Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE1476

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Grupp de Larosière (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/57


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport tal-Grupp de Larosière” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2009/C 318/11

    Relatur: is-Sur NYBERG

    Nhar it-23 ta’ Marzu 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    ir-Rapport tal-Grupp de Larosière.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur NYBERG.

    Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, 37 vot kontra u 15-il astensjoni.

    1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika laħqet livelli li ilna ma naraw bħalhom fi żmien ta’ paċi sa mit-tletinijiet. Din l-opinjoni ser tindirizza biss il-kriżi finanzjarja u x’jista’ jsir biex nevitaw kriżi bħal din fil-ġejjieni. Dan kien il-kompitu fdat lill-hekk imsejjaħ Grupp de Larosière, li r-rapport tiegħu ser jiġi diskuss f’din l-opinjoni tal-KESE. Il-fatt li l-Kummissjoni, fost affarijiet oħra, diġà ressqet għadd ta’ proposti, pereżempju dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, dwar tipi speċifiċi ta’ attività finanzjarja u dwar superviżjoni finanzjarja, li huwa s-suġġett ewlieni indirizzat mill-Grupp de Larosière, juri kemm dawn il-kwistjonijiet huma importanti.

    1.2   Ir-raġuni ewlenija għall-kriżi kienet il-likwidità eċċessiva li, skont il-Grupp de Larosière, sa ċertu punt kienet ikkawżata mill-politika espansjonista mħaddna mill-Istati Uniti u mill-iżbilanċi fl-ekonomija dinjija; dan jidher bl-aktar mod ċar fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Spjegazzjoni oħra valida għal din il-kriżi hija, fil-fehma tal-KESE, il-fatt li kien hemm tibdil fid-distribuzzjoni tad-dħul: mix-xogħol lejn il-kapital. Id-distribuzzjoni tad-dħul saret aktar inugwali. L-aktar persuni għonja ħassew il-ħtieġa li jinvestu minħabba ż-żieda fl-assi tagħhom. Peress li l-opportunitajiet għall-investiment ma żdidux bl-istess ritmu, kien hemm pressjoni biex il-prezzijiet tat-titoli jogħlew. Fir-rapport tiegħu, il-Grupp de Larosière jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-“bużżieqa” finanzjarja, iżda hemm bżonn ta’ analiżi aktar fil-fond biex jiġi ddeterminat x’deċiżjonijiet politiċi hemm bżonn fil-ġejjieni.

    1.3   B’mod ġenerali, il-KESE japprova l-31 rakkomandazzjoni tal-Grupp iżda jixtieq iwessa’ l-ambitu tal-analiżi u jagħmel għadd ta’ osservazzjonijiet u kummenti supplimentari.

    1.3.1

    Il-Grupp de Larosière jirrakkomanda li jitfasslu rekwiżiti kapitali għall-banek li jkunu stretti fi żminijiet tajbin u inqas stretti fi żminijiet ħżiena. Fid-dawl tad-diffikultà li jitbassru l-fluttwazzjonijiet fiċ-ċiklu ekonomiku, din tista’ tkun proposta riskjuża. Fl-istess ħin, l-eżempju ta’ Spanja juri li sistema msejsa fuq rekwiżiti kapitali varjabbli tista’ taħdem tajjeb. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li din il-miżura għandha tiġi eżaminata mil-lat taż-żmien magħżul qabel ma tiġi implimentata.

    1.3.2

    Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn assolut ta’ rekwiżiti kapitali aktar stretti u trasparenza ikbar fir-rigward tal-operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ. L-awtoritajiet Spanjoli kellhom regoli stretti ħafna dwar l-operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ u l-banek Spanjoli kienu l-inqas li ntlaqtu mill-kriżi.

    1.3.3

    L-espressjonijiet “operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ” u “special purpose vehicles” xi kultant intużaw ħażin. L-assi riskjużi tneħħew mill-karti tal-bilanċ tal-banek biex jiġu evitati r-rekwiżiti kapitali u xi kultant biex jiġu evitati t-taxxi. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ regoli aktar stretti.

    1.3.4

    Fil-fehma tal-KESE, waħda mill-ħtiġijiet ewlenin fis-segwitu tar-rapport għandha tkun li l-element ta’ riskju tal-assi tal-banek ikun aktar trasparenti. Il-KESE jaqbel mar-rapport li jgħid li l-banek u l-istabbilimenti finanzjarji għandhom dejjem iżommu parti mir-riskju meta l-assi riskjużi jerġgħu jinbiegħu. Ir-riskji marbuta mal-prodotti finanzjarji għandhom ikunu ċari. It-trasparenza tal-prodotti finanzjarji hija meħtieġa bil-għan li tiġi rkuprata l-fiduċja fis-swieq finanzjarji. Hawnhekk, il-KESE jixtieq jerġa’ jiġbed l-attenzjoni għall-każ ta’ Spanja. Strumenti ġodda fis-settur finanzjarju m’għandhomx jintużaw qabel ma jsirilhom kontroll minn awtorità monetarja. L-introduzzjoni ta’ kontrolli bħal dawn għandha tiġi diskussa. Irid jiġi deċiż jekk dawn il-kontrolli għandhomx isiru fil-livell nazzjonali jew hijiex meħtieġa sistema ta’ kontroll waħda. Minħabba n-natura transkonfinali tal-attività finanzjarja, l-għażla aktar ixxaqleb favur sistema komuni.

    1.3.5

    L-hekk imsejħa “sistema bankarja parallela” hija magħmula minn tipi differenti ta’ self mhux regolat. Dawn it-tipi ġodda ta’ attività finanzjarja żviluppaw lil hinn mill-ambitu tar-regolazzjoni, mingħajr saħansitra l-ebda eżiġenża ta’ riżervi. Il-KESE jaqbel li anke dawn għandhom jiġu regolati. Ir-rapport jitlob ukoll regoli komuni għall-fondi tal-investiment, għal definizzjonijiet tat-tipi differenti ta’ assi u għal kontrolli aktar stretti. Anke hawnhekk faċli li wieħed jaqbel.

    1.3.6

    Huwa essenzjali li jkun hemm rekwiżiti aktar stretti dwar il-ġestjoni tal-banek u l-verifiki (auditing). Fil-fehma tal-KESE, is-soluzzjonijiet proposti fir-rapport tal-Grupp de Larosière ma jiffokawx biżżejjed fuq ir-rwol tal-verifikaturi. Permezz ta’ verifika effettiva kien ikun possibbli li t-tixrid tal-assi riskjużi jitrażżan. Il-ġestjoni tal-istabbilimenti finanzjarji trid tkun tista’ tiddependi mill-verifiki fl-evalwazzjoni tal-assi riskjużi. Ir-rwol tal-verifikaturi u l-metodi tal-kontabilità għandhom jiġu inklużi fir-reviżjoni ta’ Basel II.

