EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1526

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Ekonomija tal-UE: Analiżi mill-ġdid għall-2007 — L-espansjoni tal-limitu tal-produttività tal-Ewropa

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 131–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/131


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Ekonomija tal-UE: Analiżi mill-ġdid għall-2007 — L-espansjoni tal-limitu tal-produttività tal-Ewropa

(2009/C 77/28)

Nhar is-17 ta' Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, skont ir-Regola 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-Ekonomija tal-UE: Analiżi mill-ġdid għall-2007 — L-espansjoni tal-limitu tal-produttività tal-Ewropa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Morgan.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'108 voti favur, 4 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-opinjoni hija l-aħħar waħda f'sensiela mħejjija mill-KESE li tittratta l-kwistjonijiet ta' gvernanza ekonomika fl-UE. Hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2007) 721 finali bl-isem ta' L-Ekonomija tal-UE: Analiżi mill-ġdid għall-2007L-espansjoni tal-limitu tal-produttività tal-Ewropa.

1.2

L-analiżi mill-ġdid għall-2007 tibda bil-fatt li filwaqt li l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-aktar ekonomiji avvanzati u produttivi fid-dinja, xorta għadha teżisti differenza mdaqqsa fl-istandards tal-għixien, kif imkejla mill-PGD, bejn l-UE u l-aktar ekonomija avvanzata fid-dinja — l-Istati Uniti. Il-kawża bażi tinsab fid-diverġenza fl-iżviluppi fil-produttività f'bosta setturi tal-industrija u fl-Istati Membri.

1.3

Waqt li d-data dwar l-Istati Uniti tipprovdi kejl utli li miegħu tista' titqabbel il-prestazzjoni relattiva tal-Istat Membru, l-enfasi tal-opinjoni huwa fuq it-tqabbil bejn il-pajjiżi fl-UE. Fatturi bħal mudelli soċjali, sigħat ta' xogħol u rati ta' parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol jaffettwaw it-tqabbil transatlantiku, iżda mhuwiex l-iskop ta' din l-opinjoni li tittratta dawn il-kwistjonijiet. Din l-opinjoni sempliċement tittratta għaliex xi pajjiżi tal-UE joħolqu aktar ġid u aktar impjiegi minn oħrajn.

1.4

L-idea ċentrali tar-Rapport tal-Kummissjoni hija li l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Liżbona fl-istess ħin tgħin lill-Istati Membri biex iżidu kemm l-impjiegi kif ukoll il-ġid. Għadd ta' politiki prinċipali jistgħu jagħtu kontribut importanti. Dawn għandhom jimmiraw biex:

jippromovu livelli ogħla ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp

jiżviluppaw stabbilimenti ta' klassi dinjija għar-riċerka u l-edukazzjoni b'ħidma bi sħubija mill-qrib mal-industrija.

jistabbilixxu suq uniku miftuħ u kompetittiv li jaħdem tajjeb.

jippromovu approċċ integrat biex isaħħu s-sigurtà u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol (fejn il-KESE nnota li dan l-approċċ għandu jiġi negozjat mill-imsieħba soċjali).

itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi.

1.5

Dawn il-politiki saru iktar rilevanti fil-kuntest tal-bidliet fl-ekonomija globali li żviluppaw wara l-Kunsill tal-UE ta' Liżbona fl-2000. L-isfidi l-ġodda ma jinkludux biss il-kriżi finanzjarja attwali iżda jinkludu wkoll il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-karburanti fossili, l-evidenza tal-bidla fil-klima, in-nuqqas dejjem jikber tal-ikel u d-domanda togħla għall-prodotti b'mod ġenerali. Minħabba kwistjonijiet bħal dawn, l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp u r-riċerka ta' livell dinji sar iktar essenzjali. Dawn jenfasizzaw il-bżonn ta' Suq Uniku kompetittiv appoġġjat minn dispożizzjonijiet effettivi tal-flessigurtà fis-suq tax-xogħol u finanzi pubbliċi ta' kwalità għolja.

1.6

Il-fatturi makroekonomiċi kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista ġew diskussi fid-dettall fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-gvernanza ekonomika tal-UE li ġew deskritti fid-dettall fl-Introduzzjoni. F'dawn l-opinjonijiet, il-Kumitat enfasizza li l-miżuri mil-lat tal-provvista bil-għan li tittejjeb il-kompetittività, għandhom jiġu akkumpanjati minn taħlita ta' politiki makroekonomiċi li jippromovu d-dħul finanzjarju, id-domanda u l-impjiegi. L-enfasi ta' din l-opinjoni hija li turi li, irrispettivament mill-fatturi tad-domanda, teżisti relazzjoni sinifikanti bejn ir-riformi fil-qasam tal-provvista fl-Aġenda ta' Liżbona u ż-żieda fil-PGD.

1.7

Fl-Iscorecard ta' Liżbona għall-2007, ippubblikata reċentement (1), l-ewwel seba' pajjiżi kienu, f'din l-ordni, id-Danimarka*, l-Iżvezja*, l-Awstrija*, l-Olanda*, il-Finlandja*, l-Irlanda* u r-Renju Unit* segwiti mill-Ġermanja u Franza (2). L-Istati Membri l-ġodda fuq quddiem kienu s-Slovenja* u l-Estonja*. Dawk li ġew fost l-aħħar mill-UE-15 kienu Spanja, il-Greċja, il-Portugall u l-Italja. Globalment, l-Olanda, l-Awstrija u l-Estonja tfaħħru għall-aktar implimentazzjoni effettiva ta' Liżbona. Il-Greċja u l-Italja kisbu l-inqas riżultati effettivi. L-implimentazzjoni tajba tal-Istrateġija ta' Liżbona b'liema mod taffettwa l-produttività u l-impjiegi?

1.8

Għalkemm hemm ħafna fatturi rilevanti oħra, il-konklużjoni li għandha tittieħed mill-analiżi ta' din l-opinjoni hija li fil-fatt teżisti relazzjoni mill-qrib bejn l-implimentazzjoni ta' Liżbona u l-progress fiż-żieda fl-impjiegi u fil-PGD per capita. Bl-istess mod, il-pajjiżi li ma rnexxilhomx jimplimentaw ir-riformi ta' Liżbona wrew tendenza ta' prestazzjoni iktar baxxa. Abbażi ta' din il-konklużjoni, il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-programm sħiħ ta' Liżbona kemm jista' jkun malajr.

