This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AE1201
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2003/87/EC so as to improve and extend the greenhouse gas emission allowance trading system of the Community COM(2008) 16 final — 2008/0013 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra COM(2008) 16 finali — 2008/0013 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra COM(2008) 16 finali — 2008/0013 (COD)
ĠU C 27, 3.2.2009, p. 66–70
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 27/66 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra
COM(2008) 16 finali — 2008/0013 (COD)
(2009/C 27/15)
Nhar it-13 ta' Frar 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tas-sistema ta' l-UE għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008 Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.
Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'124 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-valur tas-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti (ETS) ser jiġi mkejjel bl-impatt li ser ikollha fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u r-relevanza tagħha u l-eżempju li tagħti biex tistimola l-azzjoni globali u/jew tiżviluppa fi skema komprensiva u globali. F'dan il-kuntest:
|
1.2 |
Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti trid tidher li qed tistimola ekonomija b'dipendenza baxxa fuq il-karbonju u tinkoraġġixxi l-ħarsien tal-klima, l-adattament u l-mitigazzjoni.
|
1.3 |
Is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti għandha tfittex li tnaqqas kemm tista' l-ostakoli burokratiċi biex tkun ċara u trasparenti.
|
1.4 |
Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti għandha tidher li hi ekwa fl-UE filwaqt li jkun hemm rikonoxximent tal-ħtieġa urġenti tal-pajjiżi li bdew jindustrijalizzaw riċentement u dawk inqas żviluppati li joħolqu tkabbir sostenibbli u jtaffu l-faqar.
|
2. Introduzzjoni
2.1 |
Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ġiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE f'Ottubru 2003. L-għan tagħha hu li tikkontrolla l-fatturi li jikkontribwixxu għall-bidla fil-klima, b'mod speċifiku l-gassijiet b'effett ta' serra antropoġeniċi (GHGs), billi tipprovdi inċentivi ekonomiċi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Hija sistema ta' limiti massimi u skambju (cap and trade) fejn ġie stabbilit limitu fuq l-ammont ta' emissjonijiet ta' sustanza li tniġġes (l-aktar CO2). Is-sistema għall-Iskambju hija l-aktar mekkaniżmu importanti ta' l-UE għall-limitazzjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra, u hija ppreferuta fuq it-tassazzjoni diretta fuq il-karbonju jew ir-regolamentazzjoni diretta. |
3. Il-prinċipji ġenerali
3.1 |
Is-Sistema attwali għall-Iskambju tal-Kwoti tapplika għal 'il fuq minn 10 000 installazzjoni fis-setturi ta' l-enerġija u ta' l-industrija, li flimkien huma responsabbli għal 40 % tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE. L-installazzjonijiet jingħataw permessi għall-emissjonijiet ex ante u jridu jċedu numru ta' kwoti (jew krediti) li jirrappreżentaw id-dritt li jitfgħu ammont speċifiku li hu ekwivalenti għall-emissjonijiet reali tagħhom. L-ammont totali ta' kwoti u krediti ma jistax jaqbeż il-limitu massimu, u b'hekk l-emissjonijiet totali huma limitati għal dak il-livell. Il-kumpaniji li jitfgħu aktar gassijiet b'effett ta' serra mill-ammont ta' kwoti li rċevew jridu jixtru l-krediti mingħand dawk li niġsu inqas jew mill-irkant biex ikollhom aktar kwoti. |
3.2 |
It-trasferiment tal-kwoti huwa msejjaħ skambju. Fil-fatt, kull għejun ta' emissjonijiet, taħt din is-sistema, qiegħed iħallas talli jkun niġġes, filwaqt li kull installazzjoni tiġi ppremjata talli tnaqqas l-emissjonijiet b'aktar milli kien meħtieġ. B'hekk, fit-teorija, dawk li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet l-aktar bl-irħis, ser jagħmlu dan, u allura t-tnaqqis tat-tniġġis isir bl-inqas spiża possibbli għas-soċjetà. Kwota fis-Sistema għall-Iskambju tekwivali d-dritt li tintefa' l-ekwivalenza ta' tunellata (metrika) ta' dijossidu karboniku għal perjodu speċifikat — peress li l-gassijiet b'effett ta' serra l-oħra jiġu kkonvertiti għal ekwivalenti ta' CO2. |
3.3 |
L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-użu tal-krediti mill-proġetti ta' ffrankar ta' l-emissjonijiet fil-pajjiżi tat-tielet dinja bl-istess mod tal-kwoti. Dawn il-proġetti jridu jkunu rikonoxxuti skond il-Mekkaniżmu ta' l-Implimentazzjoni Konġunta ta' Kyoto jew il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif. |
