Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1680

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej

    ĠU C 100, 30.4.2009, p. 84–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 100/84


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej

    2009/C 100/14

    Nhar il-25 ta’ Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

    Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur IOZIA.

    Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’122 vot favur, 23 vot kontra u 45 astensjoni.

    1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

    1.1   L-iżviluppi reċenti b’rabta mal-kriżi finanzjarja, li kienu imprevidibbli u mhux mistennija fir-rigward tal-iskala tat-telf u l-inkapaċità tal-istrumenti regolatorji li nħolqu biex iħarsu s-suq, u b’hekk ukoll lil dawk kollha li poġġew flushom fil-banek tat-tfaddil, l-investituri u l-intrapriżi, jesiġu dibattitu speċifiku u usa’ dwar is-suġġetti diskussi f’din l-opinjoni. Is-sensiela ta’ fallimenti fid-dinja kollha, u l-għajnuna li kellha tingħata lill-banek u lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni li fid-deher kienu b’saħħithom ħafna, ħolqu ħafna ansjetà u tħassib serju fost miljuni ta’ ċittadini Ewropej.

    1.1.1   Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ottubru iffoka l-aktar fuq il-kriżi finanzjarja u esprima d-determinazzjoni tiegħu li ssir ħidma bi sħab għall-ħarsien tas-sistema finanzjarja Ewropea u ta’ kull min għandu flus iddepożitati fil-banek. Wara l-laqgħa tal-Eurogrupp, il-Kunsill kollu approva l-prinċipji definiti fil-laqgħa ta’ Pariġi tat-12 ta’ Ottubru, maħsuba biex jippreservaw l-istabilità tas-sistema, isaħħu s-superviżjoni tas-settur finanzjarju Ewropew, b’mod partikolari l-gruppi transnazzjonali, itejbu l-koordinazzjoni tas-superviżjoni fil-livell Ewropew, jappoġġjaw l-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, jevitaw il-fallimenti u jħarsu d-depożiti fil-banek.

    1.1.2   Il-Kunsill ħeġġeġ ukoll li titħaffef il-proċedura b’rabta mad-direttiva għar-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u s-sikurezza tad-depożiti, u ħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw miżuri maħsuba biex ir-rimunerazzjonijiet tad-diriġenti u l-opzjonijiet fuq l-ishma, b’mod partikolari fis-settur finanzjarju, ma jwasslux għal teħid ta’ riskji eċċessivi jew konċentrazzjoni żejda fuq l-objettivi għall-perijodu qasir.

    1.1.3   Il-Kunsill saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li t-tkabbir u l-impjiegi jiġu appoġġjati, u fl-istess ħin għandha ssir riforma radikali tas-sistema finanzjarja internazzjonali msejsa fuq il-prinċipji tat-trasparenza, is-solidità bankarja, ir-responsabbiltà, l-integrità u l-gvernanza dinjija għall-prevenzjoni tal-konflitti ta’ interess.

    1.1.4   Il-KESE ilu għal bosta snin jitlob għal miżuri biex jissaħħu l-istrumenti regolatorji, għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-miżuri ta’ superviżjoni, iżda ma ngħatax widen; kien ikkundanna wkoll ir-riskji eċċessivi meħuda mis-sistemi bankarji Ewropej u internazzjonali, li kienu sostnuti minn sistemi anormali ta’ rimunerazzjonijiet li jipproduċu riżultati f’qasir żmien, li ġiegħlu lill-operaturi tas-settur iniedu kampanji ta’ bejgħ xejn għaqlija għal prodotti b’riskju kbir.

    1.1.5   Minkejja l-iskandli finanzjarji, li ġraw fl-Ewropa wkoll, fil-prattika ma sar xejn u issa li l-iskala tal-kriżi jista’ jkollha konsegwenzi serji fuq l-ekonomija kollha, qed nindunaw li l-wegħdiet ta’ kapitaliżmu sfrenat u irresponsabbli, ta’ tkabbir eċċessiv u bla rażan kienu foloz u kienu jħabbru biss kriżi profonda.

    1.1.6   Dan il-mudell issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu, u ma nistgħux inreġġgħuh lura. Il-KESE jittama li sa fl-aħħar l-istituzzjonijiet politiċi jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u:

    isaħħu l għanijiet u l-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji;

    jipprojbixxu ż-żamma ta’ fondi, krediti u ishma ekstrabaġitarji;

    iżidu u jistandardizzaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

    jimponu standards aktar adatti u trasparenti għall-attivitajiet tal-hedge funds, il-banek ta’ investiment, l-istrumenti strutturati off-shore għall-appoġġ ta’ attivitajiet finanzjarji, il-fondi sovrani u l-equity funds, billi jiġu ssorveljati mill-awtoritajiet u billi jiġu ddeterminati n-natura u l-istatus tagħhom ta’ “intrapriżi” li huma rregolati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, kif intalab mill-Parlament Ewropew;

    ibiddlu s-sistema tat-taxxi, jevitaw inċentivi jew tnaqqis fil-konfront ta’ riskji kbar jew dejn eċċessiv;

    iwaqqfu Aġenzija Ewropea għall-Klassifikazzjoni;

    jirregolaw is-sistema tar-rimunerazzjonijiet tal-ogħla diriġenti ,u tal-inċentivi għall-bejgħ ta’ prodotti finanzjarji li huma inadegwati għall-operaturi, kif talab il-Kunsill innifsu;

    jissorveljaw is-swieq li mhumiex regolati;

    jadattaw l-obbligi marbuta mal-kapital għall-prodotti finanzjari kumplessi u l-prodotti derivati.

    1.1.7   Il-KESE huwa persważ li l-kriżi finanzjarja gravi u x-xewqa li negħlbu l-kapitaliżmu tal-każinò darba għal dejjem jistgħu jipprovdu l-opportunità li jiġu adottati l-aktar miżuri adatti biex inħarsu l-ġejjieni tas-sistema finanzjarja, u fl-istess ħin, nagħtu nifs ġdid lill-ekonomija. Hemm bżonn ta’ sforz kollettiv, li jkun kbir biżżejjed li jegħleb il-periklu li l-virus skopert fis-settur finanzjarju jinfetta l-ekonomija reali kollha. L-investiment fl-infrastruttura, u l-investiment għall-ħarsien tal-ambjent, bħall-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u r-riċerka jistgħu jgħinu biex jissodisfaw id-domanda. Fond Ewropew ġdid, li jista’ jitmexxa mill-BEI, u li jkun garantit mill-Istati Membri, jista’ jsolvi l-problemi maħluqa permezz tal-iffriżar tal-finanzjament tal-ekonomija, b’mod partikolari l-ekonomija li l-aktar teħtieġ investiment għall-perijodu qasir jew medju.

    1.1.8   Il-KESE japprezza kulma sar sa issa mill-Istati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kunsill u jitlob l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jagħtu prova ta’ solidarjetà u rapidità f’din is-sitwazzjoni tant serja għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi biex is-sistema finanzjarja Ewropea u dinjija terġa’ tibda taħdem tajjeb.

