EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1530

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija UE-Afrika

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/148


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija UE-Afrika

(2009/C 77/32)

F'ittra ddatata l-11 ta' Lulju 2007, il-Kummissarju Louis Michel, Kummissarju għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

“L-Istrateġija UE-Afrika”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Dantin.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru (seduta tat-18 ta' Settembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'89 vot favur, l-ebda vot kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-kuntest globalizzat tas-seklu l-ġdid, hemm bżonn ta' evoluzzjoni konsiderevoli tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika, billi nitgħallmu mill-esperjenzi tal-passat u b'mod partikulari billi naħdmu għal sħubija bbażata fuq drittijiet u dmirijiet ugawli. Wara snin sħaħ ta' kooperazzjoni u ta' għajnuna għall-iżvilupp, il-faqar estrem tal-Afrika qed jaggrava u jiħrax. Il-frott ta' tkabbir li mexa f'direzzjoni ħażina, ikkaratterizzat minn livell baxx ta' impjiegi ġodda, ma nxteridx b'mod ugwali u b'hekk żdiedu l-inugwaljanzi. Iktar minn 55 % tal-popolazzjoni tal-Afrika sub-Saħarjana tgħix b'inqas minn dollaru fil-ġurnata, madwar 70 % tal-għadd totali tal-impjiegi huma impjiegi informali u ta' sussistenza u aktar minn 57 % minnhom huma impjiegi fis-settur tal-agrikoltura. Dan kollu juri nuqqas drammatiku ta' impjiegi deċenti u produttivi.

1.2

Il-kwistjoni hija importanti ħafna għall-iżvilupp u l-istabbiltà tal-kontinent Afrikan, iżda hija importanti wkoll għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew u l-kapaċità tiegħu li joħloq tkabbir sostenibbli.

1.3

Il-politiki tal-iżvilupp li ġew implimentati s'issa mill-Unjoni Ewropea, li kienu r-riżultat ta' diversi ftehimiet (Lomé, Yaoundé, Cotonou), u l-fondi ddedikati għalihom ma kisbux ir-riżultat mixtieq, b'mod speċjali fir-rigward tal-ħolqien ta' xogħol deċenti. Is-sitwazzjoni ma tistax tibqa' kif inhi. Jeħtieġ li jsir tibdil, u għalhekk il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tas-summit UE-Afrika li sar f'Liżbona fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2007.

1.3.1

Jilqa' b'mod partikulari l-fatt li l-kwistjoni tal-impjiegi ġiet ikkunsidrata b'mod trasversali.

1.4

Fil-fatt il-KESE jqis li l-ħolqien ta' impjiegi deċenti huwa importanti ħafna għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tal-faqar, hekk kif huwa importanti wkoll għall-integrazzjoni soċjali u għall-iżvilupp ta' ħajja dinjituża, kollha elementi meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-estremiżmu u l-kunflitti u tiżdied l-istabbiltà meħtieġa f'dawn l-Istati.

1.5

Sabiex jiġi żviluppat l-impjieg deċenti, il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta' azzjoni msejsa fuq il-parametri msemmija f'din l-opinjoni, li minkejja li huma tant differenti, huma marbuta b'sinerġiji b'saħħithom li jiġġeneraw l-azzjoni reċiproka u li flimkien jikkostitwixxu politika unika.

1.5.1

It-tkabbir ibbażat essenzjalment fuq l-użu tar-riżorsi naturali, ftit li xejn ħoloq impjiegi ġodda. Għalhekk jeħtieġ li t-tkabbir jerġa' jibda jinbena fuq l-ipproċessar primarju jew fuq il-prodotti finali. Dan għandu jkun l-għan tal-invenstimenti li jsiru, jiġifieri li tingħata importanza partikulari lis-setturi li għandhom livell għoli ta' valur miżjud.

1.5.2

Is-settur privat għandu importanza kapitali u permezz tiegħu l-SMEs ukoll. L-iżvilupp tal-SMEs għandu jsir wieħed mill-elementi ċentrali tal-politika ta' kooperazzjoni tal-UE.

1.5.3

Iż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-materja prima hija raġuni oħra għalfejn is-settur agrikolu għandu jsir prijorità tal-iżvilupp strateġiku. Billi l-agrikoltura tokkupa parti importanti tat-territorju u tal-popolazzjoni rurali, hija għandha tikkontribwixxi għall-awtosuffiċjenza alimentari, għall-iżvilupp ta' industrija tal-ipproċessar u wkoll biex tnaqqas ir-ritmu li bih il-popolazzjoni qiegħda titlaq miż-żoni rurali.

Jeħtieġ li tiġi ppjanata politika agrikola fuq perjodu ta' żmien qasir u medju kif ukoll fit-tul, u l-prijorità għandha tkun l-istabbiliment ta' baġit għall-implimentazzjoni tagħha. It-tfassil ta' din il-politika għandu jsir flimkien mal-organizzazzjonijiet agrikoli.

1.5.4

L-iżvilupp tar-riżorsi umani huwa fattur indispensabbli ta' kull strateġija tal-iżvilupp. Jeħtieġ li minn issa 'l quddiem issir analiżi tal-ħtiġijiet f'termini ta' impjieg u tas-suq tax-xogħol, isiru previżjonijiet u jkunu antiċipati l-isfidi ewlenin marbuta mal-adattament tat-taħriġ vokazzjonali għall-impjieg.

1.5.5

Filwaqt li sar progress notevoli fil-qasam tal-integrazzjoni reġjonali u sotto-reġjonali, il-potenzjal kummerċjali għadu ma ġiex sfruttat. Il-miżuri għandhom jiġu kkoordinati b'tali mod li jarmonizzaw il-proċeduri doganali, itejbu l-infrastruttura u jiżguraw il-moviment ħieles taċ-ċittadini. Minn dan il-lat, il-Kumitat jiddispjaċih li sal-lum għadhom ma ġewx konklużi n-negozjati reġjonali tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika li fost l-għanijiet tagħhom jinkludu l-integrazzjoni reġjonali.

1.5.6

Id-djalogu soċjali għandu jakkumpanja u jtejjeb kull politika tal-iżvilupp, partikularment permezz tan-negozjar kollettiv. Għalhekk jeħtieġ li jinħolqu jew jiġu żviluppati organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema b'saħħithom u indipendenti.

1.5.7

Il-parteċipazzjoni tal-atturi non-statali hija importanti ħafna għall-iżvilupp tal-impjiegi u għalhekk għandha titpoġġa fil-qalba tal-istrateġija komuni UE-Afrika. L-atturi non-statali għandhom jiġu integrati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali.

1.5.8

Il-fiduċja tal-investituri tiddependi ħafna fuq “il-gvernanza tajba”. Minn din il-perspettiva, hija essenzjali għall-impjieg. Dan il-prinċipju għandu jitqies fit-totalità tiegħu u jinkludi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema — fosthom il-libertajiet tat-trade unions — l-istandards tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dwar dan l-aħħar punt, l-UE u l-Istati Membri għandhom jallokaw l-għajnuna finanzjarja tagħhom bil-kundizzjoni li l-użu tagħha jkun traċċabbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

F'ittra ddatata l-11 ta' Lulju 2007, il-Kummissarju Louis Michel, Kummissarju għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar il-kwistjonijiet differenti li ħarġu mill-Komunikazzjoni intitolata “Mill-Kajr għal Liżbona — is-sħubija UE-Afrika”, b'mod partikulari l-kwistjoni ta' kif jista' jitnaqqas id-defiċit tal-impjiegi fl-Afrika.

2.2

Il-KESE jilqa' din it-talba, li fil-qafas tal-politiki ta' żvilupp li ġew implimentati fl-Afrika għal għexieren ta' snin, tqajjem mistoqsijiet ġodda dwar is-sitwazzjoni fil-ġejjieni b'referenza għad-deċiżjonijiet tas-summit UE-Afrika li jinsabu fid-dikjarazzjoni intitolata Is-Sħubija Strateġika, u li huma akkumpanjati mill-Ewwel Pjan ta' Azzjoni (2008-2010) maħsub għall-implimentazzjoni tagħha.

