċess għall-enerġija u b’hekk jinħoloq il-faqar fl-enerġija b’riżultat tal-effetti qerrieda tal-kriżi ekonomika dinjija attwali fuq l-impjieg, f’termini ta' impjiegi li qed jintilfu, fuq il-ħaddiema, f’termini ta' aġġustament, u fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex iżommu s-servizzi soċjali.

3.4   It-tieni kwistjoni li jeħtieġ tiġi solvuta hija dik tal-koerenza bejn l-istrateġiji ta' sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u l-bżonn li tiġi garantita s-sigurtà tal-enerġija fil-livell sovranazzjonali.

3.4.1   Ir-rotot u s-sorsi tal-enerġija għall-Unjoni Ewropea għandhom jippromovu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni b’mod ġenerali u tal-Istati Membri b’mod individwali. Is-sigurtà tal-provvista tiddependi mill-evoluzzjoni tat-taħlita tal-karburant, mit-tendenzi tal-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi li qed jipprovduha, mill-investiment fil-faċilitajiet ta' ħżin u r-rotot ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea.

3.4.2   Peress li t-tieni punt tal-Artikolu 4 tat-TUE jirrikonoxxi s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali bħala “funzjoni essenzjali” tal-Istati Membri, li tagħtihom b’mod espliċitu kompetenza esklużiva f’dan il-qasam, ser ikun hemm bżonn li jiġu stabbiliti oqsma ta' kooperazzjoni politika u leġislattiva bejn l-UE u l-Istati Membri bil-għan li jinkisbu sinerġiji u komplementarjetajiet b’konformità mal-Artikolu 194(1) tat-TFUE.

3.4.3   Għal dan il-għan, għandhom jiġu analizzati metodi kif tissaħħaħ il-bażi istituzzjonali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (17) li r-rwol tagħha huwa li tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattika u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji u l-partijiet interessati ekonomiċi, li toħroġ opinjonijiet dwar il-konformità ta' kwalunkwe deċiżjoni adottata mir-regolaturi nazzjonali b’obbligi sovranazzjonali u f’ċerti każijiet tiddeċiedi dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-aċċess u s-sigurtà operattiva tal-infrastrutturi tal-elettriku u tal-gass li jgħaqqdu tal-anqas żewġ Stati Membri. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, taħt is-superviżjoni tal-Aġenzija. Madankollu, kwalunkwe żieda jew bidla fir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu fi ħdan il-limiti ġenerali stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari kif stabbilit fis-sentenza Meroni (18).

3.4.4   L-għan għandu jkun li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija – liema regoli tfasslu u ġew adottati qabel l-Artikolu 4(2) tat-TUE imsemmi hawn fuq u li jinkludu miżuri strettament sovranazzjonali (19), kif ukoll dawk li jaqgħu taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-pożizzjonijiet ad hoc tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija (20) u l-konformità tagħhom ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta Ewropea dwar l-Enerġija dwar l-użu tal-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija u t-transitu ta' materjali u prodotti tal-enerġija (21).

3.4.5   Biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fost l-Istati Membri f’każ ta' emerġenza Komunitarja u b’mod partikolari biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri li jinsabu f’kundizzjonijiet ġeografiċi jew ġeoloġiċi anqas favorevoli, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu azzjoni preventiva konġunta jew pjani ta' emerġenza fil-livell sovranazzjonali u anke transnazzjonali. Dawn il-pjani għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari u ppubblikati. Fil-futur, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Strutturali jistgħu jkunu sors ta' appoġġ finanzjarju għal dawn il-pjani.

3.4.6   Bil-għan li jiġi żgurat li dawn l-objettivi jinkisbu, tajjeb li jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun, abbażi tal-Artikolu 122 jew 194 tat-TFUE, miżuri li jirregolaw il-provvista ta' ċerti prodotti tal-enerġija f’każ ta' diffikulatjiet serji li jolqtu lill-Istati Membri u miżuri li jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri milquta minn katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali. Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jintuża l-Artikolu 149 tat-TFUE bħala għodda addizzjonali biex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq, sakemm dan ikun xieraq fiċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirrikjedu l-adozzjoni ta' miżuri sovranazzjonali.