    1.1.9   Il-KESE jittama wkoll li minbarra l-miżuri finanzjarji meħtieġa, li tpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ dan l-objettiv prijoritarju, isiru l-isforzi kollha possibbli biex il-kriżi ekonomika titrażżan.

    1.1.10   Mijiet ta’ biljuni ta’ euro ġew mobilizzati biex jissalvaw il-banek; il-KESE jittama li s-settur tal-intrapriżi jissalva bl-istess enerġija u prontezza, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, billi tiġi appoġġjata d-domanda, anke permezz taż-żieda tas-salarji u l-pensjonijiet, biex nevitaw li r-reċessjoni ma tinbidilx malajr f’dipressjoni.

    1.2   Ir-rikkezza tad-diversità fil-provvista tas-servizzi finanzjarji tista’ titqabbel mad-diversità fid-dinja naturali. Illum il-ġurnata l-ħarsien tal-bijodiversità huwa karatteristika permanenti tal-kuxjenza pubblika. Il-ħarsien tal-bijodiversità tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji huwa wkoll element fil-wirt kulturali u soċjali Ewropew li m’għandux jinħela; minflok għandu jiġi sostnut, minħabba li jirrappreżenta valur soċjali kbir. Id-dimensjoni etika u soċjali tas-sistema finanzjarja Ewropea għandha tissaħħaħ u titħares.

    1.3   L-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Liżbona jistipula li “(L-Unjoni) għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. Hija għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.”

    1.4   L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri ser ikollhom jimpenjaw ruħhom li jrawmu u jsostnu d-dimensjoni etika u soċjali tas-suq finanzjaru, kif ukoll il-kapaċità kompetittiva tagħha. Ekonomija soċjali tas-suq tfisser ukoll ekonomija soċjalment ġusta (1) ; jew l-ekonomija soċjali tas-suq tippermetti li l-ekonomija tikseb il-mira ewlenija tagħha, li hija l-prosperità u l-benesseri tan-nies, li tipproteġihom mill-bżonn  (2).

    1.5   Fit-tnedija tal-proposta tiegħu biex iwaqqaf kumitat Ewropew ta’ livell għoli sabiex jirreaġixxi għall-kriżi fis-swieq finanzjarji, jidentifika regoli ġodda, u jiġġieled il-finanzjament attwali “li ma jistax imexxina”, Jacques Delors argumenta li l-kriżi attwali hija “il-falliment ta’ swieq bi ftit jew l-ebda regolamentazzjoni, u għal darba oħra jurina li s-suq finanzjarju mhux kapaċi jwettaq awtoregolamentazzjoni.”

    1.6   Il-kriżi ta’ dan l-aħħar turi li, minbarra li huma parti mill-wirt kulturali u storiku Ewropew, il-pluraliżmu u l-bijodiversità fis-sistema finanzjarja huma neċessarji biex ikun hemm inizjattivi ta’ kontenut etiku/soċjali, u huma wkoll fatturi ewlenin biex tiżdied il-kompetittività u jitnaqqas ir-riskju li jkun hemm kriżi sistematika fis-sistemi finanzjarji.

    1.7   It-tkabbir ekonomiku lil hinn minn ċerti limiti, u mingħajr il-possibbiltà li jiġu ssodisfatti bżonnijiet oħra, ma jżidx il-ferħ tal-bniedem. Ir-rwol dominanti tal-finanzi spekulattivi fl-ekonomija reali, għandu jitnaqqas u jingħata direzzjoni mill-ġdid lejn kondotta aktar raġonevoli li hija soċjalment sostenibbli u etikament aċċettabbli.

    1.8   Għalhekk għandu jiġi promoss ir-rwol ta’ finanzi etiċi u soċjalment responsabbli. Il-punt ta’ tluq tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huwa li f’dan il-qasam, m’għandux ikun hemm lok għal approċċ imsejjes fuq intervent li jibda mill-ogħla livell (top-down), billi l-esperjenza turina li huwa xieraq li l-inizjattivi mmexxija mil-lat soċjali u etiku jinbtu spontanjament minn livell baxx.

    1.9   Id-dimensjoni etika mhijiex biss marbuta ma’ tip speċifiku ta’ intrapriża. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lir-rwol dokumentat u importanti tal-banek tat-tfaddil u ta’ medda ta’ movimenti kooperattivi fil-promozzjoni ta’ inizjattivi etiċi/soċjali u t-trawwim tal-iżvilupp ta’ sistemi lokali. Minkejja li dan ir-rwol ġie rikonoxxut mit-trattat Ewropew, ċerti Stati Membri għadhom ma jarfuhx u ma jirrispettawhx. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġi assigurat għarfien iktar sistematiku u mifrux ta’ dan it-tip ta’ gvernanza soċjali. L-appelli reċenti lill-Kummissjoni Ewropea, kontra l-moviment kooperattiv promoss fl-Italja, Spanja, Franza u n-Norveġja, iservu biex jenfasizzaw din il-ħtieġa, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Ewropea xierqa.

    1.10   Il-KESE jikkunsidra li l-qafas leġiżlattiv qatt ma jkun newtrali fir-rigward tal-imġiba ta’ organizzazzjonijiet jew individwi. Fuq il-bażi ta’ din l-osservazzjoni, il-KESE jemmen li, f’sistema li diġà tħeġġeġ ċerti tipi ta’ mġiba, l-idea li jiġi sistematizzat u ġeneralizzat il-prinċipju li, kull fejn jeżistu inizjattivi etiċi/soċjali, għandha tapplika sistema ta’ kumpens, tissodisfa l-kriterju ta’ ġustizzja u razzjonalità applikabbli għar-rwol pubbliku fl-ekonomija u s-soċjetà.

    1.11   Kull darba li jistgħu jinġabu provi li organizzazzjoni speċifika rrinunzjat, almenu parzjalment iżda fuq bazi strutturali u permanenti, il-prinċipju tal-ikbar profitt possibbli għall-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ natura etika jew soċjali, għandha tkun tista’ tibbenefika minn regoli fiskali u regolatorji li jkunu differenti minn dawk ġenerali, għajr ir-regoli ta’ prudenza essenzjali, almenu parzjalment. F’xi Stati Membri, ċerti investituri etiċi diġà jgawdu minn deroga mid-direttiva bankarja: għandhom isiru sforzi biex dan il-prinċipju jiġi estiż għall-Istati Membri kollha.

    1.12   Il-KESE jistaqsi jekk l-inizjattivi b’rabtiet etiċi/soċjali min-naħa ta’ organizzazzjonijiet li tipikament ikollhom skop ta’ profitt għandhomx igawdu minn benefiċċji fiskali jew regolatorji. Organizzazzjoni li għandha l-għan li tagħmel profitt tniedi inizjattiva li hija strutturalment separata min-negozju tipiku tagħha: m’għandux ikun hemm dubju dwar kemm hu xieraq li jingħata kumpens meta mqabbel mat-trattament tas-soltu. Jekk, mill-banda l-oħra l-inizjattivi ma jistgħux jinqasmu strutturalment min-negozju tipiku tagħha, għandu jkun hemm iktar dibattitu biex jiġi analizzat jekk huwiex xieraq li tiġi introdotta sistema ta’ kumpens.