    1.3.7

    Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet siewja dwar l-iskemi ta’ bonus. Dawn l-iskemi għandhom jinfirxu fuq għadd ta’ snin u jissejsu fuq riżultati konkreti u mhux jiġu garantiti minn qabel. Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta’ żmien, b’mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u l-qligħ minn din it-taxxa jista’ jiġi allokat għall-għajnuna għall-iżvilupp. Barra minn hekk, ħtieġa oħra hija li l-iskemi ma jissejsux fuq żviluppi ġenerali iżda fuq jekk il-banek ikkonċernati jirnexxilhomx jagħtu prestazzjoni tajba meta mqabbla max-xejra ġenerali. Barra minn hekk, ikun tajjeb li jiġi stabbilit limitu massimu għall-bonusijiet bil-għan li jiġu evitati l-eċċessi u t-teħid ta’ riskji mhux maħsuba tajjeb. L-hekk imsejħa “strateġija ta’ ħruġ” (exit strategy) għall-kriżi finanzjarja għandha tagħmel mod li s-somom kbar li jitħallsu lill-istituzzjonijiet finanzjarji mill-fondi pubbliċi jiġu rimborżati minflok ma jkunu destinati għall-ħolqien ta’ profitti kbar u bonusijiet.

    1.4   Is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji kien il-kompitu ewlieni fdat lill-Grupp de Larosière. Fil-fehma tal-KESE, is-superviżjoni hija fundamentali biex tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra, iżda teħtieġ ir-regoli. Għalhekk, il-proposti dwar it-tibdil u t-tisħiħ tar-regoli stabbiliti fl-ewwel parti tar-rapport huma importanti wkoll.

    1.4.1

    Il-Grupp de Larosière jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ korp Ewropew għas-superviżjoni tas-sistema finanzjarja f’livell globali, li jkun kapaċi joħroġ twissijiet dwar riskji finanzjarji. Qed jiġi propost li din ir-responsabbiltà tingħata lill-BĊE jew lis-SEBĊ u li l-kompitu jiġi fdat lil kunsill speċjali. Huwa tajjeb li dan il-kunsill ikollu rabta amministrattiva mal-BĊE, iżda hija s-SEBĊ li għandha tingħata r-responsabbiltà formali għas-superviżjoni. Is-superviżjoni għandha tinvolvi s-sistemi finanzjarji tal-Istati Membri kollha b’mod assolut, u l-ħatra tal-korp maniġerjali tal-kunsill/bord ġdid għandha tiġi fdata lis-SEBĊ.

    1.4.2

    Ir-rapport jirrakkomanda li tinħoloq sistema ġdida ta’ superviżjoni mikroprudenzjali f’żewġ fażijiet; din is-sistema għandha tinvolvi awtoritajiet differenti għas-superviżjoni tal-banek, il-fondi tal-investiment u s-swieq tat-titoli. It-tieni fażi għandha tikkonsisti fl-iffissar ta’ regoli bażiċi komuni għas-superviżjoni u t-tneħħija tad-differenzi fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali. F’din il-fażi, għandhom ukoll jiġu armonizzati s-sistemi tas-sanzjonijiet. Fil-fehma tal-KESE, ma hemm l-ebda raġuni għaliex din il-ħidma għandha ddum bla bżonn, u għalhekk jilqa’ l-fatt li fil-komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni issa qed tirrakkomanda li jsiru l-preparamenti meħtieġa mill-aktar fis għall-ħolqien ta’ sistema tas-superviżjoni mikroprudenzjali.

    1.4.3

    Fil-fehma tal-KESE, il-ġestjoni tal-kulleġġi magħmula mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni tal-banek b’attività transkonfinali tista’ tkun diffiċli jekk ma tkunx akkumpanjata wkoll mill-armonizzazzjoni meħtieġa. Jekk dan ma jsirx, fil-prattika, id-differenzi fir-regoli li jorbtu lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali iġiegħlu t-tliet awtoritajiet jieħdu f’idejhom parti mis-superviżjoni.

    1.4.4

    Il-korpi tat-tmexxija ta’ dawn l-awtoritajiet ġodda m’għandhomx ikunu magħmulin biss minn bankiera. L-organizzazzjoniet tat-trejdjunjins, il-konsumaturi, is-servizzi bankarji kif ukoll il-KESE, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili, għandhom isibu posthom fost dawn il-korpi.

    1.5   Ir-rapport isemmi l-ħtieġa fil-livell globali li Basel II, l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u r-rikonoxximent globali tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u tas-swieq tad-derivati jissaħħu, il-ħtieġa li jsiru aġġustamenti fit-tmexxija tas-settur finanzjarju u li r-rwol tal-FMI jissaħħaħ. Il-Grupp jixtieq ineħħi l-possibbiltà li l-operaturi finanzjarji jinġibdu lejn attività partikolari minħabba regolazzjoni dgħajfa tas-settur finanzjarju. Għadd mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ġew adottati fis-summit tal-G-20 f’Londra. Il-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja li twaqqaf fl-1999 għall-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja globali tbiddel fil-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Il-KESE jittama li dan il-korp isir aktar trasparenti u jikseb ir-riżorsi adegwati u s-setgħa biex jaġixxi. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-FMI ser jingħata aktar riżorsi iżda jikkritika r-rekwiżiti stabbiliti mill-FMI, li jqajmu dubji fuq aspetti importanti tal-mudell soċjali Ewropew. Għal din ir-raġuni u r-raġunijiet l-oħra msemmija, huwa essenzjali li l-UE titkellem b’leħen wieħed fi ħdan il-FMI.

    1.5.1

    Fid-diskussjonijiet dwar is-suq finanzjarju qed tintuża l-espressjoni “stress test” – analiżi ta’ kif is-sistema bankarja ta’ pajjiż iġġib ruħha f’każ ta’ kriżi fis-suq finanzjarju. Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali, huwa faċli li wieħed jifhem kemm jistgħu jkunu importanti testijiet bħal dawn. Fl-istess ħin, dan iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk ir-riżultati għandhomx ikunu pubbliċi. Kieku l-FMI kellu jagħmel test ta’ din ix-xorta u jippubblika r-riżultati li juru li s-sistema bankarja f’pajjiż partikolari ma tkunx kapaċi toħroġ minn kriżi, il-kriżi imbagħad isseħħ tassew.

    2.   Daħla

    2.1

    Il-kriżi finanzjarja u ekonomika laħqet livelli li qatt ma rajna bħalhom fi żmien ta’ paċi. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja tat-tletinijiet faqqgħet fi żmien meta l-ekonomiji dinjija ma kinux integrati kif inhuma llum. L-aktar li ntlaqtu kienu l-Istati Uniti u l-Ewropa. Attwalment qed niffaċċjaw kriżi globali.

    2.2

    Dik li bdiet bħala kriżi finanzjarja żviluppat fi kriżi ekonomika akkumpanjata minn reċessjoni f’bosta partijiet tad-dinja. Huwa probabbli li dan ser iwassal għal kriżi soċjali b’ħafna persuni qiegħda. L-iskala ta’ din il-kriżi tiddependi mit-tip ta’ politika adottata biex tinstab soluzzjoni għaliha. Fl-istess ħin, faqqgħet kriżi politika li kkawżat il-waqgħa ta’ ċerti gvernijiet.

    2.3

    Madankollu, din l-opinjoni ser tindirizza biss il-kriżi finanzjarja u x’jista’ jsir biex nevitaw kriżi bħal din fil-ġejjieni. Fil-kuntest tal-kriżi ġenerali, is-suġġett huwa limitat. Ma jittrattax il-kriżi ekonomika u lanqas ma jittratta l-miżuri biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja attwali, bħal pereżempju l-għoti ta’ fondi pubbliċi lis-settur finanzjarju. Jittratta biss il-ġejjieni, u b’mod partikolari is-superviżjoni tas-settur finanzjarju.