3.4.7   Fid-dawl tal-isfidi u l-objettivi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-enerġija, jidher li jeħtieġ servizz pubbliku Ewropew fil-qasam tal-enerġija li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ikun responsabbli, fost affarijiet oħra, għat-tfassil ta' reġistru pubbliku tat-tendenzi tal-konsum tal-enerġija fl-Istati Membri, it-tipi ta' enerġija li tintuża f’kull pajjiż, il-miżuri biex jiġu evitati d-diżastri b’riżultat tal-użu u t-trasport tal-enerġija, u l-koordinazzjoni tal-protezzjoni ċivili f’dan ir-rigward.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-qafas legali sovranazzjonali bħalissa huwa stabbilit mid-Direttiva 2004/17/KE tal-PE u tal-Kunsill, 31.3.2004 (ĠU L 134) kif emendata mid-Direttiva 2005/51/KE (ĠU L 257) u r-Regolament 2038/2005/KE (ĠU L 333).

(2)  Fl-interess li tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni, il-kundizzjonijiet tar-Regolament 715/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 13.7.2009 (ĠU L 211) ser japplikaw mill-2011 ’il quddiem.

(3)  Il-kundizzjonijiet tar-Regolament 714/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 211) ser japplikaw ukoll mill-2011 ’il quddiem.

(4)  B’konformità mal-objettivi tad-Direttivi 90/377/KEE tal-Kunsill tad-29.6.1990 (ĠU L 185); 2003/54/KE u 2003/55/KE tal-PE u tal-Kunsill tas-26.6.2003 (ĠU L 176), u l-proposta għal Direttiva tal-PE u tal-Kunsill tad-29.11.2007 (COM (2007) 735 finali).

(5)  Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, aness mat-TUE u t-TFUE jkompli jżid mal-Artikolu 14 tat-TFUE u jipprovdi bażi ġdida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 tal-Karta dwar din il-kwistjoni.

(6)  Konsegwentement, il-Qorti tat lill-Istati Membri, fost affarijiet oħra, id-dritt li d-definizzjoni tas-servizzi ekonomiċi ta' interess ġenerali mogħtija lil ċerti negozji tkun tiddependi mill-objettivi ta' politika nazzjonali tagħhom. Sentenza tat-23 ta' Ottubru 1997. C-159/94, Kummissjoni v Franza, Rec. ECR I-5815, Punt 49.

(7)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Mejju 2000. C-209/98, Sydhavnens Stens, ECR. I-3743, Punt 74.

(8)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Mejju 2001. C-340/99, TNT Traco, ECR I-4109, Punti 56-58.

(9)  Ippubblikat fil-ĠU C 83, 30.3.2010, p. 47.

(10)  

“Il-kamp tal-applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu determinati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati għal kull qasam”.

(11)  Ir-relazzjoni bejn is-sistemi regolatorji u l-prattika amministrattiva tista’ tkun partikolarment ikkumplikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tat-TFUE li jippermettu lill-Unjoni u lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti f’dan il-qasam u jagħtu lill-Istati Membri d-dritt li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom jekk l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha jew jekk tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita l-kompetenza tagħha. Barra minn hekk, l-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 25 (dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi) anness mat-TUE u t-TFUE jiddikjara li, “meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-eżerċizzju ta' kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att tal-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”.

(12)  Ara l-opinjoni esploratorja CESE 990/2010 dwar “Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika”.

(13)  Ara Benoît Rohmer, F. et al.: Commentary of the Charter of Fundamental Rights of the European Union (Kummentarju dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), Brussell 2006, p. 312 ff.; u Lucarelli, A. et al.: L'Europa dei diritti. Commento alla Carta dei diritti fondamentali del'Unione Europa (L-Ewropa tad-drittijiet. Kummenti dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), Bolonja, p. 251 ff.

(14)  Ara Moreiro González, C.J.: “El objectivo del bienestar social en el contexto de crisis económica mundial” (L-objettiv tal-benesseri soċjali fil-kuntest tal-kriżi ekonomika dinjija), Gaceta Jurídica de le UE y de la Competencia, Nueva Época, 11, 5, 2009, p. 7 ff.

(15)  Ara Artikoli 51 u 52 tal-Karta u Dikjarazzjoni 1 tal-Istati Membri dwar il-Karta, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona, iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, ĠU C 83, 30.3.2010, p. 337 kif ukoll l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mħejjija mill-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta u aġġornati mill-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, ĠU C 303/2, 14.12.2007, p.17 ff.

(16)  Kif stabbilit fil-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit u fid-Dikjarazzjonijiet 61 u 62 tar-Repubblika tal-Polonja u d-Dikjarazzjoni 53 tar-Repubblika Ċeka annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Tratta ta' Lisbona.

(17)  Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 13.7.2009, ĠU L 211,14.08.2009.

