Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0630

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 228, 22.9.2009, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 228/9


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem (opinjoni esploratorja)

    2009/C 228/02

    F’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008, fil-kuntest tal-Presidenza Ċeka li jmiss tal-Unjoni Ewropea, il-Ministeru Ċek għall-Affarijiet Barranin u Ewropej talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

    is-Sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” (opinjoni esploratorja)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur MALOSSE u l-korapporteur kien is-Sur PÎRVULESCU.

    Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’160 vot favur, vot wieħed kontra u 11-il astensjoni.

    1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Din l-opinjoni esploratorja, li tfasslet bi tweġiba għat-talba tal-Presidenza Ċeka lill-KESE, tiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-istituzzjonijiet edukattivi, tressaq rakkomandazzjonijiet għall-intrapriżi, l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi, il-firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet edukattivi u l-UE; u teżamina wkoll għadd ta’ approċċi għat-tnedija ta’ djalogu soċjali u djalogu ċivili mal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kkonċernati.

    1.2

    L-opinjoni tqis il-punti li ġejjin:

    il-kriżi attwali li qed tesponi l-Ewropa għal sfidi interni u esterni ġodda u li fl-ekonomija reali qed tfisser l-għeluq u r-ristrutturar ta’ intrapriżi u żieda kbira fil-qgħad;

    it-tendenzi strutturali b’impatt soċjali u ekonomiku qawwi, fosthom it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-impatt ta’ setgħat ekonomiċi emerġenti fuq il-kompetizzjoni dinjija u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda li jeħtieġu adattament kontinwu u l-ippjanar ta’ ħiliet ġodda biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ġejjieni;

    il-bżonnijiet ta’ persuni u gruppi fil-periklu ta’ esklużjoni. Il-gruppi vulnerabbli huma l-aktar f’periklu fi żmien ta’ kriżi. Is-sħubijiet għandhom jippromovu t-trattament ġust billi jiżviluppaw proġetti li jħeġġu l-inklużjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ, tal-minoritajiet, tal-persuni b’diżabilità u tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fis-suq tax-xogħol.

    1.3

    L-opinjoni tenfasizza diversi prijoritajiet:

    kultura ta’ sħubija li trawwem rispett għar-rwoli fundalment differenti tal-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi;

    ħarsa ġenerali lejn ir-relazzjonijiet u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi; li għajr għall-qasam tal-edukazzjoni teknika u vokazzjonali, għad m’hemmx biżżejjed minnhom, u fuq kollox m’għandhomx il-mezzi u l-viżjoni strateġika meħtieġa;

    il-ħtieġa li l-inizjattivi kollha jkunu msejsa fuq kompromess bejn l-approċċ minn fuq għal isfel u l-approċċ minn isfel għal fuq;

    l-importanza tar-relazzjonijiet personali sabiex is-sħubijiet jaħdmu b’mod effikaċi;

    l-obbligu li l-kwistjonijiet ġenerali tas-sħubijiet, fis-sens wiesa’ tal-kelma, bejn l-istituzzjonijiet edukattivi (l-universitajiet, iċ-ċentri tat-taħriġ vokazzjonali, l-iskejjel, eċċ) u min iħaddem (is-settur pubbliku u privat, NGOs, eċċ) jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ imsejjes fuq tliet livelli:

    l-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja,

    it-taħriġ vokazzjonali bażiku u kontinwu,

    it-taħriġ fl-oqsma tal-inġinerija, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka;

    impenji partikolari fir-rigward tas-setturi vokazzjonali u l-SMEs. Din il-kategorija ta’ intrapriżi, minħabba l-flessibiltà tagħha, fil-fatt hija s-sors prinċipali għall-ħolqien ta’ impjiegi fi żminijiet ta’ kriżi u taqdi rwol partikolari fil-ħolqien ta’ spritu intraprenditorjali u l-kreattività;

    ir-rwol tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-unjins kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala xprun tal-proġetti u s-sinerġiji, bil-għan li jappoġġjaw l-inizjattivi u l-istrutturi sostenibbli u dinamiċi.

