EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IE1675
Opinion of the European Economic and Social Committee on the restructuring and evolution of the household appliance industry (white goods in Europe) and its impact on employment, climate change and consumers
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi
ĠU C 100, 30.4.2009, p. 72–76
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 100/72 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi
2009/C 100/12
Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar
Ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Darmanin u l-korapporteur kien is-Sur GIBELLIERI.
Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’86 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jemmen li s-saħħa tal-industrija Ewropea tal-apparat domestiku (1) tinsab fil-kapaċità tagħha li tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja u sostenibbli; din is-saħħa għandha tiġi appoġġjata u msaħħa permezz ta’ politika Ewropea adegwata bbażata fuq l-impenn u t-titjib kontinwu fl-innovazzjoni teknoloġika u fuq attività kontinwa ta’ taħriġ sabiex tiżdied il-kompetenza tal-impjegati. Politika bħal din għandha tippromwovi l-iżvilupp ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija, b’kapaċità mtejba ta’ riċiklaġġ. L-impatt globali ambjentali, ibbażat fuq l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun.
1.2 Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tista’ tinfluwenza direttament il-kompetittività tas-settur, l-iktar permezz tal-proposta għall-estensjoni tad-Direttiva dwar id-Disinn Ekoloġiku u l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Ittikkettar Ekoloġiku, u dan iwassal għal żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. B’hekk jitnaqqsu t-theddida u t-tendenza ta’ rilokazzjoni tal-industrija barra mill-Ewropa, it-telf ta’ impjiegi u r-riskju li jitrażżan l-interess tal-konsumaturi.
1.3 Is-sorveljanza tas-suq hija tal-ikbar importanza sabiex titħares l-industrija Ewropea, il-ħaddiema f’din l-industrija, l-interess tal-konsumaturi u l-ambjent, u għandha tiġi implimentata permezz tal-użu tal-miżuri li ġejjin:
— |
it-trasferiment ta’ iktar riżorsi mill-Istati Membri u mill-UE (2) għall-verifika iktar stretta tal-konformità tal-prodott mal-istandards u l-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku Ewropew, b’mod partikulari fuq prodotti importati; |
— |
it-tneħħija tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping. Il-miżuri anti-dumping għandhom jiġu studjati bir-reqqa sabiex ma jkunux ta’ ħsara għall-produttività tal-industrija Ewropea u ma jħeġġux ir-rilokazzjoni tal-industrija barra mill-Ewropa jew iż-żieda fl-importazzjonijiet; għandhom jiġu applikati mhux biss għall-apparat sħiħ iżda wkoll għall-komponenti; |
— |
ir-reviżjoni tas-sistema tal-ittikkettar sabiex tikkunsidra l-progressi tal-innovazzjoni teknoloġika bla ma tagħti perċezzjonijiet qarrieqa tal-bidliet fil-valur; |
— |
kontroll iktar strett sabiex jitnaqqsu l-fenomeni tal-iffalsifikar u ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti daqslikieku kienu ġenwini; |
— |
kontrolli sabiex it-tikketti, partikularment dawk ta’ prodotti importati, jirriflettu tassew dak li jiddeskrivu u ma jkunux qarrieqa. |
1.4 Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi aġġustata s-sistema tal-ittikkettar. It-tikketta għandha tkun dejjem aġġornata meta apparat li jkun iktar effiċjenti b’mod teknoloġiku jgħolli l-istandard. Is-sistema għandha tkun waħda dinamika li biha prodotti ġodda fis-suq bi speċifikazzjonijiet aħjar jaqgħu taħt tikketta ġdida u mhux ibaxxu l-livell ta’ apparat li jkun diġà ngħata grad. Din ir-reviżjoni għandha tkun marbuta mal-innovazzjoni teknoloġika iżda għandha sseħħ bi skadenza ta’ 5 snin, kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija. Huwa kruċjali li l-partijiet interessati jkunu kollha involuti f’dan il-proċess ta’ reviżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippromwovi t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni u tbiddel it-tikketta f’għodda aktar konvinċenti għall-manifatturi, importaturi u bejjiegħa bl-imnut.
1.4.1 Ikun ta’ benefiċċju għas-sostenibilità tal-UE li tinfluwenza wkoll pajjiżi oħrajn sabiex jadottaw l-istandards għoljin li l-UE nnifisha qiegħda tadotta fis-suq intern, peress li dan jirriżulta f’ iffrankar potenzjali fl-enerġija globali.
