Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0467

    Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (2008/2034(INI))

    ĠU C 9E, 15.1.2010, p. 11–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 9/11


    Il-Ħamis, 9 ta' Ottubru 2008
    Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar

    P6_TA(2008)0467

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (2008/2034(INI))

    2010/C 9 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għal iżjed ġustizzja soċjali u koeżjoni ekonomika: titmexxa 'l quddiem l-inklużjoni attiva tan-nies l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, (COM(2007)0620),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward konsultazzjoni għal azzjoni fuq livell tal-UE biex tiġi promossa l-inklużjoni attiva tan-nies li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol (COM(2006)0044) u r-Rapport ta' Sinteżi mis-Servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta' dik il-konsultazzjoni,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar kriterji komuni li jikkonċernaw riżorsi u assistenza soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta' ħarsien soċjali (1), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta' Lulju 1992 dwar il-konverġenza bejn l-objettivi u l-politiki tal-ħarsien soċjali (2),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-paga ekwa (COM(1993)0388),

    wara li kkunsidra l-programmi nazzjonali ta' riforma ta' Liżbona, ir-rapporti nazzjonali dwar l-istrateġiji għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali 2006-2008 u l-aġġornamenti tal-2007 kif imressaq mill-Istati Membri,

    wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 (COM(2008)0042) u r-Rapport Konġunt għall-Impjiegi 2007/2008, adottat mill-Kunsill fit-13 u l-14 ta' Marzu 2008,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali dwar il-Faqar tat-Tfal u l-Benessri fl-UE, ta' Jannar 2008,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 16, 18, 23, 25, 26 u 29 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/46/121, A/RES/47/134, A/RES/47/196, A/RES/49/179 u A/RES/50/107,

    wara li kkunsidra d-dokumenti tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti E/CN.4/Sub.2/1996/13, E/CN.4/1987/NGO/2, E/CN.4/1987/SR.29 u E/CN.4/1990/15, E/CN.4/1996/25 u E/CN.4/Sub.2/RES/1996/25,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1979,

    wara li kkunsidra l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp tan-NU tal-2000, b'mod partikulari l-eliminazzjoni tal-faqar u l-ġuħ (l-ewwel objettiv), il-kisba ta' edukazzjoni bażika universali (it-tieni objettiv) u ta' opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa (it-tielet objettiv) u l-ħarsien tal-ambjent (is-seba' objettiv),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU tal-1989, u l-Protokoll Fakultattiv dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Familji tagħhom tan-NU tal-1990,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali tan-NU dwar ix-Xjuħija 2002,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tan-NU tal-2006 u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 26 u Nru 131 dwar l-iffissar tal-paga minima,

    wara li kkunsidra l-aġenda tan-NU u tal-ILO dwar xogħol diċenti,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-aġenda dwar xogħol deċenti fid-dinja” (COM(2006)0249) u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Mejju 2007 li tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd (3),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa Informali tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin dwar “Xogħol Tajjeb” tat-18, 19 u l-20 ta' Jannar 2007,

    wara li kkunsidra l-artikoli 34, 35 u 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiddefinixxu b'mod speċifiku d-dritt għall-għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni, livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,

    wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali għall-Ħaddiema tal-1989 u l-Karta Soċjali Ewropea Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1996,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej fir-rapport intitolat, “Sfidi Ewlenin li qed Jiffaċċjaw is-Swieq tax-Xogħol Ewropej: Analiżi Konġunta tal-imsieħba Soċjali Ewropej”, tat-18 ta' Ottubru 2007,

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (4) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 t'April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar l-applikazzjoni tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (7),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Inventarju tar-realtà soċjali — Rapport temporanju għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007” (COM(2007)0063) u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-Inventarju tar-realtà soċjali (8),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal” (COM(2006)0367) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tas-16 ta' Jannar 2008 (9), b'mod partikulari l-paragrafi 94 sa 117 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Impenn Imġedded għal Ewropa Soċjali: Nirrinforzaw il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali” (COM(2008)0418),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (COM(2007)0797), u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha, adottata fis-17 ta' Ġunju 2008 (10),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni li m'għandhomx fejn joqogħdu (11),

    wara li kkunsidra s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet miġbura fid-dokument prominenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fuq Studju dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal fl-2006, skond liema studju l-inugwaljanzi ekonomiċi u l-esklużjoni soċjali huma fost il-fatturi ta' riskju għalt-trattament ħażin tat-tfal,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008, intitolata “Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew Ġdid”,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta' Ġunju 2008 intitolata “Inklużjoni Attiva”,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija” (COM(2007)0386),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 136 sa 145 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0364/2008),

    A.

    billi l-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, 8 u d-9 ta' Diċembru 2000 stabbilixxa l-objettiv tal-UE li tikseb tnaqqis deċiżiv u li jista' jitkejjel fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali sas-sena 2010; billi l-progress lejn dak l-objettiv għandu jitjieb,

    B.

    billi l-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u tal-24 ta' Marzu 2000 qabel li għandu jiġi eliminat il-faqar tat-tfal fl-Ewropa sal-2010,

    C.

    billi l-Kunsill Ewropew ta' Nizza mis-7 sad-9 ta' Diċembru 2000 stieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jingħata segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-1992 dwar ir-riżorsi minimi garantiti li għandhom jiġu pprovduti mis-sistemi għall-protezzjoni soċjali,

    D.

    billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tirrikonoxxi “d-dritt bażiku ta' persuna li jkollha biżżejjed riżorsi u assistenza soċjali biex tgħix b'mod kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem”,

    E.

    billi l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali għall-Ħaddiema tal-1989 tirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiem li jkollu “paga ekwa”; billi l-Parlament tal-1993 u l-Kummissjoni qiesu l-ħtieġa għal politiki kkoordinati dwar il-pagi minimi sabiex jiġi implimentat dan id-dritt tal-ħaddiema għal paga “suffiċjenti li tippermettilhom li jkollhom livell ta' għixien diċenti”,

    F.

    billi fil-bidu tal-impenn tal-Unjoni li tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-2001, kien hemm 55 miljun ruħ fl-Unjoni li kienu qegħdin jgħixu fir-riskju tal-faqar fl-introjtu (15 % tal-popolazzjoni tal-UE-15); billi fl-2005 dik iċ-ċifra telgħet għal 78 miljun (16 % tal-popolazzjoni tal-UE-25),

    G.

    billi d-distakk persistenti fil-pagi bejn is-sessi jqiegħed lin-nisa f'pożizzjoni aktar dgħajfa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarba mill-faqar,

    H.

    billi fin-nuqqas ta' kull trasferiment soċjali, ir-riskju ta' faqar fl-Unjoni, b'mod speċjali għan-nisa, se jiżdied minn 16 % għal 40 %, jew 25 % jekk jiġu esklużi l-ħlasijiet tal-pensjonijiet,

    I.

    billi anke l-karrieri aktar qosra tan-nisa, li javvanzaw aktar bil-mod u li huma mħallsa anqas tajjeb, għandhom impatt fuq ir-riskju tagħhom li jaqgħu fil-faqar, speċjalment għal dawk ta' iktar minn 65 sena (21 % jew 5 punti perċentwali aktar mill-irġiel),

    J.

    billi t-tfal u ż-żgħażagħ jiffurmaw kważi terz tal-popolazzjoni tal-Unjoni u 19-il miljun tifel u tifla jinsabu fir-riskju tal-faqar, u ħafna minnhom huma separati mill-familji tagħhom minħabba l-faqar li hemm fil-familja; billi teżisti relazzjoni kumplessa bejn il-faqar, l-irwol tal-ġenituri u l-benesseri tat-tfal f'ċirkustanzi soċjali diversi, inkluż il-ħarsien tat-tfal minn kwalunkwe abbuż,

    K.

    billi, b'mod partikulari, il-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet kollha tal-bniedem,

    L.

