EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1518

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar In-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 73–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima”

(2009/C 77/19)

Nhar is-16 u s-17 ta' Jannar 2008, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“In-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (L-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Osborn.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tas-17 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'130 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-bidla fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li d-dinja qed tiffaċċja fis-seklu 21. Sabiex tiġi evitata bidla katastrofika, l-ammont globali tal-emissjonijiet dinjija tal-gassijiet serra jrid jonqos sostanzjalment, u dak tal-pajjiżi żviluppati jrid jonqos b'bejn 60 % u 80 % tal-livell tal-1990 sa nofs is-seklu.

1.2

In-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li tnedew f'Bali f'Diċembru 2007 huma kruċjali billi ser jinfluwenzaw ħafna l-azzjoni li għandha tittieħed fuq livell dinji sal-2020. Huwa essenzjali li dawn in-negozjati jintemmu b'wiċċ il-ġid f'Kopenħagen fl-2009.

1.3

L-UE stabbilixxiet mira vinkolanti — jiġifieri li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'20 % mil-livelli tal-1990 — u pproponiet li din il-mira tiżdied għal 30 % taħt il-livelli tal-1990 jekk il-pajjiżi l-oħra jidħlu għal impenji komparabbli. Sussegwentement, il-Kummissjoni nediet il-proposti fil-pakkett tal-enerġija tat-23 ta' Jannar 2008 li juru kif il-mira tat-tnaqqis ta' 20 % jew 30 % tista' tinkiseb.

1.4

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-inizjattiva li l-UE ħadet fin-negozjati u b'mod partikulari l-impenn unilaterali tagħha li t-tnaqqis ikun ta' 20 % sal-2020 sabiex tagħti spinta 'l quddiem lin-negozjati.

1.5

Madankollu, aħna nemmnu li l-isfida tal-bidla fil-klima tant hija serja li għandu jsir kull sforz sabiex isir iktar progress. L-UE għandha timmira lejn it-tnaqqis ta' 30 % sal-2020 — proposta li saret b'kondizzjoni — u fin-negozjati għandna nqanqlu pajjiżi żviluppati oħra jidħlu għal impenji komparabbli, filwaqt li nħeġġu wkoll impenji sinifikanti fl-ekonomiji li għadhom qed jinħolqu fejn l-emissjonijiet qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla.

1.6

Sabiex iżżid kemm jista' jkun l-influwenza tagħha, l-UE għandha tkun tista' turi l-kredibbiltà tagħha billi tonora l-impenji tagħha. Sa tmiem l-2008 għandu jkun stabbilit sew pakkett ta' miżuri sabiex tintlaħaq il-mira ta' 20 %.

1.7

Aħna nikkunsidraw li sabiex tinkiseb il-mira li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu bi 30 % sal-2020, li nemmnu għandha tkun il-mira ġenwina, x'aktarx ikun hemm bżonn sett ta' miżuri addizzjonali fil-livell Ewropew u nazzjonali. Inħeġġu li jittieħdu passi mill-iktar fis possibbli sabiex jinħoloq it-tieni sett ta' miżuri li jistgħu jwasslu għat-tnaqqis ta' 30 %.

1.8

Nistennew bil-ħerqa l-proposti mistennija mill-Kummissjoni dwar l-adattament għall-bidla fil-klima, u nirrakkomandaw li dan għandu jkun ikkomplementat minn strateġiji nazzjonali ta' adattament għal kull Stat Membru.

1.9

Nirrakkomandaw l-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda għall-appoġġ tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija fil-qasam tal-mitigazzjoni u l-adattament tal-bidla fil-klima.

1.10

Reazzjoni adegwata għall-bidla fil-klima teħtieġ bidliet sinifikanti fl-ekonomija dinjija u fil-flussi tal-investiment. Nirrakkomandaw li ssir iktar analiżi tar-riżorsi meħtieġa u l-mekkaniżmu pubbliku u privat adattat li huwa meħtieġ sabiex jiġu ġestiti dawn il-flussi. Nissuġġerixxu li l-isforzi u t-tmexxija meħtieġa jkunu komparabbli ma' dawk involuti fil-ħolqien tal-Pjan Marshall għar-rikostruzzjoni tal-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. F'din l-okkażjoni, l-UE għandha tkun xprun ewlieni tal-pjan meħtieġ.

1.11

Speċifikament, ser jinħtieġu fondi sabiex jappoġġjaw il-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-espansjoni tal-mekkaniżmu CDM hija waħda mis-sorsi finanzjarji iżda l-kriterji u l-implimentazzjoni għandhom ikunu iktar stretti. L-Ewropa tista' tipprovdi xi wħud mir-riżorsi addizzjonali meħtieġa mill-profitti tal-irkant tal-permessi għall-iskambju ta' emissjonijiet ta' karbonju.

1.12

Hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-korpi pubbliċi ta' kull tip f'kull livell, u mill-konsumaturi u l-pubbliku b'mod ġenerali.

1.13

L-UE nnifisha għandha rwol kruċjali x'taqdi sabiex tmexxi u tħejji din it-trasformazzjoni hekk importanti. Inħeġġu lill-Istituzzjonijiet kollha tal-UE jagħmlu ħilithom biex tintlaħaq il-mira tal-UE għall-ambjent. Il-Kumitat ser jagħmel ħiltu kollha biex jimmobilizza l-appoġġ tas-soċjetà ċivili f'din l-impriża konġunta hekk importanti.

1.14

Il-parametri tal-ftehim dinji li għandu jinbena fin-negozjati internazzjonali matul it-tmintax-il xahar li ġejjin għandhom jiġu stabbiliti kemm jista' jkun malajr ħalli l-isforz politiku mbagħad ikun jista' jiffoka fuq il-komunikazzjoni tal-isfida u l-bini tal-appoġġ, il-fiduċja u l-impenn mill-partijiet kollha tas-soċjetà fid-dinja kollha għall-bidliet prinċipali li għandhom isiru. Dan mhuwiex xi ftehim li jista' jsir wara l-bibien magħluqa — il-partijiet kollha tas-soċjetà jridu jiġu involuti. Jenħtieġ li l-miżuri ta' tnaqqis jintwerew bħala realistiċi, ekonomikament u soċjalment kredibbli u fattibbli fil-qafas ta' żmien stipulat.