    Approċċ ġenerali għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-atturi kollha kkonċernati f’kuntest ta’ kompetizzjoni

    1.4

    Il-KESE jipproponi li jinbena qafas ġdid għal sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi fil-livell Ewropew sabiex isir l-aħjar użu tal-benefiċċji tad-dimensjoni Ewropea u biex jinkiseb progress soċjali. Il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ proċess Ewropew li jista’ jissejjaħ “il-proċess ta’ Praga” b’referenza għall-konferenza dwar “Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” li ser tinżamm fis-6 u s-7 ta’ April fi Praga fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Ċeka. Dan il-proċess jista’ jieħu l-għamla ta’ qafas ta’ referenza Ewropew wiesa’ biżżejjed biex jippermetti lill-operaturi lokali jimplimentaw miżuri innovattivi fil-livell lokali u nazzjonali:

    jitolbu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra jinvestu aktar fl-edukazzjoni b’mod ġenerali u partikolarment f’dawn is-sħubijiet bil-għan li jiġu indirizzati adegwatament il-kriżi ekonomika u d-diffikultajiet li għad hemm fis-suq tax-xogħol;

    iħeġġu lill-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi jinvolvu ruħhom f’dawn is-sħubijiet filwaqt li jkunu innovattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-għamla u l-kontenut;

    jorganizzaw skambji ta’ prattiki tajba u jirristrutturaw l-oqfsa tekniċi u finanzjarji għall-kontroll, l-evalwazzjoni u t-tixrid tal-inizjattivi fil-livell Ewropew;

    jiżviluppaw proġetti komuni (sistemi ta’ referenzi komuni għall-kwalifiki, netwerks ta’ skejjel u inizjattivi, taħriġ għall-għalliema, netwerk ta’ medjaturi);

    jippromovu programmi ta’ mobilità reċiproka għall-għalliema, l-istudenti, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

    1.5

    Il-KESE jissuġġerixxi li dan il-proċess jiġi ffinanzjat minn issa sal-2013 mill-Fondi Strutturali Ewropej u l-programmi eżistenti (Leonardo, Grundtvig, Erasmus għall-istudenti, l-apprendisti u l-intraprendituri, eċċ.) billi jiġu adattati jekk ikun hemm bżonn. B’mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista’ jintuża għat-taħriġ bażiku. Programm speċifiku komplementari jista’ jiġi propost wara l-2013.

    2.   Il-ħtieġa u l-potenzjal tas-sħubijiet bejn id-dinja intraprenditorjali u dik edukattiva

    2.1

    Fl-Ewropa, l-iżvilupp u l-kwalità tal-ħajja jiddependu ħafna mill-istandards kulturali u xjentifiċi li min-naħa tagħhom jiddependu mill-kwalità tas-sistemi edukattivi. Jeħtieġ li nenfasizzaw il-fatt li fl-Ewropa s-sħubija bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni qed tiffaċċja sfidi kbar marbuta mal-aspetti li ġejjin:

    l-aspett soċjali: iż-żieda qawwija fid-domanda għall-għarfien;

    l-aspett ekonomiku: iż-żieda esponenzjali tas-suġġetti li għandhom jiġu mgħallma sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ekonomija;

    l-aspett kulturali: il-ħtiġijiet dejjem aktar kumplessi tal-promozzjoni tal-valuri multikulturali.

    Is-sħubija għandha wkoll tqis:

    id-dritt għat-tagħlim u għall-edukazzjoni għal kulħadd u b’mod partikolari fl-ogħla livell possibbli ta’ kultura ġenerali, inkluż it-tagħlim tal-lingwi u tat-teknoloġija moderna tal-komunikazzjoni;

    il-ġlieda kontra kull xorta ta’ esklużjoni u ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rispett tad-diversità f’kull għamla tagħha;

    l-inizjattiva, il-kreattività u l-valuri pożittivi kollha relatati mal-kunċett tal-ħolqien tal-ġid u tal-ispirtu intraprenditorjali;

    attenzjoni partikolari għall-każijiet individwali b’mod partikolari l-gruppi speċifiċi.

    2.2

    Tradizzjonalment l-Ewropa tiddependi mill-previżjonijiet tal-ħiliet fuq perijodu fit-tul. Madankollu, f’ekonomija globali li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi jaħdmu flimkien aktar mill-qrib bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati u tal-futur qrib tal-ekonomija u b’mod partikolari tal-SMEs.

