EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0632

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

ĠU C 228, 22.9.2009, p. 113–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

COM(2008) 837 finali/2 – 2009/0003 (CNS)

2009/C 228/22

Nhar il-21 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

Nhar l-24 ta’ Frar 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur Lucien BOUIS bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’135 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet

1.1

Huwa stmat li fl-Istati Membri tal-UE bejn 8 % u 12 % tal-pazjenti li jittieħdu l-isptar ibatu minn konsegwenzi mhux mixtieqa waqt li jkunu qed jirċievu l-kura tas-saħħa (1) għalkemm meta jiddaħħlu l-isptar ma jkunux qed ibatu minn dawn il-konsegwenzi.

1.2

Minkejja li ftit saru studji b’rabta ma’ dan, jidher li l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa jżidu r-riskju ta’ mewt bi tliet darbiet meta wieħed iqabbel ir-rata tal-imwiet ta’ pazjenti li ħadu tali infezzjoni man-numru ta’ pazjenti bl-istess patoloġija iżda li ma ħadux tali infezzjoni.

1.3

Minħabba l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa l-ispejjeż jiżdiedu b’mod sostanzjali billi l-pazjenti jdumu aktar l-isptar, trid tingħata l-kura kontra l-infezzjoni, iridu jsiru l-analiżi tal-laboratorji, trid tiġi sorveljata l-infezzjoni u l-effetti ta’ wara l-infezzjoni, u jrid jingħata kumpens lill-familja f’każ li jmut il-pazjent.

1.4

Jekk il-każi tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa jonqsu b’10 %, l-ispejjeż jonqsu b’iżjed minn ħames darbiet aktar mill-ħidma ta’ prevenzjoni li jsiru fl-isptarijiet (2).

1.5

Għaldaqstant, il-Proposta għal Rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa hija parti minn approċċ etiku, soċjali u ekonomiku. Minħabba l-importanza tal-ġlieda kontra l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa kien hemm bżonn li titressaq Proposta għal Direttiva.

1.6

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir din il-Proposta li hija konformi mal-Artikolu 152 li jistipula li l-azzjoni tal-Komunità tikkumplementa l-politika nazzjonali fl-oqsma tat-titjib tas-saħħa pubblika u tal-prevenzjoni tal-mard.

1.7

Il-KESE jagħraf l-importanza tal-azzjonijiet ta’ appoġġ proposti, u jressaq għadd ta’ kummenti u proposti bil-għan li jiċċara u jsaħħaħ is-sikurezza tal-pazjent permezz tal-ħarsien minn infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-ġlieda kontrihom.

1.8

Il-KESE jemmen fil-ħtieġa li tiġi żviluppata l-analiżi tal-kundizzjonijiet li fihom jittieħdu l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u jinħolqu konsegwenzi mhux mixtieqa. F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-azzjonijiet legali, jixtieq kjarifika rigward id-data miġbura bil-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-pazjent filwaqt li jitħeġġu l-prattiki ta’ analiżi mill-professjonisti u mill-istrutturi maħsuba għall-ġestjoni tar-riskji.

1.9

Il-KESE jagħmel enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati u estiżi l-politiki u l-pjanijiet nazzjonali, fuq il-bżonn li ċ-ċittadini u l-pazjenti jiġu infurmati, fuq il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ rappurtar u fuq it-taħriġ tal-persunal fil-livell tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-kura.

1.10

Billi ra li l-iżvilupp tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa jolqot kemm lill-pazjenti fl-isptar kif ukoll lill-outpatients, il-KESE jixtieq li l-istess attenzjoni tingħata lill-kura tas-saħħa u lill-ġlieda kontra l-konsegwenzi mhux mixtieqa fi kwalunkwe tip ta’ istituzzjoni tal-kura.

2.   Sinteżi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-kuntest tal-approċċ

2.1.1

L-Artikolu 152 jistipula li l-azzjoni tal-Komunità, li għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard tal-bniedem, u għandha tipprevjeni sorsi ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

2.1.2

Huwa stmat li fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea madwar 10 % tal-pazjenti jisfaw vittmi ta’ konsegwenzi mhux mixtieqa fil-waqt li jkunu qed jingħataw il-kura tas-saħħa (3).

2.1.3

L-Istati Membri tal-UE jinsabu f’livelli differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji effettivi u komprensivi għas-sikurezza tal-pazjenti.

2.2   L-approċċ tar-Rakkomandazzjoni

2.2.1

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ rappurtar komprensivi sabiex wieħed ikun jista’ jitgħallem mill-iżbalji u jiddetermina d-dimensjoni u l-kawżi tal-konsegwenzi mhux mixtieqa, u b’hekk jiġu żviluppati soluzzjonijiet u interventi effiċjenti.

2.2.2

Għandha tinġabar data komparabbli u komplessiva fil-livell Komunitarju, u għandha tinxtered l-aħjar prattika fost l-Istati Membri.

2.2.3

Il-ħarsien mill-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-kontroll tagħhom għandhom ikunu prijorità fit-tul għall-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa. Il-livelli u l-funzjonijiet kollha tal-ġerarkija għandhom jaħdmu id f’id.