4. Il-perijodi ta' skambju tal-kwoti fis-Sistema.
4.1 L-ewwel perjodu ta' skambju tal-kwoti 1/1/2005 — 31/12/2007.
4.1.1 |
L-ewwel fażi ta' tagħlim stabbilixxiet l-infrastruttura ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet iżda kienet limitata ħafna fl-effikaċja tagħha minħabba li l-Istati Membri kienu allokaw wisq kwoti (Għall-ewwel u t-tieni fażi l-Istati Membri fasslu pjan nazzjonali ta' allokazzjonijiet tal-kwoti — NAPs — li fihom taw il-livell totali ta' emissjonijiet u n-numru ta' kwoti li kienet ser tirċievi kull installazzjoni.). Kien hemm varjetà kbira fil-prezzijiet ta' l-iskambju tal-kwoti f'dan il-perjodu, inkluż il-waqa' fil-prezz tal-karbonju fl-aħħar ta' l-ewwel perjodu ta' skambju. |
4.1.2 |
Saret ħafna kritika lis-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti, li kienet iffukata l-aktar fuq il-metodi inizjali ta' l-allokazzjoni u l-użu mid-dħul; il-livell tal-limitu massimu; problemi ta' ekwità, kumplessità, monitoraġġ u infurzar; ir-riskju li l-industriji li l-aktar li jitfgħu gassijiet b'effett ta' serra jkunu mħeġġa li jirrilokaw f'pajjiżi mhux regolati, il-valur, il-kredibbiltà u l-affidabbiltà tal-krediti ta' l-Implimentazzjoni Konġunta u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif u l-impożizzjoni fil-futur ta' spejjeż ta' produzzjoni li m'humiex vantaġġjużi. Ħareġ ċar li dawn il-kwistjonijiet riedu jiġu trattati fir-reviżjonijiet tas-Sistema għall-Iskambju biex is-sistema tikseb il-kredibbiltà kemm ma' l-industrija kif ukoll mal-korpi non-governattivi. |
4.2 It-tieni perjodu ta' skambju tal-kwoti 1/1/2008 — 31/12/2012
4.2.1 |
Din il-fażi tapplika għas-27 Stat Membru u tikkoinċidi ma' l-ewwel perjodu ta' l-impenn tal-Protokoll ta' Kyoto u l-ħtieġa li jonqsu l-gassijiet b'effett ta' serra. S'issa l-prezz ta' l-iskambju tal-kwoti kien qed juri xejra stabbli 'l fuq, f'livelli li jinkoraġġixxu b'mod qawwi miżuri ta' tnaqqis. Il-prezz attwali (Mejju 2008) ta' l-iskambju huwa ta' madwar EUR 25 għal kull tunnellata. Għal dan il-perjodu, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni sistematika tal-livelli massimi proposti mill-Istati Membri, bbażati fuq emissjonijiet ivverifikati. Ir-riżultat kien li l-emissjonijiet mis-setturi tas-Sistema għall-Iskambju kellhom livell massimu b'medja ta' 6.5 % inqas mil-livelli ta' l-2005. Ma tantx kien hemm lok għal tibdil fis-sistema jew modifiki fit-tieni perjodu ta' skambju għalkemm l-għejun ta' emissjonijiet qed ikomplu jirrispondu u jadattaw b'mod attiv. Il-verifiki fuq id-data u l-esperjenzi fl-iskambju qed ikomplu jakkumulaw, u, fil-parti l-kbira tagħhom, qed jikkonfermaw il-kunċett bażiku ta' l-iskemi. |