1.5 L-industrija Ewropea tal-apparati domestiċi tista’ tingħata spinta ′l quddiem enormi bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ inċentivi fl-Istati Membri sabiex titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ apparat ma’ wieħed iktar modern u effiċjenti fl-enerġija, li l-industrija diġà qiegħda tipproduċi iżda li għadu mhuwiex popolari biżżejjed fis-suq. Din is-sistema għandha tkun maħsuba b’mod li tiffavorixxi lin-nies li huma inqas sinjuri permezz ta’ strumenti finanzjarji xierqa u li ma jkunux diskriminatorji. Għandna nitgħallmu minn stejjer ta’ suċċess kemm fl-Ewropa kif ukoll barra mill-Ewropa.
1.6 Huwa raġonevoli wkoll li terġa’ tissaħħaħ l-assistenza lill-konsumaturi f’termini ta’ manutenzjoni u spare parts tal-apparat domestiku; b’dan il-mod jiġu assigurati t-titjib u l-aġġornament kontinwi tal-kompetenzi tal-impjegati sabiex jiġi pprovdut servizz effiċjenti u affidabbli. Dan jista’ jkun li jirriżulta fiż-żieda u/jew fiż-żamma stabbli tar-rata tal-impjieg.
1.7 Il-KESE jemmen li l-politika tal-UE għandha tiffaċilita t-tranżizzjoni tal-industrija għal prodotti iktar innovattivi u servizzi relatati, li huma strateġikament rilevanti minħabba l-impatt tagħhom fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija, bħall-panewijiet solari, unitajiet fotovoltajċi, pompi tas-sħana, ċelloli tal-idroġenu, impjanti tal-mikroġenerazzjoni u impjanti bi prestazzjoni għolja għall-arja kkundizzjonata. Dan jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi u għażla ikbar għall-konsumatur.
1.8 Il-KESE jerġa’ jafferma li s-suċċess fil-ksib tar-rakkomandazzjonijiet li qed isiru sabiex l-industrija tal-apparat domestiku fl-Ewropa tiġi ristrutturata b’mod effettiv, ħalli tiġi aktar sostenibbli, jista’ jinkiseb u jitkattar biss meta jkun hemm djalogu settorjali sfiq u effettiv fil-livell Ewropew.
2. Sfond
2.1 Il-migrazzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku mhux biss lejn il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, iżda anke lejn ir-Russja, it-Turkija u ċ-Ċina hija l-iktar problema inkwetanti tas-settur f’dan iż-żmien. Għalhekk, ir-rilokazzjoni qiegħda ssir mhux biss fl-Istati Membri tal-UE, imma segmenti sħaħ ta’ apparat domestiku qegħdin jiġu kważi kompletament rilokati mill-Ewropa għaċ-Ċina.
2.2 Il-kumpaniji issa qegħdin jiskopru lir-Russja, fejn qegħdin jinħolqu impjanti ġodda tal-magni tal-ħasil u tal-friġġijiet u qegħdin jinxtraw kumpaniji eżistenti fis-settur tal-apparat domestiku elettroniku. Bejn ħmistax u għoxrin impjant tal-apparat domestiku elettroniku attwalment qegħdin jinbnew fuq territorju Russu. Madankollu għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li fil-futur, dawn l-impjanti mhux ser ikunu biss ta’ servizz għas-suq nazzjonali tagħhom iżda ser jesportaw ukoll il-produzzjoni tagħhom lejn l-Ewropa, jekk ma nindirizzawx il-kwistjonijiet prinċipali tas-suq Ewropew.
2.2.1 Hemm potenzjal ukoll għall-esportazzjoni ta’ prodotti Ewropej f’reġjuni bħall-Ażja, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, fejn diġà hemm tendenza dejjem tikber ta’ esportazzjoni tal-apparat domestiku lejn l-UE. Il-manifatturi Ewropej jistgħu japprofittaw mill-kundizzjonijiet attwali, bħaż-żieda fil-klassi medja f’dawn ir-reġjuni, reputazzjoni tajba tal-prodott Ewropew, eċċ. sabiex ikomplu jidħlu f’dawn is-swieq potenzjali.
