Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE1461

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Prodotti tal-ikel tal-kummerċ ġust: awtoregolamentazzjoni jew leġiżlazzjoni? (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 318, 23.12.2009, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/29


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Prodotti tal-ikel tal-kummerċ ġust: awtoregolamentazzjoni jew leġiżlazzjoni?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2009/C 318/06

    Relatur: Is-Sur COUPEAU

    Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    “Il-Prodotti tal-ikel tal-kummerċ ġust: awtoregolamentazzjoni jew leġiżlazzjoni?”

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tħejji l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru. Ir-relatur kien is-Sur Hervé COUPEAU.

    Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 voti favur, 1 vot kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1   Il-kummerċ ġust tal-prodotti agrikoli jimmira li jintroduċi fil-kummerċ internazzjonali l-prinċipju tad-distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul kummerċjali, sabiex il-produtturi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu:

    iniedu proċess ta’ żvilupp ekonomiku (l-istrutturar tal-katini ta’ produzzjoni, l-organizzazzjoni ta’ diversi fergħat ta’ attività, eċċ.);

    jistabbilixxu proċess ta’ żvilupp soċjali (it-twaqqif ta’ servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, eċċ.);

    jibdew jindirizzaw il-ġestjoni ambjentali (il-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-emissjonijiet tas-CO2, eċċ.).

    1.2   L-Ewropa hija l-akbar suq tal-kummerċ ġust b’madwar 65 % tas-suq dinji. Il-prodotti jinbiegħu permezz ta’ katalgi maħsuba għax-xiri bil-posta, minn fuq l-internet, minn caterers u fi ħwienet istituzzjonali, komunitarji u kummerċjali, b’total ta’ ’l fuq minn 79 000 post li jbigħu dawn il-prodotti f’25 pajjiż. It-total ta’ bejgħ fl-2008 kien ’il fuq minn EUR 1.5 biljun. Din iż-żieda fil-bejgħ – ta’ madwar 20 % fis-sena – kienet relattivament kostanti. Madankollu, din iċ-ċifra għadha modesta ħafna meta mqabbla mad-dħul ta’ EUR 913-il biljun li għamlet l-industrija tal-prodotti tal-ikel agrikoli fl-2007.

    1.3   Hemm żewġ metodi ta’ ċertifikazzjoni li jikkomplementaw lil xulxin: dak ibbażat fuq il-prodott (l-FLO – Fairtrade Labelling Organisations), korp li stabbilixxa standards għal 18-il kategorija ta’ prodotti tal-ikel) u dak ibbażat fuq il-proċess (id-WFTO – World Fair Trade Organisation), organizzazzjoni li tiċċertifika l-katina tal-provvista u s-sistema tal-ġestjoni tal-organizzazzjonijiet tal-Kummerċ Ġust ewlenin, kemm f’pajjiżi żviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw). It-tnejn li huma saħħew il-fiduċja tal-konsumatur u naqqsu l-abbuż minn kumpaniji li ppruvaw japprofittaw ruħhom minn din il-forma ta’ kummerċ etiku mingħajr ma josservaw il-kriterji approvati mill-aġenziji internazzjonali ewlenin għall-iżvilupp.

    1.4   Iċ-ċertifikazzjoni tippromovi b’mod effettiv dan it-tip ta’ kummerċ u tipproteġi lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jixtiequ jinvolvu ruħhom f’dan it-tip ta’ kummerċ.

    1.4.1

    L-għan ta’ dawn iċ-ċertifikazzjonijiet huwa li tiġi rrispettata n-natura multidimensjonali tal-kummerċ ġust:

    Il-kummerċ: li titħeġġeġ relazzjoni bbilanċjata li minnha jgawdu l-produtturi u l-ħaddiema żvantaġġjati tan-Nofsinhar,

    L-iżvilupp: it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi mil-lat finanzjarju, teknoloġiku u operattiv,

    L-edukazzjoni: l-infurmar u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u tal-imsieħba tal-pajjiżi tan-Nofsinhar,

    Il-politika: impenn għal regoli aktar ġusti dwar il-kummerċ internazzjonali konvenzjonali.