    2.4

    Dan kien il-kompitu fdat lill-Grupp de Larosière, li r-rapport tiegħu ser jiġi diskuss f’din l-opinjoni tal-KESE. Il-Grupp wessa’ l-ambitu tiegħu. Dan kien meħtieġ biex toħroġ stampa ċara bil-għan li jitressqu proposti mfassla b’aktar reqqa.

    2.5

    Il-kriżi attwali bdiet fis-settur finanzjarju. Qabel ma l-Grupp de Larosière ippubblika r-rapport tiegħu, il-kriżi kienet tant gravi li, f’għadd ta’ każijiet, il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà ressqet proposti biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni. Probabbilment, l-aktar waħda importanti hija dik dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Tressqet proposta għal direttiva dwar forom speċjali ta’ attività finanzjarja. F’komunikazzjoni maħruġa fis-27 ta’ Mejju ġiet diskussa parti mir-rapport de Larosière li tittratta dwar is-superviżjoni tas-settur finanzjarju. Skont l-Appendiċi 1 għad-dokument ta’ ħidma mehmuż mal-komunikazzjoni, hemm biss ħames differenzi bejn il-komunikazzjoni u r-rapport de Larosière. Dawn huma indirizzati fil-punti 6.2.4, 6.3.1 u 6.3.5 ta’ din l-opinjoni. Il-KESE beħsiebu jfassal opinjoni speċifika dwar il-proposti konkreti biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni. Minkejja l-fatt li f’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tindirizzax il-bqija tar-rapport de Larosière, il-KESE huwa tal-fehma li l-partijiet li tħallew barra huma daqstant importanti għall-ġejjieni tas-settur finanzjarju.

    2.6

    Ir-rapport de Larosière nkiteb minn bankiera għall-bankiera u dawk mitluba jikkunsidraw il-proposti mressqa huma esperti fil-qasam bankarju fi ħdan il-Kummissjoni u Ministri tal-Finanzi fl-Istati Membri. Il-KESE japprova l-31 rakkomandazzjoni fir-rapport, iżda l-ambitu tiegħu għandu jitwessa’. Dawk li fil-prattika kkawżaw il-kriżi finanzjarja ma jistgħux jerfgħu r-responsabbiltà li jsolvu l-problemi attwali waħidhom. Il-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji huma individwi u kumpaniji li jiddepożitaw il-flus imfaddla u jissellfu biex jiffinanzjaw l-investimenti tagħhom. Il-kompitu tas-suq finanzjarju huwa li jaqdi lil dawn il-gruppi, fi kliem ieħor lis-soċjetà ċivili, bl-aqwa mod possibbli. Iżda, minkejja li napprovaw ir-rapport b’mod ġenerali, ser nagħmlu xi osservazzjonijiet dwaru u nipproponu xi żidiet.

    3.   Il-kawżi tal-kriżi finanzjarja

    3.1

    Minkejja l-likwidità eċċessiva fis-settur finanzjarju, ma ttieħdet l-ebda miżura mill-banek ċentrali. L-enfasi kienet biss fuq il-livell tal-prezzijiet, li ma kienx il-kaġun taż-żieda fir-rati tal-imgħax. Id-disponibbiltà ta’ likwidità rħisa wasslet għal żieda fil-prezzijiet tat-titoli. Hekk kif ma hemmx l-inqas dubju li l-livell tal-likwidità kien għoli wisq meta faqqgħet il-kriżi, issa ma hemm l-ebda dubju li minħabba l-kriżi l-livell tal-likwidtà huwa baxx wisq. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jgħid liema huwa l-livell adegwat ta’ likwidità u tal-provvista’ ta’ flus f’ċirkustanzi normali. Il-KESE jixtieq ukoll jiġbed l-attenzjoni għad-dilemma marbuta mal-fatt li tintuża l-inflazzjoni fl-istess ħin li jintuża xi tip ta’ kejl tal-provvista tal-flus bħala indikaturi tal-politika monetarja. Provvista eċċessiva ta’ flus fl-idejn twassal lill-banek ċentrali biex jgħollu r-rati tal-imgħax. Jekk fl-istess ħin l-inflazzjoni tkun baxxa, dan għandu jwassal għal tnaqqis fir-rati tal-imgħax. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li jekk il-provvista tal-flus fl-idejn tintuża, anke f’ċirkustanzi kkumplikati, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi potenzjali fuq l-ekonomija reali.

    3.2

    Id-deċiżjonijiet politiċi favur is-sjieda ta’ proprjetà residenzjali mingħajr ma jingħata kas jekk ix-xerrej hux kapaċi jħallasha, l-ispejjeż baxxi marbuta mas-self u l-prodotti ġodda maħluqa mill-istabbilimenti finanzjarji bil-għan li titoli differenti jiġu kkombinati (bundles) wasslu biex is-self riskjuż (subprimes) jibqa’ mistur. Dawn it-titoli nxterdu fis-swieq finanzjarji dinjija peress li t-tfaddil privat fl-Istati Uniti tul il-perijodu 2005–2006 saħansitra niżel taħt iż-żero. Il-KESE kkummenta dwar dan f’Lulju 2008 (1): “Il-kriżi reċenti fl-Istati Uniti b’rabta mal-ipoteki subprime uriet kemm it-taħlita tal-volatilità tal-prezzijiet tal-proprjetà u l-prattiki ta’ valutazzjoni dgħajfa tar-riskju għall-klijenti rigward il-fatt li l-ħlasijiet bin-nifs li ma jitħallsux, li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-valur reali tal-proprjetà nnifisha, jistgħu jiġġeneraw kriżi finanzjarja serja biżżejjed li tiddestabilizza s-sistema kollha. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni Komunitarja għandha tissejjes fuq din l-esperjenza (…)”.

    3.3

    Fl-istess ħin, l-iżbilanċi fil-kummerċ dinji ħolqu eċċessi kbar (surpluses) f’ċerti pajjiżi – l-aktar fiċ-Ċina – li ntużaw biex jinxtraw bonds tat-Teżor tal-Istati Uniti. It-taħlitiet kumplessi ta’ titoli (fosthom is-subprimes) taw redditi għoljin u s-suq finanzjarju kollu kien qed ifittex redditi dejjem aktar għoljin. It-titoli supplimentari setgħu jservu ta’ bażi għal self ġdid, b’mod li l-volum tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kiber, peress li kien imsejjes fuq titoli aktar riskjużi. L-idea kienet li wieħed mill-għanijiet tal-prodotti finanzjarji kumplessi ġodda kien li r-riskji jinfirxu. Iż-żieda fil-volum tat-tranżazzjonijiet fis-swieq finanzjarji ħolqot l-impressjoni li l-profitti kienu dejjem qed jogħlew.

    3.4

    L-assi riskjużi marbuta ma’ self għad-djar li diffiċilment setgħu jinbiegħu fis-sistema bankarja ġew inkorporati f’titoli ġodda (permezz tat-titolizzazzjoni) u dan għamilha possibbli li jerġgħu jinbiegħu. Dan kollu spiċċa u l-kriżi faqqgħet meta l-Istati Uniti daħlet f’reċessjoni fl-2008 u l-qgħad żdied. Bosta sidien tad-djar ma kellhomx il-mezzi biex iħallsu r-rati ġodda tal-imgħax. Il-banek kellhom inaqqsu l-valur tat-titoli tagħhom u jbigħuhom. Il-valur tagħhom sar aktar dgħajjef u l-affarijiet baqgħu sejrin dejjem lura b’rata mgħaġġla. Il-fiduċja ntilfet.