2.3

Bil-konsultazzjoni tal-Kumitat dwar it-tema tal-impjiegi, il-Kummissjoni qed tagħmilha ċara li hija identifikat l-impjieg bħala objettiv primarju tal-politika tagħha tal-iżvilupp, kif ukoll li l-atturi ekonomiċi u soċjali għandhom rwol x'jaqdu fl-eradikazzjoni tal-faqar permezz tal-ħolqien ta' impjiegi deċenti. Il-KESE jinsab sodisfatt b'dan.

Il-Kumitat ta ħarsa ħafifa lejn il-politiki preċedenti u r-riżultati tagħhom u kkunsidra wkoll is-sitwazzjoni attwali tal-Afrika u l-politiki futuri tagħha. Fid-dawl ta' dan, din l-opinjoni ser tenfasizza l-azzjonijiet essenzjali li, skont il-Kumitat, għandhom jitwettqu sabiex jingħata kontribut għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti. Din ir-riċerka ser tikkunsidra l-linji gwida u l-pjan ta' azzjoni li ġew adottati matul is-summit UE-Afrika li sar fit-8 u fid-9 ta' Diċembru 2007 f'Liżbona. Biex tkun tista' tagħmel dan, ser tibbaża ruħha, b'mod partikulari, fuq ix-xogħlijiet preċedenti tal-KESE li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-Afrika (1).

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

L-Afrika hija kontinet eteroġenu. Hija magħmula minn Stati li ħafna minnhom huma differenti minn xulxin kemm f'termini ta' storja kif ukoll ta' kultura, etniċità, riżorsi naturali (minerali, żejt, djamanti), klima u saħansitra ta' demokrazija, tmexxija tajba u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. Dawn id-differenzi irriżultaw f'livelli ekonomiċi u soċjali varji. Għalhekk wieħed għandu jfittex li jifhem u jħares lejn il-kontinent b'attenzjoni kbira f'sens globali u uniku. Madanakollu jibqa' l-fatt li l-pajjiżi ta' dan il-kontinent jaqsmu ċertu għadd ta' karatteristiċi b'mod partikulari fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom mal-Ewropa, jekk hux dawk tal-passat jew dawk tal-ġejjieni jew aħjar storja komuni, li ser tagħti lok għal ġejjieni komuni fi ħdan moviment magħqud għall-bidla.

3.2

Fil-kuntest globalizzat tas-seklu l-ġdid, jeżisti l-bżonn ta' evoluzzjoni konsiderevoli fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika, billi nitgħallmu mill-esperjenzi tal-passat. Din l-evoluzzjoni għandha tinbena fuq ir-realizzazzjoni li jeħtieġ li jitfassal ġejjieni komuni li għandu jkun ibbażat fuq l-isfidi u r-riskji komuni u loġika ta' interessi reċiproċi, aktar milli fuq storja komuni qasira, mogħdrija jew lealtà, u dan bir-riskju li ċerti msieħba, f'kull wieħed miż-żewġ kontinenti, ikollhom jaffaċċjaw il-kontradizzjonijiet tagħhom.

3.3

Il-kwistjoni hija importanti ħafna. Ħmistax-il kilometru lilhinn mit-territorju Ewropew, il-kontinent Afrikan huwa t-territorju li jiġbor fih “ir-riskji ewlenin” kollha tad-dinja tal-lum: immigrazzjoni bla kontroll, epidemiji ġodda, katastrofijiet klimatiċi u ambjentali u theddid terroristiku. Iżda huwa wkoll il-kontinent bl-ikbar potenzjal, kemm f'dak li jikkonċerna r-riżorsi naturali kif ukoll f'termini tad-domanda prevista tal-konsum u tal-investiment.

3.4

L-Unjoni Ewropea hija bla dubju l-imsieħeb ekonomiku ewlieni tal-kontinent Afrikan u wkoll id-donatur ewlieni tiegħu. Iżda dan il-monopolju storiku qed jiddgħajjef kemm mill-azzjoni tal-“finanzjaturi emerġenti” — l-ewwel iċ-Ċina, iżda wkoll l-Indja, il-pajjiżi l-kbar tal-Amerika Latina, il-monarkiji tal-Golf, l-Iran — kif ukoll mir-ritorn tal-Istati Uniti, li l-ħsieb tagħhom huwa li jippreservaw is-sikurezza tal-provvisti tagħhom tal-enerġija, li jopponu t-theddida tat-terroriżmu, li jwessgħu t-territorju li fih ser jitwasslu l-valuri Kristjani u tad-demokrazija, u li jopponu l-involviment taċ-Ċina, li qiegħed jinkwetahom (2).

3.5

Mil-lum 'il quddiem, is-sigurtà tal-kontinent Ewropew, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jippreserva t-tkabbir sostenibbli, ser jiddependu, b'mod strett u immedjat, mill-iżvilupp u l-istabbiltà tal-kontinent Afrikan. Fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, l-Ewropa mhux ser tkun gżira ta' prosperità li tinsab ħmistax-il kilometru lilhinn minn kontinent li l-karatteristika ewlenija tiegħu hija l-miżerja. L-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni Ewropea jiddependi minn dan. L-Unjoni Ewropea trid tifhem li llum-il-ġurnata l-Afrika hija l-fruntiera tagħha.

3.6

Skont il-Kummissarju Louis Michel, l-istrateġija tal-Ewropa fir-rigward tal-Afrika ilha żmien ikkaratterizzata minn relazzjoni asimmetrika ta' donatur-benefiċjarju, kif ukoll minn kuxjenza ideoloġika falza u minn viżjoni unilaterali tal-interessi tagħna. Din il-viżjoni antikwata u xejn realistika għamlet ħafna ħsara. Jeħtieġ li ndawru l-paġna u nimirħu lejn kunċett ġdid ta' sħubija, bejn imsieħba ugwali fid-drittijiet u fid-dmirijiet, sħubija li tipprattika l-loġika ta' interessi komuni, ibbażata fuq parametri bħalma huma l-iżvilupp sostenibbli, tmexxija ekonomika, fiskali u soċjali tajba u t-trasferimenti ta' teknoloġiji (3).

3.6.1

Għalhekk din l-istrateġija bbażata fuq relazzjoni asimmetrika “donatur-benefiċjarju” jew “finanzjaturi-benefiċjarji” u kkonkretizzata partikularment fil-kontenut tal-ftehimiet differenti li kienu jew għadhom jirregolaw ir-rapporti bejn l-UE u l-Afrika, fir-rigward ta' dik li llum hija s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Afrika, hija “falliment” (4). Għalhekk jeħtieġ li tinbidel is-sitwazzjoni.

Din l-istrateġija poġġiet l-Istati Afrikani fi stat ta' dipendenza, partikularment finanzjarja, u dan xekkel id-dinamiżmu meħtieġ għal dħul pożittiv fl-ekonomija dinjija.

3.6.1.1

Fil-fatt, minkejja għexieren ta' snin ta' għajnuna għall-iżvilupp li kienet il-prattika tal-Unjoni Ewropea, ta' għadd ta' Stati Membri (li kienu kolonja fil-passat), u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huwa l-Bank Dinji, il-faqar estrem tal-Afrika kompla jaggrava u jiħrax.

3.6.1.2

Filwaqt li xi pajjiżi u reġjuni emerġenti, bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja, ix-Xlokk tal-Ażja u l-Brażil qegħdin isiru potenzi ekonomiċi u jingħaqdu fil-kummerċ internazzjonali, l-Afrika ma jirnexxiliex tagħti impetu lilha nnifisha bi ftit eċċezzjonijiet.

3.6.1.3

Għaliex pajjiż bħall-Korea t'Isfel, li sa ftit snin ilu kien jgħix biss “għar-ross u fuq ir-ross”, illum-il-ġurnata sar wieħed mill-pajjiż minn ta' quddiem fid-dinja tal-kostruzzjoni elettronika u navali, tas-servizzi tal-informatika, tal-kostruzzjoni tal-karozzi, eċċ.? Għaliex l-Afrika le?