1.9

Jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-importanza li għandu kull element tal-programm. Il-Kumitat jinsab ħerqan sabiex jara iktar investiment fl-għarfien, l-edukazzjoni u r-Riċerka u l-Iżvilupp. M'hemm l-ebda dubju li l-kompetizzjoni tqanqal l-innovazzjoni. Għaldaqstant, l-ekonomiji tal-UE għandhom bżonn jiffaċċjaw il-kompetizzjoni sabiex jilqgħu l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Il-fatturi tal-produzzjoni tal-industriji u s-setturi falluti għandhom imorru għand l-industriji li qegħdin jiżviluppaw u jiffjorixxu sabiex tiġi sfruttata l-produttività tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi tagħhom għall-flessigurtà. Fl-aħħar nett, jidher ċar li l-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri tiddependi ħafna mill-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi.

1.10

Fl-opinjoni ppreżentata mill-KESE lill-Kunsill ta' Liżbona f'Marzu 2000 (3), aħna għidna li ninsabu konvinti li fl-Ewropa għandna l-innovazzjoni, il-kreattività, l-għarfien u l-intrapriża meħtieġa biex nagħmlu suċċess fil-qafas il-ġdid (jiġifieri s-soċjetà tal-informazzjoni). Iżda jinħtieġ li nilliberaw dawn il-kapaċitajiet. L-opportunitaijiet għandhom jieħdu post l-ostakoli. L-inċentivi għandhom jieħdu post il-penali. L-aħħar għaxar snin raw il-liberalizzazzjoni tal-industriji Ewropej. Issa jinħtieġ li nilliberaw l-enerġiji tal-irġiel u n-nisa Ewropej. Fl-2008 għad hemm ħafna xi jsir, iżda l-Aġenda ta' Liżbona hija t-triq li għandna nieħdu biex nimxu 'l quddiem.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-opinjoni hija l-aktar opinjoni reċenti minn sensiela mħejjija mill-KESE dwar il-kwistjonijiet ta' gvernanza ekonomika fl-UE. Hija tħejjiet bħala tweġiba għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2007) 721 finali intitolata L-Ekonomija tal-UE: Analiżi mill-ġdid għall-2007L-espansjoni tal-limitu tal-produttività tal-Ewropa. L-opinjoni preċedenti, ta' Settembru 2007, ittrattat l-analiżi mill-ġdid tal-2006 dwar it-Tisħiħ taż-żona tal-Euro: il-prijoritajiet politiċi ewlenin.

2.2

F'din l-opinjoni, il-KESE fittex li jirrelata ż-żieda fl-impjiegi u l-PGD per capita tal-Istati Membri mad-diversi rakkomandazzjonijiet politiċi li jinsabu fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. F'dan ir-rigward hija pjuttost differenti mill-konklużjonijiet tal-opinjoni preċedenti dwar l-Analiżi għall-2006 li spjegat iċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi domestiċi u l-objettivi politiċi diverġenti li jirregolaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

2.3

Opinjonijiet preċedenti, ta' Ottubru 2006 (4) u ta' Frar 2006 (5), ittrattaw il-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika (BEPG) 2005-2008, filwaqt li f'Marzu 2004 ressaqna l-opinjoni tagħna fil-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika 2003-2005 (6). Għalkemm il-KESE rċieva r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-BEPG 2008-2010, huwa jinnota li dawn għadhom ma nbidlux minn dawk tal-2005-2008. Fid-dawl tal-ħidma preċedenti tiegħu dwar il-BEPG, il-KESE ddeċieda li juża l-analiżi mill-ġdid tal-Ekonomija tal-UE fl-2007 bħala bażi għal din l-opinjoni.

2.4

F'Ottubru 2006, il-KESE eżamina r-regoli li jaffettwaw l-objettivi ġenerali tal-istabbiltà tal-prezzijiet, it-tkabbir u l-impjiegi. F'din l-opinjoni aħna niffokaw fuq il-politiki aktar milli fuq ir-regoli. Fi Frar 2006, il-KESE ppubblika l-opinjoni tiegħu dwar il-BEPG 2005-2008. Għalkemm din l-opinjoni kellha għan wiesa' ħafna, huwa approva b'mod ġenerali l-istess aġenda ta' politika għat-tkabbir fl-impjiegi u fil-produttività li tifforma l-bażi ta' din l-opinjoni. F'dawn iż-żewġ opinjonijiet, il-KESE kkunsidra l-fatturi ekonomiċi li jaffettwaw id-domanda. F'din l-opinjoni aħna nittrattaw il-proposti tal-Kummissjoni għal riformi sekondarji fil-provvista.

2.5

Madankollu, il-Kumitat jisħaq li l-miżuri tan-naħa tal-provvista għat-titjib fil-kompetittività għandhom jiġu enfasizzati minn taħlita ta' politiki makroekonomiċi li tippromovi d-dħul finanzjarju, id-domanda u l-impjiegi. Il-Kumitat indirizza l-kwistjoni ta' taħlita ta' politiki adattata fl-opinjoni tiegħu ta' Marzu 2004 li għadha topika s'issa.

2.6

Id-dokument tal-Kummissjoni “Ekonomija Ewropea” Nru 8/2007 jinkludi l-Komunikazzjoni “L-espansjoni tal-limitu tal-produttività tal-Ewropa” flimkien ma' erba' kapitoli li b'kollox jammontaw għal 149 paġna:

1

It-tendenzi tal-produttività fl-Ewropa: fl-aħħar qed jinbidlu?

2

Il-valutazzjoni tal-produttività fil-livell tal-industrija.

3

Hemm bilanċ bejn il-produttività u l-impjegi?

4

Politiki biex tintlaħaq produttività ogħla: perspettiva oħra.

Il-Kumitat jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kompetittività huma ristretti għan-naħa tal-provvista.

Din l-opinjoni tevalwa l-politiki li tressqu fil-kapitolu 4.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

3.1

L-analiżi mill-ġdid tal-2007 tibda mill-fatt li filwaqt li l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-aktar ekonomiji avvanzati u produttivi fid-dinja, xorta għadha teżisti differenza mdaqqsa fl-istandards tal-għixien, skont il-PGD, bejn l-UE u l-aktar ekonomija avvanzata fid-dinja — l-Istati Uniti. Il-kawża bażi tinsab fid-diverġenza fl-iżviluppi fil-produttività ta' bosta setturi tal-industrija u l-Istati Membri.

3.2

Bl-adozzjoni tal-Istrateġija ta' Liżbona fl-2000, l-UE attribwiet l-ogħla importanza għat-titjib fil-prestazzjoni tal-produttività tagħha flimkien ma' tkabbir robust fl-impjiegi. L-elementi prinċipali ta' din l-istrateġija kienu l-bini tal-għarfien, it-tisħiħ tal-forzi tal-kompetittività u t-titjib tal-flessibbiltà.