2.2.4

Il-pazjenti għandhom ikunu mgħarrfa u mogħtija s-setgħa billi jiġu involuti fil-proċess tas-sikurezza tal-pazjenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jfakkar li l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa huma dawk li jittieħdu f’istituzzjoni tal-kura tas-saħħa għalkemm meta jiddaħħal l-isptar il-pazjent ma jkollux dawn l-infezzjonijiet. Ifakkar ukoll li dawn l-infezzjonijiet jistgħu jkunu marbuta mal-kura li tingħata jew sempliċement jittieħdu waqt li l-pazjent ikun l-isptar irrispettivament minn kwalunkwe intervent mediku.

3.1.1   Il-KESE jenfasizza li sabiex jiġu garantiti livelli ta’ iġjene ogħla għall-persunal għandhom jintlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal b’rabta mal-ħin li jqattgħu mal-pazjenti, il-kwalifiki avvanzati meħtieġa u s-sodisfazzjon tagħhom bil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, dawk responsabbli għall-qasam tas-saħħa huma mħeġġa jipprovdu l-mezzi meħtieġa għal dan il-għan.

3.2   Il-KESE jirrimarka li dawn l-infezzjonijiet jistgħu jittieħdu b’mod endoġeniku jew inkella b’mod esoġenu, bħall-infezzjonijiet li jgħaddu minn persuna marida għal oħra permezz ta’ min ikun qed jagħti l-kura, tal-għodda li jaħdem biha l-persunal mediku u paramediku, iżda wkoll l-infezzjonijiet marbuta mat-tniġġis tal-ambjent (l-ilma, l-arja, l-għodda jew il-materjali, l-ikel, eċċ.).

3.2.1   Indipendetement minn kif tittieħed l-infezzjoni, l-istat tal-pazjent jista’ jgħin it-teħid tal-infezzjoni minħabba:

l-età u l-patoloġija tiegħu;

ċerta kura tas-saħħa (b’mod partikolari l-ammont eċċessiv ta’ antibijotiċi); u

ċerti interventi meħtieġa għall-kura.

3.3   Billi permezz tal-progress mediku qed jiġu kkurati pazjenti dejjem aktar fraġli u b’hekk jiżdied in-numru ta’ fatturi ta’ riskju, għandu jkun hemm, fil-qafas ta’ organizzazzjoni stretta, prattika definita u kontrollata, sorveljanza msaħħa u azzjonijiet ta’ tagħrif u taħriġ fir-rigward tal-kwalità tal-kura, is-sikurezza tal-interventi u l-ambjent tal-istituzzjoni tal-kura.

3.4   It-tnaqqis tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa li jistgħu jiġu evitati, bħall-mard li jittieħed waqt li wieħed ikun l-isptar, huwa importanti immens għas-sikurezza tal-pazjent. Però, billi fl-isptar il-pazjent iħabbat wiċċu ma’ riskji oħra, bħall-waqgħat, l-effetti sekondarji tal-medikamenti, eċċ., il-ħarsien mill-infezzjonijiet għandu jiġi integrat f’approċċ aktar globali li jinkludi l-konsegwenzi mhux mixtieqa kollha.

3.5   Huwa f’dan il-kuntest li l-KESE jilqa’ l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni mressaq mill-Kummissjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Kwistjonijiet ġenerali dwar is-sikurezza tal-pazjenti

4.1.1

Il-KESE jixtieq jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li f’kull Stat Membru jitwaqqaf Kumitat għall-Kontroll tal-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa li, flimkien mat-timijiet li jaħdmu fil-qasam tal-iġjene, iħejji pjan strateġiku nazzjonali li jkun jista’ jiġi applikat fil-livell reġjonali u fil-livell ta’ kull istituzzjoni tal-kura. Tali pjan għandu jitressaq għall-evalwazzjoni b’mod regolari.

4.1.2

Il-KESE jemmen li l-ewwel u qabel kollox għandhom jissaħħu l-mekkaniżmi tal-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u wieħed għandu jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-kura jadottaw politika ta’ ħarsien u kontroll tal-infezzjonijiet. L-outpatients għandhom jingħataw l-istess attenzjoni.

4.1.3

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ir-rieda tal-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-pazjenti li jieħdu sehem fit-tfassil tal-politiki u l-pjanijiet ta’ sikurezza tal-pazjenti f’kull livell, u dan jitlob trasparenza effettiva fil-ħidma ta’ osservazzjoni fuq il-post u l-pubblikazzjoni tar-riżultati marbuta ma’ dan.

4.1.4

Il-KESE jaħseb li għandu jiġi determinat l-istatus legali tad-data kwalitattiva u kwantitattiva li tinġabar dwar l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u konsegwenzi mhux mixtieqa oħra; dan għandu jsir fid-dawl tal-fatt li xi ftit minn din id-data tista’ tintuża f’każ ta’ azzjoni legali. Għandu jinstab bilanċ bejn ir-rispett tad-drittijiet tal-pazjent u l-inkoraġġiment ta’ analiżi fil-fond tal-konsegwenzi mhux mixtieqa mill-professjonisti u mill-istrutturi tal-ġestjoni tar-riskji.