    billi parti mdaqqsa mill-popolazzjoni tal-Unjoni għadha soċjalment eskluża, minħabba li persuna minn kull ħamsa tgħix f'akkomodazzjoni ta' standard baxx u kuljum madwar 1,8 miljun persuna jfittxu akkomodazzjoni f'postijiet ta' kenn apposta għal min m'għandux dar, 10 % jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem, il-qgħad fit-tul iqarreb l-4 %, 31 miljun ħaddiem jew 15 % qed jaqalgħu pagi baxxi ħafna, 8 % tal-ħaddiema jew 17-il miljun jesperjenzaw faqar fid-dħul minkejja li jaħdmu, il-proporzjon ta' tfal li jitilqu kmieni mill-iskola qabeż il-15 % u d-“distakk diġitali” għadu jeżisti (44 % tal-popolazzjoni tal-UE għandha nuqqas ta' ħiliet fir-rigward tal-Internet u l-kompjuter),

    M.

    billi l-faqar u l-inugwaljanza jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat; billi d-dħul medju tan-nisa huwa biss 55 % ta' dak li jaqalgħu l-irġiel; billi n-nisa huma affettwati ħafna u b'mod sproporzjonat mill-faqar fix-xjuħija; billi l-inaċċessibilità għal servizzi ta' kwalità għolja żżid, b'mod mhux aċċettabbli, ir-riskji ta' faqar għan-nisa,

    N.

    billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali diġà għandhom responsabilità konsiderevoli għall-provvediment tas-servizzi pubbliċi u benefiċċji ġenerali, iżda fl-istess waqt huma suġġetti għall-pressjoni ristrettiva tal-baġits pubbliċi,

    O.

    billi l-investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ jgħin biex tikber il-prosperità ekonomika għal kulħadd u jikser iċ-ċiklu ta' għaks, u billi huwa essenzjali li jiġu evitati l-problemi jew li jsir intervent hekk kif dawn jiġu identifikati sabiex iċ-ċansijiet tal-ħajja tat-tfal jissaħħu,

    P.

    billi l-faqar u l-qgħad ġew marbuta ma' problemi ta' saħħa u aċċess insuffiċjenti għall-kura tas-saħħa minħabba fatturi bħal nutrizzjoni fqira, kundizzjonijiet tal-għajxien inferjuri f'zoni żvataġġati, akkomodazzjoni mhux adegwata u l-istress,

    Q.

    billi l-effetti tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta' opportunità huma relatati kollha ma' xulxin, u jesiġu strateġija koerenti fuq livell ta' Stat Membru, li tiffoka mhux biss fuq id-dħul u l-ġid, iżda wkoll fuq kwistjonijiet bħall-aċċess għall-impjieg, għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għas-soċjetà tal-informazzjoni, għall-kultura u għat-trasport u l-opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet futuri,

    R.

    billi matul il-perjodu bejn l-2000 u l-2005, l-inugwaljanza fid-dħul fl-Unjoni (proporzjon ta' S80/S20) żdiedet minn 4.5 għal 4.9, skont id-data tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul Finanzjarju u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (UE-SIL), li tfisser li fl-2005 l-aktar 20 % sinjuri fil-popolazzjoni tal-Unjoni kellhom dħul ta' kważi 5 darbiet aktar minn dak tat-80 % li jifdal mill-popolazzjoni,

    S.

    billi l-priġunerija mingħajr rijabilitazzjoni u edukazzjoni xierqa spiss twassal biss għal aktar esklużjoni soċjali u qgħad,

    T.

    billi 16 % tal-popolazzjoni ħaddiema tal-Unjoni għandhom xi diżabilità (Eurostat 2002); billi l-livelli tal-qgħad fost il-persuni b'diżabilità, li jinkludu persuni bi problemi ta' saħħa mentali, persuni ta' età ikbar u minoranzi etniċi madwar l-Unjoni, baqgħu għolja b'mod mhux aċċettabbli; billi 500 000 persuna b'diżabilità għadhom jgħixu f'istituzzjonijiet residenzjali kbar u magħluqa,

    Approċċ iżjed olistiku lejn l-inklużjoni soċjali attiva

    1.

    Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-inklużjoni soċjali attiva; iqis li l-għan multilaterali tal-politiki għall-inklużjoni soċjali attiva għandu jkun l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali sabiex ikun possibbli li n-nies jgħixu b'dinjità u jieħdu sehem fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol;

    2.

    Iqis li l-politiki ta' inklużjoni soċjali attiva għandhom jagħmlu impatt deċiżiv fuq il-qirda tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kemm fir-rigward ta' dawk li huma fl-impjieg (il-“ħaddiema fqar”) u kemm ta' dawk li ma jaħdmux bi ħlas; jaqbel mal-Kummissjoni li approċċ iżjed olistiku lejn l-inklużjoni soċjali attiva għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji komuni li ġejjin:

    a)

    għajnuna fl-introjtu biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali: L-Istati Membri għandhom, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jiddefinixxu skemi ta' introjtu minimu, il-benefiċċji u l-assistenzi soċjali relatati li għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jipprovdu riżorsi suffiċjenti, u għandhom jakkumpanjawhom bi pjan strateġiku għall-politiki attivi sabiex jaqilgħu lin-nies mill-faqar u sabiex jevitaw l-esklużjoni soċjali (billi jżommu f'moħħhom li l-politiki tal-inklużjoni attiva jinkludu iżjed ekwità fis-sistemi ta' ħarsien soċjali u jipprovdu wkoll miżuri ta' protezzjoni speċifiċi (eżempju, rijabilitazzjoni, taħriġ, konsulenza, kura tat-tfal, akkomodazzjoni, taħriġ lingwistu għall-migranti, servizzi ta' appoġġ) biex jippermettu lin-nies li jgħixu ħajja dinjituża);

    b)

    rabta ma' swieq tax-xogħol inklużivi: il-politiki tal-inklużjoni attiva għandhom jimmiraw li jrawmu impjiegi ta' ħiliet esperti li jkunu stabbli u sikuri, jagħmlu l-impjiegi iżjed attraenti, joħolqu impjiegi ta' kwalità u jippromwovu l-kwalità fl-impjiegi, jipprovdu livell għoli ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, iżidu l-produttività u l-appoġġ attiv għal dawk l-iżjed żvantaġġjati, jipprovdu miżuri u servizzi ta' appoġġ speċifiċi biex jiżdied iċ-ċans ta' impjieg u biex jgħinu lin-nies jibqgħu fis-suq tax-xogħol, jiżviluppaw attivitajiet intraprendenti u jipprovdu għajnuna fit-tiftix tal-impjieg, edukazzjoni ta' kwalità għolja, taħriġ vokazzjonali, iżjed taħriġ u tagħlim tul il-ħajja, “counselling” personalizzat, assistenzi soċjali u impjiegi ssussidjati fejn ikun tabilħaqq neċessarju għall-gruppi vulnerabbi bħall-ħaddiema b'diżabilità;

    c)

    aċċess aħjar għas-servizzi ta' kwalità: l-aċċessibilità, il-prezz raġonevoli, il-ftuħ, it-trasparenza, l-universalità u l-kwalità tas-servizzi essenzjali (servizzi soċjali, servizzi ta' interess ġenerali (ekonomiċi)) għandhom jissaħħu biex jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u territorjali, biex jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali u biex jiġi żgurat għixien diċenti, speċjalment għal dawk il-gruppi fis-soċjetà li huma vulnerabbli u żvantaġġjati, bħall-persuni b'diżbilità, l-anzjani, il-familji b'ġenitur wieħed u l-familji kbar, inkluż l-ippjanar ta' servizzi b'mod li jqis il-ħtiġijiet ta' gruppi differenti; għandha tiġi evitata aktar privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u soċjali sakemm il-prezzijiet raġonevoli, il-kwalità u l-aċċessibilità għaċ-ċittadini kollha jiġu garantiti;

    d)

    l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-anti-diskriminazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva: il-politiki tal-inklużjoni attiva għandhom jiżguraw il-promozzjoni ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni fl-aspetti kollha tal-inklużjoni soċjali attiva msemmijin fuq; parteċipazzjoni attiva: it-tmexxija tajba, il-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni tal-parteċipanti rilevanti kollha għandhom jiġu promossi billi jiġu involuti b'mod dirett dawk milquta mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali u mill-inugwaljanza kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak Ewropew — u partikolarment il-persuni li jgħixu f'sitwazzjonijiet ta' faqar estrem — kif ukoll l-isħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-midja fl-iżvilupp, fl-immaniġġjar, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-istrateġiji;

    3.