2.   Sfond

2.1

Il-bidla fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li d-dinja qiegħda tiffaċċja fis-seklu 21. Ir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni (4RE) tal-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), li ħareġ fl-2007, jippreżenta l-bidliet li diġà saru bis-saħħa taż-żieda qawwija fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra kkawżati mill-bniedem matul l-aħħar żewġ sekli, u l-bidliet addizzjonali allarmanti li huma mistennija sakemm ma titteħidx azzjoni urġenti sabiex tillimita l-emissjonijiet dinjija fil-ftit snin li ġejjin. L-IPCC huwa tal-parir li l-mira dinjija għandha tkun li t-temperaturi medji dinjija jinżammu sa mhux iktar minn 2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali jekk irridu nevitaw impatti katastrofiċi. Sabiex dan jinkiseb, irridu nnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mod sostanzjali, u dawk tal-pajjiżi żviluppati jridu jonqsu għal bejn 60 % u 80 % tal-livelli tal-1990 sa nofs is-seklu.

2.2

Il-komunità internazzjonali ilha tipprova tiftiehem fuq azzjoni kollettiva sabiex tillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal dawn l-aħħar 20 sena. Il-Konvenzjoni Qafas dwar il-Bidla fil-Klima ġiet mifthiema f'Rio fl-1992, u sussegwentement issaħħet bil-protokoll ta' Kyoto tal-1997 li fih il-pajjiżi li ffirmawh impenjaw ruħhom li jagħmlu sforzi speċifiċi biex inaqqsu l-emissjonijiet sal-2012. Madankollu, huwa ġeneralment rikonoxxut li dawn il-ftehimiet u azzjonijiet huma biss bidu u li ser ikun hemm bżonn azzjoni ħafna iktar attiva u komprensiva fis-snin li ġejjin sabiex tinkiseb il-mira ta' nofs is-seklu. Għaldaqstant, in-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li tnedew f'Bali f'Diċembru 2007 huma essenzjali billi ser jinfluwenzaw b'mod deċiżiv l-azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell dinji sal-2020. Huwa essenzjali li fl-2009 dawn in-negozjati jintemmu b'suċċess f'Kopenħagen.

2.3

Miri għall-2020. Il-pjan direzzjonali ta' Bali jagħmel referenza għal sezzjoni tar-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-IPCC li turi li sal-2020 ser jinħtieġ tnaqqis fl-emissjonijiet li jvarjaw bejn 25 % u 40 % taħt il-livelli tal-1990 għall-pajjiżi żviluppati sabiex jinkiseb l-għan fuq il-perijodu fit-tul li t-tisħin globali jiġi limitat għal 2 gradi 'l fuq mil-livelli preindustrijali.

2.4

Jidher ċar li l-pajjiżi żviluppati ser ikunu dawk li għandhom jagħmlu l-ikbar tnaqqis assolut fl-emissjonijiet tagħhom, billi dawn kienu u għadhom l-ikbar kontributuri per capita għall-bidla fil-klima. L-Ewropa għandha bżonn taqdi l-parti tagħha. L-Istati Uniti għandhom jerġgħu jiddaħħlu fl-istrateġija internazzjonali u jikkommettu ruħhom b'mod ġenwin għat-tnaqqis. Ir-Russja wkoll għandha tikkontribwixxi billi taċċetta mira iktar realistika minn dik taċ-ċiklu ta' Kyoto.

2.5

L-UE qiegħda taqdi rwol ewlieni f'dawn in-negozjati. Il-Kunsill adotta viżjoni għall-perijodu fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn pajjiżi żviluppati b'60 % sa 80 % sal-2050. Bħala miżura temporanja lejn din il-mira fuq perijodu fit-tul, l-UE impenjat ruħha b'mira vinkolanti li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'20 % mil-livelli tal-1990, u matul in-negozjati ressqet offerta li dan iżżidu għal 30 % taħt il-livelli tal-1990 jekk pajjiżi oħra jidħlu għal impenji simili. Sussegwentement, il-Kummissjoni nediet il-proposti fil-pakkett tal-enerġija tat-23 ta' Jannar 2008 li juru kif tista' tinkiseb il-mira tat-tnaqqis ta' 20/30 %.

2.6

Qed isir importanti wkoll li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jidħlu għal impenn huma stess sabiex jgħinu jillimitaw il-bidla fil-klima. L-ekonomiji l-kbar li qed jinħolqu fiċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u xi oħrajn diġà jew malajr qed jarmu ammonti sinifikanti ta' gassijiet serra, u ser ikun importanti li jmexxu l-ekonomiji tagħhom b'tali mod li jillimitaw ir-rata ta' żidiet tal-emissjonijiet tagħhom għal livelli li jkunu inqas minn dawk mistennija fil-mudell kummerċjali tas-soltu.

2.7

L-essenza tal-ftehim dinji li qed jaħdmu għalih in-negozjaturi huwa li l-pajjiżi żviluppati jikkommettu ruħhom għal miri u miżuri diffiċli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom stess, u li joffru l-appoġġ finanzjarju u teknoloġiku lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bħala skambju għall-impenji min-naħa tagħhom li jiġġestjonaw it-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom b'tali mod li jrażżnu kemm jista' jkun iż-żieda tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom stess.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Min-naħa tiegħu l-KESE segwa mill-bidu nett kemm il-progress ġenerali tan-negozjati kif ukoll il-pakkett ta' miżuri proposti mill-Kummissjoni sabiex l-UE tkun tista' tonora l-impenji li ħadet. Sabiex ikun jista' jsegwi sew in-negozjati, il-Kumitat bagħat delegazzjoni żgħira f'isem is-soċjetà ċivili Ewropea bħala parti mid-delegazzjonijiet tal-UE fil-Konferenza ta' Bali tal-Partijiet għall-Konvenzjoni u għal-laqgħa intersessjonali sussegwenti ta' Bonn. Barra minn hekk, il-KESE qed juża l-kuntatti tiegħu mal-organizzjazzjonijiet u l-gruppi tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi prinċipali oħra sabiex jesplora iktar il-pożizzjonijiet li qegħdin jieħdu, u r-rwol li tista' taqdi s-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim.

3.2

Il-Kumitat qed janalizza mill-ġdid l-elementi separati li jinsabu fil-pakkett tal-Kummissjoni dwar il-klima u l-enerġija f'għadd ta' opinjonijiet separati li nġabru fil-qosor bir-referenzi f'din l-opinjoni ġenerali. F'din il-ħarsa ġenerali fuq inizjattiva proprja, il-Kumitat bħalissa qiegħed janalizza mill-ġdid il-progress u l-prospetti tan-negozjati b'mod ġenerali, u r-rwol li qed taqdi l-Ewropa. Wara l-adozzjoni tal-opinjoni, il-Kumitat beħsiebu jorganizza avvenimenti sekondarji matul il-laqgħat tan-negozjati li għandhom isiru f'Poznan f'Diċembru 2008 u f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 biex jgħinu lis-soċjetà ċivili twieġeb u tirrelata man-negozjati li għaddejjin.