4.1.5

Sabiex l-evalwazzjoni ssir f’ambjent ta’ fiduċja, il-KESE jixtieq jenfasizza li s-sistema ta’ rappurtar għandha tkun distinta mis-sistemi u l-proċeduri dixxiplinari li japplikaw għall-persunal mediku, paramediku, amministrattiv jew tas-servizz.

4.1.6

Sabiex il-pazjenti jiġu mgħarrfa sewwa dwar ir-riskji u l-livell ta’ sikurezza, il-KESE jemmen li għandu jitħejja ktejjeb ta’ informazzjoni li jinkludi r-rakkomandazzjonijiet dwar prattiki tajbin marbuta mal-iġjene u l-miżuri li jkunu qed jittieħdu.

4.1.7

Billi jemmen li l-bażi ta’ kull strateġija ta’ prevenzjoni hija l-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persunal involut fis-sikurezza tal-pazjent, fil-fehma tal-KESE t-taħriġ tal-persunal speċjalizzat fl-iġjene jista’ jissaħħaħ billi jiġi definit aħjar il-kontenut tat-taħriġ tat-tobba, l-infermiera kif ukoll tal-persunal kollu tal-isptar.

4.1.8

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-professjonisti jaċċettaw il-kummenti li jgħaddulhom il-pazjent u/jew dawk ta’ madwarhom fir-rigward tan-nuqqasijiet tagħhom relatati mal-iġjene. Barra li nagħmlu lill-pazjenti konxji tar-regoli marbuta mal-iġjene fl-isptar, irridu nħeġġu wkoll lill-professjonisti jisimgħu u jikkunsidraw il-kummenti u x-xewqat tal-pazjenti u l-qrabat tagħhom.

4.2   Il-ħarsien minn infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-kontroll tagħhom

4.2.1

Fil-fehma tal-KESE, sabiex jiġu kkontrollati l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa:

l-ambjent għandu jiġi sorveljat minn espert tekniku tal-bijoiġjene għat-trattament tal-arja, il-kontroll tal-ilma, id-diżinfezzjoni tal-għodda u l-kwalità mikrobijoloġika tal-uċuħ fejn tingħata l-kura;

min ikun qed jagħti l-kura, il-pazjenti u dawk ta’ madwarhom għandhom jirrispettaw b’mod strett il-protokolli b’rabta mal-iġjene tal-idejn;

għandu jiġi sorveljat is-settur tal-ikel permezz ta’ kontrolli mikrobijoloġiċi li jivverifikaw il-konformità tal-materja prima u tal-prodotti lesti, il-katini kesħin u sħan, il-proċess tat-trattament tal-merkanzija u l-iskart, il-prattiċi iġjeniċi tal-persunal tal-kċina u tas-servizz;

għandha tiġi assigurata l-indafa tal-isptar, tal-post fejn isiru l-interventi u fejn tingħata l-kura, u dan jista’ jirrikjedi li l-prodotti tat-tindif jinbidlu b’mod regolari;

għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kontroll tal-ilma sħun u kiesaħ li jintuża minn kulħadd u tal-ilma li jkun ġie ttrattat għall-użu mediku.

4.2.2

Il-KESE jiddispjċih li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma tagħmilx biżżejjed referenza għall-obbligu li jiġu analizzati l-konsegwenzi mhux mixtieqa. Diversi metodi, bħall-analiżi tal-imwiet u l-mard, li jiġu applikati b’mod regolari jistgħu jtejbu s-sikurezza tal-kura tas-saħħa.

4.2.3

Il-KESE jemmen li l-iskambju tal-informazzjoni, li jsir fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet u l-prattiki t-tajba applikati fil-kuntest tal-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, huwa miżura adatta li biha wieħed ikun jista’ jikklassifika, jikkodifika u saħansitra jistandardizza ċerti prattiki. Bis-saħħa ta’ dan l-iskambju jistgħu jiġu żviluppati wkoll sistemi ta’ referenza siewja immens għal meta jkunu ser jiġu rinnovati l-istituzzjonijiet tal-kura jew meta jkunu ser jinbnew istituzzjonijiet tal-kura ġodda.

4.2.4

Il-KESE jinnota l-inkoraġġiment min-naħa tal-Kummissjoni biex fi żmien sena jitwaqqaf mekkaniżmu intersettorjali f’dan il-qasam, u ser joqgħod attent li din ix-xewqa sseħħ.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Rapport tekniku Improving Patient Safety in the EU (Titjib fis-sikurezza għall-pazjent fl-UE), imħejji għall-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat fl-2008 mill-Kooperazzjoni RAND.

(2)  Rapport dwar La politique de lutte contre les infections nosocomiales (Il-politika tal-ġlieda kontra l-infezzjonijiet li jittieħdu waqt li wieħed ikun l-isptar) imħejji mill-Uffiċċju Parlamentari Franċiż tal-Valutazzjoni tal-Politiki tas-Saħħa, 2006.

(3)  Ara n-nota nru 1.


Top