    Iqis li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tenħtieġ li titwessa' u tiġi aġġornata fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi fattwali tar-realtà soċjali tal-Unjoni u l-approċċ olisitiku propost għall-inklużjoni attiva, u jqis ukoll li din ir-Rakkomandazzjoni għandha tqis kif jixraq il-fatt li qed jitfaċċaw riskji soċjali ġodda marbuta mal-bidla fil-klima u l-ekonomija ta' għarfien u servizzi;

    4.

    Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissoni li approċċ aktar olistiku lejn l-inklużjoni attiva għandu jinkludi wkoll attenzjoni speċjali għall-qirda tal-faqar fost it-tfal, l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi fir-rigward ta' aċċess għall-kura tas-saħħa u r-riżultati tal-kura tas-saħħa, għat-trattament tal-faqar u l-esklużjoni soċjali marbutin mal-pensjonijiet pubbliċi u privati u l-irtirar mix-xogħol, u għall-provvediment ta' kura fit-tul diċenti u ta' kwalità għolja;

    Il-garanzija ta' introjtu suffiċjenti biex tiġi żgurata ħajja dinjituża għal kulħadd

    5.

    Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fl-UE-27 għandhom skemi nazzjonali ta' dħul minimu, iżda għad hemm minnhom li m'għandhomx; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jipprovdu skemi ta' sigurtà minima garantita għal dawk soċjalment vulnerabbli, u jħeġġiġhom sabiex jiskambjaw l-aħjar prattiki; jirrikonoxxi li, fejn hemm dispożizzjoni għal għajnuna soċjali, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmu u jkunu jistgħu jiksbu d-drittijiet tagħhom;

    6.

    Jesprimi dispjaċir kbir li xi Stati Membri jidhru li ma tawx każ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE, li tirrikonoxxi “d-dritt bażiku ta' persuna li jkollha riżorsi u għajnuna soċjali suffiċjenti sabiex jippermettulha ħajja kompatibbli mad-dinjità umana”;

    7.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li l-assistenza soċjali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà qiegħda taħt livell li fih il-faqar isir riskju; jinsisti li l-objettiv ċentrali tal-iskemi ta' appoġġ għall-introjtu għandu jkun li jaqla' lin-nies mill-faqar u li jippermettilhom li jgħixu f'dinjità; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk dħul bażiku mingħajr kundizzjonijiet għal kullħadd jistax ikun strument effettiv biex jikkumbatti l-faqar;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport dettaljat dwar jekk il-provvediment tas-Servizzi Soċjali tal-Istati Membri (inter alia skemi ta' dħul minimu u benefiċċji relatati, qgħad, benefiċċji għall-invalidità u għal persuni sopraviventi, skemi ta' pensjonijiet statutorji u supplimentari, benefiċċji għal irtirar bikri) jjipprevedix dħul 'il fuq mill-ammont minimu li l-Unjoni tikkunsidra bħala l-ammont minimu għal “riskju ta' faqar” li huwa ta' 60 % tad-dħul medju nazzjonali;

    9.

    Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi metodu komuni għall-kalkoluta' ammont minimu għall-għixien bażiku u l-għoli tal-ħajja (pakkett ta' prodotti u servizz) sabiex jiġi żgurat kejl komparabbli tal-limitu tal-faqar u jiġi definit il-kriterju ta' intervenzjoni soċjali meħtieġa;

    10.

    Jirrimarka li r-riskju li wieħed jaqa' f'faqar estrem hu akbar għan-nisa milli għall-irġiel; jirrimarka li x-xejra persistenti lejn il-femminizzazzjoni tal-faqar fis-soċjetajiet Ewropej ta' llum tixhed li l-qafas attwali tas-sistemi għall-protezzjoni soċjali u l-firxa wiesgħa ta' politiki soċjali, ekonomiċi u dwar l-impjiegi tal-Unjoni m'humiex imfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet tan-nisa u d-differenzi fix-xogħol tan-nisa; jenfasizza l-fatt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nisa fl-Ewropa jirrikjedu rispons politiku speċifiku, multiplu u li jikkunsidra kwistjonijiet ta' ġeneru b'mod speċifiku;

    11.

    Jistqarr li l-iskemi għal dħul minimu xieraq huma prerekwiżit fundamentali għal Unjoni Ewropea bbażata fuq ġustizzja soċjali u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jiġi pprovdut dħul minimu xieraq għall-perjodu bla xogħol jew bejn xogħlijiet, b'attenzjoni partikulari għall-gruppi ta' nisa li għandhom responsabilitajiet addizzjonali;

    12.

    Jitlob lill-Kunsill biex jaqbel fuq mira tal-UE għal skemi ta' introjtu minimu u għal skemi kontributtivi li jissostitwixxu l-introjtu li jipprovdu appoġġ fl-introjtu ta' mill-inqas 60 % tal-introjtu medju komuni nazzjonali, u fuq skeda dwar meta din il-mira għandha tintlaħaq mill-Istati Membri kollha;

    13.

    Jikkunsidra li r-riskju li wieħed jaqa' fil-faqar hu ikbar għan-nisa milli għall-irġiel, b'mod partikulari fix-xjuħija, peress li s-sistemi għas-sigurtà soċjali huma ta' spiss ibbażati fuq il-prinċipju ta' impjieg imħallas kontinwu; jitlob dritt individwalizzat għal dħul minimu xieraq, li ma jkunx kundizzjonali fuq il-kontributi relatati ma' impjieg;

    14.

    Iqis li l-faqar li jaffettwa lil dawk li diġà huma impjegati ma jirriflettix kundizzjonijiet naturali u ġusti ta' xogħol, u jiltob li l-isforzi jkunu konċentrati fuq is-sejba ta' rimedju għal din is-sitwazzjoni b'tali mod li l-pagi b'mod ġenerali u b'mod speċjali l-pagi minimi — immaterjalment jekk ikunux ta' natura statutorja jew bi qbil kollettiv — jkunu jistgħu jevitaw il-faqar fid-dħul u jiżguraw livell ta' għixien diċenti;

    15.

    Jitlob lill-Kunsill biex isir qbil fuq mira tal-UE għall-pagi minimi (statutorji, ftehimiet kollettivi fuq livelli nazzjonali, reġjonali jew settorjali) biex jipprovdu pagi ta' mill-inqas 60 % tal-paga medja rispettiva (nazzjonali, settorjali eċċ) u, barra minn dan, fuq skeda dwar meta din il-mira għandha tintlaħaq mill-Istati Membri kollha;

    16.

    Iqis li l-iskemi tad-dħul minimu għandhom ikunu kkumplimentati b'pakkett ta' miżuri ta' appoġġ li jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali, liema pakkett għandu jinkludi faċilitajiet għall-inklużjoni soċjali, pereżempju, fil-qasam tal-akkomodazzjoni, kif ukoll appoġġ għall-edukazzjoni, taħriġ u taħriġ professjonali mill-ġdid u tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll ġestjoni ekonomika tajba u skema ta' appoġġ fl-introjtu, biex jikkontribwixxu biex ikopru l-ispejjeż tal-individwi u tal-familji, b'tali mod li jiġi żgurat l-issodisfar tal-bżonnijiet tal-ħajja u tat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikulari għall-persuni waħdihom, familji b'ġenitur wieħed u familji kbar;

    17.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw il-kobba spiss imħabbla u kumplessa ta' skemi ta' appoġġ tagħhom, tkun xi tkun in-natura speċifika tagħhom (skemi ta' dħul minimu u benefiċċji relatati, skemi ta' sostituzzjoni kontributorja tad-dħul u l-bqija), bil-għan li jitjiebu l-aċċessibilità għalihom u l-effettività u l-effikaċja tagħhom;

    18.

    Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċċji addizzjonali mmirati lejn gruppi żvantaġġjati (bħal persuni b'diżabilità jew b'mard kroniku, ġenituri waħedhom, jew familji b'ħafna tfal), li jkopri spejjeż żejda fir-rigward, fost oħrajn, ta' appoġġ personali, l-użu ta' faċilitajiet speċifiċi, u kura medika u soċjali, u li jistabbilixxu, fost oħrajn, livell ta' prezzijiet raġonevoli għall-mediċini għall-gruppi soċjali anqas vantaġġjati; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati livelli diċenti ta' pensjoni għall-invalidità u l-irtirar mix-xogħol;

    19.

    Jirrikonoxxi d-distribuzzjoni mhux indaqs tad-dħul fost il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-fatt li kwart tal-persuni li jaħdmu għal rashom jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u għalhekk, li hemm bżonn li jingħata aktar appoġġ istituzzjonalizzat lill-intraprendituri sabiex tiġi evitata n-nassa tal-faqar;

    It-tneħħija tal-faqar fost it-tfal: mill-analiżi għall-politiki mmirati u għall-implimentazzjoni

    20.

    Jenfasizza l-importanza ta' approċċ olistiku lejn is-sigurtà materjali u l-benessri tat-tfal, li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal kif imfassla mill-UNRC, sabiex il-familji, speċjalment dawk kbar, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn livelli suffiċjenti ta' dħul sabiex jipprovdu lil uliedhom akkomodazzjoni u dieta xierqa, kif ukoll aċċess għal servizzi tas-saħħa u edukattivi diċenti, bil-għan li jiżviluppaw b'mod armonjuż fis-sens fiżiku u personali tagħhom; jirrikonoxxi, madankollu, li l-ħtiġijiet fundamentali tat-tfal għandhom jingħataw prijorità fuq il-kunsiderazzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri;

    21.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzati biex jiżguraw li l-parteċipazzjoni tat-tfal tkun dejjem organizzata skond il-prinċipji fundamentali ta' parteċipazzjoni sigura u li tfisser xi ħaġa;

    22.

    Jiġbed l-attenzjoni għad-dimensjonijiet differenti ta' approċċ olistiku:

    a)

    jirrikonoxxi li t-tfal u ż-żgħażagħ huma ċittadini u sidien indipendenti tad-drittijiet u li huma parti minn familja;

    b)

    jiżgura li t-tfal jitrabbew bl-appoġġ ta' riżorsi u ta' kull forma ta' assistenza biex jintlaħqu l-aspetti kollha tal-bżonnijiet emozzjonali, soċjali, fiżiċi, edukattivi u konjittivi tagħhom, u jipprovdi b'mod partikulari appoġġ essenzjali għall-ġenituri u l-familji li jgħixu f'faqar estrem, sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw ir-riżorsi sabiex jaqdu r-responsabilitajiet parentali tagħhom, u b'hekk jevitaw l-abbandun jew l-istituzzjonalizzazzjoni ta' tfal minn ġenituri li jkollhom ċirkustanzi materjali diffiċli;

    c)

    jipprovdi aċċess għal servizzi u opportunitajiet li huma neċessarji għat-tfal kollha biex isaħħu l-benessri preżenti u futur tagħhom; jagħti wkoll attenzjoni speċjali lit-tfal fil-bżonn ta' appoġġ speċjali (minoranzi etniċi, immigranti, tfal tat-triq u tfal b'xi diżabilità), biex jippermettilhom jilħqu l-potenzjal sħiħ u biex jevita li jinqalgħu sitwazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikulari l-faqar multiġenerazzjonali, billi jiġi żgurat ukoll li t-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

    d)

    jippermetti lit-tfal biex jipparteċipaw fis-soċjetà, inkluż fid-deċiżjonijiet xierqa għall-età tagħhom li jolqtu ħajjithom direttament kif ukoll fil-ħajja soċjali, rikreattiva, sportiva u kulturali;

    e)

    jagħti għajnuniet finanzjarji lil familji numerużi, bil-għan li dan jgħin fit-trażżin tat-tnaqqis fil-popolazzjoni, kif ukoll għotjiet ta' għajnuna lil ġenituri waħedhom li qed irabbu wild wieħed jew aktar flimkien ma' miżuri li jiffaċilitaw id-dħul tagħhom, jew ir-ritorn tagħhom, fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jfakkar li din is-sitwazzjoni hija aktar u aktar mifruxa u li d-diffikultajiet li jiffaċċja ġenitur f'dawn iċ-ċirkustanzi huma ħafna akbar minn dawk ta' familji b'żewġ ġenituri;

    f)

    jirrikonoxxi l-irwol li l-familji għandhom fil-benesseri u fl-iżvilupp tat-tfal;

    g)

    Jenfasizza l-importanza, waqt li f'kull każ jitqiesu l-aħjar interess tat-tfal, li jingħata appoġġ biex it-tfal tat-triq, it-tfal traffikati u l-minorenni mhux akkumpanjati jingħaqdu lura ma' familthom; jenfasizza li din ir-rijunjoni għandha tkun akkumpanjata b'miżuri speċjali ta' rijintegrazzjoni soċjali meta l-qagħda soċjoekonomika tkun wasslet lit-tfal biex iwettqu attivitajiet illeċiti għal dħul li jkunu ta' ħsara għall-iżvilupp morali u fiżiku tat-tfal, bħall-prostituzzjoni u l-bejgħ tad-droga; jitlob azzjoni koordinata konġunta li tindirizza l-kawżi li huma l-għerq tal-marġinalizzazzjoni u l-faqar estremi tat-tfal tat-triq u l-familji tagħhom, waqt li jittejjeb l-aċċess tagħhom għal servizzi ta' kwalità u tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Kunsill biex jaqbel dwar impenn għall-UE kollha bbażat fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2008“Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal” biex sal-2015 ikun aċċertat li t-tfal ma jghixux fit-toroq;

    h)

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu li ċ-ċirku vizzjuż ta' faqar estrem, vulnerabilità, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali jqiegħed lit-tfal, u b'mod partikulari lit-tfal tat-triq, f'riskju partikulari u li hemm bżonn ta' azzjonijiet differenzjati u individwalizzati biex jiġu indirizzati deprivazzjonijiet multipli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japprovaw sforz tal-UE konġunt biex jitwaqqfu t-traffikar u l-prostituzzjoni tat-tfal, id-dipendenza ta' tfal fuq id-droga, il-vjolenza kontra t-tfal u d-delinkwenza ta' minorenni;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali f'kuntest usa' tat-tfassil tal-politika tal-UE, inklużi l-kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni, id-diskriminazzjoni, ħarsien tat-tfal minn kull forma ta' maltrattament u abbuż, minn perusni li jieħdu ħsieb it-tfal u milll-adulti, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-appoġġ tal-familja, l-inklużjoni attiva, il-kura u l-edukazzjoni fis-snin bikrija, it-tagħlim tul il-ħajja u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod effettiv il-prinċipju ta' paga ugwali għall-istess xogħol ta' valur soċjali, u biex iwettqu analiżi u riforma speċifiċi tas-sistemi għall-protezzjoni soċjali u biex jiżviluppaw linji gwida tal-UE għar-riforma tas-sistemi għall-protezzjoni soċjali minn prospettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-individwalizzazzjoni tad-drittijiet għal sigurtà soċjali, l-adattament tal-protezzjoni u s-servizzi soċjali għall-istrutturi tal-familji li qed jinbidlu u l-iżgurar li s-sistemi għall-protezzjoni soċjali jikkontrobattu b'mod aħjar il-qagħda prekarja tan-nisa u jissodisfaw il-bżonnijiet tal-aktar gruppi ta' nisa vulnerabbli;

    25.

    Jiltob lill-Kummissjoni biex itejjeb il-“benchmarking” u l-monitoraġġ tal-Metodu miftuħ ta' Koordinament, biex tistabbilixxi indikaturi komuni u biex tiġbor data ta' kwalità għolja u kumparabbli u statistiki għat-tul dwar is-sitwazzjoni tat-tfal li jkopru l-aspetti kollha ta' approċċ olistiku fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, inkluża l-akkomodazzjoni tat-tfal u tal-familji, sabiex ikun possibbli li ssir sorveljanza fuq il-benessri tat-tfal;

    26.