3.3

Il-bini tal-għarfien jitlob aktar investiment u investiment aħjar fir-riċerka u l-iżvilupp u fil-kapital uman. L-effikaċja u l-kost-effiċjenza fl-edukazzjoni għandhom ikunu żgurati fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

3.4

Huwa kruċjali li l-kompetizzjoni tingħata spinta kemm għal-livell kif ukoll għar-rata tat-tkabbir tal-produttività. Ir-riċerka empirika tikkonferma li l-ftuħ tas-swieq għall-kompetizzjoni mhux biss għandu effett pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir, iżda wkoll fuq l-impjiegi.

3.5

Il-flessibbiltà mtejba hija meħtieġa biex l-istrutturi tal-produzzjoni jkunu jistgħu jiġu aġġustati bla xkiel lejn aktar speċjalizzazzjoni u diversifikazzjoni f'oqsma ġodda ta' vantaġġ komparattiv relattiv. Matul dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri ħadu miżuri sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-kumpaniji u tax-xogħol, iżda għad hemm bżonn ta' aktar azzjoni u ta' azzjoni iktar mifruxa.

3.6

Il-konklużjonijiet huma li hemm bżonn bidla fl-attitudni. Għadd ta' politiki prinċipali jistgħu jagħtu kontribut importanti. Dawn għandhom jimmiraw biex:

jippromovu livelli ogħla ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp

jiżviluppaw stabbilimenti għar-riċerka u l-edukazzjoni fuq livell internazzjonali b'ħidma mill-qrib mal-industrija.

jistabbilixxu suq uniku miftuħ u kompetittiv li jaħdem tajjeb

jippromovu approċċ integrat biex isaħħu s-sigurtà u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol (fejn il-KESE jinnota li dan l-approċċ għandu jiġi negozjat mill-imsieħba soċjali).

itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi.

3.7

Bosta fehmiet ġenerali ġew diskreditati: mhumiex biss il-pajjiżi l-kbar u l-kumpaniji l-kbar li jistgħu jkunu mexxejja fit-teknoloġija; il-kummerċ mhuwiex il-mutur prinċipali għad-diffużjoni teknoloġika; il-pajjiżi ż-żgħar jistgħu jkunu fuq quddiem f'oqsma speċjalizzati; il-kumpaniji ż-żgħar ħafna drabi jintroduċu teknoloġiji ġodda innovattivi; il-mobbiltà internazzjonali tal-ħaddiema u tal-kapital finanzjarju huma l-muturi prinċipali għad-diffużjoni teknoloġika.

3.8

Dan l-aħħar qed ifeġġ kunsens ġenerali dwar x'qed ixekkel it-tkabbir tal-produttività u x'inhuma l-miżuri meħtieġa biex iżiduha. Ir-restrizzjonijiet rigward is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, in-nuqqas ta' ftuħ għall-investiment barrani dirett u l-ostakoli għall-aċċess jew għall-ħolqien ta' teknoloġiji ġodda u d-diffużjoni tagħhom jistgħu jaġixxu bħala xkiel prinċipali għat-tkabbir fil-produttività fuq perijodi fit-tul.

3.9

Billi r-realizzazjoni tal-qligħ mill-produttività hija influwenzata mill-ħruġ mis-suq tal-entitajiet l-inqas produttivi, il-politiki li jippromovu r-riallokazzjoni tar-riżorsi huma importanti. Jekk il-qligħ mill-produttività jwassal għal dħul ogħla, id-domanda mill-konsumaturi tista' tkun mistennija li timxi lejn is-servizzi. Meta l-industriji tas-servizzi jesperjenzaw valur miżjud u produttività ogħla, l-ekonomija tkun tista' tippermetti li toħloq impjiegi ġodda f'setturi bi produttività ġenwinament baxxa.

4.   Il-produttività u l-impjiegi

4.1

Il-PGD per capita ma jiddependix biss mill-Aġenda ta' Liżbona. Il-PGD jiddependi minn fatturi bħall-iżvilupp tas-swieq il-ġodda, l-Ewropa tal-Lvant, ir-Russja, il-prezzijiet, is-swieq tal-enerġija u l-merkanzija, il-bidla teknoloġika u l-globalizzazzjoni. Id-domanda domestika hija influwenzata mil-livelli tal-pagi u l-impjieg kif ukoll mill-poter tal-akkwist. Il-kontroll tad-domanda fil-parti l-kbira tiegħu huwa funzjoni tal-politika fiskali u monetarja waqt li l-kreditu biex jiġu promossi kemm in-negozju kif ukoll id-domanda mill-konsumatur jiddependi fl-aħħar mill-aħħar fuq il-banek ċentrali. Sakemm is-swieq finanzjarji jibqgħu fi kriżi, jista' jkun hemm nuqqas ta' kreditu disponibbli, id-domanda ser tbati u l-PGD ser jiġi affettwat.

4.2

Fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-governanza ekonomika tal-UE, deskritti fid-dettall fl-Introduzzjoni, il-fatturi makroekonomiċi ġew diskussi fil-fond. L-enfasi ta' din l-opinjoni huwa li turi li, irrispettivament mill-fatturi tad-domanda, teżisti korrelazzjoni sinifikanti bejn ir-riformi tan-naħa tal-provvista fl-Aġenda ta' Liżbona u t-tkabbir fil-PGD.

4.3

Id-data dwar il-PGD relattiv per capita hija pprovduta fit-Tabella 1. Intgħażlu żewġ perijodi ta' żmien: l-1999, is-sena li fiha daħal l-euro, u l-2007. Għall-Istati Membri l-Ġodda (SMĠ) dan il-perijodu jinkludi l-adeżjoni tagħhom mal-UE. Matul dan il-perijodu, l-Istati Uniti marru lura minn 161.8 % għal 150.9 % meta mqabbla mal-UE-27. Minkejja dan, l-hekk imsejħa Stati Membri antiki xorta ma kinux kapaċi jieħdu vantaġġ minn dan in-nuqqas relattiv fl-Istati Uniti, fejn l-UE-15 naqsu minn 115.3 għal 111.7 u ż-Żona tal-Euro rat tnaqqis ta' minn 114.5 għal 109. 8 meta mqabbla mal-UE-27.

4.4

Fil-kuntest ta' din id-data dwar il-PGD, x'tgħidilna l-istatistika dwar l-impjiegi? It-Tabella 2 turi data dwar l-impjiegi għas-snin 1998 (is-sena li fiha nfetħu l-ewwel negozjati mal-SMĠ dwar l-adeżjoni) sal-2006 (l-aħħar data disponibbli). Id-data dwar il-qgħad tidher għall-perijodu sal-2007. L-impjiegi fl-Istati Uniti naqsu minn 73.8 % għal 72 % tal-ħaddiema f'dan il-perijodu waqt li l-qgħad żdied minn 4.5 % għal 4.6 %. Fl-istess żmien iż-Żona tal-Euro bdiet tirpilja u l-livell tal-impjiegi tela' minn 59.2 % għal 64.8 % u l-qgħad niżel minn 10.1 % għal 7.4 %. Id-data mill-UE-15 hija pjuttost aħjar milli għaż-Żona tal-Euro waqt li għall-UE-25 hija kemxejn agħar.