    1.4.2

    Minkejja l-progress li sar fl-awtoregolazzjoni, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-mudell jiġi bbażat fuq is-sistema taċ-ċertifikazzjoni Ewropea li, fost affarijiet oħra, tirrikjedi li l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi tkun soġġetta għal monitoraġġ estern minn korp indipendenti akkreditat – mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit tal-konformità mad-dispożizzjonijiet legali ġenerali li jirregolaw is-suq tal-prodotti tal-ikel.

    2.   Daħla

    2.1

    Din l-opinjoni tindirizza speċifikament il-kummerċ ġust fih innifsu, jiġifieri s-sħubija kummerċjali alternattiva li torbot lill-produttur mal-konsumatur f’relazzjoni li nbniet matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin mill-moviment ewlieni għall-kummerċ ġust. Jeżistu skemi oħra għall-assigurazzjoni tas-sostenibbiltà marbuta mal-kummerċ iżda dawn mhumiex qed jiġu ttrattati hawnhekk, għax dawn l-iskemi ma jikkorrispondux għall-kriterji kollha tal-kummerċ ġust imsemmija fil-punt 1.4.1.

    2.2

    Il-kummerċ ġust ġie żviluppat bil-għan li jinbnew relazzjonijiet ekonomiċi mal-produtturi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li ġew marġinalizzati fil-kummerċ internazzjonali. Il-kummerċ ġust għandu l-għan li jintlaħaq żvilupp sostenibbli u jġib miegħu sfidi soċjali importanti għall-pajjiżi tan-Nofsinhar. Huwa jimmira li jgħin biex jitnaqqas il-faqar, speċjalment permezz tal-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Fil-pajjiżi tat-Tramuntana, jimmira li jrawwem mudell ta’ konsum aktar sostenibbli.

    2.3

    Dan il-qasam, li għadu żgħir u li qed jevolvi, qed jikber b’pass mgħaġġel u qed jiġbed interess dejjem akbar fost il-konsumaturi Ewropej.

    2.4

    Madanakollu, il-fiduċja tal-konsumaturi għad trid tiġi kkonsolidata għax anke jekk dawn jemmnu fil-kunċett tal-kummerċ ġust, ħafna minnhom jgħidu li hemm nuqqas ta’ tagħrif u li jħossu li jistgħu jsiru xi abbużi mill-intrapriżi l-kbar jew mill-bejjiegħa bl-imnut.

    2.5

    Iżda ċ-ċirkoli speċjalizzati xorta waħda jibqgħu punti importanti għall-prodotti tal-kummerċ ġust. Dawn l-istrutturi huma ħafna, ta’ daqs żgħir u apprezzati mill-konsumaturi.

    3.   Sfond

    3.1

    L-Artikolu 23 tal-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem tal-1948 jgħid li: “Kull min jaħdem għandu l-jedd għal ħlas ġust u favorevoli li jiżgura lilu u lill-familja tiegħu għajxien li jixraq lid-dinjità umana”.

    3.2

    L-attivitajiet tal-kummerċ ġust bdew fis-snin ħamsin fl-Istati Uniti, imbagħad fir-Renju Unit u wara fil-bqija tal-Ewropa, bħala reazzjoni għall-fatt li n-nies bdew jirrealizzaw x’kienu d-danni soċjali u ambjentali kkawżati mill-katini tal-importazzjoni tal-pajjiżi industrijalizzati.

    3.3

    Fl-1964, il-UNCTAD (United Nations Conference in Trade and Development) ikkundannat l-inugwaljanzi fit-termini tal-kummerċ u wissiet lill-komunità internazzjonali dwar in-natura mhux sostenibbli, mil-lat uman u soċjali, tar-regoli li fuqhom huwa msejjes il-kummerċ internazzjonali. Il-pajjiżi tan-Nofsinhar jinsistu fuq il-ħtieġa għall-kummerċ ġust (“Trade, not aid”).