3.6.1.4

L-Ewropa tibqa' l-importatur ewlieni ta' prodotti Afrikani. Madankollu, minkejja kważi 25 sena ta' ħlas doganali asimmetriku, il-volum tal-esportazzjonijiet tal-pajjiżi Afrikani lejn l-UE naqas b'iktar min-nofs, u minn 8 % fl-1975 naqas għal 2.8 % tal-volum tal-kummerċ dinji fl-2000. Dan it-trattament doganali preferenzjali ma kienx biżżejjed. In-nuqqas ta' kompetittività tal-prodotti Afrikani xekkel il-kapaċità għall-esportazzjoni tal-Afrika lejn l-Ewropa.

3.6.1.5

Il-vantaġġi li nkisbu mit-tkabbir, essenzjalment marbutin mal-isfruttament tar-riżorsi naturali, ma tqassmux b'mod ugwali u b'hekk żdiedu l-inugwaljanzi li wasslu biex il-foqra jibqgħu foqra u saħansitra jiftaqru iktar, filwaqt li s-sinjuri jsiru iktar sinjuri. Dan imur lil hinn mill-prinċipji ta' gvernanza ekonomika tajba b'valuri etiċi. Għadd ta' Afrikani tkellmu kontra s-sitwazzjoni:

“(Jeħtieġ) li l-fondi li nkisbu illegalment u li jinsabu maħżuna f'banek barranin jerġgħu jidħlu fil-pajjiż ta' oriġini” (5).

“Aħna nbatu mill-marda tat-tmexxija ħażina, ċerti pajjiżi saru iktar foqra milli kienu qabel ma fetħu l-minjieri taż-żejt u tad-djamanti. Ċerti pajjiżi għandhom mexxejja b'ġid personali ogħla mid-dejn kollu tal-pajjiż! Il-ħażen mhux ġej minn barra iżda minn fostna stess” (6).

4.   Mill-Kajr għal Liżbona: strateġija UE-Afrika ġdida

4.1

Il-politiki li ġew implimentati s'issa u l-iffinanzjar li ġie ddedikat għalihom, mhux dejjem laħqu r-riżultati mixtieqa, b'mod partikulari fir-rigward tal-ħolqien ta' impjiegi deċenti. Dan l-argument juri li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu kif inhuma, u għaldqastant il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tas-summit UE-Afrika li sar f'Liżbona fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2007. Huwa jilqa' l-volontà politika li ppermettiet li l-kooperazzjoni tissaħħaħ u saħansitra titfassal mill-ġdid u tieħu direzzjoni ġdida, biex b'hekk jiġu żviluppati r-relazzjonijiet kemm kummerċjali kif ukoll politiċi bejn iż-żewġ kontinenti.

4.2

Seba' snin wara s-summit tal-Kajr, dak ta' Liżbona stabbilixxa l-bażi għal sħubija strateġika ugwali ġdida bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq il-valuri, il-prinċipji u l-interessi komuni sabiex flimkien jiġu affrontati l-isfidi globali fix-xena internazzjonali: il-paċi u s-sigurtà, il-gvernanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, l-enerġija u l-bidla fil-klima, il-kummerċ, l-infrastruttura u l-iżvilupp.

4.3

Apparti l-kontenut tagħha, l-oriġinalità u l-innovazzjoni ta' din l-istrateġija jinsabu fl-implimentazzjoni u fid-dikjarazzjoni ta' fażi operattiva ta' tmien pjanijiet ta' azzjoni prijoritarja (ara Anness I ta' din l-opinjoni), jiġifieri strateġija jew pjan ta' ħidma mmirati lejn il-konkretizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-għażliet u l-prijoritajiet strateġiċi identifikati miż-żewġ kontinenti. Il-progressi fir-realizzazzjoni ta' dawn it-tmien pjanijiet li huma tassew ambizzjużi proprju bħalma hu l-Ftehim ta' Cotonou, ser jitkejlu matul is-summit li jmiss fl-2012.

4.4

Il-Kumitat iqis li huwa pożittiv li minbarra d-dikjarazzjonijiet ta' prinċipju, li huma mingħajr dubju importanti ħafna, twaqqfet ukoll struttura ta' ħidma li tippermetti li dawn jibdew jaħdmu b'mod konkret, għax dan għandu jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom mis-sena 2010 'l quddiem.

4.5

Il-KESE jenfasizza li kull wieħed mit-tmien ftehimiet ta' sħubija, li ġew tradotti fi pjanijiet ta' azzjoni, jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' impjiegi deċenti, wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi neċessarji u sakemm dawn il-pjanijiet jiġu akkumpanjati minn politika tal-impjiegi speċifika (ara punt 7).

4.6

Madankollu, minkejja l-progress li sar, il-volontà tajba li wrew iż-żewġ naħat waqt is-summit ma kenitx biżżejjed biex taħbi ċerti diffikultajiet u ċerti perikli li qajmu ċerti mexxejja Afrikani. Huma ħassew li filwaqt li l-istrateġija l-ġdida hija innovattiva għax toħloq sħubija bbilanċjata, mhux ser tkun kapaċi twassal għal titjib rapidu fir-relazzjonijiet li fil-fehma tagħhom għadhom relazzjonijiet bejn imsieħba dominanti u ddominati sal-ġurnata tal-lum.

ġiet ikkritikata l-burokrazija tal-UE filwaqt li ntqal li “maċ-Ċina l-ksib tat-tratturi meħtieġa huwa ferm faċli”;

l-UE ntalbet tirrimborża lill-Afrika għall-kolonizzazzjoni u għat-teħid tal-proprjetà tagħha jew taċċetta l-immigranti tagħha;

inxteħtu d-dubji fuq kemm il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) jistgħu verament jiġu konklużi fi spirtu ta' sħubija;

ġie kkritikat id-diverġenzi enormi fir-rigward tal-kriżi taż-Żimbabwe.

It-triq lejn il-ksib tal-għanijiet fi spirtu ta' kunfidenza mġedda hija twila u mimlija ostakoli.

4.6.1

Il-KESE jemmen li fil-qafas ta' sħubija bbilanċjata, l-ewwel nett hija r-responsabbltà tal-gvernijiet Afrikani li jerfgħu r-responsabbiltà tat-tmexxija tajba, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jattiraw l-investiment dirett jew barrani lejn pajjiżhom sabiex b'hekk jonqos ukoll il-faqar. It-triq lejn sħubija ġdida teħtieġ li jerfgħu ir-responsabbiltà u b'hekk isaħħu s-sovranità tagħhom. Dan ifisser li l-adeżjoni f'din is-sħubija bbilanċjata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, mil-lum 'il quddiem hija essenzjali, u tikseb is-sens sħiħ tagħha jekk timmira lejn l-iżvilupp ta' impjiegi deċenti.

4.7

Il-KESE jinnota b'sodisfazzjon ir-rwol li qiegħda tingħata s-soċjetà ċivili kemm f'termini istituzzjonali (relazzjonijiet bejn il-KESE tal-UE u l-ECOSOC tal-UA) (7) iżda wkoll fir-rigward tal-atturi non-statali, b'mod ġenerali, li jikkostitwixxu s-soċjetà ċivili organizzata (8). Minn din il-perspettiva, sabiex il-volontà murija tieħu forma u tiġi tradotta f'fatti, ser ikun meħtieġ li jitqiesu, b'riskju ta' falliment, id-diffikultajiet li nqalgħu dwar dan il-punt fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou.

B'mod ġenerali, il-Kumitat japprova d-direzzjoni lejn il-progress li qiegħda tingħata lill-Istrateġija UE-Afrika għall-kontinent kollu.