2.3 L-importazzjoni dejjem tiżdied ta’ prodotti rħas u dubjużi qed twassal biex il-kriżi fl-industrija Ewropea tal-apparat domestiku tmur għall-agħar. Kwalità dgħajfa żżid mas-sistemi differenti tat-taxxa, mal-vantaġġi relatati mal-ispejjeż tal-ħaddiema u mal-ispejjeż pjuttost baxxi tat-trasport sabiex jiġu attakkati l-manifatturi stabbiliti fl-Ewropa.
2.4 Hija ħaġa ovvja li l-Ewropa ma tistax tikkompeti mal-pagi mħallsin eż. fiċ-Ċina. Friġġ jew friżer magħmula fiċ-Ċina ma tistax tkun orħos, u l-istess japplika għal komponenti sempliċi bħal muturi jew kompressuri. Ma jistgħux jinkisbu vantaġġi kompetittivi jekk il-prodotti Ewropej jinbiegħu biss skont il-prezz u mhux għal vantaġġ kwalitattiv. Is-saħħa tas-settur tal-apparat domestiku fl-Ewropa tinsab fil-kapaċità tiegħu li jipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja. Vantaġġi kompetittivi oħrajn jirrigwardaw id-disinn, il-garanziji tal-prodott, is-servizz, il-kompatibilità tal-ispare parts u t-tiswija. Din is-saħħa tista’ tissaħħaħ u tiżdied permezz ta’ politika Ewropea artikulata.
2.5 Il-fabbriki Ewropej jipproduċu friġġijiet u friżers li jaqgħu fil-kategoriji ta’ enerġija A++, A+, A u B. Il-maġġoranza tal-prodotti magħmulin bħalissa jaqgħu fil-kategoriji A+ u A. Il-prodotti A++ jirrappreżentaw inqas minn 4 %.
2.6 L-interess tal-konsumaturi fil-friġġijiet li huma effiċjenti fl-enerġija għadu baxx. Skont is-CECED (Kumitat Ewropew tal-Manifattura ta’ Apparat Domestiku), fid-djar Ewropej għad hemm bejn wieħed u ieħor 188 miljun friġġ u friżer li għandhom iktar minn għaxar snin. L-apparat antik (mill-1990) jikkonsma madwar 600 kWh/sena, l-apparat A+ madwar 255 kWh/sena u l-apparat A++ madwar 182 kWh/sena. Bil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet attwali (3), apparat A++ irid jintuża għal madwar tnax-il sena sabiex ikun akkwist tajjeb għall-konsumaturi.
2.7 Barra mill-apparat iktar antik, il-manifatturi Ewropej huma iktar imħassbin dwar importazzjonijiet li huma potenzjalment perikolużi, ineffiċjenti fl-enerġija u mhux affidabbli. Dan it-tħassib b’mod partikulari japplika għal importazzjonijiet ta’ oġġetti frott ta’ kummerċ istantanju (spot imports), li jinbiegħu malajr fis-swieq Komunitarji.
2.7.1 Konsegwenza ta’ dan, il-ħtiġijiet tal-enerġija għad-djar jirrappreżentaw 25 % mid-domanda totali għall-enerġija fl-UE, bl-elettriku għall-apparat domestiku juri żieda sostanzjali f’dawn l-aħħar snin minħabba l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet u prodotti ġodda.
2.8 L-użu ta’ materjal ta’ kwalità aħjar għall-komponenti manjetiċi, flimkien mal-ottimizzazzjoni tad-disinn skont il-karatteristiċi tal-materjal il-ġdid jistgħu jżidu l-effiċjenza (sa 15 %) tal-muturi elettriċi fl-apparat domestiku u jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti fl-iffrankar tal-enerġija elettrika tal-konsum domestiku.