    3.4

    Dati importanti fil-kummerċ ġust:

    1860 – Il-pubblikazzjoni tar-rumanz “Max Havelaar” ta’ Eduard Douwes Dekker

    Tmiem is-snin erbgħin – Ten Thousand Villages u SERRV fl-Istati Uniti bdew jagħmlu l-kummerċ mal-komunitajiet foqra tal-pajjiżi tan-Nofsinhar

    Tmiem is-snin ħamsin – OXFAM UK bdiet tbiegħ oġġetti artiġjanali magħmulin minn refuġjati Ċiniżi fil-ħwienet tagħha fir-Renju Unit.

    1957 – Żgħażagħ Kattoliċi Olandiżi ħolqu assoċjazzjoni bil-għan li timporta prodotti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw

    1964 – OXFAM UK tistabbilixxi l-ewwel organizzazzjoni tal-kummerċ alternattiv (ATO)

    1967 – Il-ħolqien tal-ewwel oraganizzazzjoni tal-kummerċ ġust fl-Olanda

    1969 – Jiftħu l-ewwel ħwienet tal-kummerċ ġust fl-Olanda

    1971 – Il-ħolqien tal-ewwel koperattiva tal-kummerċ ġust fil-Bangladesh (“jute work”)

    1973 – Il-bejgħ tal-ewwel kafè tal-kummerċ ġust fl-Olanda

    1988 – Jitqiegħed għall-bejgħ l-ewwel kafè bit-tikketta “fair trade” ta’ Max Havelaar

    1989 – Il-ħolqien tal-federazzjoni internazzjonali tal-kummerċ alternattiv (IFAT- International Federation for Alternative Trade) li wara nbidlet għall-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ ġust (WFTO)

    1990 – Il-ħolqien tal-organizzazzjoni Ewropea tal-kummerċ ġust (EFTA – European Fair Trade Organisation)

    1993 – Il-ħolqien tal-korp għat-tikkettar Transfair fil-Ġermanja

    1994 – It-te jiddaħħal fis-sistema tal-kummerċ ġust

    Il-ħolqien tan-netwerk tal-ħwienet dinjija Ewropej (NEWS – Network of European Worldshops)

    1996 – Il-banana tiddaħħal fis-sistema tal-kummerċ ġust fl-Olanda

    1997 – Il-korpi tat-tikkettar (Max Havelaar, Transfair, Rattvisemarkt, Faire Trade, eċċ.) jingħaqdu biex jiffurmaw l-organizzazzjoni tat-tikkettar tal-kummerċ ġust (FLO) Monoprix u Auchan jiftiehmu li jibdew ibigħu kafè tal-kummerċ ġust

    1998 – L-organizzazzjonijiet tal-kummerċ ġust (FLO, IFAT, NEWS u EFTA) jingħaqdu biex jiffurmaw il-FINE

    2004 – Id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-kummerċ ġust f’xi kantini fi Franza.

    3.5

    Ir-regoli tal-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO – World Trade Organisation) ma jqisux l-aspetti umani, soċjali u ambjentali. Il-bżonn li din is-sitwazzjoni titranġa jġiegħel lin-nies jagħmlu skambji kummerċjali li jirrispettaw il-valuri umani. Għal dawn in-nies il-kummerċ ġust huwa prova li d-dinja tista’ tinbidel. Il-kummerċ ġust jippromovi t-trasparenza, il-gvernanza tajba u r-responsabbiltà u għaldaqstant jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli.

    4.   Deskrizzjoni

    4.1

    L-għan tal-kummerċ ġust, u b’mod aktar ġenerali, tal-konsum etiku, responsabbli u ċivili, huwa li jiġu ddefiniti l-mezzi kif dan is-suċċess miksub fost il-pubbliku ġenerali jinżamm b’mod permanenti, billi:

    jiġi żgurat li l-kummerċ ġust ikun trasparenti, viżibbli u li jinftiehem il-mod kif jaħdem;

    jiġi ggarantit li x-xiri se jagħmel tajjeb għall-iżvilupp tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    4.2

    Il-KESE jinnota li fit-tfassil tal-istandards għall-Kummerċ Ġust tqiesu d-drittijiet fundamentali tax-xogħol (ILO), ir-rispett għall-istandards ambjentali u tal-bijodiversità u l-ħlas aħjar lill-produtturi fir-relazzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali.