3.3

Il-pjan direzzjonali għan-negozjati, li nftiehem f'Bali, identifika erba' elementi bażiċi għan-negozjati:

l-impenji għall-miri u l-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 u jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-bidla fil-klima,

il-miżuri għall-ġestjoni tal-adattament għall-bidla fil-klima li ma jistax jiġi evitat,

il-miżuri għall-appoġġ tat-trasferiment tat-teknoloġija u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla fil-klima,

it-twaqqif ta' arranġamenti finanzjarji adattati għall-appoġġ tal-mitigazzjoni u l-miżuri għall-adattament, it-trasferiment tat-teknoloġija, eċċ.

3.4

Il-kummenti f'din l-opinjoni huma msejsa fuq dawn l-erba' elementi bażiċi.

4.   Mitigazzjoni msaħħa tal-bidla fil-klima permezz tal-limitazzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet (Element bażiku 1)

4.1

Miri. Il-Kumitat jaqbel mal-analiżi tal-IPCC li t-tnaqqis tal-emissjonijiet li jvarjaw bejn 25 % u 40 % taħt il-livelli tal-1990 mill-pajjiżi żviluppati huwa livell xieraq ta' ambizzjoni għall-miri stabbiliti għall-2020. Tnaqqis addizzjonali sal-2020 issa għandu mnejn ma jkunx fattibbli.

4.2

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni ewlenija li l-UE ħadet fin-negozjati. Nifirħu bl-inizjattiva li wriet l-UE meta daħlet għall-impenn, b'mod unilaterali, li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'20 % sabiex tagħti spinta lin-negozjati. Iżda naħsbu li l-isfida tal-bidla fil-klima tant hija serja li għandu jsir kull sforz sabiex jinkiseb it-tnaqqis ta' 30 % li ġie offrut kondizzjonalment għall-2020, u sabiex matul in-negozjati nipprovaw niksbu impenji komparabbli minn pajjiżi oħra żviluppati, b'impenji sinifikattivi wkoll mill-ekonomiji li qed jinħolqu fejn l-emissjonijiet qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla.

4.3

Jekk in-negozjati jirriżultaw biss f'impenn ta' 20 % mill-UE, b'impenji relattivament modesti minn pajjiżi oħrajn, fil-fehma tagħna dan ikun nuqqas serju.

4.4

Implimentazzjoni. Għall-UE, l-impenji proposti mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha dwar il-klima u l-enerġija jirrappreżentaw pjan ta' implimentazzjoni pożittiv u kostruttiv ħafna sabiex l-Ewropa tkun tista' tilħaq il-mira tagħha tat-tnaqqis ta' 20 % sal-2020. Il-Kumitat ħejja opinjonijiet separati dwar kull element ta' dan il-pjan. Fil-qosor, aħna nappoġġjaw l-elementi kollha tal-pjan soġġetti għall-kummenti li ġejjin:

nappoġġjaw ir-riformi proposti u l-estensjoni tal-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. L-issikkar tal-limitu u l-użu iktar mifrux tal-irkant tal-permessi huwa tajjeb billi jikkonforma mal-prinċipji li min iniġġes iħallas, jevita l-profitti ta' bla ħsieb, jagħti inċentivi u jiffinanzja l-installazzjonijiet u l-prodotti b'livell ta' karbonju baxx u jrawwem l-innovazzjoni. Madankollu, fil-kuntest tal-iskala ta' investiment ta' trasformazzjoni meħtieġa kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inħeġġu li tal-inqas 50 % tad-dħul mill-irkant tal-permessi għandu jinżamm għall-appoġġ tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u għall-miżuri ta' adattament iktar milli l-20 % propost mill-Kummissjoni (1). Nilqgħu wkoll id-deċiżjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew għall-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-2012 'il quddiem,

nappoġġjaw id-direzzjoni tal-proposti għall-piż konġunt għas-setturi mhux kummerċjali u nħeġġu lill-istituzzjonijiet sabiex ma jnaqqsux l-għan globali matul id-diskussjonijiet dettaljati tagħhom dwar il-bażi għall-qsim tal-miri f'dan is-settur (2),

nappoġġjaw bil-qawwa l-passi lejn progress b'rata mgħaġġla relatat mas-sorsi rinnovabbli. Il-ksib ta' 20 % ta' sorsi rinnovabbli sal-2020 jkun pass ewlieni tajjeb lejn iż-żieda qawwija fl-użu tagħhom sal-2050 (3),

jiddispjaċina li l-kwistjoni kruċjali tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fejn il-mira ta' żieda ta' 20 % sal-2020 mhijiex obbligatorja, jidher li qed tingħata inqas prominenza milli jistħoqqilha. Dan jidher ċar mir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Użu Effiċjenti tal-Enerġija. Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma fasslux il-pjanijiet nazzjonali tagħhom fil-ħin, il-pjanijiet ivarjaw fil-kwalità, u fil-każ ta' xi wħud minnhom huwa ċar li m'għandhomx biżżejjed ambizzjoni għalkemm hemm ħafna qligħ xi jsir b'investiment inizjali relattivament baxx u bi ħlas lura fuq perijodu qasir ħafna (4),

filwaqt li nilqgħu l-qafas leġiżlattiv għall-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju propost mill-Kummissjoni, qed nibżgħu li l-fondi għall-proġetti ta' dimostrazzjoni previsti ser ikunu disponibbli biss b'rata insuffiċjenti u li l-progress lejn l-implimentazzjoni fuq skala industrijali ser ikun bil-mod wisq, għalkemm ser ikun tal-ikbar importanza jekk xi pajjiżi jkunu obbligati jiddependu sostanzjalment mill-faħam u sorsi ta' karburant fossilu għal ħafna snin (5).