    Iħeġġeġ lill-Eurostat biex jistabbilixxi rabta mas-sett ta' indikaturi li qed jiġi żviluppat biex jiġi mmonitorat l-impatt tal-azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet u l-benessri tat-tfal, ikkummissjonati mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; jindika l-bżonn ta' sforz konġunt tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istati Membri biex jaħdmu f'koperazzjoni mal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u ċ-ċentri ta' riċerka relevanti għat-titjib tal-ġbir ta' data statistika li tista' titqabbel dwar il-qagħda tat-tfal fl-Unjoni, bżonn li hu msemmi fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tas-16 ta' Jannar 2008; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jikkonformaw mar-Rakkomandazzjoni espressa fir-Rapport tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali dwar il-Faqar u l-Benessri tat-Tfal fl-Ewropa, adottat fis-17 ta' Jannar 2008, li jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirrevedu l-għejun varji ta' data disponibbli fil-livelli nazzjonali u reġjonali dwar it-tfal f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;

    27.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw sistemi preventivi sabiex jindunaw b'sitwazzjonijiet kritiċi, bħal dawk ta' ġenituri li jkunu se jitilfu d-dar fejn joqgħodu, il-ħruġ f'daqqa ta' tfal mill-iskola jew każijiet ta' abbuż li l-ġenituri jkunu sofrew minnu waqt tfulithom; jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw politika attiva mmirata biex tevita li t-tfal jitilqu mill-iskola kmieni permezz ta' mekkaniżmi li jipprovdu appoġġ lill-gruppi fir-riskju;

    28.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jgħaddu l-poter tagħhom li joħolqu u jħaddmu sistemi biex jgħinu lit-tfal fil-problemi, lill-awtoritajiet lokali, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu effiċjenti kemm jista' jkun;

    29.

    Jappoġġa l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-bilanċ bejn il-ħidma lejn id-diversità tal-istrutturi tal-familji moderni u l-ħidma lejn id-dritt tat-tfal jikseb l-aħjar riżultat fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

    30.

    Jitlob lil Kummissjoni sabiex tippromwovi taħlita bbilanċjata ta' politika li jkollha r-riżorsi xierqa u li jkollha bażi ta' objettivi u miri ċari li jqisu l-kuntest nazzjonali speċifiku u jiffukaw fuq intervenzjoni bikrija;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-proċess ta' tagħlim reċiproku u l-monitoraġġ ta' politiki, kemm dawk li jkunu suċċess kif ukoll dawk li ma jkunux, fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u kontra l-esklużjoni soċjali;

    32.

    Jisħaq dwar l-importanza ta' politiki għall-familja integrati u olistiċi li jmorru lilhinn mill-inklużjoni attiva sabiex jiġu indirizzati l-aspetti kollha relatati mal-benessri tat-tfal u tal-familja u sabiex jinqerdu l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni;

    33.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal u sabiex jippromwovu l-involviment tat-tfal fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-futur tagħhom stess għaliex il-parteċipazzjoni tat-tfal hija l-aħjar mod li bih tista' tiġi applikata l-perspettiva tat-tfal;

    34.

    Jilqa' b'sodisfazzjoni l-impenn tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri lejn il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu rabta ċara bejn l-aġenda tad-drittijiet tat-tfal u l-aġenda tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni tat-tfal, minħabba li l-faqar u l-għaks tat-tfal huwa ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex meta jħejju l-istrateġiji favur l-inklużjoni soċjali, jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Konvenzjoni li saru bħala tweġiba għar-rapporti tal-implimentazzjoni mill-partijiet tal-Istati u għar-rapporti alternattivi tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

    35.

    Jirrimarka li ġenituri waħedhom m'għandhomx jitqiegħdu f'pożizzjoni agħar minn koppji bit-tfal fir-rigward ta' servizzi u eżonerazzjoni mill-ħlas;

    36.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għat-tnaqqis u l-qirda tal-faqar fost it-tfal fuq il-bażi ta' approċċ differenzjat li jqis il-varjazzjonijiet fil-livell ta' faqar skond ir-reġjun u l-età tat-tfal ikkonċernati;

    37.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-tfal u l-familji kollha, inklużi dawk li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, ikollhom aċċess għal servizzi ta' kura soċjali ta' livell għoli li jkunu jqisu b'mod ċar l-impatt tal-faqar fuq il-familji, inklużi r-riskji akbar ta'abbuż u maltrattament tat-tfal u l-impatt ta' dawn;

    Politiki għall-impjiegi għal swieq tax-xogħol soċjalment inklużivi

    38.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li l-impjieg huwa l-aħjar ċans biex jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda dan ma jkunx dejjem garanzija minħabba li skond l-istatistiki uffiċjali 8 % tal-ħaddiema fl-UE jinsabu fir-riskju tal-faqar; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw b'mod effettiv id-Direttiva 2000/78/KE;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw b'mod aktar effettiv il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fl-oqsma tal-impjieg u tal-affarijiet soċjali;

    40.

    Jirrimarka li fl-UE 20 miljun persuna, speċjalment nisa, huma affettwati mill-faqar waqt li jkollhom xogħol, jew, fi kliem ieħor 6 % tal-popolazzjoni u 36 % tal-popolazzjoni li taħdem qegħdin jirriskjaw il-faqar waqt li jkollhom xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jiftiehmu dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-paga minima bħala element integrali ta' inklużjoni attiva;

    41.

    Jenfasizza li s-sehem ta' impjiegi part-time fl-UE hu ta' 31 % għan-nisa u 7.4 % għall-irġiel; jenfasizza li l-impjiegi part-time għan-nisa huma ta' spiss xogħol part-time insinifikanti u marġinali biss, imħallas ħażin u bi protezzjoni soċjali insuffiċjenti; jirrimarka li n-nisa huma, għalhekk, f'riskju akbar li jaqgħu fil-faqar, speċjalment fix-xjuħija, peress li l-pensjonijiet minn impjiegi part-time ta' spiss ħafna ma jkunux biżżejjed biex wieħed jgħix ħajja indipendenti;

    42.

    Iqis li għal inklużjoni soċjali fis-suq tax-xogħol, l-aktar gruppi żvantaġġjati jeħtieġu miżuri speċifiċi:

    i)

    appoġġ ta' żvilupp personali, permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ għal tul il-ħajja, l-akkwist ta' ħiliet tal-IT u analiżi, kif ukoll stabilità tal-familja, integrazzjoni soċjali u inklużjoni qabel l-impjieg, u rikonoxximent li r-responsabilità tal-individwu li jintegra fis-soċjetà hija ta' importanza kbira u għandha tkun stimolata;

    ii)

    il-provvediment ta' aċċess massimu għal informazzjoni u toroq personalizzati li jiżguraw impjieg stabbli u ta' livell għoli ta' ħila skond il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tan-nies; eliminazzjoni tal-ostakoli ta' persuni li jidħlu jew jirritornaw għas-suq tax-xogħol, b'attenzjoni partikulari għal familji b'ġenitur wieħed, u l-promozzjoni ta' rtirar gradwali biex jiżdiedu l-livelli ta' dħul ta' persuni anzjani u jkun evitat il-faqar tagħhom;

    iii)

    miżuri ta' appoġġ biex jitrawwem ix-xogħol u l-abilità li jibqgħu fis-suq tax-xogħol (eż. taħriġ fil-post tax-xogħol u opportunitajiet ta' taħriġ għal tul il-ħajja); żvilupp ta' imprenditorjat u wkoll arranġamenti ta' ħidma li jgħinu persuni marġinalizzati biex jidħlu fil-post tax-xogħol jew is-suq tax-xogħol u jirrikonċiljaw l-impjieg mal-isforzi tagħhom biex jindirizzaw żvantaġġ soċjali (bħal nuqqas ta' djar, responsabilitajiet ta' kura jew problemi tas-saħħa);

    iii)

    il-monitoraġġ tal-waqfien mix-xogħol ta' persuni li għandhom l'età biex jirtiraw fil-kuntest tal-isvujtar ta' postijiet ta' xogħol;

    43.

