EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1515

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku COM(2007) 836 finali

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 63–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku”

COM(2007) 836 finali

(2009/C 77/16)

Nhar it-3 ta' Jannar 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'115-il vot favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Id-drittijiet tal-konsumaturi:

1.1.1

Il-KESE japprova l-idea ta' ħarsien tal-konsumatur ta' livell għoli. Għalhekk qed jistenna l-pubblikazzjoni tal-Gwida għall-konsumaturi u l-utenti tas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

1.1.2

Fil-fehma tal-KESE, din il-gwida għandha tkopri tal-anqas dawn il-punti li ġejjin:

li tkun żgurata n-newtralità tan-netwerk, sabiex titjieb l-għażla tal-konsumaturi,

li tingħata garanzija tal-ħarsien xieraq tad-data personali, u livell għoli ta' sigurtà għall-ambjent ta' negozju elettroniku,

li jsir kontribut biex jiġu stabbiliti regolamenti volontarji u marki ta' fiduċja fil-kummerċ elettroniku,

li jiġi determinat kif id-drittijiet tal-konsumaturi japplikaw fl-ambjent diġitali, b'mod partikolari d-drittijiet tal-aċċess, is-servizz universali u l-ħarsien mill-prattiki kummerċjali inġusti,

li jiġu stabbiliti parametri ta' kwalità għas-servizzi onlajn,

li titwaqqaf formola sempliċi ewropea onlajn biex issir notifika ta' xi attività qarrieqa,

li tiddaħħal skema onlajn għal soluzzjonijiet tat-tilwim barra mill-qorti.

1.2   L-interoperabbiltà

1.2.1

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-interoperabbiltà hija fattur ta' importanza ekonomika ewlenija u jinnota li l-istandards miftuħa huma ċentali biex tintlaħaq l-interoperabbiltà u jingħata kontribut biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-affidabililtà.

1.2.2

In-nuqqas persistenti ta' interoperabbiltà tillimita l-aċċess tal-pubbliku Ewropew għat-teknoloġija, is-servizzi u l-kontenut, iġġiegħlhom iħallsu prezzijiet ogħla għat-tagħmir u fl-istess waqt tillimita l-għażla tagħhom għal dan it-tagħmir u tobbliga lin-nies li jgħaddu mit-tieqa peress li xi partijiet ikkonċernati jieħdu vantaġġ minn differenzi tekniċi biex joħolqu swieq monopolistiċi.

1.2.3

Il-KESE jikkunsidra l-kunċett ta' sistemi tal-ġestjoni tad-drittijiet diġitali li jkunu Ewro-kompatibbli (DRM (1)) huwa inqas utli milli jidher, u joħloq iktar problemi milli jsolvi u jista' jeskludi xi ħallieqa ta' kontenut mid-distribuzzjoni onlajn; barra minn hekk, is-suq tal-kontenut issa huwa globali, kif jidher mill-prattika tat-tqassim f'żoni, li toħnoq il-libertà tal-utent.

1.3

Il-Kumitat jikkunsidra li t-tassazzjoni kważi anarkika ta' kull tip ta' mezz diġitali jew tagħmir tal-memorja, fiha diverġenzi kbar bejn l-Istati Membri, twassal għal distorzjonijiet importanti fis-suq.

1.4

Il-miżuri kriminali u l-proċeduri ta' eċċezzjoni implimentati mill-proposta Olivennes fi Franza huma ħafna iktar mir-rekwiżiti tad-WTO, kif inhuma stabbiliti mill-ftehim ta' Marrakesh. Kif intqal mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Promusicae, l-għażla tal-metodi li jintużaw biex jiġu infurzati d-drittiijiet tal-awtur iridu jkunu kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jrid ikun hemm bilanċ xieraq bejn id-drittijiet, il-libertajiet u l-interessi.

1.5

Għalhekk, il-KESE qiegħed jistenna li jara r-rakkomandazzjoni ppjanata mill-Kummissjoni dwar il-kontenut kreattiv onlajn, sabiex ikun jista' jgħaddi kummenti speċifiċi dwar it-trasparenza (it-tikkettar) u dwar forom ġodda li jistabbilixxu u jiġġestixxu d-drittijiet diġitali fil-livell Ewropew, u li jrawmu u jikkontribwixxu lejn skemi innovattivi biex il-kontenut kreattiv onlajn jinxtered u ssir riċerka dwar l-aktar mezzi effettivi biex jispiċċaw il-kopji illegali għall-użu kummerċjali jew kull forma oħra ta' piraterija.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

