Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0477

    Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta' Ottubru 2008 dwar “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013” (2008/2115(INI))

    ĠU C 9E, 15.1.2010, p. 56–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 9/56


    Il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 2008
    Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

    P6_TA(2008)0477

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013” (2008/2115(INI))

    2010/C 9 E/10

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 152 u l-Artikoli 163 sa 173 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 intitolata “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013” (COM(2007)0630),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-White Paper intitolata “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013”,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għar-Reġjuni tad-9 ta’ April 2008 dwar il-White Paper intitolata “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013” (1),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (2),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 u t-2 ta’ Ġunju 2006 dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-sistemi tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (4),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ut-2 ta’ Ġunju 2006 dwar is-saħħa tan-nisa (5),

    wara li kkunsidra s-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (6),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar “Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità” (COM(2007)0279),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema Ewropej fis-settur tas-saħħa minn infezzjonijiet fid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi (7),

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-istrateġija qafas dwar “Is-Saħħa għal Kulħadd fis-Seklu 21”,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ April 2008 dwar id-donazzjoni u t-trapjant tal-organi: Azzjonijiet politiċi fil-livell tal-UE (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurta? fuq ix-xogħol (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar azzjoni għat-trattament ta’ mard kardjovaskulari (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar it-titjib fis-saħħa mentali tal-popolazzjoni — lejn strateġija dwar is-saħħa mentali għall-Unjoni Ewropea (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar l-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010 (13),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar id-dijabete (14),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0350/2008),

    A.

    billi s-saħħa hija waħda mill-affarijiet l-aktar prezzjużi, billi l-għan tagħna huwa s-saħħa għal kulħadd u billi għandna niggrantixxu livell għoli ta’ saħħa,

    B.

    billi l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kwalunkwe diskriminazzjoni inter alia fuq il-bażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-etniċità jew l-oriġini soċjali għandha tkun ipprojbita u l-Artikolu 35 jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għall-aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u d-dritt għall-kura medika u li għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem,

    C.

    billi l-effett pożittiv tal-iżviluppi fis-saħħa huwa li aktar u aktar nies qed jgħixu aktar fit-tul,

    D.

    billi r-rati dejjem ikbar ta’ kanċer, dijabete, mard kardjovaskulari, mard rewmatiku, mard mentali, problemi ta’ piż żejjed u obeżità, flimkien ma’ nutrizzjoni ħażina u mhux xierqa, HIV/AIDS, il-kwalità ħażina tal-ambjent u l-fatt li reġa’ tfaċċa ċertu mard marbut mal-inugwaljanza soċjali, kif ukoll sfidi ġodda li dejjem iżjed qed jheddu s-saħħa fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha, li b’hekk iżidu l-bżonn ta’ prevenzjoni u ta’ forniment ta’ kura tas-saħħa formali u informali kif ukoll ir-rijabilitazzjoni wara l-mard,

    E.

    billi t-theddidiet ġodda possibbli għas-saħħa b’dimensjonijiet transkonfinali, bħall-pandemiji, it-tendenzi ġodda ta’ mard li jittieħed, il-mard tropikali u t-terroriżmu bijoloġiku, u l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u l-globalizzazzjoni, b’mod partikulari fir-rigward tal-ilma, l-ikel, iż-żieda fil-faqar u l-migrazzjoni, kif ukoll theddid eżistenti bħat-tniġġis ambjentali, qed isir aktar serju,

    F.

    billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa li jipprovdu l-għajnuna huma element essenzjali tal-Mudell Soċjali Ewropew u s-servizzi soċjali u tas-saħħa ta’ interess ġenerali jwettqu xogħol ta’ interess ġenerali, u b’hekk huma ta’ kontribut kbir għall-ġustizzja soċjali u għall-koeżjoni soċjali,

    G.

    billi l-popolazzjoni li qed tixjieħ qed tbiddel it-tendenzi ta’ mard u qed iżżid il-ħtieġa tal-forniment ta’ kura tas-saħħa formali u informali u qed tagħmel pressjoni fuq is-sostenibilità tas-sistemi tas-saħħa, u billi għalhekk jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, u billi qed isir appell għal politiki b’saħħithom li jappoġġjaw l-ewwel stadji tal-ħajja, b’mod partikulari f’xi Stati Membri,

    H.

    billi hemm diskrepanzi kbar fil-kura tas-saħħa fl-Istati Membri u bejniethom,

    I.