    Iqis li l-politiki maħsuba biex jagħmlu x-xogħol finanzjarjament attraenti (make-work-pay) għandhom jittrattaw il-problema tan-nasba — li tinsab fil-livelli tal-qiegħ tas-suq tax-xogħol — ta' impjiegi li ma jrendux u ta' ċikli ta' alternanza bejn impjiegi mħallsa ħażin u ta' perjodi ta' qgħad, fejn l-individwi jgħaddu minn proċess ta' impjiegi insikuri, imħallsa bir-ribass, ta' kwalità baxxa u qgħad u/jew inattività; jenfasizza li l-ħtieġa ta' aktar flessibilità fil-benefiċċji ta' qgħad u dawk soċjali għandhom ikunu ttrattati bħala kwistjonijiet ta' prijorità; iqis li s-sistemi ta' servizzi soċjali għandhom jimmotivaw b'mod attiv lin-nies sabiex ifittxu opportunitajiet ġodda ta' xogħol filwaqt li jinkuraġġixxu d-disponibilità għall-bidla billi jitnaqqas it-telf tad-dħul u billi jiġu pprovduti opportunitajiet għall-edukazzjoni; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika sabiex jużaw il-kunċett ta' flessigurtà fil-politiki tagħhom biex jagħmlu x-xogħol irendi finanzjarjament (“make-work-pay”);

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jaħsbu mill-ġdid “politiki ta' attivazzjoni” li huma bbażati fuq regoli u kundizzjonijiet ta' eleġibilità restrittivi żżejjed għall-benefiċjarji mill-għajnuna, jisfurzaw lin-nies biex jaċċettaw impjiegi ta' kwalità baxxa li la jwasslu għal livell ta' għajxien deċenti u lanqas għall-inklużjoni soċjali;

    45.

    Jipproponi li jinstab bilanċ bejn ir-responsabilità personali tal-individwi u l-forniment ta' għajnuna soċjali sabiex kulħadd ikun jista' jgħix fid-dinjità u jipparteċipa fis-soċjetà.

    46.

    Jimmarka l-pożizzjoni tal-Kunsill li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol għandhom jippromwovu “x-xogħol tajjeb” u l-mobilità soċjali vertikali, u jipprovdu mezzi lejn impjieg regolari, li jħalli l-qligħ u legalment sikur li jkollu ħarsien soċjali adegwat, kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi diċenti;

    47.

    Jimmarka l-potenzjal tal-ekonomiija soċjali, l-intrapriżi soċjali, is-settur li ma joperax għall-profit u s-settur tal-impjieg pubbliku sabiex jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg u ambjenti ta' xogħol għall-gruppi vulnerabbli, u li dan il-potenzjal għandu jiġi esplorat u appoġġjat kemm jista' jkun mill-Istati Membri u mill-politiki tal-Komunità (ESF, Fondi Reġjonali u ta' Koeżjoni, eċċ.);

    48.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li għal dawk li ma jistgħux jaħdmu għal raġunijiet differenti (bħal diżabilità serja, età jew inkapaċità, l-impatt ta' faqar persisteni jew ġenerazzjonali u/jew diskriminazzjoni, respsonsabilitajiet kbar ta' familja jew ta' kura u għaks fil-lokal), il-politiki ta' inklużjoni attiva għandhom jipprovdu appoġġ għad-dħul u miżuri ta' appoġġ sabiex jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali u sabiex ikun possibbli li dawn in-nies ikunu jistgħu jgħixu fid-dinjità u jipparteċipaw fis-soċjetà;

    49.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-pressjoni fiskali mhux biss fuq id-dħul il-baxx iżda wkoll fuq id-dħul medju, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema jinqabdu f'nassa ta' pagi baxxi u jitnaqqas iċ-ċans li wieħed jirrikorri għax-xogħol mhux dikjarat;

    50.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-bidliet soċjali fl-Ewropa, li qed jibdlu l-istruttura soċjali tal-familji; jistieden li dawn il-bidliet jitqiesu bil-għan li jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq tax-xogħol għal sieħeb jew sieħba li ma jaħdmux li jkunu parti minn koppji mhux miżżewġin li jgħixu flimkien;

    51.

    Iqis li l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali għandhom jipprovdu għal kundizzjonijiet tax-xogħol u għal ħlas deċenti u li għandhom ukoll jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politki ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni (bħat-tnaqqis tad-distakk bejn il-ħlas li s-sessi differenti jirċievu, ir-rispett tal-pagi kollettivi u l-pagi minimi u l-rpovvediment ta' trattament ugwali);

    52.

    Jinnota li, minkejja li kien hemm ċaqlieq pożittiv lejn aktar parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja, l-Istati Membri għandhom ikunu mħajra li jżommu u jintroduċu apprentistati bbażati fuq ix-xogħol; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw politiki konsistenti dwar apprentistati li jipprovdu għal garanziji minimi u ħlas diċenti u sabiex tingħeleb it-tendenza attwali li l-impjiegi jiġi moħbi bħala apprentistat bla ħlas;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ koerenti fis-sistemi edukattivi fl-Unjoni għall-proċess ta' orjentament professjonali, ibbażat fuq formuli ta' tagħlim simili li jippermettu żgħażagħ jakkwistaw taħriġ f'oqsma orjentati għax-xogħol magħżula minnhom bħala parti mit-triq tal-karriera tagħhom; jinnota li sistemi ta' taħriġ għandhom ikunu bbażati fuq rikonoxximent reċiproku ta' diplomi u ċertifikati vokazzjonali u għandhom jinkludu istruzzjoni ta' lingwa bil-ħsieb li jkunu eliminati ostakoli ta' komunikazzjoni fi ħdan l-Unjoni; iqis li miżuri ta' taħriġ mill-ġdid għandhom jilħqu bilanċ bejn benessri emozzjonali u professjonali, biex taħriġ mill-ġdid professjonali ma jidhirx bħala nuqqas jew ostakolu għal żvilupp professjonali;

    54.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun promossa l-inklużjoni attiva ta' żgħażagħ, persuni aktar anzjani u emigranti fl-isforzi kollha biex jinħoloq suq tax-xogħol inklużiv; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu sensiela ta' miżuri urġenti biex jiġġieldu x-xogħol mhux dikjarat, xogħol sfurzat minn tfal u l-isfruttament abbużiv ta' ħaddiema u biex isolvu l-konfużjoni li tqarraq ta' emigrazzjoni ekonomika mat-tiftix ta' ażil, u tat-tnejn mal-emigrazzjoni illegali; jistieden lill-Istati Memnbri sabiex jippreżentaw leġiżlazzjoni sabiex jevitaw li l-“gangmasters” jisfruttaw lil ħaddiema vulnerabbli u biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittjiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u l-familji tagħhom;

    Il-provvediment ta' servizzi ta' kwalità u l-garanzija tal-aċċess għal gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati

    55.

    Jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li l-iskemi ta' sigurtà soċjali statutorji u kumplimentari, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali għandom jilagħbu rwol ta' prevenzjoni u ta' koeżjoni soċjali, jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali u jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta' kura għat-tul li tkun ta' kwalità għolja, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għal dawk fil-bżonn u appoġġ għal dawk li jipprovdu l-kura; jistieden lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jindirizzaw il-problemi li jaffaċċjaw il-ħaddiema li jieħdu ħsieb persuni oħra (carers), li spiss ikunu sfurzati li jibqgħu barra s-suq tax-xogħol;

    56.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li s-servizzi kollha ta' interess ġenerali, inklużi l-industriji tan-netwerks bħat-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-enerġija u l-entitajiet pubbliċi oħrajn jew is-servizzi finanzjarji għandu jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u territorjali u għandhom jikkontribwixxu għal inklużjoni attiva;

    57.