5.   L-impjieg deċenti, għan inevitabbli ta' Strateġija UE-Afrika effiċjenti

5.1

L-Artikolu 55 tal-Istrateġija UE-Afrika jipprevedi: “Il-kwistjonijiet dwar l-impjiegi u notevolment dwar protezzjoni soċjali, in-nuqqas ta' opportunitajiet u l-promozzjoni ta' xogħol diċenti fl-Afrika, ser ikunu indirizzati konġuntament, bi prijorità mogħtija lill-ħolqien ta' impjiegi produttivi fl-ekonomija formali, it-tijib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fqar f'konformità mal-aġenda tan-NU dwar xogħol diċenti u l-integrazzjoni tal-ekonomija informali f'dik formali …”.

5.2

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-kwistjoni tal-impjieg deċenti ġiet ikkunsidrata b'mod formali fl-Istrateġija UE-Afrika peress li jqis li l-iżvilupp tiegħu, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità, huwa kruċjali għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi, tal-faqar u tal-integrazzjoni soċjali li huma meħtieġa għat-tnaqqis tal-estremiżmu u tal-kunflitti u għalhekk għall-istabbiltà meħtieġa tal-istati.

6.   Is-sitwazzjoni tal-impjieg fl-Afrika

Ir-rata tal-popolazzjoni attiva għoliet (68.6 %). Anke jekk ir-rata ta' persuni qiegħda hija għolja wkoll (10.3 %), huwa n-nuqqas ta' impjiegi deċenti u produttivi li qed joħloq l-iktar problema gravi: 46.2 % tal-popolazzjoni, li minnha 55.4 % tinsab fl-Afrika sub-Saħarjana, jgħixu b'inqas minn dollaru fil-ġurnata. Fi kliem ieħor, proporzjon kbir tal-popolazzjoni attiva għandhom xogħol informali, ġeneralment ta' sussistenza. L-ekonomija informali tirrappreżenta 68 % tal-impjiegi totali li 57.2 % minnhom ġejjin mis-settur agrikolu primarju u li bosta jsiru minn żgħażagħ u nisa, li jaqdu rwol determinanti peress li jinsabu fiċ-ċentru tal-komunità ekonomika u tal-familja u huma l-bażi li fuqha hija mibnija l-organizzazzjoni ekonomika u soċjali Afrikana (ara Anness II ta' din l-opinjoni).

7.   Il-ħolqien ta' impjiegi deċenti u produttivi

Fid-dawl tal-punti li għadna kemm semmejna, il-prijorità fl-Afrika hija li jinħolqu impjiegi deċenti, produttivi u magħżula b'mod liberu. Huwa biss dan it-tip ta' impjieg li ser jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-eradikazzjoni tal-faqar, għall-bini ta' ħajja dinjituża u għat-twaqqif ta' sistema ta' protezzjoni soċjali effiċjenti għal kulħadd. Jeħtieġ li fil-livelli kollha jiġu integrati l-aspett tal-ġeneru u l-kwistjonijiet taż-żgħażagħ li fuqhom jiddependi l-ġejjieni tal-Afrika bil-għan li tinbena solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.

Fil-fatt, mingħajr impjiegi produttivi ma jistax ikun hemm livell ta' għajxien deċenti, żvilupp ekonomiku u soċjali u żvilupp individwali. Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss jekk l-ewwel jiġu żviluppati r-riżorsi umani u l-intrapriżi tas-settur privat. Sabiex ikun jista' jiżviluppa b'mod sħiħ, dan il-proċess għandu jagħmel parti minn qafas li jinkludi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-gvernanza tajba, ir-rispett għadd-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali, eċċ.

L-Istrateġija UE-Afrika, adottata fis-summit ta' Liżbona, tittratta l-kwistjoni tal-impjieg bħala kwistjoni orizzontali. L-għan ta' dan il-kapitolu huwa li jikkunsidra din il-kwistjoni ewlenija f'ċertu dettall permezz ta' analiżi u proposti għal linji gwida. Dan ser isir permezz ta' riflessjoni fuq l-ixpruni prinċipali li jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib ta' dan l-għan: din l-istrateġija hija essenzjalment makroekonomika. Madankollu, sabiex nittrattaw id-diversità tal-azzjonijiet meħtieġa, iktar 'il quddiem ser ikollna noħolqu inventarju bl-azzjonijiet ta' għajnuna għall-iżvilupp li wettqu l-NGOs fl-Afrika, li jenfasizza d-diversità tal-programmi li jwettqu, b'mod partikulari dawk li jimplimentaw bil-kooperazzjoni tal-komunitajiet lokali u/jew gruppi oħra (kooperattivi, assoċjazzjonijiet kummerċjali, stabbilimenti tas-saħħa/edukattivi) u dawk li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjieg.

Madankollu, lilhinn minn dak li għadna kemm semmejna, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-Afrika, jiġifieri l-ħolqien ta' impjiegi deċenti u produttivi, jista' jinkiseb biss jekk ikun hemm iktar stabbiltà fl-istati li hija magħmula minnhom. Għadd imdaqqas ta' pajjiżi għadhom qed jaffaċċjaw kunflitti li ma jispiċċaw qatt. Matul dawn l-aħħar għaxar snin il-kunflitti fil-Ginea, il-Liberja u Sierra Leone, pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi, b'mod partikulari djamanti u injam, fissru kriżi serja fir-reġjun li wasslet għal fluss qawwi ta' refuġjati. Dan biex ma nsemmux il-kriżi ta' Darfur li tant qed tgħakkes lis-Sudan, il-“gwerra minsija” fit-Tramuntana tal-Uganda, in-nuqqas ta' sigurtà persistenti fil-Lvant u fit-Tramuntana tar-Repubblika tal-Afrika Ċentrali u l-instabilità fil-Kongo, eċċ. Fid-dawl ta' sitwazzjoni bħal din, l-Unjoni Ewropea u b'mod iktar ġenerali, il-komunità internazzjonali, għandhom rwol importanti x'jaqdu huma u jaffaċċjaw kwistjoni tant kruċjali għall-ġejjieni tal-kontinent. Għax lilhinn mill-atroċitajiet kollha li twettqu, li ħadd ma jista' jinjora u lanqas jaċċetta, huwa evidenti li għalkemm l-impjieg jista' jikkontribwixxi għall-istabilità ta' dawn l-istati, l-instabilità tagħhom qed ixxekkel l-iżvilupp tagħhom u għalhekk il-ħolqien tal-impjiegi.

7.1   Għal tkabbir mgħoni bl-impjiegi

7.1.1

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tkabbir ekonomiku, is-sena 2006 kienet sena tajba għall-Afrika b'rata ta' 6.3 % fl-Afrika ta' Fuq u ta' 4.8 % fl-Afrika sub-Saħarjana, b'kuntrasti qawwija bejn pajjiż u ieħor.

7.1.2

Dawn iċ-ċifri huma sostanzjali, speċjalment meta mqabbla mar-riżultati tal-Unjoni Ewropea, iżda minħabba produttività li qiegħda tistaġna u li saħansitra sejra lura, investimenti b'direzzjoni ħażina, valur miżjud dgħajjef fuq il-biċċa l-kbira tal-prodotti industrijali jew agrikoli, l-isplużjoni demografika u d-defiċit enormi ta' impjiegi deċenti, jeħtieġ rata ta' tkabbir b'żewġ numri sabiex jinkiseb kemm titjib kwantitattiv kif ukoll kwalittativ fl-impjiegi. Jeħtieġ tkabbir minimu ta' 9 % sabiex inkunu nistgħu nqisu l-Għanijiet tal-Millennju b'mod pożittiv u sfortunatament dawn xorta ma jinkludux għanijiet favur l-impjiegi.