2.9 Żvilupp ieħor li ser jiġi appoġġjat mill-KE huwa dak tal-iżvilupp ta’ apparat domestiku adegwat għall-manutenzjoni u għar-riċiklaġġ. Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-manifatturi Ewropej għamlu sforz kbir f’dan ir-rigward u naqqsu drastikament il-konsum tal-enerġija u tal-ilma ta’ apparat kbir. Minkejja dan, varjetà dejjem tikber ta’ materja prima minn dakinhar ’il hawn saret kritika f’termini mhux biss tal-ambjent iżda anke tal-ispejjeż. Dan japplika għall-azzar, il-plastik, in-nikil, il-kromju, ir-ram, eċċ. Il-prezzijiet ta’ din il-materja prima, bħal dawk tal-prodotti sekondarji taż-żejt, qegħdin jogħlew. Dawk li jistgħu jnaqqsu l-kontenut materjali fi prodott jiksbu vantaġġ kompetittiv kbir. Il-possibiltajiet offruti lill-industrija tal-apparat domestiku min-nanoteknoloġija u mill-metodoloġiji tal-Analiżi taċ-Ċiklu tal-Ħajja (Life Cycle Analysis) sabiex titjieb u tiġi evalwata l-għażla korretta tal-materjal mhumiex qegħdin jiġu esplorati biżżejjed sabiex jinkiseb dan il-vantaġġ.
2.9.1 Tħassib li jeżisti bħalissa huwa l-fatt li mhux il-materjal kollu għar-riċiklaġġ, skont ir-Regolamenti attwali WEEE, qed jiġu rritornat b’mod effettiv lill-manifatturi, u għalhekk il-manifatturi jkollhom iħallsu tar-riċiklaġġ mingħajr ma jkunu fil-fatt qed jirċievu l-oġġetti.
2.10 Il-promozzjoni ta’ riċerka bħal din, l-imbuttatura tal-minjaturizzazzjoni ta’ komponenti bħal muturi, radjaturi, kumpressuri, eċċ. għandhom ikunu l-għan ta’ politika ta’ riċerka ffinanzjata mill-Kummissjoni. Minn din il-perspettiva, l-iżvilupp ta’ apparat domestiku bl-użu minimu ta’ materjal ifisser l-iżvilupp ta’ apparat aktar adattat għar-riċiklaġġ. Id-Direttiva Qafas tal-UE ta’ Mejju 2005 dwar id-disinn ekoloġiku u r-rekwiżit tagħha dwar id-disinn ekoloġiku ta’ apparat li jaħdem bl-enerġija hija punt ta’ tluq importanti hawnhekk. Il-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex bżonn tivvinta l-istrumenti tal-politika tagħha, imma pjuttost għandha ssaħħaħ dawk li jeżistu diġà. Dan japplika wkoll għat-tikketti eżistenti tal-enerġija u l-konsum. F’kuntest ta’ kriżi tal-enerġija li qiegħda tiggrava u t-tnaqqis ta’ materja prima, il-Kummissjoni għandha tikkomplementa din it-tikketta b’regolament obbligatorju għat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq. Dawk li jimmanifatturaw prodotti ta’ kwalità ta’ livell għoli biss għandhom ikunu awtorizzati jbigħu apparat domestiku fis-suq intern Ewropew fil-futur: din għandha tkun ir-raġuni fundamentali ta’ leġiżlazzjoni li tesiġi li l-kumpaniji jimmanifatturaw apparat domestiku ta’ kwalità għolja u li jservi.
2.11 Huwa sensibbli wkoll li, permezz ta’ Direttiva, il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut, ikunu obbligati jipproduċu u jbigħu apparati domestiċi li jistgħu jissewwew, iżommu spare parts lesti għal tiswijiet u joffru servizz lill-klijent. Il-konsumaturi Ewropej jistennew servizz bħal dan u, meta jipprovduh, il-manufatturi u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jistgħu jiddistingwixxu rwieħhom mill-manifatturi ta’ prezzijiet baxxi li l-prodotti tagħhom ma jistgħux jissewwew iżda minflok iridu jintremew u jinbidlu b’oħrajn ġodda. Dan ma jistax ikun konformi ma’ strateġija ta’ żvilupp sostenibbli.
2.11.1 F’dan ir-rigward, il-KESE huwa ħerqan li jkun hemm aktar diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni (4)” tal-Kummissjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-industrija.
2.12 Is-settur tal-apparat domestiku fl-Ewropa għadu jħaddem madwar 200 000 ħaddiem. Ilu sejjer lura għal ħafna snin. Fl-Ewropa tal-Punent spiċċaw madwar 57 000 impjieg matul dawn l-aħħar għoxrin sena. L-industrija tal-apparat domestiku sfaxxat fl-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant wara t-tmiem tas-sistema politika l-antika u madwar 20 000 impjieg ġdid biss inħolqu minn dakinhar ′il hawn.