    2.3

    Għal ħafna snin, l-oqsma tal-edukazzjoni teknika, sekondarja u terzjarja kellhom esperjenzi pożittivi ħafna fil-qasam tas-sħubijiet, għax permezz tagħhom rawmu relazzjonijiet vantaġġużi mal-ambjent ekonomiku permezz ta’ diversi ftehimiet – formali jew informali – li jorbtu l-istituzzjonijiet edukattivi mal-intrapriżi u viċeversa. Barra l-prattiki t-tajba li sa ċertu punt jinsabu kullimkien, hemm determinazzjoni qawwija sabiex jinħolqu sħubijiet dejjiema li jirrispettaw ir-responsabbiltajiet ta’ kulħadd – b’mod partikolari r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet edukattivi li joħorġu l-kwalifiki b’mod kompletament awtonomu – bil-għan li joħolqu sinerġija u jgħaqqdu l-forzi u t-talenti biex b’hekk flimkien jindirizzaw il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali.

    L-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom għanijiet differenti iżda t-tnejn jistgħu jiksbu l-objettivi tagħom b’suċċess billi jiżviluppaw skambji ta’ informazzjoni, sħubijiet u proġetti komuni. Għal snin sħaħ, jew pjuttost għal sekli sħaħ, f’ħafna Stati Membri ġew implimentati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jalternaw fejn it-tagħlim isir fl-iskejjel u fil-kumpaniji (is-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali (Duales Berfusausbildungssystem) fil-Ġermanja, “apprentissage” fi Franza u “apprenticeships” fir-Renju Unit, eċċ.). Dan it-tip ta’ tagħlim ta xhieda tal-valur miżjud importanti tas-sħubijiet permanenti, strutturati u integrati.

    2.4

    Idealment, l-intrapriżi jġibu magħhom għarfien dwar il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-swieq u għalhekk jadattaw it-tagħlim u t-taħriġ b’mod effettiv. L-intrapriżi huma sors ta’ għarfien, ħiliet professjonali u mezzi teknoloġiċi.

    2.5

    Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet edukattivi jakkumulaw riżorsi siewja ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien tekniku u xjentifiku miksub, u li jista’ jintuża fil-prattika, pereżempju fit-tħejjija għad-dinja tax-xogħol u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ taħriġ u linji ta’ studju ġodda.

    3.   Sfidi għall-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi

    3.1

    Minkejja l-għadd ta’ esperjenzi pożittivi, l-inizjattivi ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem għadhom limitati, sikwit ristretti għall-edukazzjoni teknika u vokazzjonali. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika, jeħtieġ li l-potenzjal ta’ dawn is-sħubijiet jingħata nifs ġdid: sabiex l-irkupru ekonomiku jkun ta’ suċċess, jeħtieġ li t-taħriġ ikun adattat għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li l-intrapriżi jużaw il-ħiliet u r-riżorsi umani b’mod effettiv.

    3.2

    Ovvjament, il-qafas ta’ dawn is-sħubijiet Ewropej ġodda għandu jkollu ħafna forom differenti. Għandu jinvolvi d-diversi atturi kkonċernati b’mod differenti:

    fil-livell lokali, għandu jkun hemm sħubijiet bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi u l-awtoritajiet lokali;

    l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali, l-imsieħba soċjali, l-istrutturi edukattivi u l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili għandhom jagħtu spinta u qafas strutturat lil dawn is-sħubijiet lokali;

    fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, l-organizzazzjonijiet Ewropej ewlenin tal-intraprendituri, l-impjegati, l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili u ovvjament il-gvernijiet Ewropej għandhom jagħtu lis-sħubijiet dimensjoni li tirrifletti l-ħtiġijiet tas-27 Stat Membru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

    3.3

    L-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi għandhom responsabbiltà komuni li joffru korsijiet u opportunitajiet ta’ taħriġ, partikolarment permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

    3.4

    L-intrapriżi għandhom bżonn jiksbu ħiliet varjati ħafna b’dimensjonijiet differenti; dawn il-ħiliet jiddeterminaw jew jaffettwaw l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-attività ekonomika tal-intrapriżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżviluppi teknoloġiċi, l-internazzjonalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda. Minn naħa, l-intrapriżi jridu jsibu l-ħiliet korrispondenti mis-suq tax-xogħol u mill-oħra jħarrġu lill-impjegati, id-diriġenti u l-futuri diriġenti tagħhom għall-eżiġenzi tax-xogħol. Min-naħa tagħhom, l-impjegati qed jiffaċċjaw il-ħtieġa korrispondenti li jtejbu l-potenzjal tagħhom li jiġu impjegati u li l-kwalifiki li kisbu jiġu ġġustifikati permezz ta’ diplomi li huma rrikonoxxuti internament mill-intrapriża kif ukoll esternament mis-suq tax-xogħol.