4.3 It-tielet perjodu ta' skambju tal-kwoti 2013-2020.
4.3.1 |
Il-Kummissjoni issa qed tipproponi bidliet sinifikanti fis-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti li ser tidħol fis-seħħ f'din il-fażi. Dan hu l-iskop tad-Direttiva li temenda 2003/87/KE. |
5. Sommarju tad-Direttiva li temenda proposta
5.1 |
Għalkemm is-Sistema għall-Iskambju ta' l-UE ħolqot l-akbar suq dinji tal-karbonju (1), l-allokazzjoni eċċessiva ta' kwoti (b'xejn) fil-pjanijiet nazzjonali kienet ta' tfixkil u żgur li ma' kinitx konformi mat-tnaqqis effiċjenti ta' l-emissjonijiet fis-setturi tas-Sistema ta' l-Iskambju, madwar l-UE. Fil-kuntest ta' tnaqqis rigoruż tal-gassijiet b'effett ta' serra, is-Sistema għall-Iskambju riveduta qed titqies bħala essenzjali biex tipprovdi sinjal fit-tul dwar il-prezz tal-karbonju, u b'hekk tippermetti l-inċentivi għall-investimenti fit-tnaqqis tal-karbonju u tittrasforma l-Ewropa f'ekonomija b'livelli baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra. |
5.2 |
L-emendi ser:
|
5.3 |
Sa mill-2013, il-kwoti ser jonqsu kull sena (2) biex iwasslu għal tnaqqis ta' 21 % tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE fis-settur tas-Sistema għall-Iskambju sa l-2020, meta mqabbel ma' l-2005. Dan il-proċess ta' tnaqqis ser ikompli fir-raba' fażi (2021-2028) bl-istess rata. Fl-istess waqt, il-proporzjon ta' kwoti li jkunu qed jinbigħu bl-irkant jiżdied, u jibda minn 60 % fl-2013. Qed jiġi propost li s-settur tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija m'għandux jirċievi kwoti b'xejn u għalhekk ikollu jixtri l-kwoti kollha mill-irkant jew mis-suq sekondarju mill-2013, u li jkun hemm eliminazzjoni gradwali u ġenerali tal-kwoti b'xejn fis-setturi l-oħra sa l-2020. L-eċċezzjonijiet ser ikunu s-setturi ġġudikati f'riskju kbir ta' “rilokazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-karbonju” — ir-rilokazzjoni f'pajjiżi li m'għandhomx restrizzjonijiet simili fuq l-emissjonijiet, u b'hekk jiżdiedu l-emissjonijiet globalment. Setturi bħal dawn jista' jkollhom kwoti b'xejn għal sa 100 %. Din id-deċiżjoni ser tittieħed fl-2011. L-Istati Membri jmexxu l-irkantijiet u huma inkoraġġuti, iżda mhux sfurzati, li jużaw id-dħul biex jinvestu f'politiki favur il-klima. |
5.4 |
Qed tingħata ċertezza li l-krediti mill-Implimentazzjoni Konġunta u mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (minn pajjiżi terzi) li issa jistgħu jinxtraw mill-operaturi ta' l-UE jistgħu jibqgħu jintużaw sa l-2020. In-numru totali li għandu jintuża f'dan il-perjodu huwa daqs l-ammont totali li kien permess fit-tieni perjodu ta' skambju, jiġifieri 1.4 biljun kwota, li jikkorrispondi għal terz ta' l-isforz globali tat-tnaqqis. Meta l-UE żżid l-isforzi tagħha ta' tnaqqis fil-kuntest ta' patt internazzjonali dwar il-klima, 50 % ta' l-impatt ulterjuri jista' jintlaħaq bil-krediti mill-Implimentazzjoni Konġunta u mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif. |
5.5 |
Għalkemm krediti mill-użu ta' l-art (“bjar” tal-karbonju bħall-foresti) ma jkunux permessi, krediti domestiċi minn skemi ta' ffrankar ta' l-emissjonijiet li m'humiex koperti mis-Sistema għall-Iskambju jistgħu jkunu permessi, basta jkunu nħarġu regoli ċari. |
5.6 |
Saru dispożizzjonijiet biex is-Sistema għall-Iskambju ta' l-UE tkun tista' tingħaqad ma' sistemi oħra ta' skambju biex jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' sistema dinjija. |
5.7 |
L-ammont ta' kwoti taħt is-Sistema għall-Iskambju jonqos jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali, skond kif ikun hemm fil-ftehim, filwaqt li jikber l-ambitu li fih wieħed jista' jdur għall-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif. |
5.8 |