4.5

L-Unjoni Ewropea abbinat ħafna fiduċja u kapital politiku mal-idea li l-mekkaniżmu tal-limitu u l-kwoti jsir mezz ewlieni li jassigura t-tnaqqis tal-emissjonijiet li ser jinħtieġ. Is-Sistema Ewropea tal-Iskambju tal-Kwoti ta' Emissjonijiet diġà saret l-ikbar sistema dinjija għall-iskambju tal-kwoti u hija mistennija tkompli tikber wara l-2012. Fil-bidu, is-sistema kellha biss impatt limitat fuq l-emissjonijiet Ewropej billi l-limiti u l-allokazzjonijiet ġenerużi tal-bidu wasslu għal prezz tal-karbonju baxx ħafna. Hekk kif il-limiti saru iktar stretti, il-prezz tal-karbonju għola u flimkien ma' fatturi oħrajn li għollew il-prezz tal-karburanti fossili x'aktarx ikun hemm iktar impatt fuq il-produzzjoni tal-elettriku u industriji oħrajn fl-Ewropa.

4.6

B'mod ġenerali nemmnu li t-tisħiħ tas-sistema tal-iskambju tal-karbonju ser ikollu effett pożittiv fuq l-intrapriżi u l-impjiegi Ewropej billi jħeġġeġ l-iżvilupp mgħaġġel ta' proċessi u prodotti iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju li jkunu minn ta' quddiem fis-swieq tal-ġejjieni. Dan ma jwassalx biss għal iżjed impjiegi, iżda wkoll għal inqas dipendenza mill-importazzjoni u b'hekk iktar sigurtà għall-enerġija meħtieġa.

4.7

Filwaqt li l-UE tinsab fil-quċċata ta' dan il-qasam, l-għan ewlieni issa għandu jkun li jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-sistemi tal-iskambju fl-Istati Uniti u pajjiżi oħra u li s-sistemi kollha jingħaqdu f'suq komuni dinji tal-karbonju. L-iżvilupp ta' suq tal-karbonju ġenwinament dinji jista' jaqdi rwol prinċipali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju madwar id-dinja bl-iktar mod effiċjenti u kost-effettiv. Nappoġġjaw bil-qawwi l-inizjattiva ICAP (International Carbon Action Partnership) li tappoġġja d-diversi sistemi ta' skambju fil-partijiet differenti tad-dinja sabiex dawn jiżviluppaw b'mod armonjuż lejn suq dinji uniku. Hekk kif jiġi żviluppat suq internazzjonali tal-karbonju fi ħdan sistema ta' limiti dinjija fuq l-emissjonijiet, għandu jitnaqqas ir-riskju li sistema tal-iskambju li tinkludi biss lill-Ewropa thedded il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa.

4.8

Il-ftehimiet settorjali internazzjonali li jressqu pjanijiet u strateġiji iktar dettaljati biex jassiguraw tnaqqis progressiv fl-emissjonijiet mis-setturi prinċipali konċernati, u mill-prodotti tagħhom, jistgħu jkunu siewja wkoll. Iżda dan għandu jitqies biss bħala mezz ta' appoġġ għall-implimentazzjoni ta' miri sodi mifthiema fil-livell internazzjonali, mhux bħala alternattiva għall-miri nazzjonali vinkolanti, billi l-istorja ta' dawn l-aħħar 20 sena turi li l-ftehimiet settorjali volontarji waħedhom f'dan il-qasam ftit li xejn iwasslu għal riżultati fil-ħin, u huwa impossibbli li jiġu infurzati b'mod effettiv.

4.9

Mil-lat tat-trasport nikkonfermaw il-fehma tagħna li strateġija ta' sostenibbiltà fuq perijodu fit-tul għandha tibda minn analiżi fundamentali mill-ġdid ta' min qed imexxi d-domanda għat-trasport u ta' kif il-politiki dwar l-ippjanar fiżiku, l-infrastruttura u t-trasport pubbliku jistgħu eventwalment ixekklu d-domanda mingħajr trażżin għat-trasport u saħansitra jnaqqsuha. L-ippjanar m'għandux jipproċedi fuq il-bażi li ż-żieda fit-traffiku hija inevitabbli u li l-uniku limitu tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport jinsab fit-titjib tekniku tal-karburant u d-disinn tal-magna — minkejja l-importanza ta' dawn il-fatturi.

4.10

Dwar il-miżuri tekniċi, aħna nemmnu li miri ibsin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karozzi m'għandhomx jiġu stabbiliti fuq perijodu qasir (120g CO2 għal kull kilometru sal-2012/2015), iżda wkoll għall-perijodu intermedju sabiex l-emissjonijiet jitnaqqsu ħafna iktar sal-2020 (6). Fl-istess ħin għandu jingħata appoġġ addizzjonali għall-iżvilupp u l-introduzzjoni bikrija ta' vetturi mingħajr karbonju bi propulsjoni elettrika jew tal-idroġenu.

4.11

M'aħniex entużjasti daqs il-Kummissjoni dwar il-potenzjal li tinkiseb il-mira ta' 10 % għall-bijokarburanti għat-trasport. Fil-kuntest tal-problemi marbuta mal-produzzjoni tal-maġġoranza tal-bijokarburanti rigward it-tnaqqis potenzjali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u l-impatt ambjentali u soċjali tal-produzzjoni tagħhom, jinħtieġu kriterji ta' sostenibbiltà iktar stretti minn dawk proposti mill-Kummissjoni sabiex jiġi assigurat li l-bijokarburanti jkunu introdotti biss fejn ikollhom impatt ġenwin u sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-karbonju, u ma jimponux pressjoni inaċċettabbli fuq l-art agrikola u l-produzzjoni tal-ikel. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi bħalissa juru biċ-ċar li l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana huwa (almenu għalissa u għall-futur qarib) ħafna iktar effiċjenti mill-użu fil-forma ta' bijokarburanti.

4.12

Miżuri addizzjonali sabiex tinkiseb il-mira ta' 30 %. Jekk il-pakkett jista' jiġi adottat sa tmiem l-2008 bl-implimentazzjoni li tibda eżatt fl-2009, nemmnu li dan jipprovdi assigurazzjoni tajba li l-UE tilħaq il-mira tagħha ta' 20 % sal-2020.

4.13

Madankollu, m'aħniex ċerti jekk ikunx possibbli li tinkiseb il-mira ta' tnaqqis ta' 30 % għall-2020 sempliċement bl-issikkar tal-ambizzjonijiet tal-elementi separati tal-pakkett u biż-żieda fl-użu tal-krediti tal-Clean Development Mechanism (CDM), kif il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi attwalment. Nemmnu li sabiex tinkiseb din il-mira iktar ambizzjuża x'aktarx ikun hemm bżonn sensiela ta' miżuri usa' u iktar komprensiva fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri.

