Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0765

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir- “Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta’ Netwerk Ewropew ta’ Ċentri ta’ Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali” COM(2009) 584 finali

    ĠU C 21, 21.1.2011, p. 44–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 21/44


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-“Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta’ Netwerk Ewropew ta’ Ċentri ta’ Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali”

    COM(2009) 584 finali

    2011/C 21/08

    Relatur: is-Sur E. NIELSEN

    Nhar it-28 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali

    COM(2009) 584 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Mejju 2010.

    Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (seduta tas-26 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’106 voti favur, 2 voti kontra u astensjoni 1.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Hemm bżonn sistema ta' tikkettjar li toffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jagħżlu l-prodotti tal-annimali b’mod oġġettiv meta r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-UE. Dan it-tikkettjar għandu jagħti garanzija viżibbli fuq il-bażi ta' informazzjoni affidabbli li tkun adatta għall-komunikazzjoni mal-konsumaturi.

    1.2   Is-sistema għandha tevalwa u tqabbel in-normi fuq bażi xjentifika. Is-sistema għandha tkun volontarja, armonizzata, orjentata lejn is-suq u bbażata fuq iċ-ċertifikazzjoni; għandha tkun tista’ tiġi kkombinata wkoll ma' tikketti privati u tikketti tal-kwalità bil-kundizzjoni li jiġu rispettati ċerti kriterji speċifiċi. Barra minn hekk, is-sistema ta' tikkettjar għandha tkun konformi mal-impenji internazzjonali u għandha tkun tista’ tiġi applikata bl-istess kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet fl-UE.

    1.3   Il-KESE jilqa’ l-istudji fil-fond li saru fuq talba tal-Kummissjoni u li permezz tagħhom ġie evalwat l-impatt tal-għażliet differenti b’rabta mas-sistema ta' tikkettjar u n-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza. Jidher li l-istudji jindikaw b’mod ċar li l-aktar possibbiltà realistika hija sistema ta' tikkettjar kif inhi ppreżentata hawn fuq; dan jaqbel ukoll mar-rakkomandazzjonijiet li saru qabel mill-KESE (1).

    1.4   Minkejja dan, il-Kummissjoni ma tanalizzax x’inhu meħtieġ għall-hekk imsejħa “sistema ta' garanzija” u ma tistabbilixxi l-ebda prijorità għal dawn l-għażliet. Tħalli l-kwistjoni miftuħa, għalkemm il-parti l-kbira tal-għażliet mhumiex realistiċi. Kien ikun aktar siewi u ta' benefiċċju għall-proċess, li kieku l-Kummissjoni fasslet proposta konkreta bħala bażi għal aktar diskussjonijiet. Dan huwa aktar u aktar minnu fid-dawl tal-fatt li sentejn ilu l-Kunsill talab lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE bħala bażi għal aktar diskussjonijiet.

    1.5   Id-diskussjoni m’għandhiex tieħu ħafna żmien mingħajr ma jkun meħtieġ, speċjalment fil-kuntest tal-proġett “Welfare Quality” (2), li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu applikati fil-prattika mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, in-netwerk attwali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati u l-impenn tar-riċerkaturi għandhom jinżammu u jintużaw bla ma jintilef wisq ħin fuq id-diskussjoni tal-possibbiltajiet teoretiċi mingħajr proposti konkreti.

    1.6   Il-proġett “Welfare Quality” ħoloq bażi soda għall-iżvilupp ta' indikaturi xjentifiċi bbażati l-ewwel u qabel kollox fuq il-benessri u l-imġiba tal-annimali, u b’hekk b’mod indirett ibbażati wkoll fuq is-sistemi u l-metodi tal-produzzjoni użati. Dawn l-indikaturi jistgħu jkomplu jiġu żviluppati fi klassifikazzjoni b’informazzjoni trasparenti u affidabbli għall-konsumatur.

    1.7   Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew bħala forma ta' żvilupp ulterjuri tal-proġett “Welfare Quality”. B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li diġà għamel, il-KESE jemmen li fost l-għażliet imsemmija l-aħjar waħda hija li s-sistema ta' tikkettjar tingħaqad ma' netwerk koordinat f’livell ċentrali. L-atturi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jinfluwenzaw minn kmieni u b’mod konsiderevoli l-funzjonament tas-sistema u l-istabbiliment tan-normi.