    billi ċ-ċittadini jistennew dejjem iżjed azzjoni komuni u effettiva dwar is-saħħa,

    J.

    billi fl-istess ħin għandhom ikunu rrispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa u l-libertà tagħhom li jiddeċiedu liema tipi ta’ servizzi tas-saħħa jqisu xierqa li jipprovdu, b’konformità stretta mal-prinċipju ta’ sussidjarità, kif ukoll ir-rispett għas-sistemi differenti ta’ mmaniġġjar u għall-approċċi speċifiċi magħżula mill-Istati Membri għall-integrazzjoni tal-forniment ta’ servizzi tas-saħħa pubbliċi u privati,

    K.

    billi fil-każ ta’ tħassib imsejjes fuq raġunijiet etiċi, hija l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk servizz speċifiku jikkwalifikax jew le bħala servizz tas-saħħa,

    L.

    billi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huwa qasam li fih l-UE għandha ambitu ċar ta’ responsabilità biex tieħu azzjoni,

    M.

    billi hemm oqsma fejn l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu b’mod effettiv waħidhom u billi l-UE hija impenjata favur politika tas-saħħa komuni li biha tista’ tipprovdi valur miżjud (eż. skambju ta’ informazzjoni u prattika tajba),

    N.

    billi l-investiment fis-saħħa huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u għandu impatt indirett fuq is-setturi varji tal-ekonomija,

    O.

    billi hemm nuqqas ta’ ċarezza rigward il-għadd tal-flussi differenti u tal-programmi tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa,

    P.

    billi l-opportunitajiet għall-prevenzjoni tal-mard għadhom mhux sfruttati,

    Q.

    billi l-antibijotiċi qed isiru dejjem inqas effettivi u r-reżistenza għall-antibijotiċi qed tiżdied, billi l-livelli ta’ reżistenza madwar l-UE huma differenti, minħabba l-attitudnijiet differenti fir-rigward tal-użu u l-kontroll tal-antibijotiċi (f’uħud mill-Istati Membri l-konsum ta’ antibijotiċi huwa minn 3 sa 4 darbiet aktar milli fi Stati Membri oħrajn), billi r-reżistenza għall-antibijotiċi hija problema Ewropea minħabba ċ-ċaqliq frekwenti, inkluż it-turiżmu, li jżid ir-riskju li jinxterdu l-batterji reżistenti, u għalhekk l-użu mhux xieraq tal-antibijotiċi għandu jkun immoniterjat u għandu jitħeġġeġ l-użu prudenti tal-antibijotiċi, u billi ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) iservi bħala l-aġenzija xierqa għall-koordinazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet,

    R.

    billi 40 % tal-infiq fuq is-saħħa huwa marbut ma’ stili ta’ ħajja mhux tajbin għas-saħħa (li jirriżultaw pereżempju mill-konsum ta’ alkoħol, tabakk, min-nuqqas ta’ attività jew minn dieta ħażina),

    S.

    billi l-ħarsien effettiv tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol jista’ jipprevjeni aċċidenti industrijali, jimpedixxi t-tfaċċar ta’ mard ikkawżat minħabba x-xogħol u jnaqqas in-numru ta’ nies li jispiċċaw b’diżabilità permanenti minħabba raġunijiet li għandhom x’jaqsmu max-xogħol,

    T.

    billi d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema kontra r-riskji marbuta mal-espożizzjoni għall-karsinoġeni u għall-mutaġeni ma tkoprix b’mod adegwat liċ-ċittadini tal-UE fuq il-post tax-xogħol minn espożizzjoni għal sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni (15),

    U.

    billi n-nutrizzjoni ħażina, li taffettwa għadd sinifikanti ta’ ċittadini tal-UE, inkluż madwar 40 % tal-pazjenti fl-isptarijiet u bejn 40 % u 80 % tal-anzjani fid-djar tal-kura, tiswa lis-sistemi Ewropej tal-kura tas-saħħa ammonti simili għal dawk tal-obeżità u l-piż żejjed,

    V.

    billi s-saħħa mhix influwenzata biss mill-alkoħol, mit-tabakk, min-nuqqas ta’ attività, mid-dieta u minn fatturi esterni simili, u għalhekk għandha tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni psikosomatika ta’ ħafna mard u lill-kawżi aktar profondi tan-numru dejjem akbar ta’ persuni affettwati mid-depressjoni jew minn disturbi mentali oħrajn,