    4.3

    Għal xi wħud l-espressjoni “kummerċ ġust” tista’ tidher bħala waħda li tikkontradixxi lilha nnifisha, peress li l-liġijiet tas-suq m’għandhom l-ebda valur uman. Iżda l-fatt li jingħaqdu l-kummerċ u d-djalogu soċjali bil-għan li tissaħħaħ il-ġustizzja fil-kummerċ dinji se tkun sfida għas-seklu 21 li għaliha l-KESE jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu. Dan għaliex b’hekk ikun jista’ jintlaħaq żvilupp sostenibbli billi jiġu offruti kundizzjonijiet aħjar għall-kummerċ u jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-produtturi u tal-ħaddiema li ma ntlaħqux miċ-ċiklu ta’ Doha.

    4.4

    L-introduzzjoni ta’ tikketti u kodiċi ġodda mnedija minn atturi ġodda fis-settur li jistqarru li jipprattikaw il-kummerċ ġust, toħloq ukoll konfużjoni fost il-konsumaturi. Bir-riskju li jiddgħajjef il-kunċett, il-prinċipji tiegħu u l-kriterji li jiddefinixxuh, l-għadd kbir ta’ sistemi ta’ referenza u ta’ garanziji joħloq iċ-ċans li jsiru arranġamenti kummerċjali opportunistiċi bbażati fuq sistemi ta’ garanzija li jiswew inqas għal dawk li jħallsu l-ispejjeż li ħafna drabi jkunu fil-livelli aktar baxxi tal-katini tal-industrija, iżda li jinvolvu wkoll inqas appoġġ għall-iżvilupp tal-pajjiżi emerġenti. Il-Kumitat jixtieq jara sistema ta’ ċertifikazzjoni internazzjonali mmexxija minn organizzazzjonijiet tal-kummerċ ġust (ara l-proposti preċedenti dwar it-terminoloġija), soġġetta għat-twaqqif ta’ korp ta’ monitoraġġ indipendenti akkreditat u, naturalment, għall-konformità mal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-ikel.

    4.5

    Il-KESE jitlob li l-prodotti kollha tal-kummerċ ġust ikunu ggarantiti bl-istess kriterji fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Sal-lum għadha ma teżistix definizzjoni uffiċjali Ewropea tal-kummerċ ġust li għandha saħħa legali. Il-KESE jaqbel mad-definizzjoni konġunta adottata minn FINE (in-netwerk tal-FLO, IFAT, NEWS! u EFTA) u użata mill-Kummissjoni Ewropea f’komunikazzjoni reċenti dwar il-Kummerċ Ġust (1):

    “Il-kummerċ ġust huwa sħubija ta’ kummerċ, imsejjes fuq id-djalogu, it-trasparenza u r-rispett, li l-għan tiegħu huwa li tinkiseb ġustizzja akbar fil-kummerċ dinji. Dan jagħti kontribut lill-iżvilupp sostenibbli billi joffri kundizzjonijiet aħjar għall-kummerċ, billi jiżgura d-drittijiet tal-produtturi u tal-ħaddiema marġinalizzati, speċjalment dawk tan-Nofsinhar tad-dinja.

    L-organizzazzjonijiet tal-Kummerċ Ġust (appoġġjati mill-konsumaturi) jimpenjaw ruħhom attivament fl-appoġġ lill-produtturi, li jqajmu kuxjenza fost il-pubbliku u li jagħmlu kampanja favur it-tibdil fir-regoli u l-prattiki tal-kummerċ internazzjonali konvenzjonali.

    5.   Il-produtturi (prinċipji)

    5.1

    Il-kummerċ ġust jiżgura li l-produtturi jitħallsu tajjeb kemm jista’ jkun, b’mod stabbli u li jkollhom dħul biżżejjed biex jgħixu sew, kif stipulat mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u t-trade unions f’kull reġjun u pajjiż ikkonċernat.