4.14

Fil-livell Ewropew, nissuġġerixxu li l-elementi addizzjonali li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati għat-tieni pakkett:

iżjed azzjoni permezz ta' regolamentazzjoni u twaqqif ta' standards għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi u l-prodotti ewlenin kollha,

miżuri addizzjonali sabiex jitħaffu l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli,

appoġġ ikbar għall-iżvilupp ta' vetturi li jużaw l-elettriku jew l-idroġenu,

estensjoni tas-sistema għall-iskambju tal-karbonju sabiex tinkludi emissjonijiet mit-trasport marittimu (ma naħsbux li d-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali huma kapaċi jwasslu għal azzjoni malajr biżżejjed,

iktar sforzi kollettivi sabiex jiġu adottati miri nazzjonali iktar stretti għat-tnaqqis skont il-ftehim tal-isforzi konġunti.

4.15

Fil-livell tal-Istati Membri, sabiex jinkisbu miri individwali iktar stretti skont il-ftehim tal-isforzi konġunti, il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri u l-mexxejja politiċi tagħhom għandhom bżonn jagħmlu ħafna iktar biex iħeġġu liċ-ċittadini, l-intrapriżi, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili jissieħbu u jieħdu sehem fl-isforz komuni.

iċ-ċittadini għandhom jitħeġġu u jingħataw inċentivi sabiex jagħtu sehemhom billi jtejbu l-effiċjenza ta' djarhom u jużaw forom ta' enerġija li jħarsu iktar l-ambjent għad-dawl u t-tisħin, jixtru prodotti u servizzi iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u jnaqqsu l-impatt tal-karbonju tal-ivvjaġġar regolari u l-vaganzi tagħhom. Fil-fehma tagħna diġà hemm għadd dejjem jikber ta' ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma lesti jieħdu l-azzjoni ladarba huma jkollhom tmexxija politika b'saħħitha u effettiva fir-rigward ta' x'inhu mistenni mingħandhom, flimkien ma' inċentivi adattati għall-azzjoni,

ħafna korpi governattivi, lokali u reġjonali, diġà wrew viżjoni u tmexxija politika kuraġġuża rigward din il-kwistjoni. Dawn għandhom jitħeġġu u jingħataw inċentivi sabiex jaħdmu iktar,

bl-istess mod, l-intrapriżi għandhom jingħataw iktar inċentivi sabiex jagħmlu iktar progress. Għandhom jitħeġġu u jingħataw inċentivi sabiex itejbu b'mod kontinwu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-operat tagħhom u sabiex jiksbu l-enerġija tagħhom minn sorsi tal-enerġija bi ftit karbonju. Ir-regolamentazzjoni għandha tintuża b'mod iktar sistematiku u vigoruż sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija ta' kull tip ta' prodott u servizz. L-industrija tal-bini għandha tingħata mandat sabiex tikseb effiċjenza ħafna ogħla fl-użu tal-enerġija kemm fil-proċess tal-kostruzzjoni kif ukoll fil-prestazzjoni tal-bini meta jintuża,

it-trejdjunjins għandhom rwol importanti x'jaqdu wkoll. Ħafna mill-membri tagħhom huma minn tal-ewwel li qed itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tixrid tal-informazzjoni prattika, u l-kontribut potenzjali tagħhom għandu jiġi rikonoxxut u mħeġġeġ. It-trejdjunjins għandhom jaħdmu wkoll bis-sħiħ fil-proċess tat-trasformazzjoni tal-industrija u l-ekonomija fit-triq li twassal għal inqas karbonju. Jekk jitmexxew sewwa, il-forom il-ġodda tal-produzzjoni għandhom jipprovdu opportunitajiet għall-impjieg daqs il-modi antiki ta' ħafna karbonju, filwaqt li jżommu kondizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

4.16

Sabiex tittejjeb il-kredibbiltà tal-UE fil-livell internazzjonali, huwa importanti ferm li kull Stat Membru jagħmel ħiltu sabiex jassigura mhux biss il-mira globali ta' Kyoto għall-UE-15, iżda wkoll li jintlaħqu l-miri individwali ta' Kyoto għall-2012. L-aħħar Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni għall-ksib tal-miri ta' Kyoto (7) jistqarr li tliet Stati Membri biss mill-UE-15 kienu fit-triq it-tajba sabiex jilħqu l-miri tagħhom bil-politiki domestiċi attwali, u li tmienja biss huma mistennija jilħqu l-miri tagħhom meta jitqies l-effett tal-mekkaniżmi ta' Kyoto, il-bjar tal-karbonju u l-politiki u l-miżuri domestiċi addizzjonali, li diġà qegħdin jiġu diskussi. Għal tliet Stati Membri, jidher li huwa impossibbli li jilħqu l-mira tagħhom ta' Kyoto. Barra minn hekk, l-użu estensiv ta' krediti mill-mekkaniżmu flessibbli ta' Kyoto, speċjalment is-CDM, juri li għad fadal ħafna xi jsir għat-trasformazzjoni tant meħtieġa lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju.

5.   Adattament għall-bidla fil-klima (Element bażiku 2)

5.1

Anke jekk tittieħed azzjoni b'suċċess għat-tnaqqis ta' emissjonijiet dinjija fil-ġejjieni, it-tisħin globali huwa mistenni jkompli jiżdied matul l-għexieren ta' snin li ġejjin minħabba l-emissjonijiet li diġà saru. Bħala tweġiba għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima, il-Kumitat diġà ħejja opinjoni (8). Fil-qosor, il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi strateġija ġenerali għall-ġestjoni tal-adattament għall-bidla fil-klima fl-UE, li tħaddan pjanijiet nazzjonali ta' adattament imfassla minn kull Stat Membru. Għandha tingħata iktar prijorità lill-adattament fir-riċerka u l-analiżi, fil-baġits u l-programmi ta' investiment u miżuri oħrajn. Nittamaw li fil-White Paper dwar l-adattament, mistennija fil-ħarifa 2008, il-Kummissjoni tipproponi miżuri dettaljati għall-progress f'dan il-qasam.

5.2

Barra l-UE jeżistu ħafna partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw li diġà ntlaqtu ħafna u ser jintlaqtu saħansitra iktar fil-ġejjieni iżda li għandhom inqas riżorsi sabiex jiffaċċjaw l-impatti. Għaldaqstant, għandha tkun prijorità għolja għall-UE u pajjiżi oħra tal-OECD li jżidu l-għajnuna finanzjarja u ta' tip ieħor lill-partijiet tad-dinja li huma partikularment vulnerabbli sabiex jgħinuhom jiffaċċjaw il-bidla fil-klima. Il-konsiderazzjonijiet marbuta mal-bidla fil-klima għandhom jiġu inkorporati fil-politiki kollha tal-iżvilupp.