    1.8   Is-sistema proposta għandha tikkomplementa r-regoli attwali tal-UE dwar il-kwalità fil-forma ta' termini riżervati għall-prodotti u s-sistemi tal-produzzjoni ekoloġiċi tal-bajd, kif ukoll ir-regoli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali, li jirreferu l-ewwel u qabel kollox għas-sistemi tal-produzzjoni u l-oriġini u mhux għall-benessri tal-annimali.

    2.   Sfond

    2.1   L-użu ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu, normi aktar stretti tal-benessri tal-annimali, it-tikkettjar u l-istabbiliment ta' netwerk Ewropew huma elementi prinċipali tal-pjan ta' azzjoni għall-benessri tal-annimali li ħejjiet il-Kummissjoni (3). L-għan huwa li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu aħjar il-prodotti tal-annimali li jiġu prodotti skont normi tal-benessri tal-annimali li huma aktar stretti mir-rekwiżiti minimi tal-UE. Dan jista’ jsir billi jittejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fuq il-benessri tal-annimali, billi jitħejjew normi kif ukoll bl-iskambju u l-użu tal-aħjar prattiki fil-qafas tan-netwerk Ewropew għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali. Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili u fid-dawl tad-diversità tal-kompożizzjoni tiegħu, huwa naturalment il-kompitu tal-KESE li jagħti l-kontribut tiegħu għall-istabbiliment ta' sistema flessibbli u li tiffunzjona.

    2.2   Ir-rapport huwa tweġiba għat-talba li għamel il-Kunsill f’Marzu 2007 biex jiġu evalwati l-possibbiltajiet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali. Il-bażi hija l-opinjoni esploratorja tal-KESE u l-konferenza ta' segwitu (4). Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltajiet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jesploraw kemm hu prattiku li tiġi introdotta sistema ta' tikkettjar fuq il-bażi ta' indikaturi għall-benessri tal-annimali b’konformità mal-objettivi tal-proġett “Welfare Quality”. Barra minn hekk, bħall-KESE, il-Kunsill irrakkomanda li ssir ukoll kampanja ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u s-sistema ta' tikkettjar.

    2.3   L-annessi ta' mar-rapport fihom studji esterni komprensivi dwar l-għażliet kemm għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-komunikazzjoni dwar il-benessri tal-annimali kif ukoll għall-aspetti relatati mal-istabbiliment ta' netwerk Ewropew. B’konformità mat-talbiet tal-Kunsill, id-diskussjoni interistituzzjonali dwar ir-rapport u l-istudji għandha tibni l-bażi għal aktar riflessjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni.

    2.4   Fir-rapport u fil-paragun korrispondenti tal-istudji tas-servizzi tal-Kummissjoni hemm taqsira tal-għażliet disponibbli għal sistemi ta' tikkettjar obbligatorji u volontarji differenti, mingħajr ma tingħata prijorità lil xi għażla partikolari. Madankollu, jidher ċar li s-sistema futura għandha tkun imsejsa fuq informazzjoni faċli għall-konsumaturi, fuq bażi xjentifika, fuq l-użu ta' korpi taċ-ċertifikazzjoni indipendenti, fuq il-garanzija li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-konformità mal-impenji internazzjonali.

    2.5   Il-Kummissjoni temmen li n-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza jista’ jarmonizza n-normi u l-indikaturi, jikkoordina r-riżorsi disponibbli, jagħti kontribut għall-iskambju tal-prattiki t-tajba, jiggarantixxi informazzjoni indipendenti kif ukoll jikkontribwixxi biex jiġi evitat l-irduppjar tax-xogħol. L-għażliet possibbli huma: jew li kollox jibqa’ miexi kif inhu mingħajr miżuri addizzjonali, jew li jiġi adottat approċċ ċentralizzat, jew inkella li tiġi adottata strateġija aktar iffokata fuq il-kompiti speċifiċi li tinvolvi elementi ċentralizzati u oħrajn deċentralizzati.