    5.2

    Il-prezz għandu jiġi ddeterminat skont il-medja tal-ispejjeż tal-produzzjoni, skont:

    il-ħin imqatta’ mill-forza tax-xogħol lokali, b’rata ta’ ħlas aġġustata biex tiżgura livell ta’ għajxien deċenti;

    l-investimenti għal terminu ta’ żmien medju jew twil meħtieġa sabiex jiġu rrispettati l-istandards ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-kummerċ ġust;

    analiżi tas-suq;

    l-għażliet ta’ politika tal-maġġoranza ta’ dawk involuti fil-kummerċ ġust: 60 % ta’ finanzjament minn qabel għall-produtturi qabel il-ħsad, relazzjoni stabbli bejn il-produtturi u d-distributuri biex jiġu żgurati l-postijiet fejn jinbiegħu l-prodotti għall-produtturi u l-provvisti għad-distributuri.

    5.3

    Il-kummerċ ġust għandu jkollu ċerti rekwiżiti, bħall-projbizzjoni tal-isfruttament fix-xogħol, speċjalment dak li jinvolvi t-tfal, kif ukoll ir-rispett tal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), anke meta dan ma jkunx mitlub mil-liġijiet soċjali tal-pajjiż.

    5.4

    Il-kummerċ ġust jiżgura l-ħlas parzjali minn qabel għall-prodotti tal-ikel sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jiffinanzjaw il-materja prima.

    5.5

    Bla dubju l-proċess tal-manifattura tal-prodotti tal-ikel għandu jirrispetta l-ambjent, ir-riżorsi naturali u l-liġijiet fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.

    5.6

    Minħabba l-kummerċ ġust, jinħolqu impjiegi li huma soċjalment utli kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel fil-katina (u jwassal ukoll sabiex dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà jerġgħu jsibu d-dinjità permezz tax-xogħol).

    5.7

    Il-kummerċ ġust jiżgura li ġenwinament ikun hemm traċċabbiltà u trasparenza totali, permanenti u pubblika tal-attivitajiet fl-istadji kollha tal-katina tal-proċess (kuntest, prezz, marġni, eċċ.).

    5.8

    Permezz tal-kummerċ ġust għandha tinbet ekonomija bbażata fuq is-solidarjetà f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli.

    5.9

    Il-kummerċ ġust għandu jiġi ġġudikat biss fuq azzjonijiet u impenji preċiżi u mhux sempliċement fuq intenzjonijiet tajba.

    5.10

    Il-kummerċ ġust huwa mod stabbilit sew kif titnieda politika dinjija ġdida għall-ikel li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

    6.   Il-prodotti

    6.1

    Il-prodotti tal-ikel jiffurmaw il-biċċa l-kbira tad-dħul tal-kummerċ ġust. Fost dawn il-prodotti, il-kafè jiġi l-ewwel: prodotti oħra huma t-te, iċ-ċikkulata, il-frott imqadded, il-ħwawar, ir-ross, iċ-ċereali, iz-zokkor, l-għasel u l-ġamm. Dan l-aħħar dehru wkoll xi prodotti friski fis-suq iżda għadhom mhux mifruxa fin-netwerks tal-kummerċ ġust, minħabba li ma jmexxux daqshekk. Madankollu, qed naraw żieda qawwija fil-bejgħ tal-prodotti friski minn mindu l-koperattivi tal-konsumaturi u bejjiegħa bl-imnut privati oħra bdew ibigħu l-prodotti tal-kummerċ ġust.

    6.2

    Il-kummerċ ġust immirat biex jgħin itejjeb is-sitwazzjoni tal-produtturi ż-żgħar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jippermetti t-twaqqif ta’ katini kumplessi tal-produzzjoni tal-ikel sabiex jinħolqu impjiegi li huma soċjalment sostenibbli.

    6.3

    Il-kummerċ ġust għandu jkun jista’ jitfa’ l-enfasi fuq il-ħtieġa li jiġu influwenzati parti ikbar mill-katini tal-produzzjoni biex dan il-proċess jingħata aktar importanza politika, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi tal-produtturi.