2.1

L-aspetti ewlenin tal-komunikazzjoni u l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni għandhom l-għan li:

jirregolaw u jarmonizzaw is-suq Ewropew għall-kontenut kreattiv onlajn,

jiżviluppaw id-drittijiet tal-awtur u d-drittjiet relatati Ewropej, liċenzjar tad-drittijiet multiterritorjali u ħarsien akbar għad-drittijiet marbuta mal-proprjetà letterarja u artistika,

jiġu stabbiliti DRMs interoperabbli Ewropej, xierqa għat-tagħmir tal-mezzi kkonċernati, b'mod partikolari l-kontenut onlajn,

tiġi garantita s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet u l-ħlasijiet, tiġi miġġielda l-piraterija u l-frodi, biex tikber il-kunfidenza fl-ekonomija diġitali u jitrawwem it-tkabbir tas-servizzi onlajn,

l-ikbar problema fl-orizzont bla dubju ta' xejn tikkonċerna l-ikkuppjar privat, li huwa l-fonti ta' ħafna kontroversji fl-Ewropa, peress li l-liġijiet dwar din il-kwistjoni fl-Istati Membri differenti hija 'l bogħod milli tkun armormizzata.

2.2

Skont id-dokument ta' ħidma tal-persunal ta' 41 paġna tal-Kummissjoni, li ġie ppubblikat b'mod separat mill-Komunikazzjoni u huwa disponibbli biss bl-Ingliż (2), in-natura transkonfinali tal-komunikazzjoni onlajn u l-mudelli l-ġodda tan-negozju meħtieġa mit-teknoloġiji l-ġodda jfissru li l-politiki tal-UE għandhom jippromovu l-implimentazzjoni ta' malajr u effiċjenti tal-mudelli l-ġodda tan-negozju għall-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut u l-għarfien Ewropew onlajn. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni identifikat bħala “kontenut kreattiv imqassam onlajn”: kontenut u servizzi bħalma huma mezzi awdjoviżivi onlajn (film, televizjoni, mużika u radju), il-logħob onlajn, il-pubblikazzjoni onlajn, kontenut edukattiv kif ukoll kontenut maħluq mill-utent, bħalma huma n-netwerks soċjali, il-bloggs, eċċ.).

2.3

L-għan ewlieni, li kien diġà ġie ddikkjarat fid-dokument bit-titlu i2010 (3), huwa li tiġi stabbilita żona unika Ewropea għall-informazzjoni. Il-problemi li dan id-dokument jiddeskrivi għadhom hemm, u fl-istess waqt, il-pjattaformi tat-tqassim teknoloġiku qed jiddiversifikaw u jespandu.

2.4

Fir-rigward tal-problema tal-kunfidenza fl-ekonomija diġitali, mistoqsija li tibqa' terġa tqum hija dwar l-interoperabbiltà bejn il-hardware, is-servizzi u l-pjattaformi u dak li xi nies iqisu bħala l-kriminalizzazzjoni tas-sistemi tal-iskambju tal-fajls 'bejn il-pari' (P2P) jew BitTorrent u l-impożizzjoni ta' miżuri eżaġerati biex iħarsu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn ma joħolqux klima li trawwem il-kunfidenza. Dan hu aktar minnu minħabba fl-esplożjoni tal-kontenut maħluq mill-utenti, li tagħti dimensjoni ġdida lir-rwol ta' dawk l-utenti fl-ekonomija diġitali. Dan wassal għal numru ta' sfidi għall-politika pubblika f'oqsma differenti bħall-kunfidenza u s-sigurtà.

2.5

L-użu tad-DRM (ġestjoni tad-drittijiet diġitali) huwa kkritikat ħafna mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, li jikkunsidrawh bħala ksur tad-drittijiet bażiċi tal-konsumaturi. Hemm ukoll riskji għall-ħarsien tad-data u mhux faċli li l-utenti jużawh. Madankollu, xi rappreżentanti tad-DRM jiddefenduh u jgħidu li l-problemi marbuta mal-interoperabbiltà huma kkawżati minn dawk li jimmanifatturaw l-prodotti u dawk li jiddisinjaw is-software.

2.6

Fis-suq globali, l-operaturi tas-suq nazzjonali jridu jħabtu wiċċhom mad-diversità tal-lingwi u l-limitazzjonijiet ta' ċerti swieq, kif ukoll diverġenzi fir-regoli nazzjonali tal-liċenzjar. Il-fornituri tas-servizz tal-internet (ISPs) jappoġġjaw liċenzji u regoli multiterritorjali, iżda oqsma oħra tal-industrija huma fil-parti l-kbira tagħhom kontra dan l-approċċ. Il-liċenzji nazzjonali jgħinu biex ikun żgurat li l-awturi jitħallsu aħjar; għalkemm hemm numru mdaqqas ta' aġenziji li jiġbru d-drittijiet f'aktar minn pajjiż wieħed. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tal-mużika u l-operaturi taċ-ċellulari jixtiequ li l-proċess tal-irkuprar tad-drittijiet ikun issemplifikat.