5.3

Ser ikun hemm bżonn ukoll sforzi kbar għall-appoġġ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fid-dinja li għadha qed tiżviluppa u li tittrażżan il-pressjoni kummerċjali li qed tkompli tixpruna d-deforestazzjonji fuq skala kbira fis-sistemi tal-klima f'ħafna partijiet tad-dinja. Il-KESE qed iħejji opinjoni separata dwar il-bidla fil-klima u l-forestrija.

6.   Azzjoni dwar l-iżvilupp teknoloġiku u t-trasferiment (Element bażiku 3)

6.1

Sabiex tirnexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, id-dinja għandha tikseb rivoluzzjoni industrijali ġdida. Ser ikun hemm bżonn bidla importanti lejn forom iktar nodfa ta' produzzjoni tal-enerġija, teknoloġija ġdida għall-qbid tal-emissjonijiet tal-karbonju u gassijiet serra oħrajn, u sforz kontinwu għal bidla mit-tendenzi tal-prodotti u l-konsum lejn tendenzi iktar effiċjenti u li jużaw inqas enerġija. Dan ser jeħtieġ żidiet kbar fil-programmi ta' riċerka rilevanti mis-settur pubbliku u privat, u programmi kbar ta' investiment għat-tgħammir mill-ġdid tal-industrija u t-trasformazzjoni tal-prodotti u s-servizzi. Ħafna mit-teknoloġiji meħtieġa diġà jeżistu, iżda l-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun ħafna iktar mifruxa milli hija attwalment.

6.2

Fl-UE, dan ser jeħtieġ bidliet radikali fil-programmi tal-infiq tal-UE u tal-gvernijiet sabiex jiġu appoġġjati r-riċerka, l-iżvilupp u l-investiment xierqa. Ser jinħtieġu wkoll l-inċentivi fiskali u ta' tip ieħor għall-intrapriżi u oħrajn biex isiru l-investimenti neċessarji.

6.3

Ser ikun hemm bżonn li jiġu identifikati t-tipi ta' teknoloġija u servizzi li jgħinu l-iktar lill-ekonomiji li qegħdin jinħolqu u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex imexxu l-iżvilupp kontinwu bl-iktar mod sostenibbli u bl-inqas użu tal-karbonju, u sabiex jappoġġjaw it-trasferiment tiegħu lejn dawk l-ekonomiji b'kondizzjonijiet xierqa. Fejn jiġu identifikati teknoloġiji ġodda li jistgħu jkunu partikularment utli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-adattament għall-bidla fil-klima jew fit-tnaqqis tal-impatt tal-karbonju fuq l-iżvilupp futur tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti mezzi li jgħinu l-introduzzjoni mgħaġġla u mifruxa b'kondizzjonijiet bi prezz raġonevoli. Ta' min jinnota li l-ekonomiji li qegħdin jinħolqu qed jintroduċu u jew jiżviluppaw xi wħud mit-teknoloġiji l-ġodda li ser jinħtieġu. It-trasferiment tat-teknoloġija m'għandux jitqies biss bħala triq f'direzzjoni waħda li tibda fit-Tramuntana u tispiċċa fin-Nofsinhar, iżda bħala kwistjoni li tiffaċilita t-tixrid mgħaġġel tat-teknoloġiji prinċipali madwar id-dinja irrispettivament minn fejn joriġinaw.

6.4

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE sabiex flimkien mal-imsieħba tagħha tesplora minnufih kif l-iktar teknoloġija avvanzata tal-effiċjenza fil-karbonju tista' ssir disponibbli għad-dinja li qed tiżviluppa b'kondizzjonijiet bi prezz raġonevoli, inkluż b'mod partikulari t-teknoloġija tas-settur tal-elettriku, l-industriji li jużaw ħafna enerġija, is-settur tat-trasport, u hekk kif issir disponibbli mil-lat teknoloġiku, l-iżolament tal-karbonju. Pajjiżi li kapaċi jibqgħu jiddependu ħafna mill-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku ser ikollhom bżonn l-għajnuna biex jużaw l-iktar teknoloġija avvanzata u nadifa, u biex jintroduċu t-teknoloġija tal-qbid tal-karbonju meta din tkun disponibbli fis-suq.

6.5

Bis-saħħa ta' għajnuna bħal din għat-trasferiment tat-teknoloġija, il-pajjiżi konċernati li qegħdin jiżviluppaw għandhom ikunu jistgħu jmexxu l-iżvilupp tagħhom b'inqas emissjonijiet tal-karbonju. Ikun raġonevoli li din l-għajnuna tingħata, sa ċertu punt, bil-patt u l-kondizzjoni li l-pajjiżi żviluppati konċernati jidħlu għal impenji xierqa li huma stess se jieħdu miżuri oħra sabiex jillimitaw iż-żieda potenzjali fl-emissjonijiet tagħhom.

6.6

Fl-istess żmien tan-negozjati dwar il-klima, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jibdew inizjattiva ġdida biex jiksbu l-liberalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jħarsu l-ambjent fil-qafas tad-WTO. Din l-inizjattiva għandha titfassal b'tali mod li l-pajjiżi żviluppati, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-ekonomiji li qegħdin jinħolqu lkoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn liberalizzazzjoni ta' dan it-tip, pereżempju, billi jrawmu l-iżvilupp (addizzjonali) ta' teknoloġiji u servizzi ambjentali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

7.   Żieda fil-finanzi u l-investiment għall-appoġġ tal-mitigazzjoni u l-adattament (Element bażiku 4)

7.1

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ser ikollhom bżonn għajnuna kbira mid-dinja żviluppata sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-isfida tal-bidla fil-klima mingħajr ma jikkompromettu l-miri tal-iżvilupp. Ser ikun importanti immens li wieħed jassigura li t-triq futura tal-iżvilupp fid-dinja li għadha qed tiżviluppa jkollha l-inqas emissjonijiet possibbli tal-karbonju, u ma twassalx mill-ġdid għad-dipendenza eċċessiva mill-produzzjoni b'livell għoli ta' karbonju li kkaratterizzat (u rrovinat) l-iżvilupp fit-Tramuntana.

7.2

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma l-iktar milquta mill-bidla fil-klima u l-inqas li għandhom riżorsi proprji għall-adattament ser ikollhom bżonn ukoll għajnuna addizzjonali. Ser jeħtieġu programmi mtejba għad-difiża tal-kosta, il-prevenzjoni tal-għargħar, it-taffija tan-nuqqas ta' xita, l-ippjanar mill-ġdid tal-agrikoltura, il-bżonnijiet il-ġodda fil-qasam tas-saħħa pubblika u kwistjonijiet oħra.