    1.13   Ftit li xejn tingħata attenzjoni lid-dimensjoni soċjali f’ħafna oqsma tas-suq. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tappoġġja tkabbir kostanti u kompatibbli li jirrispetta d-dinjità umana u dik ambjentali. Għall-kuntrarju, is-sistemi ta’ bonus marbuta esklużivament mal-kwantitajiet tal-prodott mibjugħ, aktar milli mal-kwalità tas-servizz, qed iqanqlu nuqqas ta’ sodisfazzjon kbir fost il-klijenti u fost il-ħaddiema li jkollhom tensjoni kbira kkawżata minħabba s-sindromu tal-“budgetitis” bħala riżultat ta’ pressjoni kummerċjali kontinwa.

    1.14   Il-KESE jikkunsidra li l-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi applikat b’mod sistematiku u mmirat; skont dan il-prinċipju, intermedjarju żgħir li jwettaq transazzjonijiet sempliċi ma jistax ikun soġġett għall-istess piż regolatorju bħal organizzazzjoni kumplessa multinazzjonali, għalkemm għandhom jinżammu l-istess garanziji tas-suq. Ir-regoli huma imposti biex iħarsu s-suq.

    1.15   Billi tassigura li l-Istati Membri ma jadottawx miżuri li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti l-kontribut tagħha biex tħares id-diversità fil-provvista tas-servizzi finanzjarji, bankarji u tal-assigurazzjoni. Ir-regoli tal-għajnuna tal-Istat għandhom iqisu dan l-aspett.

    1.16   Il-kapitaliżmu tal-każinò u t-turbo-kapitaliżmu mmiraw lejn kumpaniji industrijali u finanzjarji li, frammentati minn mewġa ta’ bejgħ, tilfu s-saħħa li kellhom qabel, u eluf ta’ ħaddiema, familji, azzjonisti, u l-ekonomija inġenerali nqabdu fil-“qerda” tal-valur intrinsiku kkawżat minn dawn l-operazzjonijiet, li warajhom ħallew biss tifrik.

    1.17   Fl-opinjoni attwali, il-KESE għal darb’oħra jisħaq fuq il-bżonn li l-ekonomija sservi lill-bniedem, kif jargumenta wieħed mill-ekonomisti ewlenin (3) : L-akbar periklu jinsab meta jkun hemm subordinazzjoni tat-twemmin għall-bżonnijiet ta’ sistema industrijali moderna. […] Dawn huma li t-teknoloġija hija dejjem ħaġa tajba; li t-tkabbir ekonomiku huwa dejjem tajjeb; li l-kumpaniji għandhom dejjem jespandu; li l-konsum tal-prodotti huwa s-sors prinċipali tal-ferħ; li l-għażż huwa ħażin; u li xejn ma għandu jimpedixxi l-prijorità li tingħata lit-teknoloġija, lit-tkabbir u liż-żieda fil-konsum.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   L-etika u l-impuls soċjali

    2.1.1   Il-filosofija Griega stabbiliet sisien sodi għaċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent, u issa nistgħu nagħmlu użu minn din il-filosofija sabiex niddefinixxu, l-ewwel nett, il-kunċetti “etiċi” u “soċjali”.

    2.1.2   Skont Aristotli, l-għan tal-etika huwa l-ġid tal-bniedem, li m’għandux jinftiehem b’mod astratt, iżda bħala l-massimu tal-prodotti li jistgħu jiġu akkwistati u miksuba permezz tal-azzjoni. L-akbar ġid li l-individwi jippruvaw jiksbu huwa l-ferħ, l-akbar forma ta’ ferħ tinsab fl-imġiba nobbli.

    2.1.3   Fl-istess waqt, il-ferħ huwa l-aħjar u l-isbaħ ħaġa u l-aktar ħaġa li tagħti pjaċir, u dawn il-kwalitajiet m’għandhomx jinqasmu, bħalma wieħed isib fl-iskrizzjoni f’Delos:

    “(a)

    Mill-affarijiet kollha, l-isbaħ ħaġa hija l-ġustizzja;

    (b)

    l-aktar bżonjuża hija s-saħħa;

    (c)

    iżda l-aktar pjaċevoli hija li jkollok xi ħaġa maħbuba.

    (d)

    Dawn il-kwalitajiet huma tal-aħjar attivitajiet: u nidentifikaw il-ferħ ma’ dawn, jew mal-aħjar waħda minnhom” (Aristotli, Nicomachaean Ethics, ktieb I).

    2.1.4   Il-filosofija tista’ tgħinna biex nifhmu kif, flimkien ma’ realtà assoluta tal-etika, jistgħu jeżistu realtajiet relattivi li jissodisfaw dawk il-gruppi soċjali, żgħar jew kbar, li jaqsmu l-istess kunċett ta’ ferħ u li jingħaqdu flimkien biex isegwuha.

    2.1.5   L-etika u l-pluralità tal-valuri jeżistu flimkien u jirrappreżentaw l-istorja rikka tal-umanità fid-diversi forom tagħha, li tinkludi dawk li dan l-aħħar saru magħrufa bħala “l-ekonomiji tal-ferħ”. Fuq bażi empirika, dan jeżamina sistematikament in-natura tal-ferħ u l-metodi kif dan jista’ jinkiseb.

    2.1.6   Intwera li t-tkabbir ekonomiku mingħajr it-tkabbir konkomitanti ta’ fatturi oħra ta’ sodisfazzjon ma jżidx il-ferħ personali. Għall-kuntrarju, ’il fuq minn ċertu limitu, it-tkabbir ekonomiku ma jġibx iktar ferħ. Konsum li dejjem jikber ifisser aktar xogħol biex tkun tista’ tħallas għalih, u aktar ħin fil-post tax-xogħol, a skapitu tar-relazzjonijiet umani – u huma proprju dawn ir-relazzjonijiet li jiġġeneraw l-aktar ferħ (4).

    2.1.7   Għadd ta’ sondaġġi mill-Eurostat urew li filwaqt li d-dħul per capita fl-Ewropa żdied mingħajr xkiel tul dawn l-aħħar 25 sena, il-livelli ta’ ferħ baqgħu bażikament l-istess. Fl-Istati Uniti nsibu riżultati simili.

    2.2   Il-kriżi finanzjarja tal-2007 u l-2008: xi jmiss?

    2.2.1   It-taqlib li għadhom għaddejjin minnu s-swieq finanzjarji sa minn Frar 2007, li laqat lill-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji ewlenin, huwa l-punt ewlieni tal-aġenda tad-dibattitu politiku internazzjonali.

    2.2.2   L-impatt tal-kriżi fost il-provvedituri Amerikani tal-ipoteki ġie estiż u amplifikat peress li ħafna dejn ikklassifikat bħala “subprime” – jiġifieri dak li ftit għandu ċans li jitħallas lura – ingħaqad flimkien, permezz ta’ proċess ta’ titolarizzazzjoni, f’“pakketti” ta’ dejn akbar bl-ebda trasparenza rigward l-iskala jew id-daqs tal-problema. Ir-riżultat huwa li l-operaturi jitħallew b’bonds mhux siguri u żvalutati.