    W.

    billi l-Istati Membri għandhom jippromwovu aktar l-għajnuna għall-persuni affettwati minn mard kroniku u/jew minn disabilità sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-soċjetà kemm jista’ jkun possibbli,

    X.

    billi, f’ħafna Stati Membri, id-domanda dejjem ikbar għal servizzi tal-kura tas-saħħa qed toħloq ħtieġa urġenti biex jittieħdu passi attivi għar-reklutaġġ u ż-żamma ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa u biex jiġu pprovduti servizzi ta’ appoġġ għall-qraba u l-ħbieb li jipprovdu kura bla ħlas lid-dipendendti tagħhom,

    Y.

    billi għandha tingħata aktar attenzjoni fl-istrateġija tas-saħħa tal-UE għall-kura tas-saħħa fit-tul permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda, il-kura ta’ persuni li jsofru minn mard kroniku u l-forniment ta’ kura tas-saħħa fid-djar għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilitajiet fiżiċi jew mentali u s-servizzi għal dawk li jieħdu ħsiebhom u billi, f’dan il-kuntest, għandha ssir ħidma favur sinerġiji bejn is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali,

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar strateġija tal-UE dwar is-saħħa għall-perjodu 2008-2013 u jappoġġja l-valuri, il-prinċipji, l-għanijiet strateġiċi u l-azzjonijiet speċifiċi stipulati fiha;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid xogħol eżistenti fil-qasam tas-saħħa biex tiddetermina liema flussi ta’ xogħol qed iġibu valur għall-Kommunità u għall-Istati Membri; bħala parti minn din il-ħidma jistieden lill-Kummissjoni biex tiddetermina liema huma l-metodi ta’ xogħol u l-prattiki li jżidu l-valur tax-xogħol tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa u liema huma li għandhom ikunu kkoordinati aħjar;

    3.

    Jemmen li, minħabba l-eżistenza ta’ theddidiet ġodda għas-saħħa, jeħtieġ li s-saħħa tiġi indirizzata bħala kwistjoni politika ewlenija fl-Istrateġija ta’ Liżbona, li tinkludi l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa diċenti tal-ogħla kwalità disponibbli sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ħaddiema b’saħħithom u kompetittivi;

    4.

    Jiddeplora l-fatt li l-White Paper ma tiffissax objettivi speċifiċi u kwantifikabbli li jekk jintlaħqu jipproduċu riżultati tanġibbli u jirrakkomanda li jiġu adottati dawn l-objettivi;

    5.

    Jenfasizza li l-kura tas-saħħa teħtieġ l-appoġġ ta’ politiki effettivi fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha fl-Istati Membri u fl-Unjoni Ewropea (“Is-Saħħa fil-Politiki kollha”) u f’livell globali;

    6.

    Jenfasizza l-importanza fondamentali li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-irġiel u tan-nisa li jkollhom influwenza akbar dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ saħħithom u mal-kura tas-saħħa u d-dritt tat-tfal għall-ħarsien ta’ saħħithom mingħajr kundizzjoni, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali tal-universalità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà;

    7.

    Jinnota li, skont id-WHO, il-mard kroniku u b’mod partikulari l-puplesiji u l-mard tal-qalb, qed jeċċedu b’mod kostanti l-mard infettiv;

    8.

    Bħala parti mill-isforzi sabiex jiġi evitat il-mard, jirrakkomanda li tiġi adottata b’mod wiesa’ l-prattika li jsiru evalwazzjonijiet tal-impatt fuq is-saħħa, minħabba li l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livelli varji, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-parlamenti nazzjonali huwa impatt li jista’ jitkejjel;

    9.

    Jenfasizza li l-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jindirizzaw, b’mod partikulari, il-kawżi ta’ ċertu mard u l-ħtieġa tat-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ epidemiji u pandemiji; jinnota li hemm ukoll problemi marbuta mas-sessi, bħall-kanċer fil-prostata fil-każ tal-irġiel u l-kanċer ċervikali fil-każ tan-nisa u li għandhom jiġu żviluppati politiki speċifiki fir-rigward ta’ dawn;

    10.

    Jirrakkomanda li l-mandat tal-ECDC jiġi estiż għal mard li ma jitteħidx;

    11.

    Jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi bħala objettiv ta’ prijorità, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi u d-diskrepanzi evitabbli relatati mas-saħħa fl-Istati Membri u bejniethom, kif ukoll bejn il-gruppi soċjali u s-sezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni, inklużi l-irġiel u dawk bi problemi ta’ saħħa mentali; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw b’mod sħiħ il-leġiżlazzjonijiet Komunitarji bħad-Direttiva dwar it-Trasparenza (16);

    12.

    Jenfasizza li l-azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tad-diskrepanzi fis-saħħa għandhom jinkludu promozzjoni mmirata, edukazzjoni pubblika u programmi ta’ prevenzjoni;

    13.

    Jemmen li l-isforzi għall-prevenzjoni tal-mard u l-kampanji ta’ vaċċinazzjoni, fejn jeżistu prodotti effettivi, għandhom jiżdiedu b’mod sinifikanti; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ambizzjuż għal azzjonijiet ta’ prevenzjoni għall-perjodu sħiħ ta’ ħames snin; jaqbel li l-infiq fuq is-saħħa, speċjalment fuq il-prevenzjoni u d-djanjożi bikrija tal-mard, mhuwiex biss spiża, iżda huwa wkoll investiment li jista’ jkun evalwat f’termini ta’ Snin ta’ Ħajja B’Saħħitha (Healthy Life Years) bħala Indikatur Strutturali ta’ Liżbona;

    14.

    Jenfasizza l-fatt li s-saħħa hija stat ta’ benessri fiżiku, mentali u soċjali sħiħ u mhux sempliċement in-nuqqas ta’ mard jew ta’ diżabilità;

    15.

    Jenfasizza li l-aċċess għal informazzjoni affidabbli, indipendenti u li tista’ titqabbel dwar drawwiet tajbin għas-saħħa, mard u għażliet ta’ trattament huwa prerekwiżit għal strateġija effettiva għall-prevenzjoni tal-mard;

    16.

    Jenfasizza li x-xewqa li jkun evitat il-mard m’għandhiex twassal għal klima fis-soċjetà li ma tħallix li jitwieldu tfal b’mard kroniku jew b’diżabilità; jappella lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi assistenza konkreta għall-ġenituri ta’ tfal b’mard kroniku u/jew b’diżabilità;

    17.

    Barra minn hekk jenfasizza li, sabiex ikun promoss l-investiment fis-saħħa, huwa vitali li titkejjel l-effettività tal-investimenti li saru s’issa u jiġu ppublikati r-riżultati;

    18.

    Jenfasizza l-importanza li jsiru programmi ta’ screening organizzati tajjeb, komprensivi u effettivi sabiex ikun faċilitat is-sejbien bikri u t-trattament immedjat tal-mard, u b’hekk titnaqqas il-mortalità u l-morbidità;

    19.

    Jemmen li d-drittijiet taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u r-responsabilità tagħhom għal saħħithom stess għandhom ikunu fundamentali ladarba l-UE li timponi standards għolja f’dak li jirrigwarda s-saħħa u l-ikel tul il-ħajja kollha tal-persuni u jitlob sabiex ikun hemm aktar investiment fir-riċerka rigward l-għarfien dwar is-saħħa sabiex ikunu identifikati l-aktar strateġiji xierqa biex din il-kwistjoni tkun indirizzata fost gruppi differenti tal-popolazzjon; jinkoraġġixxi lis-setturi kollha tas-soċjetà sabiex jadottaw stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa;

    20.

    Jenfasizza li l-kunċett ta’ “stil ta’ ħajja” (jiġifieri dieta tajba għas-saħħa, in-nuqqas ta’ abbuż mid-drogi u attività fiżika suffiċjenti) għandu bżonn ikun ikkomplementat minn dimensjoni psikoloġika (jiġifieri approċċ ibbilanċjat lejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja); isostni li stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa jinkludi saħħa mentali u fiżika tajba u li dawn huma wkoll fatturi importanti fiż-żamma ta’ ekonomija kompetittiva;

    21.

    Jistenna li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari kemm għall-kwistjoni tas-sostenibilità tas-sistemi tas-saħħa, kif ukoll, f’dak il-kuntest, għall-irwol u r-responsabilità tal-industrija farmaċewtika;

    22.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi valuri fundamentali tas-saħħa u tistabbilixxi sistema ta’ indikaturi tas-saħħa (f’livelli nazzjonali u sotto-nazzjonali) u li tippromwovi programmi għall-għarfien dwar is-saħħa u programmi għall-prevenzjoni ta’ problemi tas-saħħa;

    23.