2.7

L-ISPs jikkritikaw id-differenzi fis-sistemi biex jinġabru d-drittijiet għall-ikkuppjar privat, li huma dejjem iktar ta' piż u kumplessi, kif ukoll tal-ammonti involuti. Dawn il-fornituri għandhom dubji wkoll dwar il-benefiċċju ta' dawn is-sistemi f'dak li jirrigwarda d-DRM.

2.8

In-nuqqas ta' aċċessibbiltà tal-kontenut għad-distribuzzjoni onlajn, il-frammentazzjoni tas-suq u d-diversità konsiderevoli fit-tipi ta' kuntratti għall-użi differenti jagħmluha diffiċli li x-xogħlijiet jitpoġġew onlajn malajr u qed iwaqqfu l-iżvilupp tas-servizzi.

2.9

Id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni jirrifletti r-riżultati ta' żewġ konsultazzjonijiet u juri l-varjetà ta' pożizzjonijiet li għandhom l-interessi differenti ikkonċernati; Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq timbotta l-oqsma (kontroversjali) tal-liċenzjar multiterritorjali u d-drittijiet tal-awtur Ewropej, iżżid l-użu tad-DRM interoperabbli b'mod partikolari u tara li sseħħ it-tkomplija ta' suq Ewropew ġenwin, li jinkludi l-firxa sħiħa tal-kulturi.

2.10

L-għan hu li tiżgura li s-suq tal-kontenut Ewropew onlajn (li jkopri l-mużika, iċ-ċinematografija, il-logħob, eċċ) jikber għal erba' darbiet sa' l-2010, bi dħul li jikber miċ-ċifra ta' EUR 1.8 biljun fl-2005 għal EUR 8.3 biljun.

3.   Kummenti

3.1

Il-Kumitat huwa konxju mill-fatt li l-Internet jippermetti l-ġbir diġitali jew it-tqassim tal-merkanzija u s-servizzi b'metodi li jiksru d-drittijiet tal-awtur u d-distributuri tal-kontenut kreattiv onlajn fuq il-proprjetà immaterjali. Huwa konxju wkoll mill-indħil fil-privatezza tan-nies u l-forom ġodda ta' frodi li qed jaffettwaw lin-negozji u lill-individwi.

3.2

Il-mużika kontemporanja u dejjem aktar, ix-xogħlijiet awdjo-viżivi u s-software ta' kull tip huma x-xogħlijiet li l-aktar jiġu ċċirkulati b'mod illegali. Dan il-fenomenu nfirex ħafna meta d-distributuri kienu għadhom ma pproponewx xi mudell tan-negozju li kien iqis il-possibbiltajiet il-ġodda ta' infrazzjoni immaterjali tad-drittijiet tal-proprjetà. Kien hemm bżonn ukoll li l-addoloxxenti jiġu edukati dwar l-użu tal-internet, iżda l-ebda istituzzjoni ma' ħadet din l-inizjattiva u dan it-tip ta' edukazzjoni għadu mhux adegwat.

3.3

Xi minn daqqiet l-ewwel reazzjonijiet kienu estremi u xi kultant, f'każijiet iktar rari, laxki. B'mod ġenerali, id-distributuri daħħlu mekkaniżmi li jwaqqfu l-ikkuppjar (l-hekk imsejħa “DRMs”), fl-istess żmien tat-talba għal kumpens finanzjarju għal dawk li għandhom id-drittijiet u miżuri ta' penali li huma deterrent b'saħħtu, iżda li fil-prattika mhumiex applikabbli minħabba li l-frodi hija mifruxa ħafna, ħlief fil-każijiet ta' falsifikar massiv, prinċipalment mill-Ewropa tal-Lvant u l-Ażja. Numru żgħir ta' nies inqabdu biex iservu ta' eżempju, iżda ma kienx possibbli li wieħed jivvaluta l-impatt reali ta' dan l-eżempju minħabba fin-nuqqas ta' studji indipendenti u data realistika dwar il-ħsara li jagħmel l-iffalsifikar.

3.4

Madankollu, il-Kumitat jesprimi s-sorpriża tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni li toħloq DRMs interoperabbli “Ewropej” għall-kontenut imqassam onlajn. Fir-rigward tal-mużika, diġà hemm miljuni ta' siltiet mużikali li huma disponibbli fuq siti kummerċjali mingħajr id-DRMs, li huma mistennija li jisparixxu wara ċertu żmien. Il-kumpaniji tad-distribuzzjoni qed jiddiżinjaw varjetà ta' sistemi ta' distribuzzjoni għal din il-kategorija ta' kontenut, li jinkludu l-possibbiltà li tisma' direttament mingħajr ma tkun tista' tikkopja, jew arranġamenti li permezz tagħhom ikun jista' jitniżżel ċertu ammont ta' xogħlijiet, jew kontenut b'xejn li jiġi kkumpensat minn reklamar “obbligatorju” eċċ.