    2.2.3   Din l-inċertezza wasslet għal aktar nuqqas fil-fiduċja fis-sistema finanzjarja, u kellha konsegwenzi ta’ ħsara għan-negozji li jserrħu fuq il-fluss kontinwu ta’ kreditu rħis.

    2.2.4   Il-hedge funds jew fondi spekulattivi kienu l-vittmi prinċipali tal-kriżi finanzjarja, anki dawk li jitħaddmu minn banek kummerċjali ewlenin. Ħafna banek Ewropej spiċċaw b’parti kbira mid-dejn tas-subprime Amerikan fuq il-kotba tagħhom. Xi banek Ġermaniżi, li huma famużi għall-prudenza tagħhom, intlaqtu b’mod partikulari, iżda l-marda nfirxet ukoll fost l-istituzzjonijiet finanzjarji reżistenti li raw il-prezz tal-flus jispara ′l fuq. Din kienet ir-raġuni għalfejn kważi falla n-Northern Rock.

    2.2.5   Parti mill-każ tas-SOCGEN hija marbuta mat-taqlib finanzjarju li beda s-sajf li għadda, parzjalment minħabba ċerta tendenza li tħeġġeġ lill-operaturi tas-swieq finanzjarji biex jieħdu riskji eċċessivi li jistgħu jfissru kemm profitti kbar kif ukoll telf astronomiku fil-każ ta’ riskji imprudenti. Dan kixef kemm il-proċeduri interni tal-kontroll ta’ din l-istituzzjoni mhumiex adegwati u xeħet id-dubju fuq il-prattiki tas-sistema bankarja f’dan il-qasam.

    2.2.6   Dan huwa “l-kapitaliżmu tal-każinò”, fejn b’xorti ħażina l-“bank fallut” fil-fatt jirrappreżenta l-persuni li jkunu faddlu, speċjalment l-iktar dgħajfa, li b’xi mod jew ieħor iridu jħallsu kont li għalih mhumiex responsabbli, kemm il-ħaddiema (s’issa kien hemm aktar minn 100 000 impjieg mitluf fis-settur finanzjarju, u se jkun hemm aktar (5)), kif ukoll iċ-ċittadini, li tnaqqsitilhom is-sigurtà u tħallew f’inċertezza dwar jekk is-sistema finanzjarja għadhiex kredibbli jew le.

    2.2.7   It-telf irreġistrat jammonta għal USD 400 biljun, u skont stimi affidabbli huwa mistenni jitla’ għal USD 1 200 biljun (6). Naturalment, dan qiegħed jinħass mill-investituri istituzzjonali l-kbar, bħall-fondi tal-pensjonijiet, iżda s-sistema ekonomika kollha kemm hi qiegħda tesperjenza risperkussjonijiet serji, bil-prezz ogħla u d-disponibbiltà tonqos tal-flus, il-pressjoni ′l fuq li tirriżulta fuq il-prezzijiet u l-inflazzjoni, u l-impatt f’termini tat-trażżin tal-ekonomija. Dan iċ-ċirku vizzjuż qed jolqot l-attività ekonomika kollha kemm hi. Ir-riċessjoni qiegħda titqies bħala theddida reali minn xi Stati Membri.

    2.2.8   Huwa minnu li s-sistema finanzjarja Ewropea kienet aktar il-vittma milli l-ħatja, ħlief f’xi eċċezzjonijiet iżolati u limitati. Madankollu, huwa minnu wkoll li ż-żieda fid-dominanza tal-finanzi fl-ekonomija, is-segwitu ta’ mezzi li qed isiru dejjem aktar sofistikati biex jimmoltiplikaw l-opportunitajiet ta’ profitt, ir-rwol li qed isir dejjem aktar aggressiv tal-fondi spekulattivi u d-dehra tal-fondi sovrani b’riżorsi enormi, ġiegħlu lill-ekonomija reali taqdi rwol li qed isir dejjem aktar marġinali. Enfasizzat ukoll id-dgħufija tas-sistemi superviżorji nazzjonali, in-nuqqas ta’ effiċjenza fil-makkinarju ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti u r-rwol inkwetanti tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li jinkludu dawk involuti fl-hekk imsejħa klassifikazzjoni etika (li taw stimi favorevoli lil kumpaniji bħal Parmalat, li milli jidher kellha kodiċi ta’ kondotta eżemplari).

    2.2.9   Din il-kriżi laqtet lill-atturi kollha fis-suq, kemm jekk il-profil spekulattiv tagħhom huwa għoli, baxx u anki jekk ma jeżistix. L-integrazzjoni tas-suq laħqet tali punt li ħadd ma jista’ jgħid li huwa reżistenti għal riperkussjonijiet negattivi. Il-problema hija li l-partijiet diffiċli biss jinqasmu mal-oħrajn, filwaqt li l-profitti jibqgħu siguri f’idejn l-ispekulaturi.

    3.   Is-sistema finanzjarja Ewropea

    3.1   Il-banek

    3.1.1   Il-banek jirrappreżentaw l-element ċentrali li jorbot l-intermedjarji finanzjarji flimkien. F’xi pajjiżi, għandhom kontroll qawwi fuq l-ekonomija reali, billi jeżerċitaw setgħa li mhijiex purament ekonomika, li tinfluwenza l-iżvilupp territorjali u tan-negozju, u li timmoltiplika l-opportunitajiet tagħhom ta’ profitt.

    3.1.2   Għalkemm il-kumpaniji tal-banek joperaw f’kuntest ta’ suq, u bażikament kollha joffru l-istess servizzi, li jvarjaw minn dawk li huma standardizzati ħafna għal dawk li huma l-aktar speċjalizzati, dawn ġejjin minn sfondi differenti ħafna li sa llum għadhom jikkontribwixxu għat-tfassil tagħhom.

    3.1.3   Flimkien mal-banek kummerċjali u dawk tal-investiment, li jokkupaw pożizzjoni predominanti fis-suq, insibu l-banek tat-tfaddil ta’ ispirazzjoni pubblika, li kienu twaqqfu biex joffru daqqa t’id lill-komunitajiet urbani – u speċjalment lill-ifqar membri tagħhom – waqt mumenti kruċjali. L-ewwel banek tat-tfaddil ta’ dan it-tip twaqqfu fl-Imperu Ġermaniż fis-snin bikrija tas-seklu 19, iżda ħafna kienu stabbilimenti li jagħmlu opri ta’ karità – l-hekk imsejħa “monti di pietà” li kienu diġà jeżistu u li kienu nħolqu fis-seklu 15, iżda bdew joperaw taħt isem ġdid. Illum il-ġurnata, dawn jirrappreżentaw madwar terz tas-suq bl-imnut b’160 miljun klijent u 980 000 impjegat. Fost l-eżempji tal-inizjattivi inklużivi tal-banek tat-tfaddil insibu d-“Die Zweite Sparkassen” fl-Awstrija u l-“Parcours confiance” fi Franza.