    3.5

    L-evoluzzjoni tal-edukazzjoni fl-Ewropa hija ddominata ferm minn żewġ fenomeni: l-effett tal-massa u d-diversifikazzjoni tat-tagħlim. L-espansjoni rapida matul dawn l-aħħar snin tan-numru ta’ studenti u studenti universitarji b’mod simultanju wasslet għal diversifikazzjoni sinifikanti fil-popolazzjoni tal-istudenti (l-istruttura tal-età, l-isfond edukattiv, l-oriġini soċjali, eċċ.) li ħolqot il-ħtieġa ta’ metodi ta’ ħidma adattati u attenzjoni partikolari.

    3.6

    Minkejja d-diffikultajiet attwali, hemm potenzjal kbir għall-kooperazzjoni f’dan il-kuntest u jeħtieġ li jissaħħu tliet aspetti relatati ma’ din il-kwistjoni:

    3.6.1

    Illum il-ġurnata, hemm nuqqas kbir ta’ persunal ikkwalifikat fis-setturi bħas-servizzi personali, il-kostruzzjoni, ir-ristoranti, il-lukandi, eċċ. L-edukazzjoni teknika u vokazzjonali sikwit kienet punt ta’ referenza għall-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi fil-livell lokali. F’ħafna pajjiżi din l-edukazzjoni ngħatat il-ġenb u xi wħud jaħsbu li l-prekarjetà u l-esklużjoni fis-soċjetajiet tagħna huma marbuta direttament ma’ dan il-fenomenu. L-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom ir-responsabbiltà komuni li jtejbu l-prospettivi tal-karriera (pagi, promozzjonijiet, eċċ) u li jippromovu l-valur tal-professjonijiet u tal-artiġjanat, filwaqt li jiżguraw edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tagħmel enfasi fuq il-“kultura ġenerali”.

    3.6.2

    In-natura dejjiema u r-ritmu mgħaġġel tal-bidla jeżiġu aġġornament kontinwu, taħriġ kontinwu, tagħlim mill-ġdid u aġġornament tal-ħiliet u l-kwalifiki professjonali. It-taħriġ “tul il-ħajja” huwa neċessità għal kulħadd illum il-ġurnata u għalhekk huwa opportunità tajba għas-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem.

    3.6.3

    Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, mhumiex midħla tal-istituzzjonijiet edukattivi. Madankollu, l-SMEs jista’ jkollhom bżonn ta’ taħriġ komprensiv. Approċċ partikolarment utli huwa li min iħaddem jiġi involut aktar fit-taħriġ tal-għalliema li huma responsabbli għall-iżvilupp tal-ħiliet professjonali. Barra minn hekk, ikun tajjeb ukoll li jitħarrġu għadd ta’ medjaturi biex iħeġġu u jħaddmu s-sħubijiet.

    4.   Lejn qafas Ewropew ta’ relazzjonijiet bejn is-settur edukattiv u l-intrapriżi

    Fi żminijiet ta’ ħafna sfidi ġodda, ta’ kriżi u ta’ żieda qawwija fil-qgħad, il-ħtieġa ta’ investiment fit-taħriġ hija akbar minn qatt qabel. Jeħtieġ ukoll li jiġu antiċipati, evalwati u ġestiti malajr il-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” (1). Huwa importanti li jintużaw ir-riżorsi eżistenti, speċjalment il-Fondi Strutturali, biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u li jinsabu miżuri ġodda għall-perijodu 2014-2020.

    4.1   Fit-tmeninijiet, inħoloq netwerk Ewropew uniku (il-programm COMETT) li kapaċi jorganizza b’mod effikaċi eluf ta’ skambji transnazzjonali bejn l-industrija u l-universitajiet kull sena, inklużi korsijiet intensivi ta’ taħriġ avvanzat. Il-kwantità kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ avvanzat tjiebu fl-Ewropa kollha, u b’hekk dan ikkontribwixxa għal titjib fil-kompetittività Ewropea, qajjem kuxjenza dwar il-vantaġġi tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi u fiehem aħjar dawn il-benefiċċji.

    Ċerti elementi tal-programm COMETT ġew inklużi fil-programm Leonardo da Vinci iżda l-ispeċifiċità tiegħu u l-potenzjal tan-netwerks li nħolqu għebu (2).