    7.   Pajjiżi ewlenin

    7.1

    Il-pajjiżi kollha involuti fil-produzzjoni agrikola tal-kummerċ ġust huma pajjiżi tan-Nofsinhar. Il-kummerċ ġust, permezz tat-trasparenza relattiva tal-proċess ta’ negozjar tiegħu, xeħet id-dawl fuq kemm parti żgħira biss mill-prezz li jħallas il-konsumatur tibbenefika lill-produttur (għal kull EUR 100 li jintefqu, EUR 20 biss jerġgħu jidħlu fl-ekonomija lokali) u liema ammont mill-valur miżjud (pereżempju fl-ipproċessar u l-bejgħ fil-ħwienet) jibqa’ fid-dinja żviluppata. Il-kwistjoni vera hawnhekk hija jekk il-kummerċ ġust huwiex kapaċi jwassal għal tibdil dejjiemi fir-regoli tal-kummerċ internazzjonali.

    8.   Leġiżlazzjoni jew ċertifikazzjoni

    8.1

    Il-Kumitat iħoss li ċ-ċertifikazzjoni toffri l-aħjar garanzija għall-konsumaturi. Iċ-ċertifikazzjoni hija proċess ta’ verifika minn korp indipendenti imparzjali akkreditat (wara proċess ta’ akkreditazzjoni) li jiċċekkja jekk servizz, prodott jew proċess huwiex konformi mar-rekwiżiti mniżżla fil-ħtiġijiet (dawn il-ħtiġijiet jistgħu jorbtu legalment jew le). B’hekk, għalkemm iċ-ċertifikazzjoni u l-akkreditazzjoni t-tnejn huma proċeduri ta’ verifika, l-akkreditazzjoni tiċċekkja l-ħiliet filwaqt li ċ-ċertifikazzjoni tiċċekkja li jkunu qed jikkonformaw ma’ sett ta’ rekwiżiti. L-isfida tal-kummerċ ġust, u b’mod aktar globali, dik tal-konsum etiku, responsabbli u ċiviku, hija li jiġu ddefiniti l-mezzi kif dan is-suċċess jista’ jiġi stabbilit sabiex:

    1)

    jiġu ggarantiti t-trasparenza, il-viżibbiltà u l-fehim tal-mod kif jaħdmu l-katini tal-kummerċ ġust. F’dan ir-rigward għandhom isiru kampanji ta’ informazzjoni biex jiġi spjegat il-mod kif jaħdem is-settur u l-isfidi tiegħu.

    2)

    jiġi ggarantit li mix-xiri ta’ prodott tal-ikel igawdu l-irħula u dawk li jgħixu fihom, kif ukoll l-iżvilupp tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    8.2

    Għalhekk il-kummerċ ġust waqqaf sistemi ta’ garanziji, iżda l-leġittimità tagħhom ġejja mill-fatt li dawn ġew innegozjati u saru bl-involviment tad-diversi partijiet ikkonċernati.

    Is-sistema ta’ garanzija mwaqqfa mill-FLO tiddefinixxi l-ħtiġijiet li l-prodotti jridu jirrispettaw;

    Dawn il-ħtiġijiet u l-qafas ta’ referenza mwaqqaf mid-WFTO jindirizzaw il-prattiki tal-istrutturi involuti fil-kummerċ ġust.

    8.3

    L-FLO u d-WFTO qed jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li s-sistemi ta’ garanzija tagħhom ikunu komplementari. Biex dan iseħħ iridu jsibu l-punti ta’ konverġenza u ta’ koerenza bejn iż-żewġ approċċi. Sal-lum, kulma sar f’dan l-istadju kien inventarju.

    8.4

    Dawn is-sistemi ta’ verifika huma indispensabbli. Il-livell għoli tal-garanzija huwa essenzjali sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ sistemi ta’ leġiżlazzjonijiet differenti fil-pajjiżi tat-Tramuntana u fl-interess tal-konsumaturi. Il-korpi tal-kummerċ ġust diġà waqqfu sett ta’ rekwiżiti internazzjonali u qablu fuq Karta tal-Prinċipji tal-Kummerċ Ġust; huma jridu jkomplu jikkoperaw flimkien dwar sistema konġunta ta’ ċertifikazzjoni għall-produtturi.

    9.   Il-kundizzjonijiet għall-għajnuna għall-iżvilupp

    9.1

    Il-kummerċ ġust jgħin biex jitnaqqas il-faqar filwaqt li jinżammu s-sisien tal-iżvilupp sostenibbli.