    3.5

    Ir-rapport de Larosière isemmi għadd ta’ fatturi li kkontribwixxew għal dan:

    meta l-proċess kollu beda, ir-regolazzjoni internazzjonali tal-attività bankarja kienet konformi mal-ftehim ta’ Basel I. Fil-fatt, din is-sistema ħeġġet il-prattika li permezz tagħha r-riskji ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ. Din il-prattika ġiet parzjalment ikkoreġuta permezz ta’ Basel II;

    iż-żieda kbira fil-prodotti finanzjarji kumplessi ġodda, li kienu kkummerċjalizzati barra l-Borża (over the counter), b’mod li r-riskji saru inviżibbli;

    ir-regolazzjoni tal-attività tal-istabbilimenti finanzjarji hija msejsa fuq l-evalwazzjoni tar-riskji permezz tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

    l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu taw li dawn l-assi finanzjarji – li kienu kważi mingħajr valur – l-istess klassifikazzjoni li taw lill-bonds tal-gvern. Dawn l-aġenziji huma ffinanzjati mill-istess stabbilimenti finanzjarji li huma jevalwaw!

    il-bords u l-persunal maniġerjali tal-istabbilimenti finanzjarji ma fehmux ir-riskji involuti fil-prodotti finanzjarji kumplessi ġodda;

    ir-regolazzjoni u s-superviżjoni inadegwata – mingħajr koordinazzjoni – kif ukoll kompetizzjoni ħarxa bejn iċ-ċentri finanzjarji.

    3.6

    Ir-rapport de Larosière jagħti x’jifhem li qed jikkritika l-banek ċentrali talli ma ħadux passi biex tiġi indirizzata ż-żieda drammatika fil-likwidità.

    3.7

    Però, il-KESE jixtieq janalizza l-kwistjoni ftit aktar fil-fond. Iż-żieda fil-likwidità kienet parzjalment ikkawżata mill-iżbilanċi fl-ekonomija dinjija. Dan jidher bl-aktar mod ċar fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina: bilanċ pożittiv fil-kummerċ u rata ta’ tfaddil ekwivalenti għat-30–40 % tad-dħul, bħala lqugħ għall-mard u ż-żmien tal-pensjoni u defiċit fil-kummerċ fl-Istati Uniti assoċjat ma’ tfaddil ineżistenti. Spjegazzjoni oħra valida, li ma ġietx indirizzata mill-Grupp de Larosière, hija l-fatt li kien hemm tibdil fid-distribuzzjoni tad-dħul: mix-xogħol lejn il-kapital. Id-distribuzzjoni tad-dħul saret aktar inugwali. Kemm l-ILO kif ukoll l-OECD qalu li din it-tendenza kellha tieqaf.

    3.8

    L-aktar persuni għonja ħassew il-ħtieġa li ż-żieda fl-assi tagħhom tagħti l-frott. Peress li l-opportunitajiet għall-investiment ma żdidux bl-istess ritmu, kien hemm pressjoni biex il-prezzijiet tat-titoli jogħlew. Dawn il-kawżi tal-problemi attwali ma jistgħux jissolvew permezz ta’ regolazzjoni ġdida għas-suq finanzjarju, għaliex hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet politiċi. Ir-rapport de Larosière jipprovdi rapport dettaljat tal-“bużżieqa” finanzjarja iżda hemm bżonn ta’ analiżi aktar fil-fond biex jiġi ddeterminat x’deċiżjonijiet politiċi hemm bżonn fil-ġejjieni.

    3.9

    Indubbjament, il-kuntest finanzjarju deskritt ħeġġeġ il-proliferazzjoni ta’ operazzjonijiet spekulattivi li ftit li xejn kellhom x’jaqsmu mal-iżviluppi tal-ekonomija reali, u ma sar l-ebda użu mill-istrumenti tal-politika fiskali u monetarja internazzjonali li setgħu jrażżnu ż-żieda ta’ dawn it-tipi ta’ operazzjonijiet. L-istituzzjonijiet finanzjarji u l-korpi internazzjonali injoraw il-bosta movimenti soċjali li ripetutament talbu li jiġu adottati miżuri regolatorji, li l-aktar waħda importanti fosthom kienet l-hekk imsejħa “Tobin Tax”.

    4.   Politika u regolazzjoni

    4.1

    Skont ir-rapport, il-kriżi attwali hija dovuta għal nuqqasijiet tas-swieq, żbilanċi globali, regolazzjoni inadegwata u superviżjoni dgħajfa. Dawn il-problemi kollha ma jistgħux jissolvew bir-regolazzjoni, iżda hemm bżonn ta’ regolazzjoni tajba. Fir-rapport jintqal li l-problemi kollha jridu jiġu indirizzati iżda hemm dubju dwar kemm ir-regolazzjoni proposta hija suffiċjenti. Barra minn hekk, jesprimi tħassib dwar il-periklu li aktar regolazzjoni tista’ ddgħajjef l-innovazzjoni finanzjarja. Il-KESE jixtieq ifakkar li s-subprimes u t-titolizzazzjoni huma eżempju tajjeb ta’ dawn l-innovazzjonijiet finanzjarji. L-użu qarrieq ta’ wħud minnhom huwa l-għerq tal-problemi finanzjarji tal-lum. Ir-regolazzjoni kultant tista’ tikkontribwixxi għal innovazzjoni finanzjarja, bħalma hi s-SEPA (iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro).

    4.2

    Ir-rapport jirrakkomanda koordinazzjoni aktar effettiva bejn il-banek ċentrali u l-korpi politiċi responsabbli għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji. Il-banek ċentrali għandhom jiddedikaw aktar ħin għal konsiderazzjonijiet makroekonomiċi f’forma ta’ superviżjoni aktar effettiva tas-swieq finanzjarji. Fil-fehma tal-KESE, din ir-rakkomandazzjoni u l-ħtieġa li l-FMI jiddedika aktar ħin għas-superviżjoni huma proposti neċessarji.

    4.3

    Ir-rapport jgħid li r-regolazzjoni politika u l-awtoregolazzjoni fis-settur finanzjarju għandhom jikkomplementaw lil xulxin. Peress li l-kontrolli interni ma ħadmux kif suppost, l-awtoregolazzjoni għandha tiġi ssorveljata. Iżda dan, fil-fatt, iwassal biss għat-tneħħija tal-konfini li jeżistu bejn ir-regolazzjoni mis-settur pubbliku u l-awtoregolazzjoni.

    4.4

    Fir-realtà, dawn il-konfini ma jeżistux. Fil-prattika, il-banek innifishom jistabbilixxu r-regoli għas-settur finanzjarju permezz ta’ Basel I u Basel II. Huwa f’idejn il-banek u stabbilimenti finanzjarji oħra, jew f’idejn l-istat f’każijiet fejn ir-regoli jiġu stabbiliti permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, li jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu osservati. (Basel II daħal fis-seħħ fl-UE fl-1 ta’ Jannar 2008, iżda fl-Istati Uniti mhux ser jidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ April 2010). Ir-rapport ma jikkunsidrax serjament in-nuqqasijiet operazzjonali u demokratiċi fis-swieq finanzjarji li jirriżultaw mill-awtoregolazzjoni. Suq globalizzat jitlob li wieħed mis-suġġetti ewlenin diskussi jkun: il-korpi politiċi għandhom biżżejjed influwenza?

