EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1505

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE u 89/666/KEE fir-rigward tal-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji COM(2008) 194 finali — 2008/0083 (COD)

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE u 89/666/KEE fir-rigward tal-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji

COM(2008) 194 finali — 2008/0083 (COD)

(2009/C 77/06)

Nhar it-23 ta' Mejju 2008, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE u 89/666/KEE fir-rigward tal-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji.

Fil-21 ta' April 2008, il-Bureau tal-Kumitat ħatar lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-Ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Iozia bħala r-rapporteur ġenerali matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet it-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru) u adotta din l-opinjoni b' 72 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jaqbel mal-kontenut tad-direttiva proposta u jqisu pass 'il quddiem fl-istrateġija ta' simplifikazzjoni amministrattiva proposta fil-komunikazzjoni intitolata Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea.

1.2

Dan jikkonforma mal-opinjoni pożittiva tal-Osservatorju tas-Suq Uniku tal-KESE li f'diversi opinjonijiet tiegħu, b'mod konsistenti appoġġja l-inizjattivi favur is-simplifikazzjoni li ttieħdu fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Huwa jemmen li dawn l-inizjattivi, billi ser inaqqsu l-ispejjeż tal-kumpaniji, ser ikunu qed jagħtu kontribut importanti għall-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE, kemm-il darba ma jxekklux il-ħarsen tal-interessi tal-partijiet interessati.

1.3

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-għan tal-proposta li temenda d-Direttivi 68/151/KEE (l-Ewwel Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji) u 89/666/KEE (il-Ħdax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji) huwa li tissimplifika u tnaqqas il-piż amministrattiv fil-qasam sensittiv tal-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji, li ħafna drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' spejjeż sproporzjonati u mhux meħtieġa.

1.4

Il-Kumitat jilqa' l-miżuri proposti li jistgħu jinkisbu permezz ta' tibdiliet żgħar fl-acquis tal-UE. Barra milli jnaqqsu l-piż amministrattiv tal-kumpaniji, il-miżuri ser iservu wkoll sabiex jipprevedu l-ħolqien ta' ostakli li jxekklu l-moviment ħieles tal-oġġetti u s-servizzi, hekk kif uriet il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta.

1.5

Il-Kumitat għalhekk jilqa' intervenzjoni bħal din u jingħaqad mal-Kunsill billi jitlob lill-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri li jkomplu jnaqqsu l-obbligi li m'għandhom l-ebda valur miżjud li jeżistu f'oqsma oħra. Dawn l-obbligi m'għandhom l-ebda benefiċċju għall-utent, u għall-kumpaniji huma biss piż u ostaklu li ma jħallihomx jilqgħu tajjeb l-isfidi attwali tal-kompetizzjoni globali.

1.6

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu għas-simplifikazzjoni amministrattiva fil-kumpaniji permezz ta' verżjoni elettronika tal-informazzjoni kollha li, skont il-leġislazzjoni eżistenti, għandha tiġi ppubblikata.

2.   Sfond

2.1

Wara d-diversi valutazzjonijiet li saru fl-2005, il-Kummissjoni tat bidu għall-proġett tat-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi ġejjin mill-leġislazzjoni eżistenti u li jaffaċċjaw il-kumpaniji. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-ispejjeż mhux meħtieġa kienu qed ixekklu l-ekonomija tal-UE u jtellfu l-kompetittività tan-negozji.

2.2

Fl-14 ta' Novembru 2006, il-Kummisjoni ppreżentat komunikazzjoni bit-titlu sinifikanti Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea (1) u dokument ta' ħidma intitolat Il-kejl tal-ispejjeż amministrattivi u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea (2). Iż-żewġ inizjattivi jenfasizzaw il-bżonn ta' benefiċċji ekonomiċi għall-kumpaniji u simplifikazzjoni li ma tħallix effetti negattivi fuq l-utenti tal-informazzjoni kkonċernata.

2.3

F'Marzu 2007 din l-istrateġija ġiet appoġġjata minn programm ta' azzjoni għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi (3) (li għadu ma ġiex ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali) li stabbilixxa l-għan li sal-2012 l-ispejjeż amministrattivi jkunu tnaqqsu b'25 %.

2.4

A number of fast-track proposals were adopted by the Commission in March 2007 aimed at reducing administrative burdens and on 10 July 2007 it presented a communication setting out its proposals for simplification in the fields of company law, accounting and auditing (4).

2.5

Fil-laqgħat tiegħu tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tidentifika proposti leġislattivi ġodda li jnaqqsu l-piż amministrattiv (5).

2.6

Dan huwa l-kuntest tal-proposta għal direttiva dwar l-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji u li tistipula tnaqqis jew tneħħija tal-obbligi tal-informazzjoni li m'għandhom l-ebda valur miżjud għall-utenti.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Skont il-Kummissjoni, l-għan tal-proposta għal Direttiva huwa li ttejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE billi tnaqqas jew tneħħi l-obbligi amministrattivi stipulati fil-leġislazzjoni eżistenti li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tal-utenti tal-informazzjoni u li huma spejjeż żejda għall-kumpaniji.

3.2

Il-Proposta temenda d-Direttivi 68/151/KEE (l-Ewwel Direttiva) u 89/666/KEE (il-Ħdax-il Direttiva) tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni ta' wara t-twaqqif ta' ċerti tipi ta' kumpaniji.

