Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0774

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija COM(2007) 568 & Appendiċi COM(2007) 569

    ĠU C 211, 19.8.2008, p. 90–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 211/90


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija”

    COM(2007) 568 & Appendiċi COM(2007) 569

    (2008/C 211/22)

    Nhar it-3 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

    Komunikazzjoni: “Nikkomunikaw l-Ewropa bi Sħubija”.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità ma' Regola 20 tar-Regoli ta' Proċedura, ħatar lis-Sinjura van Turnhout bħala rapporteur ġenerali.

    Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta' April 2008 (seduta tat-22 ta' April 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'92 vot favur, 12-il vot kontra u 26 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tindirizza bis-sħiħ il-problema tan-nuqqas ta' bażi legali għal politika ta' komunikazzjoni. Madankollu, jagħraf it-tfixkil legali u politiku li jeżisti u m'huwiex kontra Ftehim Interistituzzjonali (IIA) bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Il-Kumitat — sa fejn hu possibbli — ser isegwi l-intenzjonijiet deskritti f'dan il-Ftehim.

    1.2

    Il-Kumitat jerġa' jiġbed l-attenzjoni fuq problema li għandha sorsi doppji: nuqqas ta' fondi u proċedura burokratika komplikata b'mod skoraġġanti għar-rimborż tagħhom. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika l-proċeduri ta' l-għotjiet u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-korpi konsultattivi, bħall-KESE, f'Kuntratti Qafas futuri; pereżempju, is-Servizzi Awdjoviżivi, l-EBS u l-Istħarriġ ta' l-Opinjoni Pubblika.

    1.3

    Il-Kumitat ifaħħar l-idea li Nikkomunikaw fi Sħubija b'mod koerenti u integrat, billi nsaħħu l-implikazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u niżviluppaw Sfera Pubblika Ewropea. Sabiex nilħqu ċ-ċittadini, neħtieġu (i) sett ta' messaġġi ċari, sempliċi u attraenti; viżjoni ċara li ċ-ċittadini jaċċettaw bħala l-viżjoni tagħhom; u (ii) diżinn u għodda xierqa għall-komunikazzjoni. It-tfassil ta' pjan ta' ħidma annwali għal għażla ta' prijoritajiet fil-komunikazzjoni ta' l-UE jista' jgħin f'dan. Jekk jingħata r-riżorsi t-tajbin, Il-KESE huwa lest u ħerqan li jaħdem fuq dan ma' l-istituzzjonijiet l-oħra, għax jagħraf li l-UE m'hijiex biss Brussell u li l-UE trid tindirizza l-livell lokali.

    1.4

    Il-KESE jagħti importanza kbira lir-rappreżentazzjoni tiegħu fil-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI). L-addendum għall-protokoll ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li sar wara li ħarget il-White Paper u li gie ffirmat fil-31 ta' Mejju 2007, jipprovdi qafas eċċellenti għall-Kummissjoni Ewropea (KE), il-Parlament Ewropew (PE) u d-Djar Ewropej fl-Istati Membri biex jinvolvu b'mod attiv lit-344 membru tal-KESE f'attivitajiet nazzjonali u reġjonali. Meta tikkomunika mas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni hija mħeġġa tagħraf ir-rwol li l-Kumitat kapaċi jaqdi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata. Il-Kumitat jista' wkoll jara valur fis-sehem attiv tal-Membri tiegħu fin-Netwerks ta' Informazzjoni Pilota (PINs) ibbażata fuq l-internet li qed tiġi proposta. Il-Kumitat bi pjaċir iħarreġ u jżomm il-kuntatti mal-Punti ta' Kuntatt proposti tas-Soċjetà Ċivili u netwerks relevanti oħrajn, bħall-Punti ta' Kuntatt tal-KESE, f'Rappreżentanzi tal-KE u fiċ-Ċentri Europe Direct. Bl-istess mod, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tara kif iżżid l-appoġġ għan-netwerks tagħhom, bħall-Europe Direct u T-Team Europe Speakers.

    2.   Stqarrija ta' spjega

    2.1

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM 2007/568) dwar “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija” ġiet adottata fit-3 ta' Ottubru 2007. Dan huwa r-raba' dokument li ġie adottat dwar kwistjonijiet ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. It-tlieta l-oħra kienu: i) il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea (COM(2006) 35 finali), adottata fl-1 ta' Frar 2006; ii) Pjan ta' Azzjoni intern (SEC(2005) 985 finali), adottat fl-20 ta' Lulju 2005; u iii) il-Komunikazzjoni tagħha “Riflessjoni u aktar: Pjan D għal Demokarazija, Djalogu u Dibattitu” (COM(2005) 494 finali), adottata fit-13 ta' Ottubru 2005.