    5.   Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière

    5.1   Ir-rekwiżiti kapitali tal-banek għandhom jiżdiedu gradwalment. Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi bankarja ħolqot sitwazzjoni fejn il-kreditu huwa insuffiċjenti, din iż-żieda għandha ssir aktar ‘il quddiem. Fil-fehma tal-KESE, dan huwa rekwiżit essenzjali biex fil-ġejjieni jiġi evitat li s-soċjetà jkollha tipprovdi l-kapital lill-banek meta dawn ikollhom problemi ta’ likwidità. Il-KESE jaqbel li l-UE għandha tistabbilixxi definizzjonijiet komuni għar-rekwiżiti kapitali.

    5.2   Fluttwazzjonijiet fir-rekwiżiti kapitali matul iċ-ċiklu ekonomiku. Ir-rapport iressaq l-argument li l-banek ċentrali m’għandhomx iħarsu biss lejn l-inflazzjoni iżda wkoll lejn l-iżviluppi ġenerali monetarji u dawk marbuta mas-suq tal-kreditu. F’każijiet fejn il-krediti jkunu eċċessivi, il-banek ċentrali għandhom ikunu lesti jirrestrinġu l-politika monetarja. Il-metodu propost huwa li jitfasslu rekwiżiti kapitali għall-banek li jkunu stretti fi żminijiet tajbin u inqas stretti fi żminijiet ħżiena. Fid-dawl tad-diffikultà li jsiru previżjonijiet ekonomiċi, din il-proposta tista’ tkun riskjuża. Iż-żieda fir-rekwiżiti wara perijodu tajjeb u espansjoni tal-kreditu tista’ minflok taggrava r-reċessjoni ċiklika jekk iż-żminijiet tajbin qed joqorbu lejn tmiemhom. Fl-istess ħin, l-eżempju ta’ Spanja juri li sistema msejsa fuq rekwiżiti kapitali varjabbli tista’ taħdem tajjeb. Fil-fehma tal-KESE, ir-riskji marbuta maż-żmien magħżul għandhom jiġu eżaminati qabel ma tiġi implimentata sistema bħal din.

    5.3   Regoli aktar stretti dwar l-operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ f’forma ta’ rekwiżiti kapitali stretti u aktar trasparenza. L-awtoritajiet Spanjoli kellhom regoli stretti ħafna dwar l-operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ u l-banek Spanjoli kienu l-inqas li ntlaqtu mill-kriżi.

    5.3.1

    Meta l-banek jagħmlu operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan jagħmluh billi jużaw waħda mill-innovazzjonijiet finanzjarji, l-hekk imsejħa “special purpose vehicles”. L-għan tagħhom huwa li l-assi riskjużi jitneħħew mill-karta tal-bilanċ tal-banek biex il-banek ikkonċernati ma jesponux ruħhom għar-riskji. Raġuni oħra hija biex jevitaw it-taxxi. Fid-dawl tal-użu qarrieq ta’ din l-innovazzjoni, il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi stabbilita regolazzjoni aktar stretta kemm dwar is-sistema “tal-operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ” kif ukoll tal-“ispecial purpose vehicles”. L-importanti mil-lat tar-regolazzjoni huwa li l-banek u l-istabbilimenti finanzjarji ma jkunux jistgħu jużaw dawn il-metodi biex jaħbu l-attivitajiet tagħhom.

    5.4   Ir-riskji marbuta mal-assi bankarji għandhom ikunu aktar viżibbli. Il-KESE jemmen li dan għandu jkun wieħed mir-rekwżiti ewlenin meta l-Kummissjoni, fis-segwitu tar-rapport, toħloq, wieħed jittama, il-mezzi li jwasslu għal trasparenza ġenwina tal-assi bankarji.

    5.4.1

    Ir-rapport jiddiskuti t-titolizzazzjoni, is-swieq tad-derivati, il-fondi tal-investiment u l-hekk imsejħa “sistema bankarja parallela”. Il-KESE jixtieq li tinstab soluzzjoni globali bil-għan li l-ebda problema marbuta ma’ dawn it-titoli riskjużi ma tibqa’ mhux solvuta għax ma tkunx ġiet indirizzata fil-proposti individwali. Is-sistema bankarja parallela hija magħmula minn forom differenti ta’ self mhux regolat. Ir-rapport jirrakkomanda li l-ambitu tal-ftehim Basel II jitwessa’ biex ikopri dan il-qasam, kif ukoll il-hedge funds u l-banek ta’ investiment, fost affarijiet oħra. Dan huwa evidenti u għandha tittieħed deċiżjoni dwar din il-kwistjoni mill-aktar fis. Dawn il-forom ġodda ta’ attività finanzjarja, ta’ spiss fil-marġni tas-sistema bankarja, żviluppaw mingħajr l-ebda regolazzjoni u l-ebda eżiġenza ta’ riżervi. Ir-rapport jitlob ukoll regoli komuni għall-fondi tal-investiment, definizzjonijiet tat-tipi differenti tal-assi u kontrolli aktar stretti. Huwa faċli li wieħed jaqbel ma’ dan. Il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom dejjem iżommu parti mir-riskju meta l-assi riskjużi jerġgħu jinbiegħu.

    5.5   Fit-13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat Proposta għal Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv, li hija marbuta ma’ għadd minn dawn l-istrumenti. Il-KESE ser iħejji opinjoni dwar din il-Proposta għal Direttiva aktar ‘il quddiem. Fl-2006, il-KESE kien diġà ħejja opinjoni dwar il-Green Paper dwar il-fondi tal-investiment (2).

    5.6   Rigward ir-regoli tal-kontabilità, qed jiġi propost, fost affarijiet oħra, li Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabiltà (IASB) jistabbilixxi regoli għall-prodotti finanzjarji kumplessi l-ġodda. Il-metodu ta’ kontabilità msejjaħ “mark-to-market” – valutazzjoni skont il-valur attwali fis-suq – aggrava l-krizi bil-qawwa. Meta l-valur tal-assi waqa’, dawn l-assi ddaħħlu fil-kotba skont il-valur tal-ġurnata. Is-sitwazzjoni diffiċli waqqgħet aktar il-valur tal-assi taħt il-valur reali tagħhom. Il-metodu alternattiv – li l-assi jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ oriġinali tagħhom – ma jistax jaħdem fiċ-ċirkustanzi msemmija. Fil-fehma tal-KESE, hemm lok għal innovazzjonijiet.

    5.7   Ta’ min jistaqsi: jagħmel sens li l-assi b’riskji mistura jinbiegħu fis-sistema bankarja? Forsi hemm bżonn li ċerti strumenti jiġu eliminati. Il-bankiera ta’ spiss jitkellmu dwar l-importanza tal-innovazzjoni fis-suq finanzjarju. Forsi eżaġerajna f’dan ir-rigward? Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-istrumenti attwali, tiddetermina l-valur tagħhom u r-riskji marbuta magħhom, u tipproponi liema strumenti jistgħu jiġu eliminati jew tagħti definizzjonijiet ta’ dawk li għandhom jibqgħu. Il-qasam bankarju ma jistax jerfa’ r-responsabbiltà waħdu. Il-Kummissjoni għandha twitti t-triq bil-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-prodotti finanzjarji m’għandhomx ikunu kkumplikati għalxejn. Ir-riskji marbuta magħhom għandhom ikunu ċari. It-trasparenza tal-prodotti finanzjarji hija forsi l-aktar ħaġa importanti biex terġa’ tissawwar il-fiduċja fis-suq finanzjarju.