2.13 Is-setturi tal-apparat domestiku li ntlaqtu l-agħar mir-rilokazzjonijiet lejn pajjiżi barra mill-Ewropa (ir-Russja, iċ-Ċina, it-Turkija) huma s-setturi tal-air conditioners u tal-apparat żgħir. Il-fabbriki Ewropej tal-friġġijiet/friżers għadhom iħaddmu madwar 23 000 impjegat.
2.14 Ir-ristrutturar fis-settur Ewropew tal-apparat domestiku ser ikompli fis-snin li ġejjin. L-ambitu tiegħu mhux ser jiddependi biss fuq żviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi, iżda wkoll fuq deċiżjonijiet politiċi u miżuri leġiżlattivi.
3. Kummenti speċifiċi
3.1 Il-politika Ewropea għandha ssib soluzzjoni għal erba’ problemi:
3.1.1 Kif ikun żgurat li l-industrija ma tintilifx għal vantaġġ tal-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea? It-tendenza hija ċara: l-industrija qed tbiddel il-post ġeografiku, għalhekk għandna niġġieldu kontra t-theddida prevista u reali li din l-industrija nitilfuha għal pajjiżi li mhumiex fl-UE.
3.1.2 X’forma għandha tieħu l-bidla strutturali fl-Ewropa sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent ma jitilfux il-produzzjoni xjentifika u teknika tagħhom, il-kompetenza u l-impjiegi li jaqgħu taħtha filwaqt li jippermettu lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u dawk tal-Lvant sabiex jistabbilizzaw fil-futur l-industrija tagħhom li għadha qiegħda tiżviluppa tal-apparat domestiku?
3.1.3 Kif tista’ tinstab tweġiba ekonomikament sensibbli għall-attakk qawwi ta’ importazzjonijiet mill-Ażja li l-valur u l-kwalità huma aktar baxxi mill-ekwivalenti tagħhom Ewropej u li mhumiex konformi mal-istandards tas-suq intern?
3.1.4 Kif se miżguraw li l-Kisbiet fit-tixrid ta’ apparat sostenibbli jħallu l-frott fis-suq intern waqt li tiżdied id-domanda għal prodotti bħal dawn u li jibqa’ jsir investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ apparat li għandu impatt inqas fuq il-bidla fil-klima u fuq is-sostenibilità?
3.2 Argumenti favur l-industrija
3.2.1 Dan is-settur huwa settur industrijali avvanzat f’termini tal-kisbiet fir-riċerka u fl-iżvilupp tal-effiċjenza tal-enerġija. Il-ftehimiet volontarji kienu effettivi u ġew onorati mill-industrija.
3.2.2 Sfortunatament, il-fattur skoraġġanti huwa li l-industrija teħtieġ li l-politika Ewropea tkun iktar stretta sabiex b’hekk tiżgura li l-isforzi li jkunu saru fl-industrija fil-fatt iħallu l-frott. Is-sena l-oħra l-industrija ddeċidiet li ma ġġeddidx il-ftehimiet volontarji li fil-passat kellhom suċċess kbir.
3.2.3 Is-sorveljanza tas-suq f’dan il-perijodu hija ta’ importanza konsiderevoli. Għandu jkun hemm kontrolli iktar stretti sabiex ikun żgurat li l-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq jirriflettu tassew il-livell u l-kwalità speċifikati b’mod partikulari f’termini tal-effetti fuq il-bidla fil-klima.
3.2.4 Hemm bżonn ta’ iktar appoġġ mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li prodotti ta’ effiċjenza straordinarja li jitqiegħdu fis-suq fil-fatt jibdew jinxtraw mill-konsumaturi. L-A++ għadu jidher bħala prodott li huwa għali wisq u li r-redditu fuq l-investiment mhux vijabbli, u dan iħallina b’suq li primarjament għadu jagħżel apparat A+. L-inċentivi jistgħu jvarjaw u diġà hemm xi każijiet fl-Istati Membri u barra mill-Ewropa li jistgħu jiġu identifikati bħala prattiki tajbin. (5)
3.2.5 L-appoġġ mill-Istati Membri u l-kompetizzjoni ġusta għandhom isegwu l-ħeffa tal-innovazzjoni teknoloġika f’dan is-settur fil-livell tal-Istati Membri u anke fil-livell tal-Unjoni Ewropea.