Ser issir dispożizzjoni għal provvista ta' 5 % ta' l-allokazzjonijiet għall-installazzjonijiet ġodda li jidħlu fis-sistema wara l-2013. Huwa probabbli li l-emissjonijiet mill-ajruplani ser jidħlu fis-Sistema għall-Iskambju lejn l-aħħar tat-tieni perjodu iżda dan hu kopert minn proposta separata (3). |
5.9 |
M'hemm l-ebda dispożizzjoni biex it-trasport marittimu jidħol fis-Sistema għall-Iskambju. |
6. Kummenti ġenerali
6.1 |
Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-UE mhix xi eżerċizzju akkademiku jew xi tip ta' tassazzjoni “ambjentalista”. Hija tgħaqqad elementi ta' l-approċċ tas-suq ħieles mar-regolamentazzjoni u d-direzzjoni ġenerali li jiġu mill-medjazzjoni u l-aġġustamenti tal-proċess politiku. Il-kumpaniji individwali huma liberi li jagħżlu jekk u kif ser inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u għandhom jagħżlu l-mezzi li jiswihom l-inqas biex ikunu konformi mar-regolamentazzjoni tat-tniġġis. Ir-rwol ewlieni tas-Sistema għall-Iskambju għalhekk huwa li jinħolqu l-inċentivi biex jonqsu l-ispejjeż meħtieġa biex tintlaħaq il-mira li jonqos it-tniġġis. Il-KESE jaqbel ma' dan l-approċċ u jappoġġjah. |
6.2 |
Huwa stmat li l-mira attwali ta' tnaqqis ta' tniġġis — li l-gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera jiġu stabbilizzati għal 450-550 ppm — tiswa madwar 1 % tal-PGD globali. Jekk ma titteħidx azzjoni effettiva il-PGD globali jista' jonqos b'20 % (4) Madankollu, ir-riċerka u l-evidenza (5) li ħerġin qed juru li l-produzzjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra qed tiżdied b'rata aktar mgħaġġla, il-kapaċità tal-pjaneta li tassorbi qed tonqos u hemm dubji serji dwar jekk il-miri tat-tnaqqis humiex biżżejjed. |
6.3 |
Is-sistema għall-Iskambju qed timmira lejn tmexxija definittiva f'dak li jrid isir sforz globali. Dan il-proċess qed iseħħ fi sfond globali peress li l-atmosfera hija parti mill-ġid komuni globali. Għalhekk il-valutazzjoni tas-sistema ma tistax teskludi l-interazzjoni u l-impatt fuq dawk li qed iniġġsu fuq livell globali. |
6.4 |
Għandu jiġi notat li l-leġislazzjoni ġenerali fl-Istati Uniti, li x'aktarx ser tidħol fis-seħħ ma' l-amministrazzjoni l-ġdida, hija bbażata fuq sistema ta' limitu massimu u skambju li għandha karatteristiċi simili. Il-possibbiltà ta' programm konġjunt Amerikan/UE ikun pass 'il quddiem importanti ħafna lejn skema globali, bħalma jkunu r-rabtiet ma' skemi oħra proposti fil-pajjiżi ta' l-OECD. |
6.5 |
Għalhekk il-KESE ta attenzjoni partikolari fuq ir-rwol ta' l-Iskema għall-Iskambju biex l-impatt tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra jkun ekwu u sostenibbli. Dan juri li l-azzjoni Ewropea hija kredibbli kif ukoll effettiva? F'dan il-kuntest irid jingħad li l-mira ta' l-UE ta' tnaqqis ta' 20 % ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' 1990 (li huma l-bażi tal-proposti dwar is-Sistema għall-Iskambju u tat-tqassim tal-piżijiet) hija inqas mit-tnaqqis ta' minn 25 % sa 40 % għall-pajjiżi industrijalizzati li l-UE kienet favurih waqt il-Konferenza ta' Bali dwar it-tibdil fil-klima, f'Diċembru 2007. Il-Kummissjoni tibda bil-miri li kien hemm qbil dwarhom fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 u ma tiddiskutix jekk dan il-livell ta' tnaqqis huwiex biżżejjed biex jilħaq l-objettivi globali jew jekk huwiex biss it-tnaqqis massimu li wieħed jaħseb li jista' jiġi aċċettat fid-dawl tal-bilanċ ta' l-interessi politiċi u ekonomiċi immedjati ta' l-Istati Membri. Il-KESE jikkonkludi li minħabba fl-evidenza li dejjem qed tiżdied dwar il-bidla fil-klima, hemm bżonn li l-miri jinbidlu biex ikun hemm tnaqqis akbar ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. |
6.6 |