    Jenfasizza li l-aċċess għal prodotti u servizzi għandu jkun dritt ta' kull ċittadin tal-Unjoni u għalhekk jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva orizzontali li tikkumplimenta d-Direttiva 2000/78/KE u tkopri l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-bażijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li għandhom jgħinu biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni f'oqsma tal-ħajja barra dawk tal-impjieg, inkluża diskriminazzjoni bbażata fuq diżabilità, età, reliġjon jew twemmin u orjentament sesswali; fl-istess waqt iqis li aktar progress għandu jitwettaq fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' direttivi attwali kontra d-diskriminazzjoni tal-Komunità;

    58.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iqisu tariffi soċjali fissi għal gruppi vulnerabbli pereżempju fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport pubbliku u wkoll faċilitajiet għal akkwist ta' mikrokrediti, biex tkun promossa l-inklużjoni attiva, kif ukoll il-kura tas-saħħa u edukazzjoni b'xejn għal persuni f'diffikultajiet ta' karatteristika materjali;

    59.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjon u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-obbligi tas-servizzi universali (bħat-telekomunikazzjoni u s-servizzi postali) sabiex isaħħu l-aċċessibilità u l-aċċessibilità finanzjarju tas-servizzi essenzjali u wkoll sabiex isaħħu l-obbligi tas-servizzi pubbliċi fil-mira sabiex jindirizzaw lil dawk il-gruppi fis-soċjetà vulnerabbli u żvantaġġjati;

    60.

    Jistieden lill-Kunsill biex jaqbel dwar impenn mill-UE kollha biex telimina l-problema ta' nies bla dar li jgħixu fit-triq sa l-2015 u biex l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ politiki integrati biex jiżguraw li jkun hemm aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità u finanzjarjament aċċessibbli għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu “pjanijiet ta' emerġenza għax-xitwa” bħala parti minn strateġija usa' għall-problema ta' persuni bla dar, kif ukoll sabiex joħolqu aġenziji dedikati sabiex jippermettu l-forniment u l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal gruppi li qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni; jissuġġerixxi li tinġabar data komparabbli fir-rigward ta' persuni bla dar u dawk li għandhom akkomodazzjoni fqira; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas ta' definizzjoni tal-UE ta' nuqqas ta' djar u tipprovdi aġġornamenti annwali dwar l-azzjoni meħuda u progress imwettaq fl-Istati Membri lejn it-tmiem ta' nuqqas ta' djar;

    61.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar ta' tfal b'50 % sa l-2012, bħal tnaqqis bl-użu ta' indikaturi li m'humiex biss ekonomiċi, bħala l-ewwel impenn lejn it-tneħħija ta' faqar ta' tfal fl-Unjoni, u biex jallokaw biżżejjed riżorsi biex jilħqu dan l-għan; iqis li l-indikaturi użati biex ikejlu dan it-tnaqqis għandhom iqisu b'mod partikulari lil dawk it-tfal li ġejjin minn familji li jgħixu f'faqar estrem;

    62.

    Jimmarka l-importanza tal-promozzjoni tas-servizzi integrati li jirrispondu għall-karatteristika multidimensjonali ta-faqar u l-esklużjoni soċjali, pereżempju, il-konnessjoni bejn il-faqar u n-nies bla dar, il-vjolenza, is-saħħa u s-saħħa mentali, il-livell ta' edukazzjoni, l-integrazzjoni soċjali u komunitarja, in-nuqqas ta' aċċess għat-teknoloġiji tal-informatika u l-infrastruttura u t-twessiegħ tal-firda diġitali (digital divide);

    63.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw approċċ ta' saħħa fil-politiki kollha u sabiex jiżviluppaw politiki soċjali u tas-saħħa integrati sabiex tkompli l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-forniment tal-kura u tas-saħħa, il-prevenzjoni u riżultat ta' saħħa, speċjalment fir-rigward ta' gruppi vulnerabbli u dawk l-aktar diffiċli li jintlaħqu;

    64.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu azzjonijiet volontarji u sabiex jgħinu fl-integrazzjoni soċjali tal-persuni li nqatgħu mis-suq tax-xogħol jew li m'għadhomx jipparteċipaw fih;

    65.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tiffoka aktar fuq aċċessibilità aħjar (disponiblità u aċċessibilità finanzjarja) u fuq il-kwalità tas-servizzi (l-involviment tal-utent, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni tar-rendiment, kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, ugwaljanza fil-politiki tal-impjegar u tal-forniment, il-kordinazzjoni u l-integrazzjoni tas-servizz u infrastruttura fiżika xierqa);

    66.

    Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b'mod partikulari l-ħoloq bejn servizzi għal tfal u dawk għal adulti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintroduċu programmi ta' assistenza għal ġenituri f'oqsma varji fejn il-faqar iwassal għal nuqqas ta' tagħrif fir-rigward ta' trobbija tat-tfal u biex jiżguraw li linji ta' għajnuna ta' tfal ikunu fornuti biżżejjed; jenfasizza li servizzi pubbliċi għal tfal u familji jridu jiżguraw li l-istrutturi, inċentivi, sistemi ta' mmaniġġjar ta' prestazzjoni, flussi ta' ffinanzjar u forza ta' ħidma xierqa jkunu fis-seħħ, li l-forza ta' ħidma ewlenija jkollha l-ħiliet ġusti, tagħrif u fiduċja, biex tipproduċi prevenzjoni aħjar u intervent minn kmieni u li s-servizzi jirrispondu għal ħtiġijiet tal-utenti, b'mod speċjali dawk il-familji vulnerabbli;

    67.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar importanza lill-fatt li tnaqqis fl-għotjiet għal servizzi speċifiċi bħal flus għall-pranzu, materjal ta' tagħlim u prajvits tal-iskejjel b'xejn, u għal divertiment essenzjali u opportunitajiet edukattivi barra mill-iskola, iwassal għall-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari għat-tfal minn familji soċjalment vulnerabbli; jimmarka l-ħtieġa għall-Istati Membri sabiex jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-integrazzjoni tat-tfal kollha permezz ta' politika attiva għall-isport fl-iskejjel u aċċess għat-teknoloġiji ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora servizzi għat-tfal bħall-kura tat-tfal, it-trasport tat-tfal u l-ikel fl-iskejjel fil-lista ġenerali ta' servizzi soċjali ta' interess ġenerali;

    68.

    Jilqa' l-ħruġ ta' persuni b'diżabilità minn istituzzjonijiet iżda jinnota li dan jitlob livell għoli biżżejjed ta' servizzi ta' appoġġ u ta' kura bbażati fil-komunità li jkunu ta' kwalità għolja u li jiffavorixxu l-għixien indipendenti, id-dritt għall-għajnuna personali, id-dritt għall-kontroll tal-baġit proprju u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

    69.

    Jimmarka l-ħtieġa li l-Istati Membri jippromwovu l-iżviluppp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji komprensivi dwar l-anzjani fil-livelli lokali u nazzjonali;

    70.

    Jemmen li għandha tittieħed aktar azzjoni kemm fuq livell ta' Stat Membru u kif ukoll fuq dak tal-UE sabiex il-vjolenza domestika u l-abbuż tat-tfal u tal-anzjani jiġu rrikonoxxuti, irriċerkati u ttrattati;

    71.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw approċċ aktar kostruttiv lejn il-politika tad-droga b'enfasi fuq l-edukazzjoni u t-trattament għad-dipendenza aktar milli fuq sanzjonijiet kriminali;

    72.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprijoritizzaw il-miżuri ta' saħħa pubblika li jfittxu li jitrattataw direttament l-inugwaljanza li teżisti fis-saħħa u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa ta' ħafna komunitajiet etniċi li qegħdin fil-minoranza;

    73.

    Jinnota li fl-Istati Membri kollha, l-abbuż ta' alkoħol u tad-droga jista' jwassal għall-kriminalità, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali; għalhekk jemmen li huwa inaċċettabbli li għal ħafna persuni, l-uniku aċċess li għandhom għal dan it-tip ta' trattament u għall-pariri huwa permezz tas-sistema tal-ħabs;

    74.

    Jisħaq li hemm ħafna forom ta' diżabilità, inklużi problemi ta' mobilità, nuqqas ta' vista, nuqqas ta' smigħ, problemi ta' saħħa mentali, mard kroniku u diffikultajiet ta' tagħlim; jimmarka l-fatt li persuni b'aktar minn diżabilità waħda għandhom problemi eċċezzjonali, l-istess kif għandhom persuni li huma suġġetti għal ħafna diskriminazzjonijiet;

    75.