7.1.3

Dan it-tip ta' tkabbir mhux qed joħloq impjiegi ġodda għax m'għandux orjentazzjoni tajba. Ħafna drabi dan ġej minn żieda fl-utilizzazzjoni tar-riżorsi naturali — li spiss ifisser kundizzjonijiet tax-xogħol kważi inaċċettabbli — li sar ferm vantaġġuż dan l-aħħar, b'mod partikulari fil-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt, minħabba ż-żieda fil-prezz tal-barmil ta' żejt mhux raffinat. Minbarra l-fatt li din is-sitwazzjoni mhix waħda stabbli, peress li hija soġġetta għall-varjazzjonijiet fil-prezz, hija ma toħloqx impjieg addizzjonali. L-istess jista' jingħad għar-riżorsi naturali l-oħra peress li ġeneralment dawn jiġu esportati fil-forma mhux maħduma tagħhom. Barra minn hekk, meta l-klassi tan-nofs tibda tibbenefika minn attività li rpiljat, ġeneralment tibda tikkonsma wkoll prodotti impurtati. Dan it-tip ta' konsum m'għandux effett pożittiv fuq l-impjieg lokali.

7.1.4

Jeħtieġ li l-qligħ li jsir mill-estrazzjoni taż-żejt mhux raffinat, li mhux dejjem ikun magħruf fejn u kif jiġi użat, jiġi investit fil-manifattura ta' prodotti pproċessati b'valur miżjud għoli li jrendu tkabbir li jġib ħafna impjiegi. Bl-istess mod jista' jingħad li r-riżorsi naturali jew agrikoli l-oħra jistgħu jiffavorixxu l-iżvilupp ta' industrija agroalimentari fil-qafas ta' politika agrikola strutturata, iffinanzjata u prijoritarja (ara punt 7.4 u l-Anness IV ta' din l-opinjoni).

7.1.5

Tkabbir li jġib miegħu għadd ideali ta' impjiegi, mhux ser jirriżulta biss mis-sempliċi utilizzazzjoni tal-materja prima, jew mill-prodotti agrikoli tradizzjonali u tal-massa (zokkor tal-kannamiela, qoton, banana, karawett, kawkaw, eċċ.). Huwa jiddependi wkoll mill-iżvilupp ta' industrija tal-ipproċessar li tipproduċi prodotti elaborati b'valur miżjud għoli li fuq perjodu ta' żmien twil, huwa l-aħjar mezz kif jista' jiġi evitat deterjorament fit-termini ta' skambju, u l-aħjar mod kif l-industrija tkun tista' tibda tipparteċipa fl-ekonomija sotto-reġjonali, reġjonali u dinjija, sabiex jinkiseb profitt u l-iżvilupp ikun jista' jidħol f'fażi ġdida.

7.2   Għal investiment orjentat lejn id-diversifikazzjoni

Bl-istess mod kif mingħajr tkabbir ma jistax ikun hemm ħolqien ta' impjiegi, mingħajr investimenti ta' kwalità ma jistax ikun hemm tkabbir.

Ġeneralment, huwa fatt rikonoxxut li biex tinkiseb rata ta' tkabbir annwali tajba fuq diversi snin (ara punt 7.1.2) hemm bżonn ta' rata ta' investimenti li taqa' bejn it-22 u 25 % tal-PGD, iżda f'dawn l-aħħar snin kienet biss ta' 15 %. Wieħed jista' jidentifika żewġ tipi ta' investiment li jista' jġib miegħu rata ta' tkabbir bħal din.

7.2.1   L-investiment endoġeniku

7.2.1.1

L-ewwel nett dan jikkonċerna investimenti f'setturi b'valur miżjud kbir u/jew b'kapaċità ta' produzzjoni qawwija u li għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien tax-xogħol: l-infrastruttura, l-agrikoltura, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-ambjent, l-industrija kulturali, it-trasport, is-sajd, il-foresti, it-tekonoloġija, l-industrija (l-ipproċessar u l-prodotti finali). Hemm bżonn ukoll ta' investimenti f'setturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' qafas konvenjenti li jattira l-investiment barrani dirett (IBD). Jeħtieġ li jinħoloq ċirku virtuż: investiment endoġeniku → produzzjoni → kummerċ → profitt → investiment endoġeniku ġdid, eċċ.

7.2.1.2

Permezz tal-investiment endoġeniku, jew tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji interni, l-Afrika tkun tista' tibda tiddetermina l-prijoritajiet tal-iżvilupp tagħha hija stess, għall-kuntrarju tal-IBD.

7.2.1.3

Minn fejn ser jiġu l-fondi għall-investiment endoġeniku?

Il-mobilizzazzjoni tal-profitti enormi, kemm viżibbli kif ukoll moħbija, iġġenerati mill-utilizzazzjoni tar-riżorsi naturali (żejt, gass, faħam, djamanti, injam, minerali: krom, platinu, kobalt, deheb, manganiż, ram, ħadid, uranju, eċċ.) (9). (X'qed jiġri minnhom illum-il-ġurnata? X'jiġri, pereżempju, mill-qligħ li jsir miz-zokkor li jinbiegħ bi prezz tliet darbiet ogħla mill-prezz dinji?);

L-introduzzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ippermettiet biss żieda limitata fid-dħul pubbliku u kellha suċċess parzjali li jista' jittejjeb;

It-titjib fil-ġbir tat-taxxi jista' jippermetti li d-dħul fiskali jirdoppja f'ċerti pajjiżi;

Il-varjazzjonijiet importanti fil-proporzjon tad-dħul fiskali/PGD (minn 38 % fl-Alġerija u fl-Angola għal inqas minn 10 % fin-Niġerja, is-Sudan, u ċ-Ċad) juru li l-pajjiżi bi proporzjon dgħajjef ħafna jistgħu jżidu d-dħul tagħhom b'mod sinifikanti;

It-transizzjoni minn xogħol mhux iddikjarat għal xogħol iddikjarat għandha testendi l-bażi fiskali u b'hekk tippermetti żieda fil-bażi tar-riżorsi;

Dan it-titjib għandu jikkontribwixxi għal tkabbir kwantitattiv u kwalitattiv fil-qasam tal-politiki pubbliċi.

F'ċerti pajjiżi, il-fondi li jibagħtu l-ħaddiema immigranti huma sors importanti ta' żvilupp (10). Fl-2004 laħqu s-16-il biljun dollaru Amerikan. X'aktarx il-fondi rreġistrati u dawk li mhumiex irreġistrati jammontaw għal kwantità ikbar mir-riżorsi finanzjarji li ġejjin mill-għajnuna pubblika għall-iżvilupp (PDA) u l-Investiment Barrani Dirett (IBD). Dawn il-fondi, li mhumiex sors ta' dejn, jista' jkollhom effetti konsiderevoli fuq il-kapaċità ta' investiment tal-pajjiżi Afrikani, dejjem meta jgħaddu mis-sistema bankarja uffiċjali tagħhom u meta din tkun sistema affidabbli, kredibbli u effiċjenti. Dan huwa biss eżempju wieħed tal-importanza tal-immigrazzjoni għall-pajjiżi Afrikani. Dan il-livell ta' importanza jitlob li l-emendi kollha fir-regolamenti li jikkonċernaw il-flussi migratorji jiġu diskussi fid-dettall fl-UE, l-Istati Membri individwali u l-pajjiżi Afrikani kkonċernati (11).

Il-ħruġ irregolari tal-kapital qed ikompli jċaħħad lill-pajjiżi Afrikani minn kwantità konsiderevoli ta' riżorsi għall-investiment. Ir-rata tal-evażjoni tal-kapital hija d-doppju tad-dejn totali tal-kontinenti Afrikan  (12), u huwa dan il-fatt li jwassal lil ċerti esperti biex jgħidu li l-Afrika hija “kreditur nett” meta mqabbla mal-bqija tad-dinja. Jekk dawn ir-riżorsi jiġu allokati għal investiment produttiv, jistgħu joħolqu x-xogħol u dħul għal partijiet kbar tal-popolazzjoni. Apparti milli jwaqqfu dan it-telf ta' kapital, il-Gvernijiet jistgħu jistabbilixxu amnestija temporanja sabiex il-kapital jerġa' jidħol lura fil-pajjiż, kif għamlu ċerti pajjiżi Ewropej.

Fid-dawl ta' dan u permezz tar-riformi meħtieġa, b'mod partikulari fis-setturi finanzjarji u baġitarji, l-Afrika tista' tasal biex timmobilizza iktar riżorsi interni għall-finanzjament tal-investimenti produttivi li tixtieq tagħmel.