    5.7.1

    Hawnhekk, il-KESE jixtieq jerġa’ jiġbed l-attenzjoni għall-każ ta’ Spanja. Strumenti ġodda fis-settur finanzjarju m’għandhomx jintużaw qabel ma jiġu eżaminati minn awtorità monetarja. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina d-differenzi bejn l-istrumenti użati fi Spanja u fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-kwistjoni marbuta mal-implimentazzjoni ġenerali ta’ dawn il-kontrolli għandha tiġi diskussa, u għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk dawn il-kontrolli għandhomx isiru fil-livell nazzjonali jew hijiex meħtieġa sistema waħda komuni għal kulħadd. Minħabba n-natura transkonfinali tal-attività finanzjarja, l-għażla aktar ixxaqleb favur sistema komuni.

    5.8   Il-KESE jaqbel mal-proposta mressqa fir-rapport dwar il-ġestjoni tar-riskji tal-banek – din għandha tkun funzjoni separata, ix-xogħol involut għandu jiġi vvalutat f’livell għoli u m’għandhiex titqiegħed fiduċja żejda fl-evalwazzjonijiet esterni (l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu). Il-proposta biex jiġu żviluppati mezzi għall-ġestjoni tar-riskji fi ħdan l-istabbilimenti finanzjarji tista’, naturalment, tiġi approvata. Il-kwistjoni essenzjali hawnhekk hija jekk ir-rakkomandazzjonijiet dwar dan il-qasam jistgħux qatt ikunu xi ħaġa aktar minn sempliċi rakkomandazzjonijiet. Sa liema punt tista’ tiġi regolata l-organizzazzjoni interna tal-kumpaniji finanzjarji? Wisq probabbli, kulma jista’ jsir f’dan il-qasam huwa li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jissorveljaw l-organizzazzjonijiet u jippubblikaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

    5.9   Meta l-kriżi aggravat, bosta Stati Membri saħħew ir-rekwiżiti tal-UE dwar il-garanziji tad-depożiti bankarji. Ir-rapport jitlob li r-regoli jiġu armonizzati sabiex il-klijenti tal-banek kollha jirċievu livell ta’ protezzjoni li jkun ugwali u għoli biżżejjed. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-fergħat tal-banek f’pajjiżi oħra, iżda l-fondi għal dawn il-garanziji tad-depożiti bankarji minn fejn ser jiġu? Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni u jitlobha tressaq proposta mill-aktar fis dwar regoli Komunitarji ġodda dwar il-garanziji tad-depożiti bankarji.

    5.10   Rekwiżiti aktar stretti rigward il-ġestjoni tal-banek u l-verifiki. Fid-dawl ta’ kull ma ġara, dan huwa rekwiżit essenzjali. L-istabbilimenti finanzjarji wkoll għandhom kodiċi etika, iżda, fil-prattika, f’ċerti każijiet din il-kodiċi ma kellha l-ebda impatt fuq l-imġiba. Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-kompetenza individwali, huwa diffiċli li jitfasslu proposti konkreti. Bis-saħħa ta’ regolazzjoni ġdida u t-tneħħija eventwali mis-suq ta’ ċerti strumenti, il-ġestjoni tal-banek għandha ssir aktar faċli. L-istrumenti li l-għan tagħhom huwa li r-riskji jibqgħu mistura jxekklu konsiderevolment il-ġestjoni tal-banek. Barra minn hekk, fil-fehma tal-KESE, is-soluzzjonijiet proposti fir-rapport tal-Grupp de Larosière ma jiffokawx biżżejjed fuq ir-rwol tal-verifikaturi. Permezz ta’ verifika effettiva kien ikun possibbli li t-tixrid tal-assi riskjużi jitrażżan. Il-ġestjoni tal-istabbilimenti finanzjarji trid tkun tista’ tiddependi mill-verifiki interni għall-evalwazzjoni tal-assi. Ir-rwol tal-verifikaturi u l-metodi tal-kontabilità għandhom jiġu inklużi fir-reviżjoni ta’ Basel II. Ikun utli ħafna wkoll li jiġu involuti ċerti partijiet interessati fl-evalwazzjoni tal-politiki u tal-istrumenti prodotti mill-korpi finanzjarji, billi jitwaqqfu kumitati ad hoc.

    5.10.1

    Sistema ta’ bonus li tippremja l-investiment f’assi riskjużi fuq perijodu qasir ta’ żmien hija fattur importanti li taffettwa l-imġiba tal-korp maniġerjali tal-banek. Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet tajbin dwar is-sistemi tal-bonus: dawn għandhom ikunu ppjanati bil-għan li jkopru għadd ta’ snin u jissejsu fuq riżultati effettivi minflok ma jiġu garantiti minn qabel. Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta’ żmien, b’mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u l-qligħ minn din it-taxxa jista’ jiġi allokat għall-għajnuna għall-iżvilupp. Barra minn hekk, ħtieġa oħra hija li l-iskemi ma jissejsux fuq żviluppi ġenerali iżda fuq jekk il-banek ikkonċernati jirnexxilhomx jagħtu prestazzjoni tajba meta mqabbla max-xejra ġenerali. Barra minn hekk, ikun tajjeb li jiġi stabbilit limitu massimu għall-bonusijiet bil-għan li jiġu evitati l-eċċessi u t-teħid ta’ riskji mhux maħsuba tajjeb.

    5.11   Fir-rigward tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, ġie propost li l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli jiġi fdat bil-kompitu li jagħtihom liċenzja. Il-Kummissjoni diġà ressqet Proposta għal Regolament dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-KESE ħejja opinjoni dwar din il-proposta u rrakkomanda li tiġi adottata (3). Ir-rapport tal-Grupp de Larosière jgħid li l-finanzjament tal-aġenziji kkonċernati għandu jiġi eżaminat. Fil-fehma tal-KESE, wieħed jista’ diġà jistqarr b’mod kategoriku li dawn l-aġenziji m’għandhomx jiġu ffinanzjati mill-istabbilimenti li huma stess jikklassifikaw.

    6.   Superviżjoni

    6.1   Is-superviżjoni tas-suq finanzjarju kien il-kompitu ewlieni fdat lill-Grupp de Larosière. Fil-fehma tal-KESE, is-superviżjoni hija fundamentali biex tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra, iżda teħtieġ ir-regoli. Għalhekk, il-proposti dwar it-tibdil u t-tisħiħ tar-regoli stabbiliti fl-ewwel parti tar-rapport huma importanti wkoll.

    6.2   Sistema Ewropea għas-superviżjoni makroprudenzjali

    6.2.1

    Ir-rapport jikkritika s-superviżjoni attwali għax hija kkonċentrata wisq fuq il-kumpaniji individwali, u jipproponi li, minflok, is-superviżjoni titwessa’ biex tkopri s-sistema finanzjarja kollha. Ir-responsabbiltà għandha tiġi fdata lill-BĊE/SEBĊ (Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali). F’każijiet fejn tinħtieġ superviżjoni transkonfinali (għall-istabbilimenti finanzjarji b’fergħat f’pajjizi oħra), ir-rapport jgħid li għandu jkun possibbli li tinħoloq sistema ta’ medjazzjoni vinkolanti.