3.2.6 Ħolqa importanti fil-katina tal-provvista huwa l-bejjiegħ bl-imnut. Il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew irid ikun aktar konxju tad-diversi implikazzjonijiet tal-importazzjoni tal-prodotti li qegħdin jiġu importati u mibjugħin fis-suq intern. Barra minn hekk, l-ambitu u l-isforzi tal-industrija jkunu għalxejn jekk is-settur tal-bejgħ bl-imnut ikompli jimporta u jbiegħ prodotti li huma ta’ kwalità baxxa, perikolużi u mhux sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li għad hemm ħafna opportunitajiet fl-edukazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut lejn is-sensibilizzazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-industrija tal-apparat domestiku fis-suq intern u l-kwistjonijiet sostenibbli ta’ apparat bħal dan.
3.3 L-aspett soċjali
3.3.1 Ir-realtà hi li meta l-industrija tirriloka jintilfu l-impjiegi. Għalhekk, dan iħalli numru ta’ persuni b’kompetenzi li ma jintużawx sakemm il-ħaddiem ma jirrilokax hu wkoll. Ir-ristrutturar tal-industrija huwa tal-ikbar importanza sabiex l-impjiegi ma jintilfux u sabiex din l-industrija tibqa’ waħda attraenti għall-aħjar ħaddiema.
3.3.2 Settur li għandu jingħata kunsiderazzjoni xierqa huwa dak tas-servizzi b’attenzjoni partikulari lis-settur tat-tiswija tal-apparat. Is-settur tat-tiswija jeħtieġ jitħalla jikber billi jkun żgurat li l-apparat ta’ kwalità għolja tassew ikun jista’ jissewwa u li jkun hemm disponibbli l-ispare parts li jagħmlu t-tiswija possibbli.
3.3.3 Fl-istess ħin, politika konġunta bejn l-Ewropa u l-Istati Membri għandha tippromovi t-tranżizzjoni tas-settur għall-produzzjoni ta’ prodotti innovattivi li joħolqu oppurtunitajiet ġodda għall-impjiegi. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat minn djalogu soċjali strutturat tajjeb bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, nazzjonali u tal-kumpaniji. Għandhom jiġu ggarantiti kondizzjonijiet professjonali ta’ kwalità Ewropea anke fis-siti ta’ produzzjoni ġodda li jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE.
3.3.4 Djalogu soċjali settorjali effettiv u kontinwu fil-livell Ewropew flimkien mas-sorveljanza tas-suq u l-infurzar tal-istandards fl-Ewropa kollha huma kruċjali sabiex ikun żgurat li jintilfu inqas impjiegi.
3.4 Argumenti favur il-konsumatur
3.4.1 Il-konsumatur irid ikollu l-garanzija ta’ prodotti bi prestazzjoni ta’ kwalità għolja li huma wkoll effiċjenti fl-enerġija u għalhekk l-informazzjoni dwar il-kwalità għandha tkun aċċessibbli għall-konsumatur b’mod sempliċi, veru u effettiv.
3.4.2 L-iskema tal-ittikkettar hemm bżonn li tkun waħda iktar dinamika b’sistema li tevolvi u li tiġi aġġornata hekk kif ikun hemm innovazzjoni fis-settur. Barra minn hekk, it-tikketti għandhom jirrapportaw b’mod preċiż l-istandards tal-apparat u għalhekk it-testijiet għandhom ikunu iktar stretti u iktar eżatti.
3.4.3 Is-sorveljanza tas-suq hija importanti ħafna fl-Istati Membri kollha sabiex b’hekk ikun żgurat li l-apparat tassew jagħti dak li jwiegħed u li l-konsumaturi jiksbu dak li jkunu ftiehmu dwaru.
3.4.4 Ta’ min wieħed jinnota l-possibilità tal-effett negattiv li jista’ jkollu x-xiri ta’ apparat domestiku ġdid fuq l-ambjent jekk il-konsumatur iżomm l-apparat l-antik flimkien mal-ġdid u b’hekk ikun qed joħloq effett “rebound”.