    2.2

    “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija” tenfasizza l-importanza kruċjali tal-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ta' l-UE u tistabbilixxi l-prerekwiżiti għal politika ta' komunikazzjoni ta' suċċess imsejsa fuq sħubija ma' l-atturi soċjali politiċi, ekonomiċi u soċjali ewlenin fil-livelli kollha. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll — kif deskritt f'punt 1.2, u skond ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea — proposta għal Ftehim Interistituzzjonali (COM 2007/569) dwar “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija”. L-għan ta' dan kien li jissaħħaħ l-impenn ta' l-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE lejn numru ta' prijoritajiet relatati mal-komunikazzjoni ta' l-UE kull sena u bl-involviment ta' l-Istati Membri interessati. Filwaqt li jirrikonoxxi l-awtonomija u r-responsabbiltajiet differenti ta' kull istituzzjoni ta' l-UE, il-Ftehim Interistituzzjonali jenfasizza l-ħtieġa u l-valur miżjud ta' koordinazzjoni aħjar fil-mod li dawn jikkomunikaw dwar suġġetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-UE. Għal dan il-għan, jipprovdi wkoll qafas koerenti biex tittieħed azzjoni. B'kunsiderazzjoni ta' l-importanza partikulari tas-sena 2008 għall-proċess ta' ratifika tat-Trattat ta' Riforma ta' Lisbona fl-Istati Membri u bi tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2009, il-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-Komunikazzjoni.

    2.3

    Min-naħa tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta tliet opinjonijiet reċenti fil-qasam tal-komunikazzjoni, l-ewwel waħda dwar “Il-Perijodu ta' Riflessjoni: struttura, temi u qafas għal evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea” (CESE 1249/2005 (1)), adottata fis-26 ta' Ottubru 2005, u indirizzata lill-Parlament Ewropew; it-tieni, l-opinjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan D” (CESE 1499/2005 (2)), adottata fl-14 ta' Diċembru 2005. Dawn l-opinjonijiet it-tnejn ipproponew serje ta' rakkomandazzjonijiet operattivi. It-tielet opinjoni tal-KESE kienet marbuta mal-White Paper dwar politika ta' komunikazzjoni Ewropea (CESE 972-2006 (3)), adottata fis-6 ta' Lulju 2006. Din l-aħħar opinjoni titlob lill-Kummissjoni tindirizza l-problema tan-nuqqas ta' bażi legali għal politika ta' komunikazzjoni u tappoġġja aktar kooperazzjoni interistituzzjonali li tiffoka fuq approċċ deċentralizzat.

    2.4

    L-opinjoni attwali dwar il-Komunikazzjoni “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija”, għalhekk, ma għandhiex tittratta oqsma li l-Kumitat diġà kopra jew li għadu qiegħed ikopri. Minflok, għandha tfittex li twieġeb għat-tliet oqsma bażiċi identifikati fil-Komunikazzjoni. Dawn huma:

    aktar setgħa liċ-ċittadini,

    l-iżvilupp ta' Sfera Pubblika Ewropea, u

    it-tisħiħ ta' l-approċċ ta' sħubija (inkluża l-proposta għal Ftehim Interistituzzjonali (IIA) dwar il-komunikazzjoni).

    2.5

    Barra mit-tliet opinjonijiet imsemmija hawn fuq u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Nikkomunikaw l-Ewropa”, din l-Opinjoni hija bbażata fuq bosta sorsi oħrajn:

    ir-reġistri mqassrin tad-dibattiti li saru fis-sessjonijiet plenarji tal-KESE sa minn Ġunju 2005;

    ir-reġistri mqassrin tad-diskussjonijiet varji li saru fil-Grupp ta' Komunikazzjoni tal-KESE;

    ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat li saret bħala kontribut lill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 — Pjan Direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali, kif adottata fit-30 ta' Mejju 2007 (CESE 640/2007);

    ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mid-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar iż-Żgħażagħ tal-25 ta' Marzu 2007, li ċċelebrat il-50 anniversarju tat-Trattat ta' Ruma;

    is-sehem tal-Kumitat fis-sitt proġetti kofinanzjati “Pjan D” tal-Kummissjoni;

    il-konklużjonijiet mill-konferenza tal-partijiet interessati tal-KESE, “L-Ewropa Tiegħek, L-Opinjoni Tiegħek” li nżammet f'Dublin fit-18 ta' Ottubru 2007; u

    l-konklużjonijiet mis-seminar tal-KESE għal uffiċjali ta' l-istampa Ewropea dwar “Nikkomunikaw l-Ewropa: X'rwol tixtieq li taqdi s-Soċjetà Ċivili?”, li nżamm fi Brussell fit-12 ta' Novembru 2007.

    2.6

    Din l-Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni: “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija” hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet, pariġġ it-tliet kwistjonijiet identifikati fid-dokument tal-Kummissjoni, u tindirizza biss ftit kwistjonijiet ewlenin f'kull sezzjoni.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Aktar setgħa liċ-ċittadini

    3.1.1

    Fil-qasam speċifiku tal-komunikazzjoni ta' l-Ewropa, ir-rwol tas-Soċjetà Ċivili huwa essenzjali. Il-qafas imġedded ta' Pjan D jrid jinvolvi ħafna sħab fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea, inklużi NGOs, assoċjazzjonijiet professjonali u n-numru dejjem jiżdied ta' intrapriżi li jridu jitgħallmu aktar dwar l-Ewropa, il-politiki, il-programmi u l-proċessi tagħha. Il-KESE jappoġġja t-talba tad-Dikjarazzjonijiet ta' Ruma dwar iż-Żgħażagħ biex jiġi żgurat baġit ikbar għall-iffinanzjar ta' NGOs bħala l-fornituri primarji ta' edukazzjoni mhux formali u dawk li jippromovu l-parteċipazzjoni ċivili, id-drittijiet umani u d-demokrazija.

    3.1.2

    Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ approċċ multilingwu għall-komunikazzjoni. Mhux talli l-Komunikazzjoni se ssir fin-numru meħtieġ ta' lingwi, imma se jintuża wkoll lingwaġġ sempliċi. Dan intqal b'mod ċar fid-dibattitu tas-seminar tal-KESE għall-Uffiċjali ta' l-Istampa, f'Novembru 2007.

    3.1.3

    Il-KESE qal bosta drabi li l-UE m'hijiex biss Brussell. Fil-fatt, bl-azzjonijiet tiegħu, il-KESE appoġġja l-kunċett ta' ħidma fil-livell lokali. Il-Kumitat minn qalbu jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taħtar punti ta' kuntatt tal-KESE fir-Rappreżentanzi kollha tal-KE. Dan kien segwitu loġiku għall-iffirmar ta' l-addendum għall-protokoll ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. L-addendum ser iservi ta' bażi biex jitkompla l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tax-xogħol interistituzzjonali. Il-KESE għandu 344 membru mifruxa mas-27 Stat Membru kollha ta' l-UE. Dawn il-membri huma bbażati f'organizzazzjonijiet nazzjonali differenti li jirrappreżentaw it-tliet gruppi tal-Kumitat. Dawn il-membri għandhom għarfien kemm nazzjonali u reġjonali, kif ukoll perspettiva Ewropea mill-ħidma tagħhom fil-Kumitat. Ir-Rappreżentanzi tal-KE u l-uffiċji ta' l-informazzjoni tal-PE għandhom jagħmlu użu minn dawn ir-riżorsi siewja. L-ewwel sfida interessanti kieku tkun li l-Punti ta' Kuntatt maħtura jieħdu inizjattivi flimkien mal-membri tal-KESE biex jiċċelebraw il-50 anniversarju tal-KESE f'Mejju 2008.