3.5

Mekkaniżmi ta' ħarsien fiżiku għall-mezzi, jew anke terminali bla fil, issa qed jidhru bħala ostakli għall-“użu ġust” aktar milli ħarsien effettiv kontra l-piraterija. Dawn jistgħu jirriżultaw ukoll f'integrazzjoni vertikali li hi kontra l-kompetizzjoni (siti, kodiċi tal-proprjetà b'xi telfien fil-kwalità, players dedikati: sistemi tad-distribuzzjoni Apple bil-kodiċi AAC u players bħalll-iPod jew l-iPhone). Forma komuni ta' ħarsien, b'mod partikolari għas-software jew il-logħob u numru ta' pubblikazzjonjiiet onlajn, hija bbażata fuq ċavetta diġitali ta' aċċess, li x-xerrej jirċievi wara li jkun ħallas għal kull unità jew għall-abbonament għal perjodu ta' żmien; Din hija sistema effikaċi b'mod raġonevoli u li diġà tintuża ħafna.

3.6

Il-Kumitat jemmen li d-DRMs diġitali integrati u interoperabbli huma skaduti fil-prattika; żgur li jkun preferibbli li jiġu studjati l-iżviluppi fis-setturi differenti fis-swieq tal-kontenut onlajn, li jidhru li jistgħu jwasslu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, ibbażati b'mod partikolari fuq kodiċi xierqa ta' kondotta u mudelli ta' negozju (4) li jkunu realistiċi, aktar milli tintuża l-inizjattiva Ewropea biex sitwazzjoni li hi transitorja u li qed tinbidel malajr tiġi sfurzata ġo qafas riġidu.

3.7

B'referenza għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-ftehimiet internazzjonali u l-konvenzjonijiet attwali jiffurmaw bażi legali li fil-prinċipju hija komuni għall-Istati Membri u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi. Madankollu, id-differnzi jippersistu minkejja l-liġi tal-Komunità. Il-proposta għal “drittijiet tal-awtur Ewropej” għas-suq intern ukoll twassal biex il-ħarsien ikun awtomatiku fl-Istati Membri kollha, ladarba dawn id-drittijiet jiġu rikonoxxuti f'wieħed minnhom, u b'hekk ikun iggarantit ħarsien uniformi.

3.8

Fl-era tal-internet u s-soċjetà tal-għarfien, huwa ta' importanza vitali li jintlaħaq bilanċ ġenwin bejn l-interess ġenerali u l-interess privat. Huwa imperattiv li l-awturi u d-distributuri jirċievu ħlas ġust. Il-qarrejja, is-semmiegħa u l-utenti jridu jkunu jistgħu jagħmlu użu raġonevoli minn kontenut li jiksbu b'mod leġittimu fid-dar, fil-libreriji jew għat-tagħlim, fl-istabbilimenti edukattivi.

3.9

Hemm bżonn li jiġi rikonoxxut li f'numru ta' pajjiżi teżisti sistema ta' liġi kriminali li hi rigoruża, li tipproteġi d-drittijiet tal-awtur u timponi sanzjonijiet eżorbitanti kontra l-individwi li ma jkollhomx liċenzja, filwaqt li l-użu privat u d-drittijiet tal-ikkuppjar ġew limitati; madankollu, filwaqt li l-metodi polizjeski imposti fuq il-fornituri tas-servizzi tal-internet jistgħu jkunu utli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, jidhru sproporzjonati u jistgħu jiksru d-dritt tal-privatezza f'qafas legali li jkun għal kollox favur id-distributuri. Fl-aħħar mill-aħħar, dan it-tip ta' liġi jista' tiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, li tissorvelja r-rispett tal-privatezza. Min-naħa tagħha il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Lussemburgu tappella lill-partijiet ikkonċernati biex jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità u jilħqu bilanċ bejn id-drittijiet differenti li jiġu milquta (is-sentenza Promusicae).