4.5

Fl-Iscorecard ta' Liżbona għall-2007 ippubblikata dan l-aħħar, l-ewwel seba' pajjiżi kienu d-Danimarka*, l-Iżvezja*, l-Awstrija*, l-Olanda*, il-Finlandja*, l-Irlanda* u r-Renju Unit* segwiti mill-Ġermanja u Franza. L-SMĠ fuq quddiem kienu s-Slovenja* u l-Estonja*. Dawk li ġew fost l-aħħar mill-UE-15 kienu Spanja, il-Greċja, il-Portugall u l-Italja. Globalment, l-Olanda, l-Awstrija u l-Estonja tfaħħru għall-aktar implimentazzjoni effettiva ta' Liżbona. Il-Greċja u l-Italja kisbu l-inqas riżultati effettivi. L-implimentazzjoni tajba tal-istrateġija ta' Liżbona b'liema mod taffettwa l-produttività u l-impjieg?

4.6

F'termini relattivi tal-PGD per capita, il-Lussemburgu u n-Norveġja jinsabu quddiem l-Istati Uniti. Il-pajjiżi li jaqgħu taħt l-20 % mill-Istati Uniti huma l-Irlanda* (eċċellenti), l-Olanda*, l-Awstrija*, l-Iżvezja*, id-Danimarka*, il-Belġju u (bi ftit) ir-Renju Unit* u l-Finlandja*. Barra mill-UE, l-Islanda, l-Iżvizzera u l-Ġappun kollha jaqgħu taħt l-20 % mill-Istati Uniti. Fost l-SMĠ, Ċipru u s-Slovenja* huma l-eqreb lejn il-medja tal-UE-27, waqt li l-Estonja* għamlet l-akbar progress, segwita mil-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u s-Slovakkja.

4.7

Fil-qasam tal-impjiegi l-istampa hija simili għal dik tal-PGD. L-impjiegi fl-Istati Uniti jgħoddu għal ftit 'il fuq minn 70 % tal-forza tax-xogħol. Fit-Tabella, il-pajjiżi kollha barra mill-UE, inkluż il-Ġappun u t-tliet pajjiżi li mhumiex fiż-Żona tal-Euro (id-Danimarka*, l-Iżvezja*, ir-Renju Unit*) kollha għandhom livelli ta' impjiegi għola minn 70 %. Fiż-Żona tal-Euro huma biss l-Olanda* u l-Awstrija* li huma 'l fuq minn 70 %, waqt li l-Irlanda* u l-Finlandja* huma qrib. Fost l-SMĠ, Ċipru u l-Estonja* huma fuq quddiem b'total qrib is-70 %.

4.8

Ir-rata tal-qgħad fl-Istati Uniti hija ta' 4.6 %. L-Irlanda*, l-Olanda*, l-Awstrija*, id-Danimarka*, Ċipru u l-Litwanja huma aħjar mill-Istati Uniti, bħalma hija n-Norveġja. Il-Lussemburgu, ir-Renju Unit*, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja* u s-Slovenja* kollha jaqgħu punt 'il bogħod mill-Istati Uniti. L-Iżvezja*, il-Latvja u Malta* jaqgħu żewġ punti 'l bogħod mill-Istati Uniti.

4.9

Mill-analiżi ta' hawn fuq, huwa ċar li għandna nħarsu lejn il-politiki u t-tendenzi fil-pajjiżi ewlenin fl-Iscorecard ta' Liżbona — id-Danimarka*, l-Iżvezja*, l-Awstrija*, l-Olanda*, il-Finlandja*, l-Irlanda, u r-Renju Unit* — u l-SMĠ ewlenin — l-Estonja* u s-Slovenja*. Għall-finijiet ta' din l-opinjoni, dawn il-pajjiżi ser jifformaw “Lista ta' Kontroll” u huma annotati b'asterisk. Ser nanalizzaw il-firxa li għaliha l-politiki marbutin mal-għarfien, il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, u l-finanzi pubbliċi kkontribwew għas-suċċess relattiv ta' dawn il-pajjiżi. B'kuntrast, il-politiki ta' Spanja, il-Greċja, il-Portugall u l-Italja ser jiġu mmonitorjati u jinġabru fi “Grupp ta' Kontroll”. Barra minn hekk, l-inizjattivi ta' politika fl-ekonomiji l-kbar ta' Franza u tal-Ġermanja jibqgħu importanti ħafna għall-UE. Iż-żewġ pajjiżi huma kkaratterizzati minn politika polarizzata li għamlet ir-riforma diffiċli għalkemm, sa ċertu punt, issa qed tagħti l-frott.

5.   L-investiment fl-għarfien

5.1

Il-programm tal-OECD għall-valutazzjoni internazzjonali tal-istudenti huwa magħruf bħala PISA. It-Tabella 3 hija kompożizzjoni meħuda mill-istħarriġ tal-2006 għall-kompetenzi fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza ta' tfal ta' 15-il sena mill-OECD u minn Stati oħrajn.

5.2

Barra mill-Korea, il-Ġappun u l-Iżvizzera, il-pajjiżi li ġabu “A” f'kollox huma mingħajr dubju l-Finlandja* (ir-rebbieħa b'mod ċar), l-Olanda*, il-Belġju u l-Estonja*. Il-pajjiżi li għandhom żewġ “A” huma r-Repubblika Ċeka, l-Awstrija*, is-Slovenja* u l-Irlanda*. Il-pajjiżi b'“A” waħda fuq il-lista tagħhom huma d-Danimarka*, l-Iżvezja*, ir-Renju Unit*, il-Ġermanja u l-Polonja. Il-Ġermanja u r-Renju Unit akkwistaw l-“A” tagħhom fix-xjenza. Ir-Renju Unit* għandu t-tielet l-ogħla kompetenza fix-xjenza fil-livell 6 wara s-Slovenja* u l-Finlandja*. Il-pajjiżi kollha fil-lista ta' kontroll jilħqu l-gradi “A”. Il-pajjiżi fil-grupp tal-kontroll jingħaqdu mal-Istati Uniti fl-aħħar tal-lista.

5.3

Minħabba l-korrelazzjoni konsiderevoli bejn il-prestazzjoni tas-sistema edukattiva u l-prestazzjoni tal-ekonomiji tal-Istat Membru, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni hija ċertament korretta li tpoġġi l-kwalità tal-edukazzjoni bħala politika mudell għall-UE.

5.4

L-Università ta' Jiao Tong f'Shanghai żviluppat metodoloġija ta' prijoritizzazzjoni għall-universitajiet. Hemm metodoloġiji oħrajn użati għall-prijoritizzazzjoni tal-universitajiet, iżda dik ta' Jiao Tong tikkonforma mal-enfasi tal-UE fuq ix-xjenza u r-riċerka.