    Jenfasizza li l-projbizzjoni li l-ġisem uman u l-partijiet tiegħu jsiru għajn ta’ qliegħ finanzjarju, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali, għandha tkun ikkunsidrata bħala l-prinċipju li jiggwida fil-qasam tas-saħħa, speċjalment fil-qasam tad-donazzjoni u t-trapjant ta’ ċelluli, tessuti u organi;

    24.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni, fl-ispirtu ta’ “saħħa għal kulħadd”, li tippromwovi s-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu enfasizzati l-kwistjonijiet ewlenin relatati mas-saħħa, bħalma huma n-nutrizzjoni, l-obeżità, in-nutrizzjoni ħażina, l-attività fiżika, il-konsum ta’ alkoħol, drogi u tabakk u r-riskji ambjentali, inkluż it-tniġġis tal-arja, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll id-dar u skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, filwaqt li jingħata appoġġ għal xjuħija b’saħħitha u filwaqt li jitnaqqas il-piż tal-mard kroniku;

    25.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu approċċ aktar olistiku fir-rigward tan-nutrizzjoni u tagħti prijorità prinċipali lin-nutrizzjoni ħażina, flimkien mal-obeżità, fil-qasam tas-saħħa, billi kull fejn ikun possibbli tinkorporaha fl-inizjattivi ta’ riċerka, edukazzjoni u promozzjoni tas-saħħa ffinanzjati mill-Komunità u fis-sħubijiet fil-livell tal-UE;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex fil-qafas tal-istrateġija tal-kura tas-saħħa tal-UE, jaħdmu favur l-iżvilupp ta’ linji gwidi għal definizzjoni komuni tad-diżabilità, li tista’ tinkludi persuni b’mard kroniku jew b’kanċer u sadanittant, jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma wettqux dan, biex jieħdu azzjoni mill-aktar fis possibbli biex jinkludu lil dawn il-persuni fid-definizzjonijiet nazzjonali tagħhom tad-diżabilità;

    27.

    Barra minn hekk, jitlob li tingħata prijorità lill-iżgurar li l-persuni b’diżabilità jingħataw aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u li jingħata ffinanzjar li jirrifletti dan l-objettiv;

    28.

    Jitlob li jkun hemm miżuri effettivi biex tkun miġġielda r-resistenza kontra l-antibijotiċi kif ukoll miżuri sabiex l-antibijotiċi jkunu disponibbli permezz ta’ preskrizzjoni biss, linji gwida biex jitnaqqsu l-preskrizzjonijiet tal-antibijotiċi billi jkunu limitati għal każijiet fejn l-użu tal-antibijotiċi jkun verament meħtieġ, sforzi biex jitjiebu t-testijiet li jagħtu indikazzjoni sabiex jitħeġġeġ l-użu aktar kawt tal-antibijotiċi u, fejn ikun xieraq, tal-kodiċi tal-iġene; jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali lill-batterji Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillin (MRSA); jinnota li l-ECDC għandu jissorvelja u jevalwa l-applikazzjoni tal-linji gwida u tal-kodiċijiet;

    29.

    Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-ħtieġa li tkun appoġġjata r-riċerka u jiġu promossa l-prevenzjoni, id-djanjożi bikrija u t-trattament xieraq tal-mard kroniku sabiex ikunu żgurati l-benessri u l-kwalità tal-ħajja tal-morda;

    30.

    Jirrikonoxxi l-irwol vitali tal-professjonisti li jieħdu ħsieb il-morda fis-settur tas-saħħa u fil-forniment tal-kura tas-saħħa u għalhekk jitlob li tingħata attenzjoni lill-politiki li jappoġġjaw lil daw il-professjonisti u li jipproteġulhom saħħithom flimkien mas-saħħa ta’ dawk li jikkuraw;

    31.

    Jinnota li sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-pazjent madwar l-UE, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn il-korpi regolatorji għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa rispettivi tagħhom huwa essenzjali;

    32.

    Fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa, jitlob skambji aktar effettivi tal-aħjar prattiki fi ħdan l-UE u fl-oqsma kollha tal-forniment tal-kura tas-saħħa, b’mod partikulari fir-rigward tal-programmi ta’ screening u d-djanjożi u t-trattament ta’ mard serju bħall-kanċer;

    33.