7.3

Il-Kumitat jilqa' r-rikonoxximent f'Bali mill-pajjiżi kollha li għal dan it-trasferiment ser jinħtieġu riżorsi kif ukoll kanali u mekkaniżmi tal-investiment addizzjonali ġodda. Madankollu, minbarra f'xi eċċezzjonijiet, id-dinja żviluppata m'għandhiex fama tajba li twettaq il-wegħdiet tagħha tal-passat biex tipprovdi riżorsi addizzjonali għall-miri tal-iżvilupp sostenibbli. F'din l-okkażjoni huwa essenzjali għad-dinja kollha li jiġu applikati riżorsi ġenwinament addizzjonali.

7.4

Il-Kumitat innota l-istimi mill-UNFCCC u oħrajn li jindikaw li r-riżorsi ta' xi mijiet ta' biljuni ta' dollari jistgħu jkunu meħtieġa kull sena mis-settur pubbliku u privat flimkien meta l-programmi jkunu stabbiliti sew. Huma jirrakkomandaw li f'kull każ għandhom jittieħdu passi urġenti mill-UNFCCC, il-Kummissjoni u/jew l-OECD u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali sabiex jikkwantifikaw il-ħtiġijiet b'mod iktar preċiż u jassiguraw il-wegħdiet u l-impenji meħtieġa biex ikunu jistgħu jinkisbu l-fondi adegwati u biex il-programmi li jintgħażlu jkun jista' jkollhom impatt deċiżiv fuq il-problema globali tal-bidla fil-klima. Il-qligħ mill-irkant tal-allokazzjonijiet taħt fażijiet futuri tal-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet jista' jkun wieħed mis-sorsi ta' fondi ġodda iżda, x'aktarx, waħdu ma jkunx biżżejjed għal dak kollu li jrid isir.

7.5

Is-CDM irnexxielu jgħaddi xi riżorsi ġodda għall-appoġġ ta' investimenti adattati fil-pajjiżi mhux inklużi f'Anness I. Iżda t-tqassim tal-proġetti kien żbilanċjat ħafna favur iċ-Ċina u ekonomiji oħrajn li qed jinħolqu, u kien hemm dubji serji dwar l-addizzjonalità u l-kwalità ta' ħafna mill-proġetti. Huwa essenzjali li l-kriterji biex jiġu aċċettati l-proġetti jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod effettiv sabiex il-mekkaniżmu jkun jista' jaqdi r-rwol tiegħu li jassigura li t-tnaqqis ġenwin tal-karbonju jinkiseb bl-iktar mod effiċjenti possibbli.

7.6

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-UE u pajjiżi oħra konċernati għandhom jesploraw minnufih kif id-difetti tal-iskema jistgħu jiġu eliminati fil-perijodu li jmiss, u l-programm kollu jiġi stabbilit sew. Fil-ġejjieni, is-CDM għandu jagħti prijorità lill-proġetti li jagħtu kontribut sinifikanti mhux biss biex inaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll biex irawmu t-trasformazzjoni lejn ekonomiji b'livell baxx ta' karbonju. B'mod partikulari, fl-ekonomiji li qed jinħolqu, ma jidhirx utli li nkomplu niffinanzjaw proġetti sempliċi għall-użu effiċjenti tal-enerġija (“low-hanging fruit”) li f'kull każ isir mill-pajjiż. Għal dawn il-pajjiżi s-“CDMs settorjali” — li jistgħu jiġu kombinati ma' miri mingħajr riskju (9) — jistgħu jkunu għażla fattibbli.

7.7

Il-ħafna investiment mis-settur privat fil-produzzjoni b'inqas karbonju ser ikun essenzjali fil-partijiet kollha tad-dinja. Il-miżuri li jittieħdu mill-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jiprruvaw joffru, b'mod partikulari, inċentivi lis-settur privat sabiex jagħmel investimenti ta' dan it-tip.

7.8

L-ispejjeż u l-investimenti meħtieġa ser jitilgħu għal triljuni ta' dollari matul il-ħamsin sena li ġejjin. Dawn huma somom kbar. Madankollu, investiment bħal dan diġà qed isir bżonnjuż ladarba l-provvisti globali tal-karburanti fossili qed isiru iktar ristretti u l-prezzijiet jogħlew. Għaldaqstant, apparti l-bidla fil-klima, qed isir iktar importanti mil-lat ekonomiku li niddiversifikaw mill-karburanti fossili u nużaw ir-riżorsi li fadal b'mod iktar effiċjenti. Anke l-konsiderazzjonijiet tas-sigurtà jippuntaw lejn l-istess direzzjoni, billi kemm l-iskarsezza tal-karburanti fossili u l-bidliet fil-klima attwali qegħdin jikkawżaw l-instabbiltà u l-kunflitti f'ħafna partijiet tad-dinja.

7.9

Minn dan il-lat, il-bżonn li nirrispondu minnufih għat-theddida tal-bidla fil-klima ma jirrappreżentax piż addizzjonali fuq l-ekonomija dinjija iżda sempliċement raġuni b'saħħitha addizzjonali biex ngħaddu malajr għat-trasformazzjoni ekonomika u industrijali li, fi kwalunkwe każ, hija meħtieġa. Meta l-prezz taż-żejt kien $60 l-barmil, fl-analiżi ta' Stern ġie stmat li l-ispiża tal-miżuri meħtieġa matul il-ħamsin sena li ġejjin biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima tista' titla' għal 1 % tal-PGD dinji. Bil-prezz taż-żejt li bħalissa huwa ħafna iktar minn $ 100 l-barmil, l-investiment fis-sorsi rinnovabbli u l-miżuri ta' effiċjenza ta' kull tip diġà qegħdin jidhru ħafna iktar attraenti mill-perspettiva kummerċjali. Bl-istess raġunament, l-ispejjeż addizzjonali netti tal-miżuri meħtieġa biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima x'aktarx ikunu ħafna inqas, u f'ċerti applikazzjonijiet jistgħu saħansitra jsiru negattivi li jfisser li azzjoni effettiva fuq il-bidla fil-klima fil-fatt ser tirrappreżenta benefiċċju nett għall-ekonomija globali matul is-snin li ġejjin.