5.5

Il-prestazzjoni tas-Sistema Skolastika tal-Istati Uniti skont il-PISA hija ferm ordinarja. Huwa fl-edukazzjoni ogħla li l-Istati Uniti għandhom il-vantaġġ kompetittiv. It-Tabella 4 hija meħuda mill-prijoritizzazzjonijiet tal-metodoloġija ta' Jiao Tong. Hemm 17-il università Amerikana fl-ewwel 20, tnejn Ingliżi u waħda Ġappuniża. Ir-Renju Unit, b'għaxar entrati fl-ewwel 100, jinsab fuq il-lista ta' kontroll. Barra mill-UE, jidħlu wkoll il-Ġappun (6 entrati), il-Kanada (4), l-Awstralja (2), l-Iżvizzera (3), in-Norveġja (1) u l-Iżrael (1). Ħames pajjiżi mil-lista ta' kontroll jidhru fl-ewwel 100: ir-Renju Unit*, l-Olanda* (2), id-Danimarka* (1), l-Iżvezja* (4) u l-Finlandja *(1). Ma jidher l-ebda pajjiż mill-grupp ta' kontroll. Wasal iż-żmien li Bologna, Salamanca u Coimbra jerġgħu jiksbu l-importanza li kellhom qabel. B'żieda ma' dan hemm 6 entrati għall-Ġermanja u 4 għal Franza.

5.6

Barra mir-Renju Unit, hemm biss 6 Stati Membri rrappreżentati fl-ewwel 100 università; 20 pajjiż tal-UE m'għandhomx rappreżentanza. Il-politika tal-Kummissjoni tidher li hija li jimtela dan l-ispazju b'Istitut tat-Teknoloġija tal-UE. Minkejja l-appoġġ tal-KESE għal dan il-proġett, huwa diffiċli tilmah kif jista' jiffjorixxi mingħajr ma tiddgħajjef il-preżenza tal-UE fl-ewwel 100. Strateġija alternattiva tkun li ssir analiżi mill-ġdid u reviżjoni tal-politiki tal-Istati Membri għall-iżvilupp tal-universitajiet prinċipali tagħhom. L-akbar ħtieġa hija s-sħubija aktar mill-qrib bejn l-universitajiet u l-industrija biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet bil-għan li jiġu sfruttati x-xjenza u t-teknoloġija tas-seklu 21 għall-ħolqien tal-ġid u tal-impjieg.

5.7

Miżura addizzjonali tal-edukazzjoni universitarja tal-Istati Membri hija d-data tal-Eurostat dwar in-numru ta' gradwati terzjarji fix-xjenza u t-teknoloġija għal kull elf mill-popolazzjoni fil-medda ta' età bejn l-20 u d-29 sena. Iċ-ċifra għall-Istati Uniti hija ta' 10.6. L-Istati Membri li huma punt perċentwali inqas mill-Istati Uniti huma l-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, l-Awstrija*, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja* u s-Slovakkja. L-Istati Membri bi produttività ferm għola huma d-Danimarka* (14.7), l-Irlanda* (24.5), Franza (22.5), il-Litwanja (18.9), il-Finlandja* (17.7), l-Iżvezja* (14.4) u r-Renju Unit* (18.4). Il-pajjiżi kollha mmarkati b'asterisks (*) huma fuq il-lista ta' kontroll. L-Italja u l-Greċja huma l-pajjiżi fil-grupp ta' kontroll li jikkwalifikaw hawnhekk. L-iżvilupp ta' gradwati fix-xjenza u t-teknoloġija għandu jkun fokus għas-sistemi edukattivi sekondarji u terzjarji tal-Istati Membri.

5.8

Wieħed mill-għanijiet tal-proġett ta' Liżbona huwa li l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-UE jitla' għal 3 % tal-PGD. Minn dan 2 % għandu jiġi mis-settur privat. Żewġ pajjiżi mil-lista ta' kontroll, l-Iżvezja* u l-Finlandja*, nefqu aktar minn 3 %. Tnejn oħra, id-Danimarka* u l-Awstrija*, jonfqu bejn 2 % u 3 %, kif jagħmlu l-Ġermanja u Franza. Dawk li qed jonfqu bejn 1 % u 2 % huma l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja*, l-Irlanda*, l-Olanda*, is-Slovenja*, Spanja u r-Renju Unit*, li bosta minnhom huma fuq il-lista ta' kontroll. L-Istati Membri l-oħra kollha jonfqu inqas minn 1 % bl-eċċezzjoni tal-Ungerija u l-Italja (it-tnejn 1 %); l-Italja u Spanja jidhru fil-grupp ta' kontroll. Biex titnaqqas id-differenza ma tkunx ħaġa illoġika li l-gvernijiet ikunu mistennija li jikkontribwixxu 1 % tal-PGD għar-riċerka u l-iżvilupp. Idealment, dan ikun indirizzat lejn l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka biex jgħin jibni r-reputazzjonijiet u l-preżenza tagħhom fil-komunità xjentifika globali. Bħalissa l-gvernijiet tal-UE-15 jonfqu bejn 0.30 % u 0.40 % waqt li l-gvernijiet tal-SMĠ jonfqu bejn 0.50 % u 0.60 %. Jista' u għandu jsir aktar, mhux l-inqas biex tiġi żviluppata x-xjenza meħtieġa biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-bidla fil-klima u t-tniġġis.

5.9

Rigward il-ħelsien mit-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp tas-settur privat, il-KESE diġà ressaq l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni (7). Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri kollha għandhom jadottaw l-aħjar prattika u jintroduċu inċentivi fiskali biex iħeġġu aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp mis-settur privat, speċjalment mill-SMEs.

5.10

Hemm relazzjoni ċirkolari bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-għarfien teknoloġiku u t-tendenzi fl-impjieg. F'ċirku virtuż, il-bażi tal-għarfien u l-ħiliet nazzjonali tattira investiment 'il ġewwa, trasferiment tal-għarfien u l-immigrazzjoni. Mingħajr din il-bażi, il-persuni kwalifikati jitħajru jħarsu lejn ambjent ta' għarfien fejn ħilithom huma meqjusin. Dan jista' jwassal għal ċirku vizzjuż ta' emigrazzjoni u għal brain-drain.

5.11

Il-konklużjonijiet ta' politika għar-riċerka u l-edukazzjoni huma li bosta sistemi edukattivi sekondarji u terzjarji tal-Istati Membri għandhom jinbidlu radikalment u li l-Gvernijiet għandhom iżidu l-infiq tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp. Jidher ċar li hemm korrelazzjoni bejn l-effikaċja tal-politiki u l-impjiegi u l-produttività, kif intwera mill-prestazzjoni kemm tal-Lista ta' Kontroll kif ukoll tal-Grupp ta' Kontroll.