7.2.2   L-Investiment Barrani Dirett (IBD)

Il-kontribut tal-Invesiment Barrani Dirett huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-kontinent. Meta jingħata direzzjoni tajba jista' jaqdi rwol importanti ħafna fil-proċess ta' żvilupp tal-pajjiżi li jkun qed jilqa' l-investimenti, partikularment għax jipprovdi l-kapital, it-teknoloġija u jġib miegħu għarfien u aċċess għas-suq; dan kollu jikkontribwixxi għal effikaċja ikbar fl-użu tar-riżorsi u żieda fil-produttività.

7.2.2.1

Filwaqt illi l-flussi medji tal-IBD annwali ddestinati lejn l-Afrika rduppjaw matul it-tmeninijiet biex laħqu it-2.2 biljun dollaru Amerikan meta mqabbel mas-sebgħinijiet, huma komplew jiżdiedu sa ma laħqu s-6.2 biljun dollaru Amerikan matul id-disgħinijiet u t-13.8 biljun dollaru Amerikan matul is-snin 2000-2003. Minkejja dan, il-kontinent bil-kemm jirrappreżenta 2 sa 3 % tal-flussi dinjin, wara li kien laħaq il-quċċata b'6 % f'nofs is-sebgħinijiet u inqas minn 9 % tal-flussi ddestinati għall-pajjiż li għadhom qed jiżviluppaw, meta mqabbel mal-livell preċedenti ta' 28 % fl-1976.

7.2.2.2

Waħda mill-karatteristiċi atal-flussi ta' IBD iddestinati għall-Afrika hija r-riżorsi naturali. Dan jispjega t-tqassim xejn ugwali tal-IBD madwar il-kontinent. Erbgħa u għoxrin pajjiż Afrikan, ikklassifikati bħala pajjiżi li jiddependu miż-żejt u mill-minerali, irċevew medja ta' tliet kwarti tal-flussi tal-IBD matul dawn l-aħħar għoxrin sena.

7.2.2.3

Jeħtieġ li l-IBD jingħata direzzjoni ġdida, b'mod partikulari, lejn is-setturi tal-manifattura sabiex tiġi żgurata d-diversifikazzjoni vasta tal-produzzjonijiet kompettitivi li jistgħu jiġu ffaċilitati minn trasferimenti ta' teknoloġiji. Sabiex tattira IBD iddiversifikat u biex dan ikun effikaċi, l-Afrika għandha tagħmel l-isforzi kollha sabiex toħloq qafas ġenerali favorevoli u attraenti. Fil-fatt l-IBD jista' jseħħ u jikkontribwixxi għall-iżvilupp jekk ikun hemm ċerti kundizzjonijiet preliminari: il-kwalità tal-fibra ekonomika u tal-infrastruttura, id-daqs tas-suq ikkonċernat — u l-importanza tiegħu għall-integrazzjoni reġjonali — it-taħriġ tal-ħaddiema (ara “Ir-riżorsi umani”), it-tisħiħ u l-istabbiltà tas-setgħa pubblika u t-tmexxija tajba. Barra minn hekk, biex l-IBD ikun effiċjenti, jeħtieġ li jkun jagħmel parti mill-perspettiva ekonomika nazzjonali u postha fil-kuntest sottoreġjonali, reġjonali u dinji. Sabiex dan ikun jista' jseħħ, hemm bżonn ta' strateġija nazzjonali għall-iżvilupp maħsuba u mħejjija sew, hekk kif sar fix-Xlokk tal-Ażja fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.

7.2.2.4

Madankollu, l-IBD waħdu mhux se jsolvi kollox u mhux biżżejjed biex iġib tmexxija tajba u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jeqred il-korruzzjoni u l-evażjoni ta' kapital. F'dan ir-rigward, tajjeb li nenfasizzaw li l-IBD miċ-Ċina żdied b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar snin, b'mod partikulari wara l-isforzi diplomatiċi li laħqu l-quċċata tagħhom fis-summit Ċina-Afrika. L-IBD Ċiniż jiffoka prinċipalment fuq l-industriji tal-estrazzjoni għall-garanzija tal-provvista tal-materja prima meħtieġa għall-espansjoni rapida tal-ekonomija tagħha.

7.2.2.5

Il-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Afrika huwa għoxrin darba ikbar milli kien għaxar snin ilu. Żdied minn 3 biljun dollaru Amerikan fl-1998 għal 55 biljun dollaru Amerikan fl-2006. Iżda mil-lat tal-interessi Afrikani, il-metodu Ċiniż iqajjem diversi mistoqsijiet. Ħafna drabi dan il-kummerċ saħħaħ gvernijiet b'direzzjoni politika li mhix immirata lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-tnaqqis tal-faqar (13). Prova ta' dan huwa l-kunflitt ta' Darfur u l-attitudni Ċiniża fiż-Żimbabwe. Barra minn hekk, mill-perspettiva ta' żvilupp, il-metodu Ċiniż huwa dubjuż (ara Anness III ta' din l-opinjoni).

7.2.2.6

L-Istati Membri tal-UE għandhom preżenza qawwija fil-qasam tal-investiment tal-Afrika. Sabiex inkomplu nibnu fuq dan l-aspett, jeħtieġ li nikkunsidraw dawn il-punti:

inċentivi tanġibbli lill-intrapriżi tal-UE pereżempju fil-forma ta' kreditu fuq it-taxxi;

l-użu tal-istrumenti eżistenti għall-iżvilupp wara li dawn jiġu riveduti u msaħħa. Jissaħħaħ pereżempju l-investiment li ġej mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-kapaċità tiegħu li jinvesti, b'tali mod li jsir riżors utli fis-settur privat;

it-twaqqif ta' faċilità/korp li jiggarantixxu investimenti ffinanzjati b'mod adegwat, skont l-Artikolu 77(4) tal-Ftehim ta' Cotonou.

7.3   L-SMEs: għodda ta' żvilupp ekonomiku

It-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tas-settur privat għandhom importanza ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar.

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani, b'xi mod hemm rabta nieqsa bejn, fuq in-naħa l-waħda, is-settur informali u l-intrapriżi żgħar ħafna li għandhom aktar x'jaqsmu mas-sopravivenza soċjali milli mal-iżvilupp ekonomiku, u fuq in-naħa l-oħra fergħat ta' intrapriżi barranin kbar li għandhom funzjoni kważi awtosuffiċjenti u minħabba dan il-fatt ftit jikkontribwixxu għall-ekonomija lokali.

Kif jistgħu jitwaqqfu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li joħolqu fibra ekonomika koerenti li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' settur privat indispensabbli għall-iżvilupp tal-kontinent.

Sabiex jitħaffef l-iżvilupp tal-SMEs, ikun siewi li:

tiġi elaborata l-integrazzjoni reġjonali (ara punt 7.8) sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet tas-swieq lokali;

jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, tiżdied il-kredibbiltà ġudizzjarja, l-infrastrutturi, inklużi dawk li mhumiex tanġibbli (l-infrastrutturi tal-komunikazzjoni), jiġu adattati għall-bżonnijiet tagħhom;

jinfetħu l-possibilitajiet finanzjarji kollha (ara punt 7.2. dwar l-investiment endoġeniku) għall-ħolqien u l-finanzjament tagħhom. Għal dan l-għan, ser ikun meħtieġ b'mod partikulari, li jitjieb l-ambjent tan-negozju, pereżempju billi tingħata għajnuna għas-swieq u għall-kummerċjalizzazzjoni u li n-negozji jingħataw għajnuna sabiex jissodisfaw l-eżiġenzi finanzjarji formali u jkabbru l-offerta ta' finanzjament billi jsiru appelli lis-settur non-finanzjarju privat.