(18)  Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix lill-Kummissjoni tiddelega setgħat regolatorji jew eżekuttivi sakemm dawn is-setgħat ma jkunux stabbiliti b’mod espliċitu fit-Trattat (sentenza Meroni tas-17 ta' Lulju 1959, ECR p.331).

(19)  Ara pereżempju l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija: Pjan ta' Azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija COM (2008) 781 finali li, fost miżuri rilevanti oħra, tipproponi li temenda d-Direttiva 2006/67/KE dwar ħażniet minimi tal-prodotti taż-żejt u li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal-14.9.2009, ĠU L 265 u tad-Direttiva 2004/67/KE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali; Green Paper “Lejn netwerk Ewropew ta' enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” COM(2008)782 finali, eċċ.

(20)  Brussell, 26.03.2010, doc. Co EUR 4, CONCL 1.

(21)  Deċiżjoni 98/181/KE, KESC u EURATOM tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, 23.9.1997 (ĠU L 69) u Deċiżjoni 2001/595/EC tal-Kunsill, 13.7.2001 (ĠU L 209).


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-testi tal-opinjoni tas-sezzjoni li ġejjin ġew irrifjutati u minflokhom ġew adottati emendi mill-assemblea, iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħutin:

Punt 1.1 Ir-raba' sentenza:

Jeħtieġ li jissaħħu l-aspetti kollha tal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija fir-rigward tal-infrastruttura, is-sistema tal-akkwist pubbliku, il-funzjonament tajjeb tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jenfasizza li l-kwistjoni bażika hija l-bżonn li jiġu żviluppati infrastruttura tal-enerġija u n-netwerks trans-Ewropej bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern tal-enerġija.

B'mod aktar speċifiku, jeħtieġ li jiġu implimentati mekkaniżmi biex jiġu identifikati l-kriterji dwar kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet biex jiġu evitati differenzi serji u mhux ġustifikati, li sikwit ikunu bbażati, b'mod skorrett, fuq it-tip tal-enerġija użata, is-sorsi tal-provvista jew il-faċilitajiet ta' distribuzzjoni.

Bl-istess mod, għandhom jinħolqu kriterji u metodi sovranazzjonali għar-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija fl-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jkunu bbażati fuq aspetti ġeografiċi u klimatiċi, bħal pereżempju l-identifikazzjoni tal-ogħla perijodi ta' attività għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fotovoltajka, mir-riħ jew mill-marea.

Riżultat

Biex titħassar il-kelma “sovranazzjonali” kien hemm 27 vot favur, 17 kontra u 2 astensjonijiet.

Punt 1.1.5

Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat regolament li jista' jinkludi d-drittijiet li jinsabu fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija (COM (2007) 386 finali, CESE 71/2008, relatur: is-Sur Iozia)  (1) , u l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi ta' interess ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jsemmu f'dan il-qasam, permezz ta' regoli minimi komuni dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku li għandhom jiġu definiti b'mod ċar, trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju. Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet taċ-ċittadini u l-iskop li l-Istati Membri jintroduċu u jżommu obbligi tas-servizz pubbliku li ġejjin mill-għoti ta' servizzi ekonomiċi ta' interess ġenerali.

Regolament huwa għodda aktar adatta minn direttiva għar-raġunijiet li ġejjin:

regolament japplika direttament għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-intrapriżi fil-qasam tal-enerġija u l-konsumaturi;

m'għandux bżonn traspożizzjoni fit-tul;

jiggarantixxi ċarezza u koerenza man-normi u l-obbligi madwar il-Komunità u

jiddefinixxi b'mod dirett il-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

Riżultat

Biex jitħassar il-paragrafu kien hemm 28 vot favur, 16 kontra u 2 astensjonijiet.

Punt 3.4.5

Biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fost l-Istati Membri f'każ ta' emerġenza Komunitarja u b'mod partikolari biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri li jinsabu f'kundizzjonijiet ġeografiċi jew ġeoloġiċi anqas favorevoli, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu azzjoni preventiva konġunta jew pjani ta' emerġenza fil-livell sovranazzjonali u anke transnazzjonali (ftehimiet kummerċjali bejn in-negozji; żieda fl-esportazzjonijiet; mekkaniżmi ta' kumpens, eċċ.). Dawn il-pjani għandhom jiġu aġġornati b'mod regolari u ppubblikati. Fil-futur, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Strutturali jistgħu jkunu sors ta' appoġġ finanzjarju għal dawn il-pjani.

Riżultat

Biex jitħassru l-kliem fil-parentesi, kien hemm 30 vot favur, 11-il vot kontra u 3 astensjonijiet.


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija (COM (2007) 386 finali).”


Top