    4.2   Il-proċess ta’ Bolonja

    4.2.1

    Il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, li tnidiet bl-isem ta’ “Proċess ta’ Bolonja” fl-1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni u mir-rappreżentanti universitarji ta’ 29 pajjiż, wassal għal riforma ewlenija li involviet uffiċjalment 46 pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa.

    4.2.2

    L-objettiv ta’ dan il-Proċess huwa li titwaqqaf Żona Ewropea ta’ Taħriġ, prinċipalment permezz tal-armonizzazzjoni fl-Ewropa taċ-ċikli universitarji: Bakkalawrjat/Masters/Dottorat, fuq kollox sabiex il-korsijiet universitarji jkunu komparabbli u għaldaqstant jiġu żgurati l-moviment ħieles tal-istudenti u l-mobilità tal-persuni. Dawn il-miżuri kollha jippromovu t-trasparenza, ineħħu l-ostakli u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi.

    4.2.3

    Iżda jeħtieġ niġbdu l-attenzjoni għall-fatti li ġejjin:

    il-proċess ta’ Bolonja mkien ma jagħti prijorità lit-tisħiħ tar-rabtiet bejn id-dinja intraprenditorjali u dik edukattiva;

    l-universitajiet, li ovvjament l-għan prijoritarju tagħhom mhuwiex li joħolqu rabtiet ma’ min iħaddem, ġeneralment ma jkollhomx la l-mezzi u lanqas il-kapaċitajiet biex jidħlu f’relazzjonijiet strutturati mal-intrapriżi tal-pajjiżi tal-UE;

    kull min iħaddem huwa favur il-kooperazzjoni iżda, ta’ sikwit, ma jipprovdix l-għajnuna teknika u l-appoġġ finanzjarju li wieħed ikun qed jistenna.

    4.3   Il-proċess ta’ Kopenħagen

    4.3.1

    L-għan ta’ dan il-proċess tal-Unjoni Ewropea, li tnieda fl-2002, huwa li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) jsiru referenza ta’ kwalità. Il-miżuri li jixbhu l-proċess ta’ Bolonja iżda li huma adattati għall-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġew imħeġġa bis-sħiħ.

    4.3.2

    Il-programm Leonardo jiffaċilita l-mobilità għal persuni li jixtiequ jiksbu esperjenza professjonali fl-Ewropa kif ukoll l-iskambji tal-prattiki t-tajba bejn dawk responsabbli għat-taħriġ filwaqt li l-għan tal-programm Grundtvig huwa li jtejjeb il-kwalità u jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni għall-adulti, u li joffri liċ-ċittadini Ewropej aktar opportunitajiet sabiex jitħarrġu aħjar tul ħajjithom. Madankollu, dawn il-programmi ma ġewx promossi b’mod wiesa’ u għaldqstant ma laħqux udjenza kbira biżżejjed tant li l-objettivi jkunu jistgħu jiġu żviluppati. Għalkemm m’għandna l-ebda dubju dwar il-modalitajiet ta’ dawn il-programmi, jeħtieġ li fil-futur jissaħħu l-mezzi li permezz tagħhom jistgħu jieħdu azzjoni.

    4.3.3

    Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta’ Bordeaux (26/11/2008) hija marbuta mal-proċess ta’ Kopenħagen dwar kooperazzjoni Ewropea aktar mill-qrib fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Barra minn hekk, din tikkonferma l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-finanzi pubbliki u privati xierqa, permezz tal-użu ta’ strumenti bħall-FSE, il-FEŻR u s-self mill-BEI.

    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħiliet u l-ħtieġa li jiġu żviluppati attivitajiet li jantiċipaw il-bżonnijiet, il-Communiqué ta’ Bordeaux jirrakkomanda li t-taħriġ vokazzjonali jiġi żviluppat fuq skala wiesgħa kemm jista’ jkun u jinvolvi l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali.