    Jemmen li l-UE għandha tieħu passi ulterjuri biex il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa jkunu protetti minn aċċidenti u korrimenti fuq il-post tax-xogħol fejn teżisti evidenza xjentifika jew medika ta’ din il-ħtieġa;

    34.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi s-sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni fil-proposta li se tagħmel dalwaqt għall-emendar tad-Direttiva 2004/37/KE;

    35.

    Japprova l-azzjoni mitluba fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Jannar 2008 imsemmija hawn fuq dwar l-istrateġija tal-UE 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-opinjoni tal-Parlament u tieħu l-miżuri mitluba u biex tippreżenta l-inizjattivi meħtieġa li għandhom jinkludu:

    L-iffissar ta’ miri għat-tnaqqis tal-mard marbut max-xogħol;

    Proposta għal direttiva dwar diżordnijiet muskoloskeletali;

    Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE;

    Miżuri biex tkun indirizzata l-problema li qed dejjem tikber tal-vjolenza minn partijiet terzi;

    36.

    Jiddispjaċih li, minkejja t-talbiet ripetuti u speċifiċi tal-Parlament, il-Kummissjoni għadha trid tipproponi l-emendar tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema minn riskji marbuta mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (17) bil-għan li jkunu indirizzati r-riskji serji li hemm għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa minħabba li jaħdmu b’labar u strumenti mediċi li jaqtgħu jew bil-ponta; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef it-twettiq tal-istudju tal-impatt permezz tas-sejħa għall-offerti (2007/S 139-171103) u jitlob li tkun adottata emenda xierqa żmien sew qabel tmiem tal-leġiżlatura Parlamentari kurrenti skont ir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-6 ta’ Lulju 2006;

    37.

    Iqis li l-applikazzjoni fqira tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità wkoll għandha impatt negattiv fuq l-istat tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE;

    38.

    Jenfasizza li, f’ċerti sitwazzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE jiffaċċjaw problemi ta’ saħħa, bħat-tniġġis, li jirrappreżentaw theddida konsiderevoli għas-saħħa u jaffettwaw l-iżvilupp tajjeb tat-tfal u jnaqqsu l-medja tal-għomor fl-UE (18);

    39.

    Jemmen li hija essenzjali azzjoni li tippromwovi stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fil-familji, fl-iskejjel, fl-isptarijiet, fid-djar tal-kura, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet ta’ divertiment sabiex ikun hemm prevenzjoni effettiva tal-mard; u saħħa mentali tajba; jirrikonoxxi li l-familja hija ta’ importanza vitali biex jiġi stabbilit mudell ta’ “stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa” li ta’ spiss ikun irreplikat aktar tard tul il-ħajja;

    40.

    Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jitlob lill-korpi leġiżlattivi biex iqisu l-interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, billi, fost metodi oħra, issir id-dispożizzjoni meħtieġa għal-liv tal-maternità u tal-ġenituri, għall-ħarsien tas-saħħa u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa waqt il-maternità, filwaqt li b’mod partikulari jitqies l-effett tal-preżenza u l-imħabba tal-ġenituri, kif ukoll it-treddigħ, fuq l-iżvilupp mentali u fiżiku tat-tfal żgħar;

    41.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kura tas-saħħa u l-informazzjoni għan-nisa tqal u għal dawk li jkunu qed ireddgħu rigward ir-riskji marbuta mal-konsum ta’ alkoħol, drogi u tabakk waqt it-tqala u waqt it-treddigħ;

    42.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien pubbliku dwar is-saħħa riproduttiva u sesswali sabiex jiġu evitati tqaliet mhux mixtieqa u t-tixrid ta’ mard li jittieħħed sesswalment u biex jitnaqqsu l-problemi soċjali u tas-saħħa kkaġunati mill-infertilità;

    43.

    Jappoġġja azzjoni dwar tipi speċifiċi ta’ mard u jemmen li, sabiex tkun aktar effettiva, jeħtieġ li jinstabu metodi ta’ xogħol u organizzazzjoni xierqa sabiex titjieb il-koperazzjoni interistituzzjonali;

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu l-politiki soċjali u tas-saħħa integrati (il-forniment ta’ servizzi tas-saħħa relevanti fl-ambitu soċjali) lejn approċċ modern għall-promozzjoni u l-ħarsien tas-saħħa, b’mod partikulari għas-sezzjonijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni bħat-tfal żgħar u dawk li mhumiex awtosuffiċjenti;

    45.