3.10

Barra minn hekk, xi pajjiżi, ta' spiss l-istess pajjiżi, jimponu taxxa fuq kull tip ta' mezz diġitali, billi jqisuhom bħala għodod għall-piraterija, hu x'inhu l-użu li huma intenzjonati għalih. Għalkemm din ta' spiss tissejjaħ “taxxa fuq l-ikkuppjar privat”, tiġġenera dħul konsiderevoli li jinqasam b'mod li huwa 'l bogħod milli jkun trasparenti. Dan l-approċċ, li jpoġġi kull forma ta' kkuppjar privat jew ġust fl-istess keffa tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati huwa speċjalment intollerabbli għall-utenti onesti tal-ICT, li fil-fatt huma l-maġġoranza vasta, u għall-kumpaniji li jużawhom għall-skopijiet oħra li m'għandhomx x'jaqsmu mal-ikkuppjar tal-kanzunetti pop jew il-logħob. Dawn it-taxxi tal-anqas għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati mal-ispejjeż reali tal-ħżin ta' unitajiet diġitali (perċentwali tal-prezz tal-bejgħ tat-tagħmir, diviż bil-kapaċità totali tiegħu f'Gigabytes, pereżempju, peress li ġew osservati distorzjonijiet notevoli fl-ipprezzar tat-tagħmir ta' ħżin).

3.11

Id-drittijiet tal-partijiet differenti milquta jridu jiġu rrispettati, iżda anke d-direttivi fis-seħħ kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità kif ġie ddikkjarat b'mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Promusicae (5).

4.   Kummenti oħra tal-Kumitat

4.1

Il-Kumitat jaqbel mal-fehma li l-interoperabbiltà, li għandha importanza kruċjali għall-kompetizzjoni ħielsa tista' tinkiseb biss meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw kwalunkwe tagħmir li jagħżlu biex jaqraw il-kontenut tagħhom. L-unika soluzzjoni għal din il-problema hi li l-kontenut ikun “open source encoded” u għalhekk ikun aċċessibbli b'mod universali. Madankollu, is-sistemi kollha tad-DRM, b'mod awtomatiku ma' jħallux li l-kontenut jinqara minn xi tagħmir, hardware jew software li ma ġiex awtorizzat b'mod espliċitu minn min jippubblika d-DRMs. Minnhom infushom, id-DRMs jiddependu mis-segretezza tal-format magħluq tagħhom, u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom mhumiex pubblikament aċċessibbli. Sistemi li mhumiex awtorizzati jew ċċertifikati minn dawk li jippubblikaw id-DRMs qed jiġu esklużi milli joffru xi tip ta' kompetizzjoni. Barra minn hekk, s'issa ma jeżisti l-ebda DRM “open source”. Din is-soluzzjoni tkun tenħtieġ l-implimentazzjoni ta' sistemi kumplessi ta' liċenzjar trasverali u numru ta' ħallieqa tal-kontenut jistgħu jisfaw esklużi mis-suq, għaliex, pereżempju ma jkunux użaw DRM. Setturi sħaħ fl-isfera tal-ħolqien tal-kontenut diġitali, fosthom istituzzjonijiet xjentifiċi, ċentri ta' riċerka u universitajiet, kif ukoll software u kontenut b'xejn maħluq b'liċenzji alternattivi jiġu esklużi minn kwalunkwe suq li jippermetti biss kontenut kummerċjali. Dan jidher li mhuwiex kompatibbli mas-soċjetà tal-informazzjoni u l-għarfien li l-Ewropa tixtieq li tkun il-pijuniera tagħha.

4.2

L-ebda waħda minn dawn l-approċċi mhi sodisfaċenti, pereżempju għax-xogħlijiet u l-kontenut importati minn pajjiżi terzi għal ġol-Ewropa jew għall-esportazzjoni mill-Ewropa. Kwalunkwe skema Ewropea ta' DRM ibbażata fuq is-software għalhekk ikollha tkun kompatibbli ma' dawk użati fis-swieq esterni, li spiss huma ħafna aktar attivi fis-settur awdjoviżiv. L-iskemi DRM jiftħu l-bibien għal atteġġjamenti li jmorru kontra l-kompetizzjoni u tentattivi ta' integrazzjoni vertikali fis-settur multimedjatiku. Eżempju ta' dan huwa l-iTunes tal-Apple, li juża skema u kodiċi ta' proprjetà DRM, li fil-prattika jġiegħlu lill-utenti jużaw player iPod jew iPhone.

4.3

Jekk tinkixef biss l-API (l-interface gћal programmi applikattivi) ta' skema tad-DRM ibbażata fuq is-software u mhux is-source programme kollu, li tista' tkun tentazzjoni kbira għal xi fornituri, dejjem ser jibqa' r-riskju li l-interoperabbiltà ġenwina tkun impossibbli.