Il-KESE jappoġġja l-moviment lejn aktar bejgħ bl-irkant tal-kwoti. Il-bejgħ bl-irkant huwa konformi mal-prinċipju li min iniġġes iħallas, jevita l-gwadanni mhux previsti, jinċentiva u jiġġenera finanzi għall-investimenti f'installazzjonijiet u prodotti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jrawwem l-innovazzjoni. |
6.7 |
Bħalissa għad hemm ħafna kwistjonijiet mhux riżolti dwar in-negozju Ewropew b'mod ġenerali. Dawn jirrigwardaw l-impożizzjoni ta' żvantaġġi għall-kompettitività fuq l-industrija minħabba fis-Sistema għall-Iskambju, b'mod partikolari meta mqabbla ma' pajjiżi barra mill-UE u li industrijalizzaw reċentement. Dawn il-pajjiżi jargumentaw, b'ċertu raġun, li rridu nqisu wkoll iż-żewġ sekli ta' industrijalizzazzjoni fil-Punent u l-kontribut tagħhom lejn l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, kif ukoll l-isforzi li dawn il-pajjiżi qed jagħmlu biex jaqilgħu setturi sħaħ tal-popolazzjoni tagħhom mill-faqar. Ftehim globali li jirriżolvi dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li jkun ċert li għandu appoġġ akbar u li l-konsumaturi u l-industrija fil-pajjiżi ta' l-OECD jifhmu iktar dawn il-fatturi. |
7. Kummenti speċifiċi
7.1 |
Jekk is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-UE trid issir standard globali għall-iskambju tal-karbonju, huwa essenzjali li l-iskema tkun kemm jista' jkun b'saħħitha u effettiva. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li: |
7.1.1 |
L-allokazzjoni b'xejn ta' kwoti lis-setturi u s-sotto-setturi li għandhom bżonn ta' ħafna enerġija u li huma vulnerabbli meta jiffaċċjaw il-kompetizzjoni internazzjonali, għandha tiġi kkonsidrata biss fl-assenza ta' ftehim internazzjonali effettiv dwar il-bidla fil-klima li jitfa' obbligi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fuq l-industriji rispettivi globali kollha. Is-sistema ta' l-iskambju ta' l-UE m'għandhomx ikollhom impatt negattiv fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE. |
7.1.2 |
Jekk ikun possibbli, għandha tittieħed deċiżjoni aktar kmieni dwar is-setturi li minħabba fir-riskju tar-rilokazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-karbonju, jirċievu kwoti b'xejn. Dawn is-setturi ser jiġu identifikati sa Ġunju 2010 iżda deċizjoni għandha tittieħed qabel, b'rabta mad-direttivi, sabiex jiġu evitati l-inċertezzi fil-klima ta' l-investimenti u sabiex is-setturi kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-pjanijiet fit-tul li jkunu jeħtieġu. |
7.1.3 |
Għalkemm il-bejgħ bl-irkant għandu jkun l-aktar metodu ta' allokazzjoni importanti, m'hemm kważi l-ebda indikazzjoni dwar kif ser jiġi organizzat dan l-irkant. Ir-referenza li r-regolamentazzjoni dwar l-irkant ser jidħol biss fil-31 ta'Diċembru 2010 iżżid l-inċertezza għall-parteċipanti kollha tas-sistema ta' l-iskambju ta' l-UE minħabba fl-investimenti kbar li hemm pendenti fis-settur ta' l-enerġija. |
7.1.4 |
Għandu jiġi kkunsidrat li jinħoloq bilanċ ġdid bejn il-piż tas-setturi li jaqgħu taħt is-Sistema għall-Iskambju u dawk barra minnha. Il-KESE għandu dubji dwar jekk it-tqassim ta' l-obbligu tat-tnaqqis bejn is-setturi li jaqgħu taħt is-Sistema għall-Iskambju (– 21 % mqabbla mal-livelli ta' l-2005) u l-oħrajn (– 10 % mqabbla mal-livelli ta' l-2005) huwiex iġġustifikat. Ir-riċerka (6) turi li f'xi setturi li ma' jaqgħux taħt is-Sistema għall-Iskambju, speċjalment fl-akbar żewġ setturi, il-bini u t-trasport, hemm potenzjal li l-emissjonijiet jonqsu bla spejjeż ta' xejn jew anke li jsir il-qligħ. Barra minn hekk dawn huma setturi fejn ir-riskju ta' rilokazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-karbonju huwa relattivament baxx jew null. Barra minn hekk, is-settur tal-bini għandu potenzjal kbir ta' ħolqien ta' l-impjiegi fl-UE. |
7.1.5 |