    2.6   Il-Kummissjoni ser teżamina, fost affarijiet oħra, l-iżvantaġġi amministrattivi u l-ispejjeż kif ukoll ir-relazzjoni bejn is-sistemi ta' tikkettjar għall-prodotti ta' kwalità, pereżempju għall-agrikoltura organika. Hawnhekk għandhom jintużaw ir-riżultati tal-proġett “Welfare Quality” u għandhom jiġu eżaminati r-riżultati tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tagħmel studji oħra sabiex tistabbilixxi jekk l-opinjonijiet espressi fi stħarriġ preċedenti nbidlux, u jekk ikun il-każ, għaliex.

    3.   Kummenti

    3.1   Il-KESE jappoġġja wkoll il-pjan ta' azzjoni għall-benessri tal-annimali li ħejjiet il-Kummissjoni (5) u jemmen li huwa pożittiv li l-protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali ngħata aktar importanza fit-Trattat ta' Lisbona, u dan jirrifletti l-interess dejjem akbar f’dan is-suġġett (6).

    3.2   L-analiżijiet li saru jsemmu l-ħtieġa ta' approċċ aktar koerenti u koordinat aħjar fir-rigward tal-protezzjoni u l-benessri tal-annimali fl-UE. Il-ħafna sistemi volontarji ta' tikkettjar u ta' kwalità fl-Istati Membri jistgħu joħolqu konfużjoni jew iwasslu għal distinzjonijiet mhux mixtieqa u mhux oġġettiva tal-prodotti. Barra minn hekk, joħolqu wkoll kundizzjonijiet inekwi għall-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċ.

    3.3   Il-konsumaturi jistgħu jagħtu prijorità lill-benessri tal-annimali għal raġunijiet etiċi, kwalitattivi jew għal raġunijiet oħra, però minħabba n-nuqqas ta' dokumentazzjoni m’għandhomx fiduċja fil-validità u l-affidabbiltà tal-argumenti użati fil-kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant, id-dokumenti oġġettivi fuq bażi xjentifika huma indispensabbli sabiex jiġu kummerċjalizzati aħjar il-prodotti tal-annimali li jaqbżu r-rekwiżiti minimi tal-UE. Huwa ċar ukoll li t-tikkettjar jista’ jkollu l-effett mixtieq biss jekk l-informazzjoni tkun tinfiehem u jekk il-konsumaturi jkunu infurmati biżżejjed dwar xi tfisser din l-informazzjoni u jkunu interessati fiha.

    3.4   Għalhekk tinħtieġ garanzija viżibbli fuq il-bażi ta' informazzjoni oġġettiva u affidabbli. B’konformità mal-opinjoni tiegħu tal-2007, il-KESE jappoġġja l-isforzi relatati ma' dan mingħajr riżervi. Il-KESE jilqa’ l-ħidma fil-fond li sar sadanittant u jifhem li kien hemm bżonn ħafna ħin għal din il-ħidma.

    3.5   Madankollu, kien ikun aktar ta' benefiċċju li kieku l-Kummissjoni kklassifikat l-għażliet disponibbli skont il-prijorità u fasslet proposta jew xi proposti bħala punt tat-tluq għall-proċess politiku sussegwenti, fosthom anke proposta bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE. Milli jidher, l-analiżijiet komprensivi jsaħħu b’mod ċar ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE, li skonthom is-sistema ta' tikkettjar għandha tkun volontarja, armonizzata u orjentata lejn is-suq b’mod realistiku sabiex tinħoloq possibbiltà prattika u realistika għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-annimali li jaqbżu r-rekwiżiti minimi.

    3.6   Il-Kummissjoni għandha tibbaża wkoll fuq il-ħidmiet komprensivi li saru f’dan il-qasam madwar l-Ewropa kollha – sistemi bbażati fuq l-għarfien li jinfurmaw kemm lill-fornituri kif ukoll lill-produtturi tal-prodotti u s-servizzi u li jħeġġu miżuri orjentati lejn is-suq u l-imġiba korrispondenti min-naħa tal-konsumaturi. Xi eżempji huma t-tikketta tal-kummerċ ġust, il-Forest Stewardship Council, il-Marine Stewardship Council u r-Rainforest Alliance. L-amministrazzjoni tas-sistema, l-iskop, l-objettivi u d-definizzjoni ta' normi għandhom jitqiesu bħala elementi essenzjali. Għandhom jiġu ggarantiti wkoll il-kontroll indipendenti, il-valutazzjoni tal-impatt u l-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll il-monitoraġġ tal-istqarrijiet pubbliċi u r-reklami (7).