4.4

Il-pirati malajr jiskopru kif jistgħu iduru jew jirriproduċu kwalunkwe sistema ta' ħarsien, tant li l-fornituri tal-kontenut m'għadhomx jafdaw l-iskemi tad-DRM u qed ifittxu mudelli ta' distribuzzjoni kummerċjali ġodda, bħalma huma l-abbonamenti b'rata fissa, is-smigħ bla ħlas imma jkun hemm ħlas biex jitniżżel il-kontenut, l-inklużjoni tar-reklamar eċċ. Ikun aħjar li s-suq jiġi fdat milli li tgħaddi liġi ta' malajr li tkun imħawda, kif ġara fi Franza fejn numru ta' liġijiet li ħarġu wara xulxin wasslu għal interpretazzjonijet kuntradittorji fil-qrati. Il-pressjoni mil-kumpaniji tad-diski ewlenin (ħamsa globali “ewlenin” jiddominaw l-industrija tal-mużika, u sitta jew seba' s-settur awdjo-viżiv) s'issa kien fattur ewlieni biex iħajjar lil xi pajjiżi jabbandunaw id-dritt tal-ikkuppjar privat u l-kriminalizzazzjoni tal-qsim tal-fajls bejn l-individwi. Il-proposta ta' liġi reċenti fi Franza waqgħet f'din in-nasba ta' regolamentazzjoni eċċessiva.

4.5

Kif stqarr il-Kumitat f'opinjonijiet preċedenti, il-liġijiet kriminali għandhom japplikaw biss għal falsifikazzjoni għal skopijiet kummerċjali (produzzjoni u distribuzzjoni, pereżempju minn organizzazzjonijiet kriminali). F'xi Stati Membri, huwa faċli ħafna, anke f'suq miftuħ, li takkwista kopji ta' software, mużika u materjal tal-video kkuppjati. Teżisti industrija Ewropea tal-piraterija, iżda ħafna mill-kopji jiġu mill-Ażja. Għandha tingħata prijorità lill-isforzi li jolqtu u jippenalizzaw il-falsifikazzjoni li ssir fuq skala kbira għal skopijiet kummerċjali u li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-qrati bil-ħsieb li netwerks kriminali internazzjonali jiżżarmaw.

4.6

B'referenza għall-qsim, speċjalment fost l-addoloxxenti, għandha tingħata prijorità lill-kampanji li jippubbliċizzaw il-ħtieġa li l-awturi u l-produtturi jirċievu ħlas ġust (b'mod partikolari l-awturi, li jirċievu l-iżgħar sehem mid-dħul) u li jippromwovu l-edukazzjoni ċivika.

4.7

Il-qsim ta' fajls fuq skala kbira mhux bilfors jinvolvi fajls li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur. Jista' jkun qed isir il-qsim u l-pubblikazzjoni ta' kontenut b'xejn imħallat (riżultati ta' esperimenti xjentifiċi u studji jew xogħlijiet li jkunu qed jiġu ppreżentati għal-liċenzji tal-ikkuppjar u d-distribuzzjoni illimitata).

4.8

Madankollu, skont il-proposta ta' liġi li qed tiġi diskussa fi Franza, in-netwerk kollu jrid jiġi ssorveljat, bil-ħażna fit-tul tad-data personali tal-utenti tal-internet. Din id-data tkun aċċessibbli għar-rappreżentanti tal-kumpaniji ewlenin tad-diski. Madankollu kieku kellha tiddaħħal sistema ta' dan it-tip, l-aċċess għad-data għandu jkun limitat għall-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom mandat xieraq mill-qorti.

4.9

Id-dritt għall-ikkuppjar privat isir eċċezzjoni kkontrollata minn ħafna restrizzjonijiet li jkunu stabbiliti f'“kuntratti” li jfasslu l-fornituri tal-kontenut, li jużaw lingwaġġ ambigwu u inkompatibbli mal-prattika komuni tax-xiri impulsiv.

4.10

Fil-prattika huma biss il-ħallieqa u d-distributuri professjonisti biss li jiggwadanjaw minn dan it-tip ta' ħarsien eċċessiv, u ma hemm l-ebda ħarsien speċifiku għall-produtturi individwali, artisti mhux magħrufa jew dawk li jużaw liċenzji alternattivi (jeżistu madwar ħamsin tip ta' liċenzji, fosthom il-GPL, l-LGPL u l-creative commons), għalkemm dawn il-liċenzji huma ggvernati mid-drittijiet tal-awtur u mhux bilfors huma b'xejn. L-unika soluzzjoni disponibbli għal dawn tal-aħħar tkun li jieħdu azzjoni legali għall-iffalsifikar u dan iwassal għal inugwaljanza kbira bejn it-trattament legali tad-distributuri multinazzjonali l-kbar u dak tal-kumpaniji ż-żgħar jew l-individwi.

4.11

Il-Kumitat iqis li l-prinċipju bażiku tal-liġijiet irid ikun il-ħarsien tal-konsumaturi bona fide u l-ħlas ġust tal-ħallieqa tal-kontenut.