    9.2

    Il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea tista’ tippromovi l-iżvilupp tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-appoġġ biex il-produtturi agrikoli żgħar jitħeġġu biex jibdew jagħmlu kummerċ ġust jista’ jkun wieħed mill-kriterji għall-għoti tas-sussidji, biex b’hekk isir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-pajjiżi.

    10.   L-isfidi tal-kummerċ ġust

    10.1

    Il-kummerċ ġust huwa bla dubju frott id-dinamiżmu kummerċjali, soċjali, edukattiv u politiku tal-atturi lokali u internazzjonali.

    10.2

    Il-kummerċ ġust huwa innovazzjoni soċjo-ekonomika, appoġġjata mis-soċjetà ċivili biex jinbidlu l-prattiki kummerċjali internazzjonali sabiex jikkunsidraw aktar l-aspett uman. Huwa għandu:

    iżomm l-influwenza li għandu fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u ambjentali;

    jikkonsolida il-bażi soċjali tiegħu mat-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-ambjentalisti u l-koperattivi tal-produtturi lokali;

    ikabbar u jiddiversifika s-suq tiegħu, peress li n-negozjanti għandhom bżonn iwessgħu l-għażla ta’ prodotti u n-netwerks tagħhom;

    jiżgura li l-produtturi jieħdu proporzjon ikbar tal-valur miżjud;

    jgħin lill-produtturi tan-Nofsinhar jorganizzaw lilhom infushom biex b’hekk ikollhom aktar indipendenza;

    jippromovi l-iżvilupp lokali u t-titjib tad-drittijiet fundamentali ekonomiċi, soċjali u kulturali;

    ikun jista’ jtejjeb b’mod globali r-regoli u l-prattiki tal-kummerċ konvenzjonali.

    11.   “Ġust” għall-produtturi Ewropej ukoll?

    11.1

    Il-prodotti agrikoli kollha tal-kummerċ ġust joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minkejja dan, xi prodotti bħaz-zokkor, l-inbid u l-banana jiġu prodotti wkoll mill-pajjiżi Ewropej bi standards soċjali ħafna ogħla, u dan ifisser li dawn jistgħu jkunu iktar għoljin minn prodott ċertifikat bit-tikketta tal-kummerċ ġust.

    11.2

    Sabiex tiġi evitata din is-sitwazzjoni delikata, jeħtieġ li tinħoloq organizzazzjoni internazzjonali tal-produtturi minn dawn is-setturi biex jiġu identifikati kompromessi li jaqblu lil kulħadd.

    12.   Il-kummerċ ġust, bażi ġdida għall-ekonomija

    12.1

    Ħafna organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem jikkundannaw l-effetti tal-kummerċ internazzjonali (id-WTO).

    12.2

    Id-diversi atturi u partijiet involuti fil-kummerċ ġust jiddistingwu ruħhom fil-livell dinji permezz ta’ differenzi kemm kwalitattivi kif ukoll kwantittativi. Wara kollox, hija l-ħila tagħhom li jkopru l-firxa wiesgħa tal-kummerċ ġust li tagħti valur lil dan l-approċċ u li tiftaħ il-possibbiltà li dan ikollu impatt sinifikanti.

    Brussell, 1 ta’ Ottubru 2009

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  COM(2009) 215 finali.


    Appendiċi I

    Il-marġni tar-ritorn lill-produtturi meta mqabbel mal-kummerċ konvenzjonali

    Kummerċ

    Kafè

    Te darjeeling

    Zokkor

    Quinoa

    Ross Basmati

    Konvenzjonali

    5 %

    7 %

    2,5 %

    6,7 %

    6,5 %

    Ġust

    17 %

    9,5 %

    3,8 %

    8,5 %

    9,5 %


    Appendiċi II

    Eżempju tal-mod kif jinqasam il-prezz tar-ross Tajlandiż tad-ditta Max Havelaar:

    15 % l-produttur

    26 % spejjeż tal-ipproċessar

    2 % dazji

    57 % spejjeż tal-ippakkjar u d-distribuzzjoni.


    Top