    3.7   Il-koordinazzjoni tar-riċerka tista’ tiżgura li r-riżorsi jintużaw aħjar, u l-KESE jemmen li huwa importanti li jsir progress fid-diskussjonijiet interistituzzjonali, speċjalment fil-kuntest tal-proġett “Welfare Quality”, li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu applikati fil-prattika mill-aktar fis possibbli, kif ukoll biex jinżamm l-impenn tar-riċerkaturi u titkompla l-ħidma fuq il-bażi tar-riżultati li nkisbu s’issa, bla ma jintilef wisq ħin fuq id-diskussjoni tal-possibbiltajiet teoretiċi mingħajr proposti konkreti. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta' netwerk ma' riċerkaturi f’pajjiżi terzi ewlenin huwa essenzjali biex ikomplu jinxterdu r-riżultati tar-riċerka u tinfiehem aħjar il-politika tal-UE. Dan huwa importanti għar-relazzjonijiet futuri tal-kummerċ.

    Sistema ta' tikkettjar

    3.8   Għalkemm l-analiżi ma tasal għall-ebda konklużjoni ċara rigward is-sistema ta' tikkettjar, jidher li qed tindika b’mod indirett li l-aktar għażla realistika hija sistema sempliċi u flessibbli. Fil-punti ewlenin kollha, dan jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-KESE, li huma msejsa fuq bażi xjentifika, fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, fuq il-prinċipju ta' sistema volontarja u fuq il-possibbiltà li s-sistema tintuża flimkien ma' tikketti privati u tikketti tal-kwalità.

    3.9   Għaldaqstant, il-KESE għadu jemmen li bażikament is-sistema għandha tkun ibbażata fuq dawn l-elementi:

    Fiċ-ċentru(/i) ta' referenza proposti jiġu stabbiliti l-kriterji oġġettivi meħtieġa fid-dawl tal-istennija tal-ħajja tal-annimal, u dawn il-kriterji jiġu tradotti f’kundizzjonijiet tal-produzzjoni prattiċi u realistiċi sabiex tiġi promossa l-aħjar interazzjoni possibbli bejn ir-riċerka, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda (8).

    Il-kriterji għandhom jiġu tradotti f’normi (9) li jiġu applikati fis-sistema ta' tikkettjar. Hawnhekk għandhom jiġu kkunsidrati, fost affarijiet oħrajn, l-aspetti tal-kejl u l-kontroll permezz ta' korp indipendenti filwaqt li jitqiesu l-kontributi tal-partijiet ikkonċernati.

    Il-produtturi u n-negozjanti mbagħad ikunu jistgħu jagħżlu, fuq bażi volontarja, li fuq il-prodotti tal-annimali jpoġġu logo rikonoxxut mill-UE li jiċċertifika l-konformità ma' normi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-UE.

    In-normi jistgħu, pereżempju, jirriflettu tliet livelli differenti fuq ir-rekwiżiti minimi skont kemm dan ikun rilevanti għall-ispeċi jew il-prodott partikolari (10).

    Il-garanzija tal-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi u l-kontroll tal-użu tat-tikkettjar għandu jkun soġġett għall-awtokontroll u l-monitoraġġ indipendenti (11).

    3.10   B’dan il-mudell, l-applikazzjoni, il-kontroll u l-użu tal-logo jsiru skont il-kundizzjonijiet tas-suq u b’mod indipendenti mill-awtoritajiet. Biż-żieda volontarja tal-logo (flimkien ma' sistema ta' stilel, kuluri jew punti) mat-tikketti attwali, il-proposta ssolvi wkoll il-problema tal-ħafna tikketti li jagħtu ħafna informazzjoni żejda. Din l-informazzjoni tasal għand il-konsumaturi interessati u motivati, u l-fiduċja fis-sistema tkun imsejsa fuq bażi xjentifika u ċertifikazzjoni indipendenti.