    Jitlob li tiġi eliminata l-istigmatizzazzjoni ta' persuni bi problemi mentali u persuni b'diffikultajiet ta' tagħlim, u għall-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-benesseri, il-prevenzjoni ta' kundizzjonijiet mentali kif ukoll għal aktar riżorsi għat-trattament u l-kura;

    76.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jinfurzaw leġiżlazzjoni għal kontra t-traffikar u għal kontra d-diskrimnazzjoni u b'mod partikolari sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni Kontra t-Traffikar tal-Persuni;

    77.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw il-politika tal-ażil imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem skond il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta' Rifuġjati u liġijiet oħra rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, waqt li jaħdmu biex itemmu d-dipendenza fuq il-benefiċċji ta' persuni li qed jitlobu l-ażil billi jippermettulhom li jaħdmu, u biex jikkunsidraw l-iżvilupp ta' aktar rotot ta' immigrazzjoni legali;

    It-titjib tal-koordinazzjoni fil-politika u l-involviment tal-parteċipanti rilevanti kollha

    78.

    Jiddispjaċih li r-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 tal-Kummissjoni ma jipprovdix iffukar strateġiku suffiċjenti fuq l-eliminazzjoni tal-faqar u fuq t-tneħħija tal-esklużjoni soċjali;

    79.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li l-approċċ ta' inklużjoni attiva għandu jippromwovi proċess ta' implimentazzjoni integrat fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, li jinvolvi l-partijiet kollha interessati (msieħba soċjali, NGOs, awtoritajiet lokali u reġjonali eċċ.) u għandu wkoll jipprevedi l-parteċipazzjoni attiva u l-għoti tas-setgħa lil persuni żvantaġġjati nfushom fl-iżvilupp, l-immaniġġjar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' strateġiji;

    80.

    Jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm sensiela ta' miżuri uniformi fil-livell Ewropew bil-għan li jiġu evitati u penalizzati l-abbużi ta' kwalunkwe tip kontra l-minoranzi, l-persuni b'diżabilità u l-anzjani, fil-kuntest ta' azzjonijiet konkreti għal tnaqqis minn kull naħa tal-vulnerabilità ta' dawn il-gruppi soċjali, inkluż f'sens materjali;

    81.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jerġgħu jqawwu attenzjoni strateġika ċara fuq l-eliminazzjoni tal-faqar u fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali fil-kuntest tal-Aġenda Soċjali 2008 — 2012; jistieden għal impenn aktar espliċitu fi ħdan il-qafas taċ-ċiklu li jmiss tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, għal Strateġija tal-Komunità dinamika u effettiva li tiffissa miri li għandhom tifsira u twassal għal ħolqien ta' strumenti effettivi u ta' monitoraġġ iffukati fuq il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw il-problemi rigward il-proċessi ta' koordinazzjoni varji (Liżbona, strateġija tal-UE għal żvilupp sostenibbli, il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-oqsma tal-Inklużjoni Soċjali u l-Protezzjoni Soċjali) b'mod li jkun provdut impenn ċar lejn l-eliminazzjoni tal-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali skond dawn il-politiki kollha;

    82.

    jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu objettivi u għanijiet speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż sett ta' azzjonijiet politiċi għall-appoġġ tal-gruppi ta' nisa li jiffaċċjaw riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali, bħall-familji mhux tradizzjonali u l-familji b'ġenitur wieħed, in-nisa migranti, in-nisa rifuġjati u ta' minoranzi etniċi, in-nisa anzjani u n-nisa b'diżabilità;

    83.

    Iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom li diġà bdew flimkien mal-Analiżi Konġunti tal-Imsieħba Soċjali u l-programm ta' ħidma tagħhom 2006-2008 dwar l-integrazzjoni ta' persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol; iqis li tmexxija aħjar hija meħtieġa sabiex jiġu kkordinati dawk l-attivitajiet relatati mal-imsieħba soċjali minn naħa u d-djalogu ċivili usa' (NGOs eċċ) dwar l-inklużjoni soċjali lilhinn mill-impjieg minn naħa oħra;

    84.

    Jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li, rigward ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE u l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-oqsma tal-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, jeħtieġ li jkun hemm indikaturi xierqa u sistemi nazzjonali komprensivi għall-ġbir u l-analiżi ta' dejta (eż. dejta ta' statistika dwar id-dħul medju disponibbli, konsum fid-djar, il-livell tal-prezzijiet, pagi minimi, skemi minimi ta' dħul u benefiċċji relatati); iqis li l-immonitorjar u l-analiżi tal-istrateġiji ta' implimentazzjoni għal inklużjoni soċjali u r-rapporti ta' progress tal-Istati Membri għandhom juru jekk id-dritt bażiku għal riżorsi suffiċjenti u assistenza soċjali li jippermettu persuni biex jgħixu f'dinjità humiex rispettati f'kull Stat Membru, kif ukoll fil-livell reġjonali;

    85.

    Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Impenn imġedded għal Ewropa Soċjali: Tisħiħ ta' Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għal Protezzjoni Soċjali u Inklużjoni Soċjali (COM(2008)0418), li tipproponi li ssaħħaħ l-OMC soċjali bit-titjib tal-metodi ta' ħidma u viżibilità tagħha u bit-tisħiħ tal-interazzjoni tagħha ma' politiki oħrajn; jilqa' b'mod speċjali l-proposti tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi miri għat-tnaqqis tal-faqar (b'mod ġenerali, faqar fost it-tfal, faqar fil-post tax-xogħol u faqar persistenti fuq perjodu ta' żmien fit-tul), għal livell minimu ta' dħul provdut permezz ta' pensjonijiet u għal aċċess għal u l-kwalità tal-kura tas-saħħa (tnaqqis tal-mortalità fost it-tfal, titjib tas-saħħa u żieda fl-aspettattiva tal-ħajja, eċċ.);

    86.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi biex jiksbu l-objettivi ta' Barċellona dwar is-servizzi għall-kura tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet dwar kif jilħqu l-ħtieġa għal servizzi ta' kura fl-Ewropa (b'mod aktar partikulari l-organizzar u l-iffinanzjar ta' kura għal tfal u persuni dipendenti oħrajn), anke t-twaqqif ta' miri u indikaturi preċiżi, bil-għan li jkunu provduti faċilitajiet għal kura tat-tfal fi ħdan l-Unjoni għal 90 % ta' tfal mit-twelid sas-sena obbligatorja ta' skola u livell suffiċjenti ta' provvediment ta' kura għal persuni dipendenti oħrajn sa l-2015; jenfasizza l-fatt li s-servizzi kollha għandhom jissodisfaw il-kriterji li jkunu għall-but ta' kulħadd, aċċessibbli u ta' kwalità tajba sabiex it-trobbija tat-tfal u l-kura ta' dipendenti ma jibqgħux “riskju ta' faqar” b'mod speċjali għan-nisa;

    87.

    Jenfasizza li dawk l-aktar il-bogħod mis-suq tax-xogħol għandhom jibbenefikaw aktar mill-programmi tal-Komunità bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-inizjattiva EQUAL; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali għall-objettivi tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni bbażati fuq l-indikaturi tal-inklużjoni soċjali u biex tinkoraġġixxi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew ġdid u l-użu ta' ffinanzjar ta' Progress biex jappoġġja miżuri ta' inklużjoni attiva u tesplora possibilitajiet biex jiġu allokati l-fondi ESF jew biex jiġi identifikat baġit speċifiku għal inizjattiva Komunitarja f'dan ir-rigward; jemmen li dan irrawwem ukoll il-ħolqien ta' netwerks ta' prattiki tajbin fil-ġlieda kontra l-faqar sabiex jitħeġġu l-iskambji tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri;

    88.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jimpenjaw lilhom infushom sabiex jieħdu azzjonijiet effettivi fil-kuntest tas-Sena kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li għandha tirrappreżenta pass sostanzjali lejn l-isforz favur il-ġlieda kontra l-faqar fit-tul;

    89.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-partecipazzjoni li fiha tifsira u li hija sikura tat-tfal fil-kwistjonijiet kollha li jaffetwawhom, filwaqt li jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom opportunità indaqs sabiex jinvolvu ruħhom;

    *

    * *

    90.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali.


    (1)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.

    (2)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49.

    (3)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

    (4)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

    (5)  ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.

    (6)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

    (7)  ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 604.

    (8)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0541.

    (9)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0012.

    (10)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0286.

    (11)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0163.


    Top