7.10

Għaldaqstant, tweġiba xierqa għall-isfida tal-klima m'għandhiex titqies bħala obbligu vast, depressanti u ta' piż qawwi li ser ixekkel it-tkabbir ekonomiku iżda bħala opportunità biex inkunu minn ta' quddiem nett fir-rivoluzzjoni ekonomika u industrijali. L-UE ilha minn ta' quddiem nett fid-dibattitu politiku dwar il-bidla fil-klima. Iżda għad trid tagħmel iktar biex tikkonverti dik il-pożizzjoni ta' politika li tħares 'il quddiem f'ambjent kummerċjali li huwa daqstant attiv u vigoruż li jqanqal lill-intrapriżi u s-soċjetajiet tagħna jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex isiru mexxejja globali u rebbieħa kompetittivi fl-ekonomija tal-ġejjieni b'livell baxx ta' karbonju.

7.11

Xi kummentaturi semmew il-bżonn ta' Pjan Marshall ġdid, u nirrakkommandaw dan l-eżempju parallel bħala miżura tal-iskala tal-isfida u l-isforz li ser jinħtieġ. Għandna bżonn viżjoni fuq l-iskala ta' Marshall dwar kif il-pajjiżi tad-dinja jistgħu jingħaqdu fil-konfront ta' periklu dinji komuni, bl-iktar pajjiżi b'saħħithom u li għandhom l-iktar riżorsi juru t-triq li għandna quddiemna u jgħinu lill-oħrajn bl-iktar mod ġeneruż possibbli.

7.12

Hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-korpi pubbliċi u nazzjonali ta' kull tip f'kull livell, mill-intrapriżi ta' kull xorta u mill-konsumaturi u ċ-ċittadini.

8.   Konklużjonijiet

8.1

Il-bidla fil-klima diġà qed isseħħ u qed ikollha impatti ħarxa madwar id-dinja kollha. Dawn il-problemi mistennija jiħraxu fis-snin li ġejjin billi l-konċentrazzjoni ta' gassijiet serra qed tiżdied u t-temperaturi qed jogħlew b'rata iktar mgħaġġla. Id-dinja teħtieġ azzjoni minnufih sabiex jiġu stipulati u implimentati l-objettivi eżiġenti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2020, li ser iwasslu għal tnaqqis ulterjuri fis-snin ta' wara. Iktar kemm jitnaqqsu malajr l-emissjonijiet, iktar jagħmlu ġid fit-tnaqqis tar-rata li biha qed tiżdied it-temperatura.

8.2

Il-pajjiżi żviluppati għandhom aktar emissjonijiet per capita mill-bqija tad-dinja u jinħtieġ li jirregolaw l-ambizzjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom sabiex inaqqsuhom. L-Ewropa għandha tiżgura li twettaq l-impenji attwali tagħha għall-2012 u li wara timpenja ruħha għal tnaqqis ta' 30 % sal-2020 — fil-parti iktar għolja tal-iskala tagħha. Biex tkun kredibbli fl-ambizzjonijiet tagħha teħtieġ pakkett addizzjonali ta' miżuri kredibbli u realistiċi li jiżguraw li tista' tilħaq dawn il-miri, u li tkun tista' tippjana minn issa għal tnaqqis ulterjuri li ser ikun meħtieġ lil hinn mill-2020.

8.3

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom jiġu involuti wkoll, u għandu jsir sforz partikulari sabiex is-setturi li l-iktar jikkunsmaw enerġija fl-ekonomiji emerġenti jkunu mgħammra bl-iktar sistemi ta' produzzjoni effiċjenti f'termini ta' enerġija u li l-inqas li jarmu karbonju. Ser jeħtieġu għajnuna mdaqqsa u ffokata min-naħa tad-dinja żviluppata.

8.4

Il-parametri tal-ftehim dinji li għandu jinbena fin-negozjati internazzjonali matul it-tmintax-il xahar li ġejjin għandhom jiġu stabbiliti kemm jista' jkun malajr ħalli l-isforz politiku imbagħad ikun jista' jiffoka fuq il-komunikazzjoni tal-isfida u l-bini tal-appoġġ, il-fiduċja u l-impenn mill-partijiet kollha tas-soċjetà fid-dinja kollha għall-bidliet prinċipali li għandhom isiru. Dan mhuwiex xi ftehim li jista' jsir wara l-bibien magħluqa — il-partijiet kollha tas-soċjetà jridu jiġu involuti. Jenħtieġ li l-miżuri ta' tnaqqis jintwerew bħala realistiċi, ekonomikament u soċjalment kredibbli u fattibbli fil-qafas ta' żmien stipulat.

8.5

It-trasformazzjoni dinjija meħtieġa hija komparabbli fid-daqs mar-revoluzzjoni industrijali taż-żewġ sekli li għaddew li utilizzat l-enerġija fil-karburanti fossili sabiex jintlaħqu żidiet enormi fil-kapaċità produttiva u l-produzzjoni tas-soċjetà tal-bniedem. Id-dinja issa teħtieġ it-tieni rivoluzzjoni industrijali sabiex jiġu sostitwiti forom oħra tal-enerġija minflok il-karburanti fossili, bil-għan li tiġi massimizzata l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u b'hekk inkunu kapaċi nilħqu livelli ta' produzzjoni u tkabbir li huma komparabbli mingħajr ma ntaqqlu l-atmosfera b'livelli mhux sostenibbli ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra. Hemm bżonn investiment kbir; ser ikollhom isiru bidliet xierqa u ffokati fir-regolamentazzjoni, fit-taxxi u strumenti ekonomiċi oħrajn; ser ikun hemm bżonn ta' bidliet sinifikanti fl-imġiba ekonomika u l-istil ta' ħajja individwali. Kulħadd irid jifhem l-isfida u jkun involut fil-bidliet meħtieġa.

Brussell, is-17 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE, CESE 1201/2008, adottata fid-9 ta' Lulju 2008.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE, CESE 1202/2008, adottata fid-9 ta' Lulju 2008.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE 1511/08 adottata fis-17 ta' Settembru 2008.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE 1513/08 adottata fis-17 ta' Settembru 2008.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE, CESE 1203/2008, adottata fid-9 ta' Lulju 2008.

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KESE 1500/08 adottata fis-17 ta' Settembru 2008.

(7)  COM (2007) 757 finali.

(8)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 38.

(9)  Miri mingħajr riskji: wegħda għat-tnaqqis ta' emissjonijiet b'ċertu ammont; mingħajr penali jekk ma tintlaħaqx il-mira, iżda bil-possibbiltà li jinbigħu l-krediti jekk it-tnaqqis imur lil hinn mill-wegħda.


Top