    6.2.2

    Il-Grupp de Larosière jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li korp Ewropew jiġi inkarigat formalment bis-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja, u li jkun kapaċi joħroġ twissijiet dwar riskji finanzjarji. Għandu jitwaqqaf kunsill / bord ta’ tmexxija indipendenti (Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku) fi ħdan il-BĊE/SEBĊ u jingħata dan l-inkarigu. Minbarra l-banek ċentrali, għandhom jiġu involuti wkoll it-tliet awtoritajiet li qed jiġi propost li jkunu responsabbli għas-superviżjoni mikroprudenzjali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa diffiċli ħafna li jinstab korp bl-għarfien meħtieġ biex tiġi żgurata superviżjoni makroprudenzjali. Għalhekk, dan l-għarfien għandu jinħoloq biex iservi ta’ appoġġ lill-kunsill. Ir-rapport de Larosière jgħid li l-Kummissjoni wkoll għandha tiġi involuta f’każ ta’ riskji kbar fis-sistema finanzjarja.

    6.2.3

    Il-KESE japprova ż-żidiet li ressqu l-ECOFIN u l-Kunsill Ewropew għall-proposta tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tas-27 ta’ Mejju, li jipproponu li: il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għandu jkun rappreżentat fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali jkollhom rwol ta’ osservaturi, kull pajjiż għandu jkollu vot u kwalunkwe rakkomandazzjoni għandha ssir permezz tal-Kunsill tal-ECOFIN. Il-Kunsill Ewropew ippropona wkoll li l-president tal-BERS jintgħażel mill-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Il-KESE jaħseb li dan huwa bix-xieraq, peress li s-27 Stat Membru huma rappreżentati f’dan il-kunsill. Il-Kunsill Ewropew jirrakkomanda li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni ġodda Ewropej għandu jkollhom poteri ta’ superviżjoni fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-KESE japprova din il-proposta, li hija frott id-diskussjonijiet dwar il-Proposta għal Direttiva dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed biss minn dawn it-tliet awtoritajiet għandu jkollu din ir-responsabbiltà.

    6.3   Sistema Ewropea għas-superviżjoni mikroprudenzjali

    6.3.1   Fir-rigward tas-superviżjoni ta’ rutina, qed jiġi propost li jissaħħu t-tliet awtoritajiet attwali għas-superviżjoni tal-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u s-swieq tat-titoli billi jiġu mibdula f’awtoritajiet. Ir-regolazzjoni f’dawn it-tliet oqsma hija tant differenti li mhux possibbli jingħaqdu f’awtorità waħda.

    6.3.2   Qed jiġi propost li s-settur finanzjarju biss ikun rappreżentat f’dawn l-awtoritajiet ġodda. Kif diġà ntqal, il-KESE huwa tal-fehma li l-attività finanzjarja mhijiex kwistjoni għal dawk biss li huma direttament involuti. Jeżistu raġunijiet tajbin ħafna favur il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati. Jeżistu raġunijiet daqstant tajbin favur il-fatt li l-konsumaturi tas-servizzi tal-banek, l-assigurazzjoni u t-titoli jkunu rappreżentati f’dawn l-awtoritajiet. Hawnhekk nistgħu nagħmlu paragun mal-proposta mressqa mill-Amministrazzjoni ta’ Obama fl-Istati Uniti li jitwaqqaf kunsill speċjali għall-klijenti tal-banek biex jissorvelja l-attività finanzjarja. Naturalment il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, għandu jiġi mistieden jipparteċipa wkoll.

    6.3.3   Huwa rakkomandat li dawn l-awtoritajiet ġodda, fost affarijiet oħra, jingħataw il-kompitu li jiskopru d-differenzi li jeżistu fl-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli Komunitarji attwali. Fil-fehma tal-KESE, din ir-rakkomandazzjoni għandha twassal b’mod naturali għall-fatt li l-Kummissjoni tipproponi emendi għar-regoli bil-għan li dawn id-differenzi jitneħħew.

    6.3.4   Ir-rapport isemmi li għandu jkun hemm awtoritajiet ta’ superviżjoni kompetenti fl-Istati Membri kollha, li jkunu jistgħu jirrikorru għal sanzjonijiet dissważivi. Il-KESE ma jistax ma jaqbilx ma’ dan u jiġbed ukoll l-attenzjoni għal kemm huwa importanti li dawn l-awtoritajiet ikunu indipendenti mill-banek u l-istabbilimenti finanzjarji. Il-Kummisjoni hija mitluba tipproponi regoli tal-UE f’dan ir-rigward.

    6.3.5   Il-Grupp de Larosière jirrakkomanda li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali jkunu responsabbli għas-superviżjoni ta’ rutina u li t-tliet awtoritajiet ġodda jistabbilixxu l-istandards u jikkoordinaw l-attivitajiet. Għandhom isiru l-kontrolli meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-awtoritajiet nazzjonali huma verament indipendenti. F’każ li stabbiliment finanzjarju jkollu operazzjonijiet f’għadd ta’ pajjiżi, għandhom jitwaqqfu kulleġġi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba s’issa, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom l-obbligu li jaqsmu l-informazzjoni.

    6.3.6   Ir-rapport jirrakkomanda li s-sistema l-ġdida ta’ superviżjoni mikroprudenzjali tinħoloq f’żewġ fażijiet. It-tieni fażi għandha tikkonsisti fl-iffissar ta’ regoli bażiċi komuni għas-superviżjoni u t-tneħħija tad-differenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali. F’din il-fażi, għandhom ukoll jiġu armonizzati s-sistemi tas-sanzjonijiet. Fil-fehma tal-KESE, ma hemm l-ebda raġuni għaliex din il-ħidma għandha tiddawwar, u għalhekk jilqa’ l-fatt li fil-komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni issa qed tirrakkomanda li jsiru l-preparamenti meħtieġa mill-aktar fis għall-ħolqien tas-sistema tas-superviżjoni mikroprudenzjali.

    6.3.6.1

    Fil-fehma tal-KESE, il-ġestjoni ta’ kulleġġi magħmulin mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati tista’ tkun diffiċli, sakemm din ma tkunx akkumpanjata mill-armonizzazzjoni meħtieġa. Minħabba fid-differenzi fundamentali fir-regoli dwar l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali, fil-prattika, it-tliet awtoritajiet ġodda ikollhom jerfgħu parti mir-responsabbiltà tas-superviżjoni tal-istabbilimenti finanzjarji b’operazzjonijiet f’għadd ta’ pajjiżi.

    6.3.6.2

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-talba tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tispeċifika kif is-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji tista’ taqdi rwol b’saħħtu ta’ koordinazzjoni fost l-awtoritajiet ta’ superviżjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, filwaqt li tirrispetta kemm ir-responsabbilitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jżommu l-istabbilità finanzjarja fi żminijiet ta’ konsegwenzi fiskali potenzjali kif ir-responsabbiltajiet tal-banek ċentrali, b’mod partikolari rigward l-għoti ta’ għajnuna ta’ likwidità f’emerġenza.