6.   Il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni

6.1

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tiddeskrivi fil-qosor tliet politiki għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni. Dawn huma l-liberalizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-industriji, il-politika tal-kompetizzjoni u l-qligħ mill-effetti pożittivi tas-suq intern.

6.2

Il-benefiċċji tas-suq intern jinkludu l-istimolu għall-innovazzjoni li jirriżulta minn espożizzjoni għall-kompetizzjoni esterna, l-ekonomiji ta' skala fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni li huma disponibbli fis-suq usa' u t-trasferiment tat-teknoloġiji li jsegwu mill-ftuħ għall-investiment barrani.

6.3

L-Istati Membri tal-UE mhumiex attraenti b'mod uniformi u miftuħin għall-IBD (Investiment Barrani Dirett). F'termini ta' trasferiment tat-teknoloġija, metodi ta' ġestjoni, preżenza fis-suq u investiment kapitali, dan kien ikun ta' żvantaġġ għal dawk l-Istati Membri li ma bbenefikawx mill-IBD. Data minn Ernst & Young dwar l-IBD turi li għall-perijodu 1997-2006 l-għaxar pajjiżi li rċevew l-aktar IBD fl-Ewropa skont l-għadd ta' proġetti kienu:

Ir-Renju Unit

5539

Franza

3867

Il-Ġermanja

1818

Spanja

1315

Il-Belġju

1190

Il-Polonja

1046

L-Ungerija

1026

L-Irlanda

884

Ir-Repubblika Ċeka

849

Ir-Russja

843

6.4

L-IBD kien ta' importanza kbira għat-tkabbir ekonomiku tal-SMĠ. Hekk kif il-kompetizzjoni għall-IBD tikber minn pajjiżi madwar id-dinja kollha, inklużi l-Indja u ċ-Ċina, l-SMĠ ser ikollhom iħaddnu l-ekonomija tal-għarfien biex jiggarantixxu t-tkabbir u l-impjiegi. Il-pajjiżi Ażjatiċi jeċċellaw fit-testijiet ta' kompetenza ta' PISA u mijiet ta' eluf ta' gradwati b'lawrji ordinarji u Masters fix-xjenza u t-teknoloġija qegħdin jiggradwaw mill-universitajiet tagħhom.

6.5

Il-liberalizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-industriji netwerk għandhom potenzjal konsiderevoli biex inaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-produttività fl-ekonomija. Hemm tliet fażijiet f'din il-politika: L-ewwel nett il-privatizzazzjoni, imbagħad ir-regolamentazzjoni biex l-entranti l-ġodda jkunu jistgħu jisfidaw lil dawk stabbiliti u finalment diviżjoni fis-sjieda bejn in-netwerks u s-servizzi ta' netwerks. Fir-rapport tagħha dwar Il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku  (8) l-Kummissjoni użat it-tibdil mill-konsumaturi bejn il-fornituri bħala miżura ta' kompetizzjoni effettiva. It-tabella li ġejja turi dan b'mod ċar: * m'hemmx data disponibbli mill-Ġermanja dwar is-suq tal-gass

Bdil Perċentwali

 

 

Elettriku

Gass

Il-Ġermanja

Negozji Kbar

41

 (9)

 

SMEs

7

 (9)

 

Djar domestiċi

5

 (9)

Franza

Negozji Kbar

15

14

 

Djar domestiċi

0

0

Spanja

Negozji Kbar

25

60

 

SMEs

22

60

 

Djar domestiċi

19

2

Ir-Renju Unit

Negozji Kbar

50+

85+

 

SMEs

50+

75+

 

Djar domestiċi

48

47

Il-kompetizzjoni hija ġeneralment l-aktar avvanzata f'xi wħud mill-pajjiżi tal-lista ta' kontroll għalkemm l-Italja u Spanja wkoll għamlu progress.

6.6

L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Kompetizzjoni hija mfassla biex tiffavorixxi l-effikaċja u l-produttività fejn jibbenefika l-konsumatur. Din il-politika tikkonforma ħafna mal-bilanċ li l-KESE jfittex li jżomm bejn l-interessi tal-kostitwenti komponenti tiegħu.

6.7

Il-Komunikazzjoni tikkonkludi li l-kompetizzjoni hija kruċjali kemm għal-livell kif ukoll għar-rata ta' tkabbir tal-produttività. Jispikka l-fatt li l-ekonomiji tal-pajjiżi fuq il-lista ta' kontroll huma l-aktar miftuħin fl-UE. Dawn għandhom l-ogħla produttività, l-ogħla livelli ta' impjieg u l-akbar kapaċità biex jassorbu l-ħaddiema migranti. Huwa żball għall-gvernijiet tal-Istati Membri li jipprovaw iqiegħdu ostakli madwar l-ekonomiji tagħhom minħabba l-biża' tal-kompetizzjoni.

7.   Il-politiki ta' riallokazzjoni

7.1

Bit-terminu “riallokazzjoni” l-Kummissjoni tifhem l-użu mill-ġdid tal-fatturi tal-produzzjoni minn industriji u setturi li fallew għal industriji u setturi li qed jinħolqu u li sejrin tajjeb.

7.2

It-teżi prinċipali tal-Komunikazzjoni hija li sakemm it-tkabbir tal-ekonomija jitmexxa mill-espansjoni tal-fruntiera teknoloġika, l-ekonomija ser tkun esposta għal tibdil strutturali. Setturi ġodda bbażati fuq it-teknoloġija jistgħu jakkwistaw sehem mis-suq minn fuq dahar is-setturi li qegħdin jonqsu. Kumpaniji ġodda jistgħu jsiru atturi importanti u jista' jkun li kumpaniji stabbiliti jkollhom jadattaw jew jisparixxu.

7.3

Ladarba l-ekonomija xorta ser tkun esposta għal tibdil strutturali, il-kapaċità ta' aġġustament tal-ekonomija hija kruċjali biex jiġi żgurat l-akbar benefiċċju mit-tibdil teknoloġiku u mill-mobbiltà tal-għarfien. Madankollu, il-Kummissjoni tħoss li l-Istati Membri għandhom kapaċità limitata biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa minħabba l-flessibbiltà limitata permessa mill-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-kotba tar-regoli.

7.4

Il-Komunikazzjoni tipproponi erba' miżuri ta' politika prinċipali biex tittejjeb ir-riallokazzjoni tar-riżorsi: l-iffaċilitar tad-dħul fis-suq, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, ir-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju.