Il-kwoti kollha allokati lit-trasport bl-ajru meta dan is-settur jidħol fl-iskema għandhom jinbigħu bl-irkant (7). |
7.1.6 |
Fid-dawl ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li qed jiżdiedu mill-vapuri (1.12 biljun tunellata globalment — id-doppju ta' l-emissjonijiet mill-avjazzjoni (8)) il-Kummissjoni għandha tressaq miżuri biex is-settur tat-trasport marittimu jidħol fis-Sistema għall-Iskambju jekk ma jitressqux proposti effettivi b'mod urġenti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. |
7.1.7 |
Id-dħul li jiġi ġġenerat mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti, li bħalissa huwa stmat li hu EUR 50 biljun kull sena sa l-2020, għandu jkun marbut iktar biex jiffinanzja proġetti għall-ħarsien tal-klima, il-mitigazzjoni u l-miżuri ta' l-adattament — b'attenzjoni speċjali għall-pajjiżi vulnerabbli u li qed jiżviluppaw u r-riċerka u l-iżvilupp. Fil-proposta (Art. 10(3)) is-suġġeriment ta' allokazzjoni ta' 20 % m'huwiex biżżejjed u jitlef opportunità li joħloq stimolu qawwi biex l-ekonomija tersaq lejn emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Il-KESE jirrakkomanda li din tiżdied għal ta' l-anqas 50 % mid-dħul. Għandu jkun hemm attenzjoni li r-rwol tal-foresterija u l-afforestazzjoni mill-ġdid jiġu appoġġjati u li d-deforestazzjoni fl-UE u fi bnadi oħra tiġi evitata fejn jidher li l-foresti huma bir effettiv li jassorbi l-emissjonijiet tal-karbonju. |
7.1.8 |
Għandu jkun hemm evidenza ta' ċarezza u trasparenza akbar għal dawk il-miżuri fil-proposta li l-iżvilupp tagħhom bħalissa tħalla għall-proċess tal-komitoloġija. |
7.1.9 |
Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tgħolli l-limitu ta' esklużjoni għall-installazzjonijiet żgħar minn 10 000 għal 25 000 tunnellata, bil-patt li jkun hemm miżuri ta' kumpens ekwivalenti. |
7.1.10 |
Trid tingħata indikazzjoni aktar ċara fil-proposta dwar kif l-UE ser iżomm l-impenn tagħhha li t-tnaqqis jitla' minn 20 % għal 30 % jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali. |
7.1.11 |
L-Istati Membri huma mħeġġa li jirrevedu t-tariffi “feed-in” tagħhom biex jevitaw effetti ħżiena fuq it-tkabbir u l-kontribut ta' l-iskemi tal-ko-ġenerazzjoni (kombinazzjoni ta' sħana u enerġija). |
7.1.12 |
Rigward is-sistemi tat-tisħin distrettwali, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li eżempji effiċjenti ta' programmi bħal dawn jiġu diżinċentivati. |
7.1.13 |
Hemm bżonn li tinsab soluzzjoni għad-diffikultajiet potenzjali li jistgħu jinħolqu f'dawk l-Istati Membri Ewropej tal-Lvant li għandhom in-netwerk tal-provvista ta' l-elettriku ewlenija tagħhom fornuta mir-Russja flok l-UE. |
7.1.14 |
Il-proposta attwali li tillimita l-possibbiltà ta' l-użu tal-krediti mill-Implimentazzjoni Konġunta u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif sakemm ikun hemm ftehim internazzjonali għandha tibqa' miftuħa għar-reviżjoni, partikolarment fid-dawl ta' l-effetti negattivi fuq is-suq ta' l-iffinanzjar kapitali internazzjonali li qed jiżviluppa għal dawn il-programmi. |
Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Il-Bank Dinji, State and Trends of the Carbon Market, Mejju 2007.
(2) Minn 1 974 miljun tunellata ta' CO2 għal 1 720 miljun tunellata.
(3) Opinjoni tal-KESE ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47.
(4) Ir-rapport Stern 2006.
(5) Skond l-osservatorju Mauna Loa fil-Hawaii, il-livelli ta' CO2 fl-atmosfera huma diġà ta' 387 ppm, l-għola għal ta' l-anqas dawn l-aħħar 650 000 sena.
(6) Vattenfall/McKinsey, The Climate Map
http://www.vattenfall.com/www/ccc/ccc/Gemeinsame_Inhalte/DOCUMENT/567263vattenfall/P0271636.pdf
(7) Konsistenti mar-rakkomandazzjoni preċedenti tal-Kumitat, ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47.
(8) Rapport ta' l-IMO Frar 2008.