    7.   Il-livell dinji

    7.1

    Il-Grupp de Larosière josserva li anke fil-livell dinji r-regolazzjoni tas-settur finanzjarju, is-superviżjoni u l-ġestjoni tal-kriżi għandhom jiġu indirizzati; josserva wkoll li l-qafas adatt biex dan iseħħ ma jeżistix. Il-Grupp jitlob it-tisħiħ ta’ Basel II u r-regoli internazzjonali tal-kontabilità, regolazzjoni dinjija tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, aġġustamenti fil-mod tat-tmexxija tas-settur finanzjarju u rwol aktar b’saħħtu għall-FMI. Il-Grupp jixtieq ineħħi l-possibbiltà li l-operaturi finanzjarji jinġibdu lejn attività partikolari minħabba regolazzjoni dgħajfa tas-settur finanzjarju. Il-kulleġġi tas-superviżuri tal-banek huma partikolarment importanti għall-banek li joperaw fil-livell dinji.

    7.2

    Wieħed jista’ jistenna li huwa diffiċli li jsir tibdil fil-livell dinji. Għadd mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ġew madankollu indirizzati fis-summit tal-G-20 f’Londra. Il-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja li twaqqaf fl-1999 tbiddel fil-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, b’aktar membri msieħba – il-pajjiżi tal-G-20 kollha, Spanja u l-Kummissjoni Ewropea – b’ambitu aktar wiesa’ u rabta aktar stretta mal-FMI. Dawn il-bidliet huma totalment konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière. Matul il-kriżi attwali, il-Forum s’issa ma kienx kapaċi jagħti twissijiet bikrija tar-riskji assoċjati mas-sistema finanzjarja. Il-KESE jittama li bis-saħħa ta’ dawn il-bidliet il-korp isir aktar trasparenti u li jingħatawlu aktar riżorsi, għarfien u setgħa biex jaġixxi. Niġbdu wkoll l-attenzjoni għall-fatt li l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet meħuda f’Londra għad iridu jiġu implimentati.

    7.3

    Fid-diskussjonijiet dwar is-suq finanzjarju qed tintuża l-espressjoni “stress test” – analiżi ta’ kif is-sistema bankarja ta’ pajjiż iġġib ruħha f’każ ta’ kriżi fis-suq finanzjarju. Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali, huwa faċli li wieħed jifhem kemm jistgħu jkunu importanti testijiet bħal dawn. Fl-istess ħin, dan iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk ir-riżultati għandhomx ikunu pubbliċi. Kieku l-FMI kellu jagħmel test ta’ din ix-xorta u jippubblika r-riżultati li juru li s-sistema bankarja f’pajjiż partikolari ma tkunx kapaċi toħroġ minn kriżi, il-kriżi mbagħad isseħħ tassew. Madankollu, dawn it-testijiet għandhom ikunu trasparenti kemm jista’ jkun u jistgħu jsiru strument effettiv għas-superviżjoni tas-sistemi finanzjarji nazzjonali.

    7.4

    Is-summit ta’ Londra approva wkoll il-proposta li l-FMI jingħata aktar riżorsi biex jgħin lill-pajjiżi bi problemi serji. Il-KESE jilqa’ dan b’sodisfazzjon iżda jikkritika r-rekwiżiti stabbiliti mill-FMI, li jqajmu dubju dwar kwistjonijiet soċjali importanti u partijiet importanti tal-mudell soċjali Ewropew. Għal din ir-raġuni u r-raġunijiet l-oħra msemmija, huwa essenzjali li l-UE titkellem b’leħen wieħed fi ħdan il-FMI.

    Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 18.

    (2)  ĠU C 110, 9.5.2006, p. 19 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (3)  ĠU C 277, 17.11.2009 (ECO/243 – Aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu).


    Appendiċi

    għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emendi li ġejjin, li kienu appoġġjati minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta, inċaħdu matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 1.2

    Ħassar:

    Ir-raġuni ewlenija għall-kriżi kienet il-likwidità eċċessiva li, skont il-Grupp de Larosière, sa ċertu punt kienet ikkawżata mill-politika espansjonista mħaddna mill-Istati Uniti u mill-iżbilanċi fl-ekonomija dinjija; dan jidher bl-aktar mod ċar fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Spjegazzjoni oħra valida għal din il-kriżi hija, fil-fehma tal-KESE, il-fatt li kien hemm tibdil fid-distribuzzjoni tad-dħul: mix-xogħol lejn il-kapital. Id-distribuzzjoni tad-dħul saret aktar inugwali. L-aktar persuni għonja ħassew il-ħtieġa li jinvestu minħabba ż-żieda fl-assi tagħhom. Peress li l-opportunitajiet għall-investiment ma żdidux bl-istess ritmu, kien hemm pressjoni biex il-prezzijiet tat-titoli jogħlew. Fir-rapport tiegħu, il-Grupp de Larosière jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-‘bużżieqa’ finanzjarja, iżda hemm bżonn ta’ analiżi aktar fil-fond biex jiġi ddeterminat x’deċiżjonijiet politiċi hemm bżonn fil-ġejjieni.

    Raġuni:

    Kif jgħid ir-relatur f’partijiet oħra tal-opinjoni, u kif inhu imsemmi fir-rapport tal-Grupp de Larosière, il-kriżi għandha ħafna kawżiet, iżda m’hemm l-ebda evidenza li t-tibdil fid-distribuzzjoni tad-dħul hija waħda minnhom. L-ebda riċerka fil-kawżiet tal-kriżi ma tat riżultati f’din id-direzzjoni.

    Riżultat tal-votazzjoni fis-sezzjoni

    Favur: 68 Kontra: 121 Astensjonijiet: 15

    Punt 1.3.3

    Fit-tieni sentenza ħassar kif ġej:

    L-espressjonijiet ‘operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ’ u ‘special purpose vehicles’ xi kultant intużaw ħażin. L-assi riskjużi tneħħew mill-karti tal-bilanċ tal-banek biex jiġu evitati r-rekwiżiti kapitali u xi kultant biex jiġu evitati t-taxxi. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ regoli aktar stretti.

    Raġuni:

    Ir-raġuni ewlenija għalfejn isiru l-operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, kif innota sew ir-relatur, hija li ma jintużawx ir-riżorsi proprji. M’hemm l-ebda evidenza li dawn isiru biex jiġu evitati t-taxxi, ħaġa li xorta waħda jkun diffiċli ħafna li ssir, anke f’każ ta’ operazzjoni li ma tidhirx fuq il-karta.

    Riżultat tal-votazzjoni fis-sezzjoni

    Favur: 65 Kontra: 125 Astensjonijiet: 12

    Punt 1.4.4

    Ħassar:

    Il-korpi tat-tmexxija ta’ dawn l-awtoritajiet ġodda m’għandhomx ikunu magħmulin biss minn bankiera. L-organizzazzjoniet tat-trejdjunjins, il-konsumaturi, is-servizzi bankarji kif ukoll il-KESE, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili, għandhom isibu posthom fost dawn il-korpi.

    Raġuni:

    Il-korpi ta’ tmexxija mhumiex magħmulin biss minn bankiera, iżda wkoll minn rappreżentanti tal-awtoritajiet monetarji. Lanqas ma hu ġġustifikat il-fatt li jiddaħħlu membri ġodda, għax dawn jagħmluha diffiċli għall-awtoritajiet il-ġodda li joperaw. Ir-Rakkomandazzjoni 12 tar-rapport Larosière tagħti stampa ċara tal-karattru indipendenti u professjonali li għandu jkollhom d-diretturi tal-awtoritajiet il-ġodda.

    Riżultat tal-votazzjoni fis-sezzjoni

    Favur: 60 Kontra: 132 Astensjonijiet: 8


    Top