    3.11   Iż-żmien għall-introduzzjoni tas-sistema għandu bilfors jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq, però l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-intrapriżi u l-kummerċ bl-imnut għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw is-sistema għas-sensiela ta' prodotti tagħhom sakemm dawn il-prodotti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi, u jikkummerċjalizzawhom b’mod korrispondenti. Għalhekk, pereżempju, is-sistema għandha tiġi applikata b’mod kompatibbli mat-tendenza dejjem akbar tal-“branding”, li fiha s-settur tal-kummerċ bl-imnut ma jużax it-tikkettjar iżda metodi oħra biex juri li l-produzzjoni tiegħu tirrispetta l-annimali.

    3.12   Is-sistema tista’ tiġi applikata bl-istess kundizzjonijiet għall-prodotti importati mingħajr ma jinħolqu problemi fir-rigward tar-regoli tad-WTO, għaliex skont id-WTO s-sistemi volontarji ta' tikkettjar huma permessi sakemm ikunu adatti u aċċessibbli għall-produtturi minn pajjiżi terzi bl-istess kundizzjonijiet.

    3.13   L-approċċ orjentat lejn is-suq jassumi, fost affarijiet oħra, li s-sistema tkun attraenti biżżejjed għall-konsumaturi u għall-bejjiegħa bl-imnut, u li l-ispejjeż tal-produtturi jiġu kumpensati billi jittejjeb l-aċċess għas-suq u permezz ta' prezzijiet ogħla.

    Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza

    3.14   Sabiex il-benessri tal-annimali jiżviluppa b’mod effettiv u oġġettiv għandhom jiġu involuti l-istituti ta' riċerka kompetenti li jeżistu bħalissa fl-UE. Għaldaqstant, il-KESE huwa favur l-istabbiliment ta' netwerk Ewropew f’dan il-qasam, li jkun koordinat minn ċentru ta' referenza wieħed jew aktar u li jkun organizzat b’mod li jixbah iċ-ċentri ta' referenza attwali fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (12).

    3.15   L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) u l-laboratorji ta' referenza nazzjonali qed jindirizzaw sa ċertu punt il-kwistjonijiet tal-benessri tal-annimali, però mhumiex adatti biex jikkoordinawhom fil-livell tal-UE. In-netwerk għandu jikkomplementa l-attivitajiet tal-istituti tal-UE, u mhux jagħmel xogħol doppju. Fil-prinċipju għandu jiġi indirizzat kull tip ta' użu tal-annimali għal finijiet ekonomiċi b’mod indipendenti mill-interessi esterni.

    3.16   In-netwerk għandu jieħu dawn il-kompiti, li huma marbutin flimkien:

    li jistabbilixxi u jaġġorna l-indikaturi għall-evalwazzjoni tal-benessri tal-annimali fuq bażi xjentifika u fid-dawl tas-suġġerimenti tal-partijiet interessati;

    li jagħmel valutazzjonijiet tal-impatt għall-miżuri u t-titjib tal-benessri tal-annimali;

    li jkompli jiżviluppa r-riċerka u l-bażi xjentifika għall-aġġornar tan-normi;

    li jipprovdi l-informazzjoni, imexxi d-djalogu dwar l-applikazzjoni tan-normi u jikkontribwixxi biex ikun hemm benessri tal-annimali aktar attiv fil-livell dinji.

    3.17   Mil-lat organizzattiv, l-aħjar soluzzjoni hija li jitkompla n-netwerk attwali tal-“Welfare Quality” u jintrabat ma' netwerk akbar fil-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-proġett “Welfare Quality” ħoloq il-bażi għall-iżvilupp ta' sistema ta' tikkettjar billi tfasslu indikaturi xjentifiċi għall-annimali, li jistgħu jkomplu jiġu żviluppati fil-klassifikazzjoni msemmija hawn fuq b’informazzjoni trasparenti u affidabbli għall-konsumatur.

    3.18   In-normi proposti min-netwerk għandhom jiġu adottati minn korp indipendenti. Billi l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati hija kundizzjoni importanti biex tiffunzjona s-sistema, dawn għandhom jiġu involuti b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju fit-tfassil tal-istrateġija u l-programm ta' ħidma.