3.4.5. L-aħjar promozzjoni ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti u effettiv hija t-testijiet tal-konsumaturi indipendenti. Dawn it-testijiet jiżguraw il-kwalità u l-istandards minimi tal-apparat u l-funzjonijiet bażiċi tal-prodott.
3.5 Argumenti favur l-ambjent
3.5.1 Il-KESE jagħraf li dan is-settur ukoll jista’ jagħti kontribuzzjoni partikulari sabiex jiġi ppreservat l-ambjent, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u titnaqqas il-bidla fil-klima. F’dan ir-rigward, il-KESE itenni l-pożizzjoni tiegħu espressa fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Il-Produzzjoni Ekoloġika (6), li fiha jenfasizza li hemm opportunità għat-tkabbir ta’ suq favur l-ambjent fis-suq intern u wkoll l-ispeċifiċitajiet relatati mal-ittikkettar u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti.
3.5.2 Skadenza ta’ madwar 5 snin għandha tiġi applikata fuq il-prodotti kollha li huma taħt l-“istandard tajjeb” sabiex jilħqu l-istandard mixtieq. Fil-fehma tal-Kumitat, pereżempju l-friġġijiet li ma jilħqux limitu speċifiku wara din l-iskadenza m’għandhomx jidhru iktar fis-suq Ewropew. Dan huwa b’konformità mal-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għall-effiċjenza tal-enerġija fl-24 ta’ Ottubru 2006 (“Il-prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi miftiehma m’għandhomx jitpoġġew fis-suq”). Dawn il-proposti huma wkoll konformi mad-Direttiva dwar id-Disinn Ekoloġiku u r-Regolament dwar l-Ittikkettar Ekoloġiku.
3.5.3 Barra minn hekk, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni dwar id-disinn ekoloġiku tiġi applikata kemm jista’ jkun malajr lill-apparati kbar rilevanti u li l-leġiżlazzjoni dwar it-tikketta tal-enerġija tiġi riveduta sabiex jiġu żviluppati prodotti effiċjenti ħafna: dan ikun l-isfond leġiżlattiv li jesiġi li l-kumpaniji jipproduċu apparat domestiku ta’ kwalità għolja u li jservi.
3.5.4 Fir-rigward tal-politika eżistenti tal-UE dwar l-enerġija, u waqt li jitqies li l-mekkaniżmu tal-ittikkettar fih innifsu mhux biżżejjed sabiex jissodisfa l-objettivi tal-enerġija stabbiliti mill-UE, il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis strumenti legali ġodda biex jintlaħqu dawn l-objettivi.
Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) It-terminu “apparat domestiku” jirreferi għal friġġijiet, magni tal-ħasil, magni għall-ħasil tal-platti, bojlers, ħiters u t-tagħmir elettroniku kollu użat fid-dar.
(2) Il-Qafas Leġiżlattiv Ġdid, imsejjaħ ukoll “il-Pakkett Ayral”, huwa l-aħħar pakkett tar-Regolamentazzjoni Aħjar li jittratta s-sorveljanza tas-suq, l-ittikettar tal-prodotti u l-omologazzjoni. Dan ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fit-23 ta’ Ġunju 2008. http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/internal_market_package/index_en.htm
(3) Inklużi l-prezz tal-enerġija u l-ispejjeż tal-karburanti.
(4) COM(2008) 397 finali (16.07.2008).
(5) L-Italja - 20 % mill-ispejjeż tal-friġġijiet/friżers A+ u A++, b’limitu ta’ EUR 200, jitneħħew mit-taxxa fuq id-dħul.
Spanja - L-iskema ta’ radd lura (rebate) – Fl-2008, il-klijenti li jixtru prodotti effiċjenti fl-enerġija ser ikunu eliġibbli għal sussidji ta’ EUR 50-125 skont it-tip ta’ apparat li jinxtara.
Il-Brażil - Ir-Repubblika Federali tal-Brażil ippjanat li tniedi programm sabiex tissussidja xiri ta’ 10 miljun friġġ għal ċittadini bi dħul baxx. Il-konsumaturi jridu jagħtu l-friġġ l-antika tagħhom, li s-soltu tkun tikkonsma iktar enerġija, sabiex jiksbu l-kreditu ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw waħda ġdida u iktar ekonomika.
(6) Opinjoni tal-KESE (ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1), rapporteur is-Sinjura DARMANIN.