EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0999

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja COM(2008) 61 finali — 2008/0025 (COD)

ĠU C 224, 30.8.2008, p. 115–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 224/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja

COM(2008) 61 finali — 2008/0025 (COD)

(2008/C 224/26)

Nhar is-6 ta' Marzu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Le Nouail Marlère.

Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 80 vot favur, vot kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jappoġġja din l-inizjattiva, japprova l-proposta u jirrakkomanda li l-Kummissjoni timpenja ruħha biex tinforma minnufih lill-Kumitat tal-Programm u lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikolu 9.1(a) emendat tad-Deċizjoni 1720/2006/KE.

2.   Semplifikazzjoni tal-proċeduri dwar l-allokazzjoni ta' sussidji fil-qafas ta' diversi programmi multi-annwali

2.1

Din il-proposta tagħmel parti minn sensiela ta' erba' proposti li għandhom l-għan li r-regoli dwar l-allokazzjoni ta' sussidji f'ammonti żgħar stabbiliti fl-erba' programmi multi-annwali (2007-2013) li ġejjin isiru iktar flessibbli:

il-Programm “Żgħażagħ fl-azzjoni”

il-programm “Kultura”

il-programm “Europe for citizens” (“L-Ewropa għaċ-Ċittadini”).

u l-programm attwali “Programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja”.

2.2

Skond ir-regoli dwar il-proċedura ta' kumitat stabbiliti fl-Artikolu 202 tat-TKE, il-Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni, li tkun megħjuna minn Kumitat tal-Programm — magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri biss u ppresedut mill-Kummissjoni — ċerti poteri għall-implimentazzjoni ta' atti li jippreskrivi l-Kunsill permezz tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni mal-Parlament Ewropew; il-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-atti leġislattivi adottati permezz tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tinnota li meta l-erba' programmi kienu qed jiġu negozjati, il-leġislatur kellu l-intenzjoni li jissottometti għall-proċedura ta' kumitat (“proċedura ta' ġestjoni b'votazzjoni permezz ta' maġġoranza kwalifikata”) id-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' sussidji sostanzjali (aktar minn EUR 1 000 000 għall-proġetti u n-netwerks multi-laterali) jew proġetti sensittivi mil-lat politiku (kooperazzjoni u innovazzjoni politika) biss.

2.3

Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tinforma lill-Kumitat tal-Programm u lill-Parlament Ewropew mill-aktar fis dwar kull deċiżjoni ta' għażla li ma kenitx sottomessa għall-proċedura ta' ġestjoni. Il-Kummissjoni ppubblikat dikjarazzjoni dwar dan il-ftehim interistituzzjonali, indirizzata lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

2.4

L-intenzjoni tal-leġislatur mhix riflessa tajjeb fid-Deċiżjoni 1720/2006/KE: id-deċiżjonijiet kollha dwar l-għażla u l-allokazzjoni tas-sussidji f'ammonti żgħar kienu sottomessi għall-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fl-arranġamenti marbuta mal-proċedura ta' kumitat.

2.5

Il-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Programm u tal-Parlament Ewropew tikkonsisti f'li jitressqu d-deċiżjonijiet dwar l-għażla quddiem il-Kumitat tal-Programm għall-analiżi, li titqies l-opinjoni tiegħu u li jiġi infurmat il-Parlament Ewropew dwar din l-opinjoni, li min-naħa tiegħu għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tiegħu. Din il-proċedura li tinvolvi konsultazzjoni u skambju ta' tweġibiet bil-miktub twassal għal dewmien sostanzjali fl-allokazzjoni tas-sussidji, u tista' tipperikola bosta proġetti u ddgħajjef l-effikaċja tal-programmi annwali b'mod konsidervoli.

2.6

S'issa, il-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Programm u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim ad hoc bl-għan li jitnaqqas iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni biex tanalizza d-deċiżjonijiet dwar l-għażla fir-rigward ta' l-allokazzjoni tas-sussidji.

2.7

Madankollu l-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet temporanji ma jistgħux jibqgħu jintużaw u tipproponi li jiġu mmodifikati r-regoli adottati meta nħolqu dawn il-programmi. Dan ifisser li jitneħħa l-obbligu li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' sussidji f'ammonti żgħar ikunu sottomessi għall-proċedura ta' konsultazzjoni, u li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tadotta d-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tas-sussidji mingħajr l-għajnuna ta' Kumitat, u li minflok din l-għajnuna tintuża sempliċement proċedura ta' informazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Dawn il-proposti għandhom jgħinu biex l-erba' programmi multi-annwali b'rabta ma' l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura jitħaddmu aħjar.

3.2

Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kumitat ħeġġeġ lill-Kummissjoni tissemplifika l-aċċess għall-programmi u s-sussidji għall-korpi kollha li jressqu l-proġetti; ħeġġiġha wkoll taħdem aktar mill-qrib ma' l-Istati Membri biex tinkuraġġihom jikkonsultaw l-organizzazzjonijiet rilevanti meta jkunu qed jitħejjew il-linji ta' gwida annwali, u tnaqqas iż-żmien iddedikat għall-allokazzjoni tas-sussidji u ma xxekkilx l-implimentazzjoni tal-proġetti, li ġie li tant jieħdu żmien li l-istudji ta' fattibilità jkunu qdiemu wisq u ma jkollhomx aktar użu minħabba li jkunu saru ħafna qabel ma ġew implimentati l-proġetti.

4.   Kummenti speċifiċi

Fid-dawl tal-punti (9), (11), (15) u (17) fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni ta' din id-deċiżjoni, il-KESE jirrakkomanda li, għat-trasparenza, il-gvernanza tajba u l-informazzjoni pubblika, il-Kummissjoni għandha ttenni l-impenn iddikjarat tagħha li tinforma minnufih lill-Kumitat tal-Programm u lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe deċiżjoni li tista' tieħu skond l-Artikolu 9.1(a) emendat tad-Deċiżjoni 1720/2006/KE.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Artikolu l-ġdid 9.1(a) jiġi emendat kif ġej; “(…) hi għandha tadotta dawn id-deċiżjonijiet mingħajr l-assistenza tal-kumitat u tinforma lill-Kumitat tal-Programm u l-Parlament Ewropew dwarhom minnufih.”

Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni m'hijiex qed tipproponi din iż-żieda għax temmen li dan ikun ifisser li l-proposta tiġi modifikata b'tali mod li ma tibqax strettament konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' kumitat skond l-Artikolu 202 tat-TKE, u li l-Memorandum ta' Spjegazzjoni f'din id-deċiżjoni huwa vinkolanti biżżejjed.

Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


Top