3.3

Fir-rigward tal-Ewwel Direttiva ġie propost rekwiżit minimu ġdid ta' pubblikazzjoni abbażi tal-kontenut ta' Artikolu 3(4) 68/151 KE dwar il-liġi tal-kumpaniji. L-għan ta' din l-emenda huwa li telimina uħud mill-obbligi attwali fuq il-kumpaniji li fil-gazzetti tal-gvern jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar it-twaqqif tal-kumpanija u l-kontijiet attwali, li skont il-leġislazzjoni attwali jridu jiġu ppubblikati kull sena.

3.4

Is-simplifikazzjoni proposta bl-ebda mod ma tnaqqas il-valur miżjud għall-utenti b'mod partikolari issa li aktar mal-użu tal-mezzi elettroniċi qed isir komuni, l-informazzjoni tar-reġistri kummerċjali, li permezz tagħhom l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni neċessarja, aktar qed issir disponibbli fuq l-internet.

3.5

L-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu għall-aċċess elettroniku u kronoloġiku għall-informazzjoni imma jibqgħu liberi li jesiġu l-użu tal-mezzi addizzjonali tal-pubblikazzjoni sa kemm dawn ma jwasslux għal spejjeż żejda għall-kumpaniji.

3.6

Fir-rigward tad-Direttiva 89/666/KEE (il-Ħdax-il Direttiva) ġiet proposta emenda fuq Artikolu 4 li attwalment jitlob it-traduzzjoni tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-file tal-kumpanija meta tiġi rreġistrata fergħa ġdida tal-kumpanija.

3.7

Artikolu 4 il-ġdid jirrikjedi li d-dokumenti jiġu ppublikati f'lingwa uffiċjali tal-Komunità iżda jitlob biss li t-traduzzjoni tkun awtentikata fi proċedura aċċettata mill-awtoritajiet kollha ta' kull Stat Membru. L-Istati Membri kollha għandhom jilqgħu din l-attestazzjoni u m'għandhomx jimponu obbligi formali oħra barra dawk stipulati f'paragrafi 1 u 2, b'konformità mal-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni u l-attestazzjoni.

3.8

Il-bażi legali ta' din il-proċedura hija l-istess bħal dik tad-direttivi preċedenti: Artikolu 44(2)(g) tat-Trattat. Barra minn hekk fil-fehma tal-Kummissjoni, il-proċedura tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

3.9

Il-Kummissjoni ġibdet attenzjoni lejn il-fatt li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati stħarrġet bir-reqqa l-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt, u r-riżultat kien pożittiv (total ta' 110 minn 22 Stat Membru). Ir-riżultati jinsabu fis-sit tal-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern u tas-Servizzi (DĠ MARKT).

3.10

Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni bassret li mill-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali, il-kumpaniji ser jiffrankaw EUR 410 miljun fis-sena u madwar EUR 200 fis-sena mill-pubblikazzoni ta' tibdiliet fir-reġistri. Mit-traduzzjoni u l-attestazzjoni ser jiffrankaw madwar EUR 22 miljun.

4   Kummenti ġenerali

4.1

F'bosta opinjonijiet tal-Osservatorju tas-Suq Uniku, il-Kumitat appoġġja s-simplifikazzjoni amministrattiva proposta fil-komunikazzjoni intitolata Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea.

4.2

L-opinjonijiet tal-Kumitat dejjem appoġġjaw din l-inizjattiva li tagħti kontribut prattiku favur il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE billi tnaqqas l-ispejjeż fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji li huma eċċessivi u żejda mingħajr ma tikkomprometti l-ħarsien tal-interessi tal-partijiet interessati.

4.3

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li hija u tintervjeni fl-oqsma sensittivi tal-obbligi tal-pubblikazzjoni u t-traduzzjoni, din il-proposta mhux biss tnaqqas l-ispejjeż, kif uriet il-valutazzjoni tal-impatt iżda żżid il-kredibilità tal-UE għax telimina l-ostakli artifiċjali u inġusti li jxekklu l-moviment ħieles tal-oġġetti u s-servizzi.

4.4

L-inizjattivi tnedew dejjem wara valutazzjoni serja tal-għanijiet u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u kienu soġġetti għal konsultazzjoni dettaljata mal-partijiet interessati kollha.

4.5

Il-Kumitat għalhekk jilqa' l-kontenut tad-direttiva proposta u jqisu pass 'il quddiem ieħor fl-istrateġija ta' simplifikazzjoni. Il-Kumitat jappoġġja wkoll lill-Kunsill huwa u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni fl-oqsma l-oħra li jirrikjedu s-simplifikazzjoni sabiex ikomplu jitnaqqsu l-obbligi li huma piż żejjed għall-kumpaniji.

Brussell, id-19 ta' Settembru 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM(2006) 689, ĠU C 78, 11.4.2007, p. 9.

(2)  Il-kejl tal-ispejjeż amministrattivi u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea, COM(2006) 691.

(3)  Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea, COM(2007) 23.

(4)  A simplified business environment for companies in the areas of company law, accounting and auditing, COM(2007) 394.

(5)  Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, Brussel, 13 u 14 ta' Marzu 2008, dok. 7652/08, (konkl. 1).


Top