    3.1.4   F’xi reġjuni remoti u rurali, rabba l-għeruq il-moviment tat-tfaddil rurali u tal-artiġgjanat, imsejjes fuq l-ideat ta’ Friedrich Wilhelm Raiffeisen, bħala oppożizzjoni għall-użura. Huwa waqqaf l-ewwel Darlehnkassenverein (bank popolari) fl-1864. Il-banek popolari, ibbażati wkoll fuq prinċipji kooperattivi, nibtu mill-ideat ta’ Franz Hermann Schulze-Delitzsch, li waqqaf l-ewwel Vorschussverein (bank popolari) fl-1850. Dawn l-esperimenti wasslu għall-moviment kooperattiv u popolari għall-kreditu mifrux, li llum għandu sehem ’il fuq minn 20 % fl-UE, b’iktar min 140 miljun klijent, 47 miljun membru u 730 000 impjegat.

    3.1.5   Din in-nota storika turi li s-soċjetà ċivili minn dejjem allokat rwol għall-banek fil-qalba tas-sistema ekonomika, b’mod li huwa differenti, almenu parzjalment, minn dik ta’ negozji oħra. Minn dejjem kienu mistennija li jsegwu għanijiet etiċi/soċjali wkoll, mhux biss ta’ profitt.

    3.1.6   Aspett sinifikanti li l-industrija finanzjarja għandha taħdem fuqu huwa l-aċċess usa’ disponibbli għas-servizzi finanzjarji. Filwaqt li fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, 20 % biss tal-popolazzjoni għandu aċċess għall-kreditu, fl-Ewropa dan il-persentaġġ jitla’ għall-figura rassiguranti ta’ 90 %. Madankollu dan għadu mhux biżżejjed, minħabba li l-kumplament tal-10 % li jitħallew barra jistgħu jesperjenzaw dik li fil-fatt hija diskriminazzjoni serja ħafna.

    3.2   L-assigurazzjoni

    3.2.1   Filwaqt li l-ewwel banek moderni jmorru lura għas-snin bikrija tas-seklu 15 fl-Italja, permezz tal-ħolqien tal-Bank ta’ San Ġorġ fl-1406, u xi wħud fosthom – bħall-Monte dei Paschi stabbilit fi Siena fl-1472 –għadhom joperaw sal-lum, l-oriġini tal-assigurazzjoni huma ħafna iktar antiki. L-ewwel tipi ta’ assigurazzjoni jmorru lura bejn it-tieni u t-tielet millennju Qabel Kristu fiċ-Ċina u l-Babilonja. Il-Griegi u r-Rumani kienu l-ewwel nies li introduċew il-kunċetti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u s-saħħa, fejn is-“soċjetajiet benevolenti” tagħhom kienu jħallsu għat-trattament mediku, għas-sussidji ta’ appoġġ għall-familji, u anki għall-funerali. Ix-xrieki tal-Medju Evu kellhom l-istess għan. Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, separat mill-investiment, ġie vvintat f’Genova fis-seklu 14. Dan kien ta’ għajnuna kbira għal Edward Lloyd li, fl-1688, fetaħ ħanut tal-kafè f’Tower Street, Londra, li kien iffrekwentat minn sidien tal-vapuri, negozjanti u kaptani tal-baħar – il-post ideali għal dawk li jkunu qed jippruvaw jassiguraw bastiment u t-tagħbija ta’ fuqu u dawk li jkunu jridu sehem finanzjarju f’din il-biċċa xogħol ta’ riskju. L-ewwel assigurazzjoni ta’ kontra n-nar ġiet introdotta permezz tal-“Fire Office” (“Uffiċċju tan-Nirien”) ta’ Nicholas Barbon matul l-istess perijodu, wara d-diżastru tan-Nirien f’Londra fl-1666, li qerdu mat-13 200 dar.

    3.2.2   Wara l-esperjenza ta’ Lloyd’s (li ma kinetx teknikament kumpanija ta’ assigurazzjoni), il-mudell ta’ assigurazzjoni nfirex mal-Ewropa kollha, u bdew joperaw kumpaniji tal-assigurazzjoni. It-tkabbir tal-assigurazzjoni moderna huwa marbut mat-teorija moderna tal-probabbiltà, li l-pijunieri tagħha kienu Pascal, de Fermat u saħansitra Galileo. Bdew joperaw il-mutwi fil-gruppi ta’ assigurazzjoni, li kienu tal-policy underwriters aktar milli tal-azzjonisti – fi kliem ieħor, tal-klijenti diretti tagħhom. L-entitajiet kooperattivi tal-assigurazzjoni, li nħolqu fis-seklu li għadda: f’ċerti pajjiżi assumew pożizzjoni importanti, minħabba l-ħila tagħhom li joffru prodotti ta’ kwalità għolja lis-suq kollu kemm hu. Bħall-banek kooperattivi, l-assiguraturi reċiproċi (mutwi) huma marbuta mill-qrib mas-sistemi ekonomiċi lokali, u jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tagħhom, billi jinvestu mill-ġdid parti sinifikanti mill-valur miżjud tagħhom.

    3.3   Il-banek u l-assigurazzjoni etiċi

    3.3.1   Tul dawn l-aħħar snin, bdew joperaw il-banek etiċi u l-kumpaniji ta’ assigurazzjoni, li jiffukaw fuq iż-żamma tar-relazzjonijiet tan-negozju u l-provvista ta’ appoġġ finanzjarju biss lil dawk in-negozji li għandhom ħtiġijiet stretti bbażati fuq il-valuri, li huma l-istess valuri mħaddna mill-komunità li ħolqot dawn il-banek u l-assigurazzjonijiet. Eżempji ta’ tali “valuri”, li jikkostitwixxu standards f’dan il-qasam, huma r-rekwiżiti dwar is-sostenibilità tal-ambjent, il-pożizzjoni bla kompromess lejn is-suq tal-armamenti u l-obbligu permanenti li ma jkun hemm l-ebda tip ta’ diskriminazzjoni.

    3.3.2   Il-finanzjament “etiku” u l-mikrofinanzjament

    3.3.2.1   Il-finanzjament etiku jfisser l-attività finanzjarja li tippromovi l-inizjattivi umani, soċjali u ambjentali fid-dawl tal-istima etika u ekonomika tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-soċjetà, li titwettaq bl-għan ewlieni li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ikkonċernati jew anke, permezz tal-istrument tal-mikrokreditu, għal persuni individwali.

    3.3.2.2   Il-mikrofinanzjament huwa magħmul minn banek speċjalizzati li jittrattaw somom żgħar u li huma maħsuba biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-partijiet il-foqra tal-popolazzjoni, li jkunu esklużi mis-sistema bankarja konvenzjonali, u huwa l-aktar magħruf għall-preżenza tiegħu fit-tielet dinja. Madankollu, m’għandniex ninsew li l-pajjiżi tal-Punent ukoll għandhom tradizzjoni importanti ta’ mikrotfaddil (filwaqt li l-mikrokreditu kien aktar marġinali, pereżempju bil-“monti di pietà” fl-imgħoddi): depożiti żgħar multiannwali bi spejjeż żgħar huma eżempju ta’ mikrotfaddil.