    Kwistjonijiet oħra

    3.19   Il-proposta tal-KESE dwar it-tikkettjar tal-benessri tal-annimali hija bbażata fuq l-għarfien u l-evalwazzjonijiet xjentifiċi l-aktar reċenti. Ir-rekwiżiti armonizzati jippermettu lill-konsumatur jieħu deċiżjonijiet b’mod infurmat u b’hekk jinħolqu l-inċentivi għall-produtturi. Madankollu, biex iseħħ dan, għandhom isiru kampanji ta' informazzjoni u programmi edukattivi bil-għan li jissensibilizzaw lin-nies dwar il-benessri tal-annimali, in-normi u t-tikkettjar. Għalkemm jidher b’mod ċar li hemm bżonn ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew, it-tfassil u l-applikazzjoni għandhom jitħallew f’idejn il-livell reġjonali u/jew nazzjonali billi mill-esperjenza nafu li l-kampanji ta' informazzjoni ċentralizzati fl-UE ftit li xejn ikollhom impatt fl-Istati Membri.

    3.20   Bil-proposta ppreżentata hawn fuq ma jinħoloq l-ebda kunflitt mas-sistema eżistenti tal-agrikoltura organika fl-UE, li tkopri ħafna mill-aspetti tal-benessri tal-annimali. Wieħed jista’ jassumi li l-benessri tal-annimali fil-produzzjoni organika ser jiġi kkunsidrat b’mod adatt billi jiġu applikati bil-mod il-mod in-normi, meta dawn ikunu disponibbli, u b’hekk ser ikun parti mill-monitoraġġ tal-prodotti organiċi mingħajr spejjeż amministrattivi addizzjonali. Il-konsumaturi jassoċjaw l-agrikoltura organika ma' normi tal-benessri tal-annimali aktar stretti, u wieħed jista’ jassumi li huma jafu bil-prodotti organiċi li għandhom il-logo tal-UE.

    3.21   Bażikament, is-sistema proposta ta' tikkettjar tal-benessri tal-annimali għandha tikkomplementa wkoll is-sistema ta' tikkettjar tal-kwalità tal-UE, li tuża termini riżervati għall-bajd, kif ukoll ir-regoli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali. Dawn is-sistemi jirreferu għas-sistema tal-produzzjoni u l-oriġini, iżda mhux għall-benessri tal-annimali, għalkemm sa ċertu punt dan l-aspett huwa inkluż fihom. Madankollu, billi l-konsumaturi huma familjari magħhom, għandhom jinżammu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evitat li jkun hemm aktar rekwiżiti obbligatorji jew volontarji għall-użu ta' “termini riżervati” fuq il-bażi tas-sistemi tal-produzzjoni, billi l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni mhumiex adatti għar-regolamentazzjoni permezz tal-proċeduri leġislattivi kumplikati tal-UE – kif ħareġ fid-dieher, pereżempju, fl-istabbiliment ta' standards minimi.

    3.22   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli tinkludi proposta dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-iskemi privati u nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-ikel (13). Il-linji gwida proposti għandhom, minn naħa, jipproteġu lill-konsumaturi mill-informazzjoni qarrieqa u, minn naħa oħra, iħallu lis-suq jirreaġixxi għall-interessi tal-konsumaturi fil-benessri tal-annimali. Fl-istess ħin, permezz tagħhom iċ-ċertifikazzjoni ser tiġi introdotta bħala element essenzjali fil-politika tal-ikel tal-UE.

    3.23   Is-sistema proposta hija newtrali fir-rigward ta' kwistjonijiet reliġjużi partikolari, billi t-tikkettjar jiggarantixxi biss il-konformità mar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali li jaqbżu f’livell speċifiku r-rekwiżiti minimi tal-UE.

    3.24   In-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għandu jaqdi rwol ċentrali fl-iżgurar tal-benessri tal-vertebrati li jintużaw għal finijiet ekonomiċi. Fost dawn l-annimali hemm il-ħut u l-annimali bil-pil, li għandhom jiġu ttrattati bħall-annimali tal-produzzjoni l-oħra. Dan japplika wkoll għal-laboratorji, filwaqt li ċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta' Metodi Alternattivi (ECVAM) għandu jevalwa alternattivi flok l-użu tal-annimali għal finijiet xjentifiċi.

    Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  L-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Il-benesseri tal-annimali – It-tikkettar” tal-15.3.2007 tħejjiet fuq talba tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill (ĠU C 161, 13.7.2007, p. 54).