    Jemmen li l-UE għandha tiffoka dejjem aktar fuq l-isforzi tagħha marbuta ma’ programmi ta’ riċerka dwar gruppi ta’ pazjenti li għad li huma importanti ta’ spiss jiġu ttraskurati, bħal dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u l-irġiel;

    46.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jesploraw, fil-qafas tal-istrateġija tas-saħħa tal-UE, is-sinerġiji bejn ir-riċerka xjentifika u dik teknoloġika, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tipi ġodda ta’ riċerka f’setturi mediċi li attwalment mhux jingħataw biżżejjed fondi, fuq naħa, u l-iżvilupp ta’ setturi mediċi u terapiji ġodda fuq in-naħa l-oħra, sabiex ikun possibbli għal kulħadd li jkollu aċċess għal dawn it-terapiji ladarba dawn jista’ jkollhom impatt pożittiv ħafna fuq l-istat tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE u f’termini ta’ żieda fl-effiċjenza tas-sistema;

    47.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ propost mill-Kummissjoni bil-għan li jkun hemm ġlieda effettiva kontra l-iffalsifikar tal-mediċini u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-abbozzar ta’ konvenzjoni internazzjonali dwar dan is-suġġett jew l-annessjoni ta’ protokoll addizzjonali mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Palermo);

    48.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membru biex jistabbilixxu ċentri ta’ eċċellenza għal kull grupp ta’ mard importanti, li għandhom iservu bħala punt ta’ referenza, informazzjoni u gwida għall-pazjenti u l-familji tagħhom, għat-tobba, għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, għall-industrija u għal oħrajn;

    49.

    Jinnota li l-awtoritajiet tas-saħħa reġjonali u lokali f’bosta Stati Membri ta’ spiss ikunu responsabbli għall-ippjanar, l-immaniġġjar, l-operat u l-iżvilupp tas-settur tas-saħħa u ta’ spiss ukoll jerfgħu r-responsabilità finanzjarja tas-settur, ikollhom għarfien profond dwar is-settur tas-saħħa u huma msieħba essenzjali fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika tas-saħħa;

    50.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-impatt pożittiv rikonoxxut tal-kuri termali fuq il-konvalexxenza u l-ħarsien tas-saħħa tal-persuni;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp tal-’e-health’, ta’ teknoloġiji ġodda għall-kura tas-saħħa u ta’ innovazzjoni mmexxija mill-utent fit-tagħmir mediku;

    52.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ koperazzjoni strutturat fil-livell tal-UE u biex tiġi stabbilita koperazzjoni eqreb mal-partijiet ikkonċernati, bil-parteċipazzjoni tas-soċjeta? ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-impjegati u ta’ min iħaddem jiġu inklużi fi sħubija;

    53.

    Jappella lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonli u lokali, jużaw il-mekkaniżmu ta’ koperazzjoni biex itejbu l-iskambju tal-aħjar prattika; jistieden lill-Kummissjoni biex tkun proattiva fit-tfassil ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet imsejsa fuq dawn il-prattiki tajbin;

    54.

    Jaqbel li l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-istrateġija tas-saħħa tal-UE għandhom jiġu appoġġjati permezz tal-istrumenti finanzjarji eżistenti sat-tmiem tal-Qafas Finanzjarju attwali (2007-2013), mingħajr konsegwenzi baġitarji addizzjonali;

    55.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex, meta jfasslu strateġiji nazzjonali dwar is-saħħa, jinkludu l-prijoritajiet li għandhom ikunu ssodisfati fi proġetti oħra li ma jkunux limitati għall-qasam tas-saħħa pubblika;

    56.

    Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 41.

    (2)  ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

    (3)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8.

    (5)  ĠU C 146, 22.6.2006, p. 4.

    (6)  Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

    (7)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 754.

    (8)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0130.

    (9)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0121.

    (10)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0009.

    (11)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 561.

    (12)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 148.

    (13)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 264.

    (14)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 273.

    (15)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. Verżjoni korretta ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

    (16)  Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU L 40, 11.2.1989, p. 8).

    (17)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

    (18)  L-ambjent fl-Ewropa: Ir-raba’ evalwazzjoni — L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (10 ta’ Ottubru 2007).


    Top