L-Unjoni Ewropea għandha tqis l-iżvilupp tal-SMEs bħala wieħed mill-assi tal-politika ta' kooperazzjoni tagħha fl-Afrika. Permezz tal-Istati Membri u tal-intrapriżi tagħhom, għandha tiffavorixxi u tippromovi l-ħolqien tal-SMEs, partikularment: — billi tiffavorixxi l-investiment permezz ta' inċentivi fiskali (krediti tat-taxxa, self b'interessi baxxi, rwol tal-BEI, eċċ.);

permezz ta' trasferimenti tekonoloġiċi sistematiċi (għarfien, taħriġ fl-għarfien) li eventwalment jistgħu jwasslu għal programmi ta' Riċerka u Żvilupp. Kull intrapriża Ewropea li tiffirma kuntratt ta' provvista ta' tagħmir, ta' prodotti industrijali, eċċ., għandha timpenja ruħha sabiex tittrasferixxi t-teknoloġija tagħha (dan diġà jsir b'suċċess maċ-Ċina fl-oqsma tat-teknoloġija nukleari u l-aeronawtika, allura għaliex mhux mal-Afrika għal prodotti inqas elaborati? (anki jekk il-vantaġġi finanzjarji huma inqas).

permezz tal-fużjoni u l-ħolqien ta' gruppi ta' intrapriżi, promossi mill-ispirtu intraprenditorjali mħeġġeġ fit-taħriġ vokazzjonali;

permezz tal-iżvilupp ta' ko-intrapriżi jew intrapriżi konġunti li jgħaqqdu elementi Afrikani u Ewropej (kapital, ħaddiema, amministrazzjoni,eċċ.).

7.4   It-twaqqif ta' agrikoltura moderna u kompetittiva

L-agrikultura, is-sajd u l-foresterija huma aspetti ċentrali tal-iżvilupp rurali u għandhom ikunu l-ewwel prijoritajiet strateġiċi għall-iżvilupp tal-Afrika. Dawn is-setturi huma l-bażi tal-iżvilupp primarju u peress li jkopru parti kbira mit-territorju, jistrutturaw il-ħajja ekonomika u soċjali. Dan l-iżvilupp huwa indispensabbli għall-awtosuffiċjenza alimentari tal-Afrika u huwa qasam essenzjali fl-ekonomija tal-pajjiżi Afrikani li jikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-popolazzjonijiet, speċjalment peress li jirrappreżenta potenzjal kbir f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi. Fir-rigward tal-importanza tal-agrikoltura Afrikana, ta' min isemmi li 57.2 % tal-popolazzjoni attiva taħdem fil-qasam agrikolu, kontra l-5 % fil-pajjiżi industrijalizzati. Għalhekk wieħed ma jistax ħlief jistagħġeb bil-fatt li 1 % biss tad-Disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa ddedikat għall-agrikoltura; din l-osservazzjoni ssaħħaħ il-bżonn tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari l-bdiewa u r-raħħala, fit-tħejjija tal-Pjanijiet Indikattivi Nazzjonali. B'kuntrast ma' dan, il-Bank Dinji ddedika 8 % tar-riżorsi tiegħu għall-agrikoltura, iżda huwa stess għaraf li dan l-ammont ma kienx biżżejjed.

F'dan il-perjodu fejn fil-prezzijiet internazzjonali tal-materja prima, u b'hekk tal-prodotti alimentari tant żdiedu, l-iżvilupp progressiv tal-agrikoltura ma jistax iseħħ ħlief permezz tal-implimentazzjoni ta' politika agrikola serja, stutturata u ppjanata fuq perijodu qasir, medju u twil. Din il-politika għandha tingħata prijorità baġitarja u finanzjarja fis-sens wiesa' tal-idea u għandha tkun adattata għal-limitazzjonijiet speċifiċi ta' kull pajjiż u kontinent differenti, u fl-istess ħin tintegra l-approċċ reġjonali.

Bil-għan li jkun żgurat suċċess massimu fit-twaqqif ta' politika bħal din, din għandha titħejja u tiġi implimentata biss bl-assistenza tal-organizzazzjonijiet agrikoli Afrikani u għandha tinkludi b'mod partikulari mekkaniżmi ta' salvagwardja. Pereżempju jagħmel sens li s-Senegal jimporta r-ross mill-Ażja, meta għandu l-potenzjal tal-irrigazzjoni mix-xmara li mhux qed jiġi sfruttat?

Politika serja għall-promozzjoni tal-impjieg fis-settur agrikolu tista' titfassal skont il-punti msemmija f'Anness IV ta' din l-opinjoni.

7.5   Ir-riżorsi umani fil-qalba tal-politika tal-impjiegi

L-iżvilupp tar-riżorsi umani huwa fattur indispensabbli ta' kull strateġija tal-iżvilupp. L-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu rwol ewlieni f'dan il-proċess għax joħolqu forza tax-xogħol flessibbli, versatili u ta' kwalità tajba. Imbagħad ikun il-kompitu ta' dawk li huma responsabbli għall-ippjanar tar-riżorsi umani b'kooperazzjoni mal-atturi soċjo-ekonomiċi, li jagħmlu analiżi tal-bżonnijiet tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol u li fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, jantiċipaw il-problemi u l-isfidi ewlenin marbuta mal-adattament tat-taħriġ vokazzjonali u tal-impjieg. B'mod ġenerali, l-eżempju tal-pajjiżi emerġenti jew li żviluppaw reċentement bħall-Korea, minn dan il-lat huwa edifikanti.

L-UE u l-Istati Membri, bl-esperjenza li għandhom fl-oqsma tat-taħriġ u l-finanzjamenti mmirati, magħżula u traċċabbli, għandu jkollhom rwol ewlieni. L-Unjoni Ewropea toffri diversi proġetti edukattivi li fihom jistgħu jipparteċipaw l-istudenti Afrikani. Dan huwa importanti għax l-iżvilupp tal-Afrika jiddependi mill-edukazzjoni tal-popolazzjoni.

(Id-diversi miżuri li permezz tagħhom ir-riżorsi umani jistgħu jitpoġġew fil-qalba tal-politiki għall-promozzjoni tal-impjieg jinsabu f'Anness V ta' din l-opinjoni).

7.6   L-integrazzjoni reġjonali

Huwa fatt rikonoxxut b'mod wiesa' li jeżisti potenzjal enormi għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Afrikan u l-ħolqien ta' spazji ekonomiċi iktar vasti.

Anki jekk l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u sotto-reġjonali għamlet progress sinifikattiv, b'mod partikulari bit-twaqqif tal-Unjoni Afrikana, il-potenzjal kummerċjali għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-miżuri meħuda biex jarmonizzaw il-proċeduri doganali, inaqqsu l-ostakli tariffarji u non-tariffarji, itejbu t-trasport u l-komunikazzjoni permezz ta' investimenti ikbar fl-iżvilupp tal-infrastrutturi reġjonali u jiżguraw il-moviment ħieles taċ-ċittadini, partikularment billi titneħħa l-visa. Dan li semmejna għandu jiġi implimentat fil-kuntest tal-politika tal-użu tal-art sabiex tiġi assigurata koerenza globali.

L-iżvilupp ekonomiku tal-Afrika jiddependi l-ewwel u qabel kollox mit-tisħiħ tas-suq intern tagħha li kapaċi jġib miegħu tkabbir endoġeniku li jistabbilizza u jistabbilixxi l-kontinent fl-ekonomija dinjija. L-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp tas-suq intern huma l-ixpruni li ser jippermettu lill-Afrika li tipparteċipa fil-kummerċ dinji b'mod pożittiv.

Minn dan il-lat, il-Kumitat jiddispjaċih li s'issa għadhom ma ġewx konklużi n-negozjati reġjonali tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, li wieħed mill-objettivi tagħhom jikkonċerna speċifikament l-integrazzjoni ekonomika.