    3.3.2.3   In-negozju etiku finanzjarju jitwettaq skont il-prinċipji li ġejjin (7):

    (a)

    l-ebda diskriminazzjoni bejn min jirċievi l-investiment fuq il-bażi ta’ sess, oriġini etnika jew twemmin, jew fuq il-bażi tar-rikkezza, filwaqt li l-kreditu fil-forom kollha tiegħu jitqies bħala dritt tal-bniedem;

    (b)

    aċċess għal min huwa l-aktar dgħajjef, fuq il-bażi tal-validità ta’ forom ta’ garanziji personali, kateġoriċi jew komunitarji fuq l-istess livell mal-garanziji li jiġu bbażati fuq il-ġid;

    (c)

    l-effiċjenza, li fil-finanzjament etiku mhijiex definita f’termini ta’ profitti, iżda ta’ attività ekonomikament vitali u soċjalment bżonjuża;

    (d)

    l-involviment ta’ min ifaddal fl-għażliet li jsiru dwar il-ġbir tal-fondi, jew billi jindikaw il-preferenzi tagħhom dwar fejn għandhom jintbagħtu l-fondi, jew permezz ta’ makkinarju demokratiku għall-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

    (e)

    trasparenza u aċċess totali għall-informazzjoni kollha, u għalhekk jinħtieġ li t-tfaddil ikun nominattiv, u l-klijenti għandhom id-dritt li jkunu infurmati dwar kif taħdem istituzzjoni finanzjarja u dwar id-deċiżjonijiet tagħha li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ kreditu u investiment tagħha;

    (f)

    ir-rifjut tal-arrikkiment ibbażat sempliċement fuq il-pussess u l-kummerċ tal-flus, sabiex ir-rati ta’ interess jinżammu bir-rata l-aktar ġusta fuq il-bażi tal-istimi etiċi, soċjali, u ekonomiċi;

    (g)

    l-ebda relazzjonijiet finanzjarji ma’ partijiet interessati jew attivitajiet ekonomiċi li qed jostakolaw l-iżvilupp tal-bniedem u jikkontribwixxu għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħall-produzzjoni u l-kummerċ tal-armi, il-manifattura li qiegħda tagħmel ħsara serja lis-saħħa u lill-ambjent, jew l-attivitajiet ibbażati fuq l-isfruttament tat-tfal jew ir-ripressjoni tal-libertajiet ċiviċi.

    3.3.2.4   L-assigurazzjoni etika tfisser assigurazzjoni ta’ negozju bbażata fuq il-prinċipji li ġejjin (8):

    (a)

    ir-reċiproċità, li għandha tinftiehem fit-tifsira oriġinali tagħha ta’ assigurazzjoni bħala għodda għas-solidarjetà bejn dawk li ma jsofrux telf u dawk li jagħmlu telf u jkollhom bżonn jiġu kkumpensati;

    (b)

    l-assigurabilità li tinftiehem bħala garanzija universali tal-ħarsien tal-assigurazzjoni kontra diżastri potenzjali, ħielsa minn kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, il-possibbiltà ta’ diżabilità jew diffikultajiet soċjali oħra;

    (c)

    it-trasparenza, li tinftiehem bħala ċarezza kuntrattwali u l-possibbiltà ta’ verifika tal-kriterji li jintużaw biex jiġu determinati l-primjums;

    (d)

    il-ħolqien ta’ sussidju għaż-żona lokali;

    (e)

    dinjità ugwali bejn il-partijiet kontraenti.

    3.3.3   L-investiment etiku

    3.3.3.1   L-investiment etiku għandu l-għan li jiffinanzja l-inizjattivi li joperaw fl-oqsma tal-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, is-servizzi soċjali, il-kultura u l-kooperazzjoni internazzjonali. L-ishma ma jintghażlux esklużivament fuq il-bażi ta’ kriterji finanzjarji konvenzjonali, iżda wkoll skont il-kriterji tar-responsabbiltà soċjali, bħall-kwalità tar-relazzjonijiet tal-impjieg, ir-rispett għall-ambjent u t-trasparenza.

    4.   Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR)

    4.1   Id-direttorati tal-Intrapriża u l-Affarijiet Soċjali tal-Kummissjoni qed jikkooperaw mal-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem dwar xi oqsma tematiċi. Wieħed minnhom huwa l-informazzjoni adegwata għal min ifaddal, biex jgħinhom jifhmu aħjar il-mekkaniżmi li jmexxu s-swieq finanzjarji u l-prodotti disponibbli. L-inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja jirrappreżentaw mod soċjalment responsabbli li jippermetti li min ifaddal jevita li jinvesti fi prodotti li la jkunu adattati rigward l-istennijiet tagħhom u lanqas rigward il-profili ta’ riskju tagħhom.

    4.2   Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-inizjattivi tas-CSR għalissa għadha ristretta għal għadd żgħir ħafna ta’ negozji u, kultant, għal attivitajiet diretti lejn il-partijiet prinċipali ġenerali. Għalkemm għad fadal ħafna xi jsir, setturi sħaħ bħall-banek popolari u l-kooperattivi, il-banek tat-tfaddil, il-kooperattivi tal-assigurazzjoni u l-mutwi beħsiebhom jagħmlu aktar u aħjar.

    4.3   Qiegħda tinħoloq problema marbuta mal-inċentivi għall-maniġers fl-ogħla karigi u l-bankiera tal-investiment. Dawn għandhom jiġu riveduti u mnaqqsa għal livell raġonevoli, u għandhom jintrabtu b’mod xieraq mal-profitti u r-riżultati tal-kumpaniji. Il-ħaddiema u l-konsumaturi li ntlaqtu ħażin mill-kriżi finanzjarja qed jikkritikaw il-pagi eċċessivi tal-maniġers fl-ogħla karigi, li jikkontribwixxu għad-diffikultajiet tagħhom. Dawn il-pagi ta’ spiss jibqgħu għoljin wisq, irrispettivament minn jekk ir-riżultati jkunux pożittivi jew le.

    4.4   Il-mudelli l-ġodda ta’ ġestjoni għall-kumpaniji finanzjari, bil-mira tagħhom li jimmassimizzaw il-profitti fl-iqsar żmien possibbli, parzjalment minħabba l-istimi ta’ prestazzjoni ta’ kull tliet xhur, xi kultant qed ikunu l-kaġun ta’ mġiba irresponsabbli, kif intwera f’każijiet reċenti ta’ skandli finanzjarji f’bosta Stati Membri. Għall-kuntrarju, ir-responsabbiltà korporattiva soċjali, tipprova tara li l-profitti jibdew isiru stabbli u sostenibbli iktar ma jgħaddi ż-żmien, billi tagħmel użu mill-assi tanġibbli u mhux tanġibbli tal-kumpaniji, li fil-kumpaniji finanzjarji huma ta’ spiss rappreżentati mill-ħaddiema u r-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti, li jkunu bbażati fuq il-fiduċja.

    4.5   Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni mifruxa ta’ kodiċi tal-kondotta bbażati fuq is-CSR. Huwa essenzjali li dawn il-kodiċijiet jistgħu jkunu verifikabbli u vverifikati sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ każijiet fejn kodiċijiet tal-kondotta eċċellenti jintużaw u jiġu pubbliċizzati mill-maniġers li mbagħad iqarrqu eluf ta’ faddala, kif ġara fl-iktar skandli serji ta’ dawn l-aħħar snin (9).