4.12

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta' liċenzji li nkisbu b'mod legali u l-aċċess għad-data personali mir-rappreżentanti tal-kumpaniji tad-diski ewlenin huma ta' detriment għall-iskop li jrid jintlaħaq, peress li dawk li jiffalsifikaw il-prodotti għal skopijiet “kummerċjali” jkunu jistgħu jegħlbu l-ostakli tekniċi kollha u jaħbu dak li jagħmlu fin-netwerk. Huwa biss il-qsim ta' fajls (legali jew illegali) mill-utenti tal-internet għall-ebda skop kummerċjali li jkun disponibbli għas-sorveljanza. Huwa veru li ħafna minn dan il-qsim huwa illegali u għandu jiġi miġġieled permezz ta' mezzi li huma adattati għal fenomenu li huwa mifrux ħafna. Ftit kastigi “ta' eżempju” u l-pubbliċità li tirriżulta bil-ħsieb li tiskoraġġixxi ċerti utenti tal-internet mhux biżżejjed, peress li statistikament il-possibbiltà li wieħed jinqabad huma minimi u dan ma jinkwetax, pereżempju lill-addoloxxenti li mhumiex konxji tal-ħsara li jkunu qed jagħmlu lill-artisti favoriti tagħhom.

4.13

Il-ħżin fit-tul mill-ISPs tad-data personali tal-utenti tal-internet hija vjolazzjoni kbira tal-privatezza tagħhom. Żgur li dan il-ħżin huwa assolutament meħtieġ biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, jew fil-fatt huwa sproporzjonat għall-iskop li jrid jintlaħaq? Dawn id-drittijiet huma tant assoluti li jeħtieġu l-vjolazzjoni permanenti tal-privatezza tal-utenti kollha tal-internet?

4.14

Din id-data maħżuna forsi tista' tintuża fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda l-utenti tal-internet għandu jkollhom garanziji legali dwar il-kunfidenzjalità tal-konnessjonijiet tal-internet li jużaw. Però din tista' titneħħa fl-interess ġenerali minn awtorità li tkun kisbet mandat xieraq, għal skop speċifiku limitat mit-termini tal-ordni tal-qorti.

4.15

L-użu tad-data għall-ġbir tal-informazzjoni u għal skopijiet analitiċi jista' jiġi awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari dik tal-anonimità. Mill-banda l-oħra, fajls bl-isem li jagħmlu cross-referencing, il-ġbir ta' data li tinkludi l-isem għall-iskop ta' profili biex ir-reklamar ikun aktar effiċjenti, u l-ħżin u r-rabta ta' din id-data mal-lista ta' kliem ewlenin mill-magni tat-tfittxija, u prattiki oħra li diġà qed jintużaw (u li l-aktar li jgawdu minnhom huma l-kumpaniji tad-diski l-kbar u kumpaniji kbar oħra), għandu jiġi projbit, peress li huma forma ta' ndħil fil-privatezza.

4.16

F'ħafna pajjiżi jiġu imposti taxxi fuq il-mezzi kollha tad-data, fissi jew bla fil, għall-benefiċċju esklussiv ta' dawk li għandhom id-drittijiet (speċjalment drittijiet fuq kontenut awdjo-viżiv), anke fuq mezzi li mhumiex intiżi għal dak l-iskop. B'din is-sistema, kull min juża mezz diġitali qed jitqies bħala pirata potenzjali. Ċerti kategoriji ta' utenti għandhom ikunu eżentati, inklużi l-kumpaniji. Mill-banda l-oħra l-fornituri tal-aċċess tal-broadband, li l-iżvilupp tan-netwerks tagħhom huwa dovut, tal-anqas parti minnu, għall-użu potenzjalment illegali, jistgħu jiġu ntaxxati b'rata relattivament baxxa, imma li tkun marbuta mal-volum tat-traffiku bejn l-individwi, sabiex jikkontribwixxu lejn id-dħul tad-drittijiet tal-awtur u l-promozzjoni tal-kontenut ġdid. Ħlief għall-ispejjeż ta' ġbir u redistribuzzjoni, l-Istati m'għandhomx idaħħlu d-dħul minn dawn it-taxxi.

4.17

Eżempji ta' ġestjoni tad-drittijiet mill-Iskandinavja, b'mod partikolari l-Isvezja, għandhom ikunu ppreferuti mis-suċċessjoni ta' liġijiet u proposti Franċiżi, li mhumiex ibbilanċjati u konvinċenti bħala mezz biex jassistu lill-artisti żgħażagħ u n-negozji żgħar u ta' daqs medju.