    5.   Proċess Ewropew ġdid favur is-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem

    5.1

    Skont l-aħħar rapport dwar il-progress tal-programm “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” (3) l-Unjoni Ewropea ma tistax tinjora la l-fatt li għadha lura fil-qasam tal-edukazzjoni u lanqas id-diffikultà tagħha biex tipprovdi lill-intrapriżi persuni li għandhom taħriġ bażiku u ħiliet speċjalizzati biżżejjed biex jilqgħu l-isfidi teknoloġiċi u l-globalizzazzjoni tal-lum il-ġurnata. Għaldaqstant, il-mobilità intra-Ewropea hija neċessità, bħalma hu t-tagħlim tal-lingwi barranin fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea għall-multilingwiżmu. Għaldaqstant, l-interess ta’ approċċ konġunt fir-rigward tas-suġġett tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi huwa neċessità kemm biex nindirizzaw il-kwistjoni iżda wkoll, u fuq kollox, biex il-politiki nazzjonali dwar l-edukazzjoni ma jibqgħux separati u biex sa fl-aħħar inkunu nistgħu niżviluppaw il-potenzjal tal-integrazzjoni Ewropea mil-lat ta’ potenzjal uman.

    5.2

    L-iskejjel u l-universitajiet għandhom jingħataw aktar għajnuna sabiex jipprovdu taħriġ kontinwu u mhux biss taħriġ bażiku. Pereżempju, ħlief għal xi Stati Membri, l-istituzzjonijiet edukattivi mhumiex eliġibbli biex jirċievu għajnuna finanzjarja fil-qafas tal-programmi strutturali għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Madankollu, l-esperjenza tal-pajjiżi fejn dan huwa possibbli turi li din l-inizjattiva tista’ tagħti kontribut pożittiv sinifikanti għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-intrapriżi, kif ukoll għall-iżvilupp tal-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    5.3

    Il-problema prinċipali tal-programmi Ewropej hija n-nuqqas ta’ ambizzjoni minħabba baġit strett. Għaldaqstant, minflok ma sempliċiment nirrakkomandaw programm Ewropew ieħor li jilħaq udjenza żgħira u li jaffettwa biss sezzjoni żgħira ħafna u elitista tal-pubbliku, jaqbel li jiġi adottat approċċ sistemiku bbażat fuq mekkaniżmi aktar sempliċi (u mhux burokratiċi kif sikwit ikunu l-programmi Ewropej) iżda wkoll aktar ambizzjużi flimkien ma’:

    qafas politiku ġenerali soġġett għall-approvazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-imsieħba soċjali, tal-PE, tal-Kunsill Ewropew u tal-KESE;

    għodod Ewropej għall-identifikazzjoni tas-swieq u tas-setturi li għandhom bżonn kbir ta’ persuni kkwalifikati;

    skambji ta’ prattika tajba inklużi t-tagħlim tekniku, it-taħriġ tul il-ħajja u r-riċerka;

    faċilitajiet ta’ “boroż Ewropej” iffinanzjati mill-UE, l-Istati Membri, u s-settur privat jew volontarju u li jikkonċernaw il-pubbliku ġenerali speċjalment il-minoritajiet u ż-żgħażagħ żvantaġġati: dan jista’ jinvolvi apprendistati prattiċi u proġetti għall-promozzjoni tax-xogħol u l-innovazzjoni;

    it-tħejjija ta’ sistemi ta’ referenza komuni għad-diplomi jew il-kwalifiki professjonali, u ta’ netwerks ta’ inizjattivi lokali transkonfinali;

    il-ħolqien ta’ netwerks Ewropej ta’ medjaturi biex jiffaċilitaw is-sħubijiet;

    adattament tal-fondi Ewropej u l-programmi eżistenti biex jintlaħaq dan il-għan.

    5.4

    L-integrazzjoni Ewropea hija għodda importanti li tippermetti l-iskambju tal-esperjenzi u twessa’ l-potenzjal sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna jingħataw qafas usa’ u aktar għani filwaqt li toffri lill-intrapriżi suq intern li jipprovdilhom potenzjal ta’ żvilupp. Il-proċess ta’ Praga, li jirreferi għall-konferenza dwar “Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” li ser tinżamm fis-6 u s-7 ta’ April fi Praga fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Ċeka, jista’ jipprovdi spinta politika u pjan direzzjonali operattiv.

    Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  COM(2008) 868/3 “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa” {SEC(2008) 3058}.

    (2)  Opinjoni esploratorja ta-KESE dwar “Intejbu l-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa”, rapporteur: is-Sur Rodríguez García-Caro (ĠU C 224, 30.08.2008).

    (3)  http://ec.europa.eu/education/policies/2010/natreport08/council_fr.pdf - Rapport tal-31 ta’ Jannar 2008 tal-Kumitat COREPER fi ħdan il-Kunsill – Abbozz ta’ rapport ta’ progress konġunt 2008 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’, 5723/08.


    Top