7.5

Fost il-politiki għall-iffaċilitar tad-dħul fis-suq hemm għadd li dwarhom il-KESE diġà kiteb opinjonijiet. Dawn jinvolvu t-tnaqqis fil-piż amministrattiv assoċjat mal-ħolqien tal-kumpaniji, firxa ta' skemi ta' appoġġ għall-SMEs ġodda u bidliet fil-liġijiet li jirregolaw il-falliment. L-aċċess għall-finanzi u l-politika ta' kompetizzjoni biex tiżgura swieq kontestabbli huma elementi importanti fi kwalunkwe strateġija għar-riallokazzjoni permezz tal-ħolqien ta' kumpaniji ġodda.

7.6

Waqt li kumpaniji kbar u żgħar ilkoll jistgħu jiffaċċjaw spejjeż amministrattivi, il-piż huwa ferm akbar għall-kumpaniji ż-żgħar, minħabba d-daqs tagħhom. It-tnaqqis fil-piż amministrattiv huwa wieħed mill-aktar ħames għanijiet importanti fuq l-aġenda tal-UE iżda kif tirrikonoxxi l-Komunikazzjoni, it-tnaqqis tar-regolamentazzjoni u tal-ispejjeż amministrattivi huwa diffiċli minħabba li bosta mill-miżuri kienu introdotti għal raġunijiet speċifiċi. Skont il-Komunikazzjoni dawn iservu biex jikkoreġu nuqqasijiet tas-suq, biex jipproteġu l-parteċipanti tas-suq, jew biex jipprovdu lil dawk li jfasslu l-politika b'informazzjoni (10). Bosta kostitwenti tal-UE jargumentaw li l-protezzjoni soċjali sostnuta minn dawn ir-regolamenti hija element prinċipali tal-acquis. Minkejja dan, l-impatt kumulattiv ta' din ir-regolamentazzjoni jimponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali.

7.7

It-Task Force għar-Regolamentazzjoni Aħjar, ibbażat fir-Renju Unit, appoġġjat minn ħidma tal-Bureau Olandiż għall-Ippjanar Ċentrali, jissuġġerixxi li l-ispejjeż jistgħu jkunu bejn 3-4 % tal-PGD (11). Ġie stmat li tnaqqis ta' 25 % fil-piż tal-ispiża amministrattiva fl-UE inizjalment jirriżulta f'żieda ta' 1 % fil-PGD reali. L-effetti għat-tul ikunu saħansitra ikbar. It-tnaqqis ta' dan il-piż fl-ispejjeż huwa mixtieq ħafna, iżda ma kien hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li din l-inizjattiva ser tagħti l-frott. Minħabba li l-UE tinsab imħassba fil-livell istituzzjonali bil-possibbiltà ta' falliment tas-suq, x'aktarx li dan it-titjib mhux ser jintlaħaq. Barra minn hekk, il-KESE, bit-tħassib tiegħu biex jipprovdi kull protezzjoni lill-parteċipanti tas-suq, x'aktarx mhux ser jappoġġja kwalunkwe tnaqqis sinifikanti tal-piż amministrattiv.

7.8

L-istrutturi tas-suq tax-xogħol għandhom impatt importanti fuq l-użu mill-ġdid tal-forza tax-xogħol. L-impatt tar-riformi tas-suq fuq il-produttività u l-impjiegi huwa ikbar meta s-swieq tax-xogħol ikunu flessibbli. Waqt li m'hemm l-ebda studju affidabbli dwar il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol, il-livell ta' impjiegi tal-pajjiżi tal-lista ta' kontroll ċertament huwa kejl tal-kapaċità tal-liġijiet dwar l-impjiegi tagħhom biex jakkomodaw il-bidla.

7.9

Wieħed jifhem li l-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-impjiegi fl-UE hija waħda kontroversjali. Aktar milli jemendaw il-protezzjoni mogħtija minn kuntratti permanenti, bosta Stati Membri introduċew b'mod parallel il-kuntratti temporanji. Huma dawn il-kuntratti temporanji li ammontaw għal ħafna miż-żieda diskussa fil-punt 4 hawn fuq. Waqt li d-data ma tagħtix il-kejl ta' impjieg full-time attwali, l-iskala tat-tkabbir fl-impjiegi hija inkoraġġanti u l-qgħad strutturali qed jonqos.

7.10

Naturalment, jinħtieġ li jitnaqqas it-tfixkil ikkawżat meta r-regolamenti tax-xogħol ikunu flessibbli biżżejjed biex jottimizzaw ir-riallokazzjoni. Għalhekk l-Istati Membri huma mħeġġa biex jintroduċu politiki ta' appoġġ b'mod parallel. Il-flessigurtà hija essenzjali f'dan il-proċess. Ir-riżorsi jridu jsiru disponibbli sabiex it-tagħlim matul il-ħajja jkun jista' jsaħħaħ l-addattabbiltà u l-impjegabbiltà, is-sistemi tas-sigurtà soċjali jkunu jistgħu jipprovdu inċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jiffaċilitaw iċ-ċaqliq għal impjieg ġdid (redeployment) waqt li l-politiki dwar is-suq tax-xogħol għandhom jgħinu lin-nies biex jiffaċċjaw il-bidla u l-qgħad involuti fit-transizzjoni għal impjieg ġdid u sikur. Dawn il-politiki huma indispensabbli meta l-protezzjoni tal-impjiegi tkun inqas stretta.

7.11

L-integrazzjoni tas-suq finanzjarju hija l-aħħar waħda mill-politiki ta' riallokazzjoni. B'mod ġenerali, il-grad ta' frammentazzjoni fis-sistema finanzjarja fl-UE jista' jidher bħala impediment għall-produttività u l-impjiegi speċjalment rigward l-istartups. Dawn in-nuqqasijiet qegħdin jiġu indirizzati mid-Direttiva dwar is-Servizzi Finanzjarji. B'mod parallel ma' din l-opinjoni, il-KESE qiegħed iħejji opinjoni dwar l-attività transkonfinali b'fondi ta' kapital riskjuż (12). Ir-rwol ta' sistema finanzjarja effiċjenti fit-tibdil strutturali huwa l-aktar evidenti fil-finanzjament ta' kumpaniji start-ups.

8.   Titjib tal-finanzi pubbliċi

8.1

It-Tabella 5 tinkludi data tal-Eurostat dwar il-finanzi tal-Istati Membri. Id-dejn medju tal-gvern tat-12-il pajjiż taż-Żona tal-Euro bħala 68.8 % tal-PGD jaqbeż kemm l-għan ta' konverġenza tal-UME ta' 60 % kif ukoll il-medji tal-UE-15 (63.0) u l-UE-25 (61.9). B'mod ġenerali, id-dejn tal-gvernijiet fl-Istati tal-lista ta' kontroll huwa inqas minn 50 % tal-PGD u, f'bosta każijiet, ferm inqas. L-eċċezzjoni hija l-Awstrija* (61.7 %). Barra minn hekk, l-Istati kollha fuq il-lista ta' kontroll naqqsu d-dejn tal-gvern matul il-perijodu mill-1999 sal-2006. It-tnaqqis fl-Irlanda*, l-Olanda* u l-Iżvezja* kien partikolarment drammatiku. Mill-grupp ta' kontroll, hija Spanja biss li għandha dejn tal-gvern taħt il-50 % tal-PGD, wara tnaqqis drammatiku matul dan il-perijodu. L-Italja (106.8 %) u l-Greċja (95.3 %) jinsabu fl-aħħar tal-lista.