7.7   Id-djalogu soċjali

Id-djalogu soċjali huwa meħtieġ u huwa element ewlieni għall-iżvilupp tal-impjiegi deċenti u produttivi. Għaldaqstant għandu jagħmel parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija komuni. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali fil-ħajja ekonomika u soċjali, b'mod partikulari permezz tan-negozjar kollettiv, hija importanti mhux biss għad-demokrazija iżda wkoll bħala sors ta' żvilupp u paċi soċjali u ta' kompetittività ekonomika. Id-djalogu soċjali huwa l-istrument privileġġjat li jippermetti li jintlaħaq kunsens soċjoekonomiku li jista' jġib żvilupp. Fil-fatt, żvilupp ekonomiku ta' suċċess mhuwiex possibbli mingħajr ma jkun akkumpanjat minn żvilupp soċjali. Dawn il-kunċetti għandhom jimxu id f'id sabiex joħolqu d-dinamika meħtieġa għall-effiċjenza sħiħa ta' progress ekonomiku li kapaċi jrawwem titjib fl-istili tal-ħajja, tal-impjiegi deċenti u tal-benesseri tal-popolazzjonijiet. Għalhekk jeħtieġ li jinħolqu jew jiġu żviluppati trade unions u negozjar kollettiv, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema sodi u indipendenti li għandhom il-kapaċitajiet u l-għarfien tekniku meħtieġa sabiex jaqdu r-rwol tagħhom b'mod sħiħ.

7.8   Is-soċjetà ċivili organizzata

Il-parteċipazzjoni tal-atturi non-governattivi hija indispensabbli għall-iżvilupp tal-impjiegi deċenti u għandha tkun fil-qalba tal-Istrateġija komuni. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni tagħhom, filwaqt li tippromovi d-demokrazija parteċipattiva, iġġib magħha wkoll l-għarfien espert u l-espjerjenza ta' dawk li jmexxu negozju, jipproduċu, jikkultivaw, eċċ. ta' kuljum. Għaldaqstant għandhom ikunu assoċjati fit-tħejjija tal-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali u għandhom jitqiesu bħala l-atturi tal-iżvilupp u b'hekk jibbenefikaw mill-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Cotonou fir-rigward tal-bini tal-kapaċità. Hawnhekk tajjeb li nerġgħu nirreferu għat-tielet sezzjoni tal-opinjoni tal-KESE 1497/2005 dwar l-organizzazzjoni strutturali meħtieġa tas-soċjetà ċivili organizzata (pjattaformi, networks, kumitati) sabiex jiġu stabbiliti l-ħin u l-post meħtieġa għad-dibattiti u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-azzjoni meħtieġa. Minn dan il-lat, il-ħolqien, skont il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika CARIFORUM-KE, li ġie konkluż f'Diċembru 2007, ta' Kunsill Konsultattiv tas-Soċjetà Ċivili, huwa eżempju li l-Afrika għandha ssegwi (ara d-Dikjarazzjoni finali tal-25 laqgħa tal-oqsma ekonomiċi u soċjali AKP/UE li saret fl-4, il-5 u s-6 ta' Marzu fi Brussell: “Sħubija aħjar għal żvilupp aħjar”). Il-KESE, biex jissosidfa l-mandat li ngħatalu mill-Ftehim ta' Cotonou, permezz tal-Kumitat ta' Segwitu tiegħu AKP-UE, qeda rwol importanti f'dan il-qasam, billi kkontribwixxa għall-koordinazzjoni, ir-riflessjoni kollettiva u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata f'network.

7.9   Il-gvernanza tajba

Il-gvernanza tajba taffettwa l-fiduċja tal-investituri. Anke jekk nikkunsidraw dan il-lat biss, diġà hija essenzjali għall-iżvilupp tal-Afrika. Għalhekk, il-promozzjoni tat-tmexxija demokratika, meħtieġa fil-livelli amministrattivi kollha, hija element ewlieni tad-djalogu tas-sħubija bejn l-Ewropa u l-Afrika. Hija għandha titqies fit-totalità tagħha u għandha tinkludi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema fosthom it-trade unions, ir-regoli tax-xogħol kif ukoll l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tal-mekkaniżmi tal-istat li ħafna drabi, minħabba li huma dgħajfa u insuffiċjenti, qegħdin ixekklu l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f'demokrazija parteċipattiva reali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Għal dan l-aħħar punt, l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri għandhom jużaw is-sħubiji tagħhom biex jassiguraw li l-għajnuna finanzjarja tkun traċċabbli għax mill-100 biljun dollaru ta' għajnuna annwali, 30 miljun jisparixxu (14) (ara punti 3.6.1.5 u 7.2.1.3 l-aħħar inċiż).

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  CESE 1205/2004 Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tan-nisa bħala atturi non-statali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou. Rapporteur: is-Sinjura Florio; Settembru 2004 (mhux disponibbli bil-Malti).

CESE 1497/2005 L-integrazzjoni tal-aspetti soċjali fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika. Rapporteurs: is-Sur Pezzini u s-Sur Dantin; Diċembru 2005 (mhux disponibbli bil-Malti)

CESE 753/2006 Nagħtu prijorità lill-Afrika: Il-perspettiva tas-soċjetà ċivili Ewropea. Rapporteur: is-Sur Bedossa; Mejju 2006.

CESE 673/2007 Migrazzjoni u Żvilupp: Opportunitajiet u Sfidi. Rapporteur: is-Sur Sharma; Diċembru 2007.

Rapporti tal-Kumitat ta' Seġwitu UE-AKP tal-KESE: Ir-riżorsi umani għall-iżvilupp; rapporteurs: is-Sinjura King u s-Sur Akouete; Mejju 2007.

(2)  Unjoni Ewropea/Afrika: “Is-sħubija strateġika”, Nathalie Delapalme, Elise Colette. Noti tal-Fondazzjoni Robert Schumann, Diċembru 2007.

(3)  Fid-diskors mill-Kummissarju Louis Michel matul il-Konferenza “UE-Ċina-Afrika” organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Brussell, it-28 ta' Ġunju 2007.

(4)  Risposta li ta l-Kummissarju Michel lil kelliem matul l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' Kigali. 18-22 ta' Novembru 2007.

(5)  Summit straordinarju tal-Unjoni Afrikana dwar l-impjieg u l-ġlieda kontra l-faqar. Mit-3 sad-9 ta' Settembru 2004 f'Ouagadougou. Dikjarazzjoni finali (Artikolu 16).

(6)  Diskors tal-President tal-KES ta' stat frankofonu tal-Afrika tal-Punent matul l-Asemblea Ġenerali tal-UCESA (Unjoni tal-KES tal-Afrika), it-13 u l-14 ta' Novembru 2007 f'Ouagadougou.

(7)  Ara l-Artikoli 104 u 105 tad-dikjarazzjoni.

(8)  Ara l-Artikoli 106 sa 110 tad-dikjarazzjoni.

(9)  L-Afrika waħedha tikkonċentra kważi t-totalità tar-riżervi dinjija tal-krom (b'mod partikulari fiż-Żimbabwe u fl-Afrika t'Isfel), 90 % tar-riżervi tal-platinu (fl-Afrika t'Isfel …) u 50 % tar-riżervi tal-kobalt (fir-Repubblika tal-Kongo, iz-Zambja …).

(10)  Ara KESE 673/2007 “L-immigrazzjoni u l-iżvilupp: opportunitajiet u sfidi”; rapporteur: is-Sur Sharma Diċembru 2007.

(11)  It-tieni laqgħa konġunta KESE-UKESA, il-Konlużjonijiet tal-Presidenti (UKESA — l-Unjoni tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali tal-Afrika).

(12)  “L-iżvilupp ekonomiku fl-Afrika” Rapport tal-UNCTAD (United Nations Conference on Trade and Development), 26 ta' Settembru 2007.

(13)  Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE. Abbozz ta' rapport dwar “L-IBD fl-Istati tal-AKP”, rapporteur: is-Sinjura Astrid Luttling u s-Sur Timothy Haris Kigali; Novembru 2007.

(14)  “L-iżvilupp ekonomiku fl-Afrika”, rapport tas-CNUCED, 27/09/07, intervista mas-Segretarju tal-Istat tal-Gvern Franċiż għall-pajjiżi frankofoni, “Le Monde”, 16/01/08.


Top