4.18

Wara perjodu raġonevoli li waqtu jiġu ggarantiti d-drittijiet esklussivi, tiddaħħal sistema globali, kif inhi l-prattika fl-Isvezja.

4.19

Waqt id-diskussjoni tiegħu fuq l-abbozz tad-direttiva dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IP-LAP: Proprjetà industrijali, proprjetà litterarja u artistika, u drittijiet oħra relatati jew ad hoc rikonoxxuti u mħarsa fl-UE), il-Kumitat appella għal approċċ sod imma meqjus fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar għal skopijiet kummerċjali.

4.20

Min-naħa tiegħu, fil-Ftehim dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-WTO wissa kontra l-abbuż tal-proprjetarji tad-drittijiet li jistgħu jżommu l-kompetizzjoni jew ma jkunux konformi mal-interessi ġenerali.

4.21

“Objettivi: il-ħarsien u l-infruzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika u t-trasferiment u d-disseminazzjoni tat-teknoloġija, għall-vantaġġ reċiproku tal-produtturi u l-utenti tal-għarfien tat-teknoloġija u b'mod li jwassal għall-ġid soċjali u ekonomiku, u għall-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi”.

4.22

“Prinċipji: ... 2. Miżuri xierqa, sakemm ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, jistgħu jkunu bżonnjużi biex iwaqqfu l-abbuż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-proprejtarji tad-drittijiet jew li jkun hemm prattiki li jżommu l-kummerċ b'mod irraġonevoli jew li jaffettwaw b'mod ħażin it-trasferiment internazzjonali tat-tekonoloġija”.

4.23

Il-kummenti t'hawn fuq mill-Kumitat li diġà qegħdin fl-Opinjoni tal-KESE tad-29 ta' Ottubru 2003 (6) dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri u l-proċeduri li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu infurzati huma konformi mal-objettivi TRIPS (Artikolu 7) u l-prinċipji li fuqhom huma bbażati (Artikolu 8(2)): dawn għandhom jiddaħħlu fil-premessa tad-direttiva, peress li l-penali possibbli ma jistgħux jiġu disassoċjati mill-liġi sustantiva, u l-abbużi potenzjali mid-drittijiet IP-LAP mill-proprjetarji tad-drittijiet m'għandhomx jiġu injorati” (7).

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Digital Rights Management (terminu li hu “politikament korrett” li jfisser software jew tagħmir tekniku li ma jippermettix l-ikkuppjar.

(2)  COM(2007) 836 finali, Brussell, 3.1.2008 SEC(2007) 1710 Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni.

(3)  “i2010 — Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-Tkabbir u l-Impjieg” (COM(2005) 229 finali).

(4)  Il-fatt li l-mużika tinbiegħ fuq l-internet bl-istess prezz tas-CDs fil-ħwienet iwassal għal qliegħ żejjed għall-produtturi, li ma jħeġġiġx lil dawk milquta li jfittxu mudelli aktar realistiċi li jagħtu kas tal-ispejjeż u marġni ta' profitt raġonevoli.

(5)  SENTENZA TAL-QORTI (Awla Magna) 29.1.2008 fil-każ C 275/06, Referenza għas-sentenza preliminari.

Il-qorti (Awla Magna) 29.1.2008, tiddeċiedi li:

“Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ma jirrikjedux lill-Istati Membri li, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jistabbilixxu l-obbligu li data personali tiġi kkomunikata bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt tal-awtur fil-kuntest ta' proċeduri ċivili. Madankollu, id-dritt Komunitarju jeżiġi li, fit-traspożizzjoni ta' dawn id-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja. Sussegwentement, meta jiġu implementati l-miżuri ta' traspożizzjoni ta' dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri, mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b'mod konformi ma' dawn id-direttivi stess, iżda għandhom jaraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta' proporzjonalità”.

(6)  ĠU C 32, 05.02.2004, p. 15 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Il-Ftehim TRIPS li huwa parti mill-Anness 1C tal-Ftehim stabbilit bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f'Marrakesh nhar il-15.4.1994 u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22.12.1994 dwar il-konklużjoin f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1) għandu t-titlu “Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”. Din il-parti fiha Artikolu 41(1), li jiddikkjara: “Il-Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta' infurzar kif speċifikat f'din il-Parti jinstabu fil-liġijiet tagħhom sabiex jippermettu azzjoni effettiva kontra kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jinsabu b'dan il-Ftehim, fosthom rimedji bla dewmien biex iwaqqfu l-ksur u rimedji li huma ta' deterrent għal ksur ulterjuri. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu applikata b'mod li jevitaw il-ħolqien ta' ostakli għall-kummerċ leġittimu u jipprovdu salvagwardji kontra l-abbuż tagħhom” (traduzzjoni libera).


Top