8.2

Fl-UE-15, il-Belġju, l-Irlanda*, Spanja, il-Lussemburgu, l-Olanda*, il-Finlandja*, id-Danimarka* u l-Iżvezja* għandhom bilanċi baġitarji pożittivi. Il-pajjiżi l-oħra kellhom bilanċi negattivi ta' inqas minn 3 % ħlief l-Italja (-4.4 %) u l-Portugall (-3.9 %). Fost l-SMĠ, il-Bulgarija u l-Estonja* kellhom bilanċi pożittivi filwaqt li l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja huma fin-negattiv b'aktar minn 3 %. Ċipru u s-Slovenja* jispikkaw billi għandhom biss 1.2 % fin-negattiv. Fost il-pajjiżi fuq il-lista ta' kontroll, ir-Renju Unit, bi 2.7 % negattiv, tilef triqtu. Huwa ma rnexxilux jibbilanċja l-baġit tiegħu fis-snin ta' attività ekonomika favorevoli u b'hekk il-pożizzjoni tiegħu fost il-mexxejja issa qiegħda fil-periklu. Fil-grupp ta' kontroll, il-prestazzjoni Spanjola tispikka waqt li l-Italja u l-Portugall jikkonfermaw il-pożizzjoni ġeneralment baxxa tagħhom fil-lista.

8.3

Fl-opinjonijiet annwali tiegħu dwar l-ekonomija tal-UE, il-KESE argumenta favur finanzi pubbliċi b'saħħithom. Ir-rekord relattiv tal-pajjiżi fuq il-lista ta' kontroll u fil-grupp ta' kontroll juri li l-finanzi pubbliċi b'saħħithom huma komponent importanti fil-prestazzjoni tal-impjiegi u tal-produttività fl-Istati Membri.

8.4

Waqt l-eżaminazzjoni tal-prestazzjoni relattiva tal-lista ta' kontroll u tal-grupp ta' kontroll, qamet mistoqsija dwar l-impatt tat-taxxi. Ir-rapport tal-Eurostat dwar it-taxxa fl-UE fl-2005 juri r-rata tat-taxxa medja bħala % tal-PGD fl-UE-27 bħala 39.6 %. Din hija madwar tlettax-il punt perċentwali għola mir-rati għall-Istati Uniti u l-Ġappun. Fost il-pajjiżi tal-OECD barra mill-UE, hija biss in-New Zealand li għandha rata tat-taxxa effettiva għola minn 35 %. Wara tentattiv mill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż tat-taxxa, it-tendenza marret lura u r-rata tat-taxxa medja issa reġgħet għal-livell tal-1995.

8.5

F'termini ta' piż tat-taxxa, l-Iżvezja*, id-Danimarka* u l-Finlandja* qegħdin mal-ewwel ħamsa, flimkien mal-Belġju u Franza. L-Awstrija* u s-Slovenja* qegħdin fil-ħamsa li jmiss, flimkien mal-Italja. L-Olanda* u r-Renju Unit* qegħdin fit-12 u t-13-il post rispettivament. Huma biss l-Estonja* (it-22 post) u l-Irlanda* (it-23 post), li jgawdu minn livell baxx ferm ta' taxxa. Fil-grupp ta' kontroll, il-piż tat-taxxa Taljan huwa l-inqas minn jew ugwali għal ħamsa mill-pajjiżi fil-lista ta' kontroll. Spanja, il-Portugall u l-Greċja għandhom piżijiet fiskali iktar baxxi mil-lista ta' kontroll kollha ħlief għall-Irlanda u l-Estonja. Mad-daqqa t'għajn m'hemm l-ebda argument li l-pajjiżi fil-grupp ta' kontroll huma intaxxati b'mod eċċessiv.

8.6

L-UE hija intaxxata aktar minn reġjuni kompetituri. Is-sistemi fiskali speċifiċi tal-Istati Membri huma influwenzati ħafna mill-ammont ta' flus li jintefqu fuq il-ħarsien soċjali. Mil-lat purament tal-UE, huwa diffiċli li wieħed jiddefendi l-każ għat-tnaqqis fit-taxxa waqt li l-ekonomiji prinċipali tal-UE għandhom l-ogħla rati tat-taxxa. Madankollu, mil-lat globali, ir-reġjuni kompetituri għandhom livelli ta' taxxa aktar baxxi u huwa probabbli li dan jikkontribwixxi għal-livell ogħla tagħhom ta' innovazzjoni u l-intraprenditorija.

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ċentru għar-Riforma Ewropea: The Lisbon Scorecard VIII, Is Europe ready for an economic storm? (Frar 2008).

(2)  L-Istati Membri annotati b'asterisk jagħmlu parti mil-lista ta' pajjiżi li kisbu l-aħjar riżultati kif jispjega punt 4.9.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar Impjiegi, Riforma Ekonomika u Koeżjoni Soċjali — Lejn Ewropa ta' Innovazzjoni u Għarfien (Summit ta' Liżbona — Marzu 2000), ĠU C 117 tas-26.4.2000, p. 62, punt 2.16. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar Il-linji gwida ġenerali ta' politika u gvernanzaIl-kundizzjonijiet għal aktar koerenza fit-tfassil tal-politika ekonomika fl-Ewropa, ĠU C 324 tat-30.12.2006, p. 49. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar Il-Linji gwida ta' Politika Ekonomika Wesgħin (2005-2008), ĠU C 88, 11.4.2006, p. 76.

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar Il-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika (2003-2005), ĠU C 80, 30.3.2004 p. 120 (Mhux disponibbli bil-Malti)

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Lejn użu iktar effettiv tal-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp”ĠU C 10, 15.1.2008 p. 83.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku — COM(2005) 568 finali tal-15.11.2005.

(9)  m’hemmx data disponibbli mill-Ġermanja dwar is-suq tal-gass.

(10)  Moving Europe's Productivity Frontierthe EU Economy 2007 Review, Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, p. 136.

(11)  Moving Europe's Productivity Frontierthe EU Economy 2007 Review, Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, p. 137.

(12)  It-tneħħija ta' ostakoli għal investimenti transkonfinali b'fondi ta' kapital ta' riskju, (INT/404).


Top