    5.   Il-banek lokali u l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u tal-SMEs

    5.1   Id-diversi banek qed jikkompetu fl-istess suq biex fl-aħħar mill-aħħar joffru l-istess tip ta’ servizz. L-effiċjenza ekonomika hija rekwiżit għal kulħadd, kemm għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, il-banek privati mmirati prinċipalment lejn il-primjums tal-azzjonisti, kif ukoll għall-kumpaniji oħra mmirati aktar lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-oqsma tagħhom, b’enfasi speċjali fuq il-kwistjoni tal-aċċess għall-kreditu għal klijenti anqas sinjuri, biex jagħtu spinta lill-SMEs, u biex jippromwovu l-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli u r-reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi.

    5.2   Jidher li r-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija lokali titla’ b’mod sinifikanti f’dawk l-oqsma fejn is-sistema bankarja lokali tkun żviluppata l-aktar. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li f’ħafna pajjiżi, il-banek lokali normalment jieħdu l-forma ta’ banek tat-tfaddil u soċjetajiet kooperattivi, li jinvestu mill-ġdid parti sinifikanti mill-profitti tagħhom fiż-żona lokali tagħhom.

    5.3   Is-sistema bankarja għandha responsabbiltà doppja: fil-livell tal-kumpaniji, li ttejjeb l-effiċjenza tan-negozju tal-intrapriżi tal-kreditu, li titkejjel f’termini mhux biss ta’ profitt, iżda wkoll ta’ kapaċità innovattiva, ta’ kwalità tal-kapital uman użat; u fil-livell territorjali, ir-responsabbiltà li tikkontribwixxi għall-iżvilupp lokali, li għandu jitkejjel mhux biss f’termini tal-ammont ta’ kreditu li jingħata, iżda wkoll tal-kapaċità li tinvesti fi proġetti varji u fl-istima tal-potenzjal tal-intraprendituri u l-intrapriżi. Dan jista’ jiġi definit bħala effiċjenza territorjali. L-effiċjenza tan-negozju għandha titqiegħed għas-servizz tal-effiċjenza territorjali: m’hemm l-ebda skop għal banek effiċjenti jekk dawn ma jagħtu l-ebda kontribut għall-iżvilupp lokali (10).

    5.4   L-SMEs sabu strument utli għall-iffaċilitar tal-kreditu min-naħa tal-assoċjati tagħhom, bis-saħħa ta’ soċjetajiet ta’ garanzija u sigurtà, li jeżistu wkoll fil-livell Ewropew. Dawn jiffaċilitaw il-kreditu għall-investiment għall-SMEs li ma jistgħux jipprovdu l-garanziji personali meħtieġa mill-finanzjaturi sabiex jibnu relazzjoni bankarja stabbli.

    6.   Ir-rwol ta’ dawk li jfasslu l-politika

    6.1   Il-punt ta’ tluq tal-KESE huwa li f’dan il-qasam, strateġija msejsa fuq intervent li jibda mill-ogħla livell (top-down), mhijiex f’lokha, peress li l-esperjenza turi li hija tajba għal inizjattivi soċjali u etiċi li jinbtu spontanjament minn livell baxx. Kwalunkwe intervent “attiv” jista’ joħnoq l-ispirtu spontanju li huwa l-garanzija prinċipali tal-bijodiversità fis-sistema ekonomika u finanzjarja. Fl-istess waqt, madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li dawk li jfasslu l-politika għandhom jevitaw li jaġixxu b’tali mod li jfixklu inizjattivi li diġà jeżistu jew il-ħolqien spontanju ta’ inizjattivi ġodda.

    6.2   Il-KESE jirrifletti dwar jekk l-inizjattivi b’konnotazzjonijiet etiċi/soċjali ma’ organizzazzjonijiet tipikament orjentati lejn il-profitt għandhomx igawdu minn sussidji fiskali jew regolatorji. Hawnhekk ikun għaqli li niddistingwu bejn żewġ sitwazzjonijiet differenti.

    6.2.1   Meta organizzazzjoni li għandha l-għan tal-profitt tniedi inizjattiva li hija strutturalment separata min-negozju tipiku tagħha (pereżempju l-operazzjoni “Point Passerelle” mill-Crédit Agricole), ma tantx għandu jkun hemm dubju dwar kemm hu xieraq li jingħata kumpens meta mqabbel mat-trattament tas-soltu.

    6.2.2   Organizzazzjoni li tagħmel profitt tniedi inizjattivi li ma jistgħux ikunu strutturalment separati min-negozju tipiku tagħha. Saru ħafna dibattiti dwar jekk huwiex xieraq li tiġi introdotta sistema ta’ kumpens f’dawn iċ-ċirkostanzi. Id-difensuri tal-kumpens fiskali, finanzjarju jew regolatorju jargumentaw li l-effetti esterni pożittivi tal-inizjattiva jiġġustifikaw it-trattament speċjali. Madankollu, hemm min jopponi din l-opinjoni, abbażi ta’ żewġ konsiderazzjonijiet ewlenin: huma biss l-inizjattivi li jitwettqu f’bilanċ ekonomiku awtonomu (jiġifieri fejn jista’ jiġi assigurat profitt suffiċjenti) li jistgħu jitkomplew maż-żmien. Barra dan, azzjoni ġenwina etika/soċjali għandu jkollha bażi imparzjali, li ma tkunx ikkawżata minn vantaġġi regolatorji, finanzjarji jew fiskali. L-azzjoni etika/soċjali fil-fatt tiġbor fiha l-kumpens tagħha stess: is-sempliċi fatt li ssir azzjoni tajba għandu jissodisfa lil min iwettaqha.

    6.2.3   Fil-fehma tal-KESE l-kumpens għal inizjattivi etiċi/soċjali diġà huwa prattika rikonoxxuta fis-sistemi kollha. Il-liġi tat-taxxa tippermetti li t-tnaqqis tal-ispejjeż isir biss fejn ikun hemm bżonnu sabiex wieħed jiġġenera ċertu dħul. Dan il-prinċipju (ovvjament sa ċerti limiti u taħt ċerti kundizzjonijiet), ma japplikax meta l-ispejjeż jikkonsistu f’donazzjonijiet għal organizzazzjonijiet involuti fil-benefiċenza jew li jwettqu servizz fil-qasam soċjali. F’dan il-każ, it-tnaqqis mid-dħul taxxabbli huwa permess, anki jekk l-ispiża mhijiex neċessarja għall-produzzjoni.

    6.2.4   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-qafas leġiżlattiv qatt ma jkun newtrali fir-rigward tal-imġiba tal-organizzazzjonijiet jew l-individwi. Fuq il-bażi ta’ din l-osservazzjoni, il-KESE jemmen li, f’sistema li diġà tħeġġeġ ċerti tipi ta’ mġiba, iż-żieda tal-prinċipju li sistema ta’ kumpens għandha tapplika għall-inizjattivi etiċi/soċjali kollha f’livell sistematiku u ġeneralizzat, tissodisfa l-kriterju ta’ ġustizzja u razzjonalità applikabbli għar-rwol pubbliku fl-ekonomija u s-soċjetà.