    (2)  Welfare Qaulity® kien proġett ta' riċerka finanzjat mill-Unjoni Ewropea li wettqu madwar 250 riċerkatur minn 39 istitut u università fi 13-il pajjiż Ewropew u pajjiżi terzi interessati bejn l-2004 u l-2009. Bl-użu ta' bażi xjentifika, f’dan il-proġett ġew żviluppati normi tal-benessri tal-annimali u strateġiji prattiċi biex il-benessri tal-annimali jiġi inkluż fil-katina tal-produzzjoni agrikola u fil-fażijiet suċċessivi tal-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċ, inkluża l-informazzjoni rilevanti għall-konsumatur.

    (3)  COM(2006) 13 tat-23 ta' Jannar 2006.

    (4)  Il-konferenza “Il-Benessri tal-Annimali – It-Titjib permezz tal-Ittikkettjar” ġiet organizzata fit-28.3.2007 mill-KESE, il-Kummissjoni u l-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill; il-Kunsill enfasizza li għandu jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “Benesseri tal-Annimali – Tikkettar”, adottata fil-15 ta' Marzu 2007 (Konklużjonijiet; l-2797 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, Brussell, 7 ta' Mejju 2007).

    (5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali 2006-2010, ĠU C 324, 30.12.2006, p. 18 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (6)  Skont l-Artikolu 13, “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.” Din id-dispożizzjoni vinkolanti tissostitwixxi il-“gentlemen’s agreement” li kien japplika qabel fil-forma ta' Protokoll u tiggarantixxi, pereżempju, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikollha r-responsabbiltà tieħu deċiżjoni fit-tilwim.

    (7)  Għal sistema bħal din wieħed jista’ wkoll jipprova jikseb l-akkreditazzjoni fil-qafas tal-istandard ISO 65; rekwiżiti ġenerali għall-organizzazzjonijiet li joffru ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti.

    (8)  B’konformità mal-proġett “Welfare Quality”, il-valutazzjoni għandha tqis l-ewwel u qabel kollox l-imġiba tal-annimali (“welfare outcomes”) u mhux is-sistemi tal-produzzjoni (“input and resources”). Għalhekk, is-sistemi tal-produzzjoni għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi tal-imġiba tal-annimali. L-indikaturi għandhom jinkludu d-data essenzjali kollha għall-ispeċi ta' annimal ikkonċernata, jiġifieri rigward it-trobbija, il-kundizzjonijiet tal-ispajzu u l-akkodomazzjoni, il-possibbiltà ta' mġiba naturali, is-superviżjoni ta' kuljum, l-aspetti tal-mard u tas-saħħa, il-ftim, l-interventi kirurġiċi, it-trasport lejn il-biċċerija, l-isturdament u l-qtil. Is-sistema toffri wkoll inċentivi oħra għall-innovazzjoni volontarja u t-titjib individwali.

    (9)  Qed jiġi propost li tintuża l-kelma “normi” sabiex tiġi evitata l-konfużjoni ma' “standards”, li jiġu żviluppati bi proċeduri speċifiċi mill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

    (10)  Dan jista’ jkun jirrifletti l-klassifika fi tliet livelli tal-proġett “Welfare Quality”: eċċellenti (l-ogħla livell), avvanzat (benessri tajjeb tal-annimali) u ’l fuq mir-rekwiżiti minimi.

    (11)  Isititut, organizzazzjoni jew korp speċjalizzat taċ-ċertifikazzjoni li jaħdem skont l-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti EN – ISO – 17000 jew li jkun akkreditat bħala korp taċ-ċertifikazzjoni skont EN – ISO – 45011.

    (12)  Il-Kummissjoni tuża l-frażi “Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza” (ENRC), għalkemm fil-fatt dan huwa netwerk ta' istituti ta' riċerka. Bħall-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-annimali tal-produzzjoni, dan iċ-ċentru ser jiġi koordinat minn ċentru ta' referenza wieħed jew aktar (eventwalment wieħed għal kull speċi), li fuq il-bażi ta' indikaturi jipproponu normi tal-benessri tal-annimali biex jiġu adottati minn organizzazzjoni indipendenti. Għalkemm huwa propost li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati, l-ogranizzazzjoni ta' dan il-korp ma tiġix diskussa f’aktar dettall.

    (13)  COM(2009) 234 tat-28 ta' Mejju 2009.


    Top