    6.2.5   Il-prinċipju propost mill-KESE jinvolvi li l-benefiċċju tal-kumpens ma jintrabatx direttament mal-istituzzjonijiet, iżda pjuttost mal-inizjattivi etiċi/soċjali. Il-KESE ma jaħsibx li dan, fih innifsu, mhuwiex xieraq: l-etika u l-ekonomija ma jistgħux jinfirdu, u dan il-fatt jirrikjedi li huma biss l-inizjattivi li ma jistgħu jipprovdu l-ebda sussidju ekonomiku għall-awturi li jistgħu jitqiesu li huma etikament ġenwini. Fl-aħħar mill-aħħar, dan iwassal sabiex l-inizjattivi etiċi jiġu identifikati biss ma’ opri ta’ karità jew ġenerożità.

    7.   Il-kumpens finanzjarju u t-tassazzjoni

    7.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi f’din id-direzzjoni. Dan l-approċċ jista’ jiġi ġġustifikat ukoll fuq bażi ekonomika. Għal għadd ta’ raġunijiet, marbuta ma’ għażliet politiċi, limitazzjonijiet finanzjarji pubbliċi jew sforzi ekonomiċi, l-istat “soċjali” tkisser matul dawn l-aħħar 10-20 sena. Wieħed ma jistax iserraħ fuq it-tkabbir ekonomiku bħala l-uniku mezz biex jiġi evitat it-tnaqqis eċċessiv fil-benesseri tan-nies; għandu jkun hemm lok għal inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up).

    7.2   Bħala eżempju ta’ regolamentazzjoni li tiffavorixxi l-integrazzjoni bejn il-qasam pubbliku u dak privat, sabiex ikompli jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà soċjali, nistgħu nsemmu l-mod kif l-Olanda strutturat is-settur tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa. Waqt li minn naħa dawk li jassiguraw huma obbligati li jassiguraw liċ-ċittadini kollha, min-naħa l-oħra, għandhom aċċess għal sistema pubblika ta’ kumpens għar-riskji akbar li jridu jieħdu. Is-suq Olandiż ħa wkoll inizjattivi eżemplari biex jiffaċilita l-aċċess tal-persuni bl-HIV għall-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

    7.3   Il-Belġju joffri eżempju interessanti ta’ kumpens finanzjarju biex jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi finanzjarji bażiċi. Fond interbankarju jikkumpensa l-intermedjarji li jipprovdu aċċess aktar faċli għas-servizzi: fil-prattika dan ifisser li l-intermedjarji aktar restrittivi huma kontributuri netti għall-fond, filwaqt li l-kontropartijiet aktar miftuħa tagħhom huma l-benefiċjarji netti.

    7.4   Fir-rigward tal-konċessjonijiet fiskali, diġà hemm sistema mifruxa li tiffavorixxi l-kooperattivi li jsegwu għanijiet ibbażati fuq il-mutwi.

    7.5   Eżempju ta’ leġiżlazzjoni li tipprovdi sussidji fiskali lill-organizzazzjonijiet li għandhom għanijiet soċjali espliċiti nsibuh fl-Italja, fejn il-leġiżlazzjoni tikkonċerna l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt u li għandhom valur soċjali.

    8.   Ir-regolamentazzjoni

    8.1   Ir-regoli jimponu spejjeż u limitazzjonijiet li huma ta’ piż fuq ix-xogħol tan-negozji u l-intermedjarji. L-interventi matul dawn l-aħħar 20 sena kienu mmirati lejn il-provvista ta’ kundizzjonijiet ugwali. Bit-tqegħid tal-partijiet kollha li jistgħu jitqabblu (bħall-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, eċċ) fuq l-istess livell, ir-regoli servew bħala għodda biex tittejjeb il-kompetizzjoni u l-effiċjenza ekonomika. Jekk dan il-prinċipju jiġi applikat b’mod strett wisq u mingħajr il-korrezzjonijiet neċessarji, isir ostaklu insormontabbli għall-ħolqien u s-sopravivenza ta’ inizjattivi etiċi u soċjali. Dan ir-riskju jista’ jitnaqqas permezz ta’ applikazzjoni sistematika u mmirata tal-“prinċipju tal-proporzjonalità”, li skontu intermedjarju żgħir li jwettaq tranżazzjonijiet sempliċi ma jistax jiġi soġġett għall-istess piż regolatorju ta’ organizzazzjoni kumplessa, multinazzjonali.

    8.2   Kull darba li jistgħu jinġabu provi li organizzazzjoni speċifika rrinunzjat, almenu parzjalment iżda fuq bazi strutturali u permanenti, il-prinċipju tal-ikbar profitt possibbli għall-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ natura etika jew soċjali, għandha tkun tista’ tibbenefika minn regoli fiskali u regolatorji li jkunu differenti minn dawk ġenerali, almenu parzjalment. F’xi Stati Membri, ċerti investituri etiċi diġà jgawdu minn deroga mid-direttiva bankarja: għandhom isiru sforzi biex dan il-prinċipju jiġi estiż għall-Istati Membri kollha.

    8.3   Minkejja li dan ir-rwol ġie rikonoxxut mit-trattat Ewropew, ċerti Stati Membri għadhom ma jagħrfuhx u ma jirrispettawhx. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġi assigurat għarfien iktar sistematiku u mifrux ta’ dan it-tip ta’ gvernanza soċjali.

    8.4   Billi tassigura li l-Istati Membri ma jadottawx miżuri li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti l-kontribut tagħha biex tħares id-diversità fil-provvista tas-servizzi finanzjarji, bankarji u tal-assigurazzjoni. Ir-regoli tal-għajnuna tal-Istat għandhom iqisu dan l-aspett.

    Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  A.F. Utz, Etika ekonomika (‘Economic ethics’), San Paolo, Cinisello Balsamo, 1999.

    (2)  Konrad Adenauer, Memorie 1945-1953, Mondadori, Milan, 1966; Edizzjoni bl-Ingliż Memoirs, Weidenfeld & Nicolson, Londra, 1966.

    (3)  John Kenneth Galbraith, Liberty, Happiness … and the Economy, The Atlantic Monthly, June 1967.

    (4)  Luca De Biase, Economia della felicità (‘L-Ekonomija tal-Ferħ’), Feltrinelli, 2007.

    (5)  Sors: UNI, United Network International – Geneva, 2008.

    (6)  Bulletin tal-Bank tal-Italja Nru 52, April 2008.

    (7)  Id-demokrazija parteċipattiva: definizzjonijiet minn studju kkummissjonat mid-dipartiment tal-baġit tar-Reġjun ta’ Lazio (IT).

    (8)  Idem.

    (9)  Individwi bħal dawn ingħataw lawriji b’unur għall-impenn tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali biex jiżviluppaw negozji b’kuraġġ, tenaċità, kreattività, tħejjija professjonali eċċezzjonali u viżjoni ċara, flimkien ma’ approċċ etiku li għalihom jikkonfuta l-argument ta’ dawk il-ftit nies li l-etika u l-ekonomija huma termini kontradittorji.

    (10)  P. Alessandrini, Le banche tra efficienza gestionale ed efficienza territoriale: alcune reflessioni (‘Il-banek bejn l-effiċjenza tan-negozju u l-effiċjenza territorjali: xi ħsibijiet’), 2003.


    Top