    3.1.4

    F'dan il-kuntest, il-bosta netwerks stabbiliti fl-Ewropa huma kollha elementi importanti fl-isforz li nikkomunikaw l-Ewropa fil-livell lokali. Iċ-Ċentri Europe Direct, pereżempju, għandhom jikkomunikaw il-Politika Ewropea billi jħarsu lejn l-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE. Il-KESE jkun lest li jagħti l-għarfien f'dawn in-netwerks, billi joffri materjal ta' informazzjoni rilevanti u taħriġ fejn xieraq. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-appoġġ finanzjarju relattivament limitat mogħti lil dawn in-netwerks. B'aktar riżorsi u approċċ aktar varjat min-naħa tal-Kummissjoni, iċ-ċentri jkunu jistgħu jappoġġjaw l-ambizzjoni li naħdmu fil-livell lokali b'mod aktar effiċjenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew għandhom jikkunsidraw kif jistgħu jinvolvu n-netwerk ta' Aġenziji Ewropej, imferrxa ma' l-Ewropa kollha, fl-isforz tal-Komunikazzjoni ta' l-UE. Fl-aħħar nett, il-KESE tgħallem ukoll mill-esperjenza li inizjattivi fil-qasam kulturali jqajmu interess fost iċ-ċittadini u jservu bħala mezzi importanti biex jiġu promossi ideat Ewropej.

    3.1.5

    Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-White Paper uriet talba qawwija mill-atturi tas-soċjetà ċivili biex ikollhom involviment aktar mill-qrib fil-proċess Ewropew. Il-KESE jrid jenfasizza l-konklużjonijiet li ntlaħqu fis-seminar tiegħu għall-Uffiċjali ta' l-Istampa li sar fi Brussell, f'Novembru 2007, fejn talab għall-ħtieġa li jintużaw strutturi u netwerks eżistenti għall-konsultazzjoni, minflok ma joqgħod jerġà jinbeda kollox mill-ġdid kull darba. Il-KESE, li jirrappreżenta s-Soċjetà Ċivili organizzata Ewropea, għandu rwol importanti ħafna x'jaqdi hawnhekk, u dan iridu jirrikonoxxuh istituzzjonijiet oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea.

    3.1.6

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-edukazzjoni u t-taħriġ għaċ-ċittadinanza attiva huma responsabbiltà ta' l-Istati Membri. Il-KESE jinnota l-fatt li d-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini Ewropej jissemmew f'inqas min-nofs tal-kurrikuli skolastiċi ta' l-Istati Membri ta' l-UE. Il-Forum ta' Dublin għaż-Żgħażagħ, organizzat mill-KESE f'Ottubru 2007, ikkonferma li ċ-ċittadini lesti jiddiskutu kwistjonijiet Ewropej jekk jingħataw l-opportunità. Element importanti huwa l-edukazzjoni u li l-UE titpoġġa fuq l-aġenda skolastika. Is-seminar talab għal aktar Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Għall-UE huwa kompletament possibbli li tħeġġeġ attivitajiet ta' volontarjat u programmi ta' skambju aħjar mingħajr ma tintilef l-identità nazzjonali. Il-KESE jitlob li jittieħdu inizjattivi speċifiċi f'dan il-qasam.

    3.1.7

    Il-KESE jilqa' inizjattivi bħal ma huma “Il-Ġurnata tar-Rebbiegħa fl-Ewropa” (“Spring Day Europe”) u “Lura l-Iskola” (“Back to School”). Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tara kif tinvolvi aħjar netwerks reġjonali u lokali eżistenti f'dawn l-isforzi. Dawn l-isforzi għandhom jinkludu l-livelli kollha skolastiċi, inkluż il-livell primarju.

    3.2   L-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea

    3.2.1

    Il-Kummissjoni ssostni l-importanza li l-politiki tagħha jitwasslu, għax hu l-aħjar mod kif jiġi żgurat l-appoġġ pubbliku għall-Proġett Ewropew. Jidher li l-komunikazzjoni limitata dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Riforma ta' Lisbona tmur kontra l-idea ta' Sfera Pubblika Ewropea. Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Mejju 2007 imressqa quddiem il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007, il-KESE talab għar-rikonoxximent ta' l-importanza tad-demokrazija parteċipattiva, b'mod partikolari billi talab lill-istituzzjonijiet Ewropej iżommu djalogu trasparenti u regolari ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini ta' l-UE.

    3.2.2

    Il-KESE jaqsam l-ambizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew li jiżdied il-livell ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' l-2009. Dan jista' jitkattar bl-implimentazzjoni ta' l-ideat, imressqa mill-Kummissjoni, dwar it-twaqqif ta' prijoritajiet Komunitarji komuni. Il-KESE huwa lest li jaħdem fuq dawn l-għanijiet komuni. L-UE teħtieġ proġett reali u kontenut li ċ-ċittadini jistgħu jidentifikaw ruħhom miegħu. Kull objettiv għall-Ewropa jeħtieġ li jinkludi wkoll is-settur soċjali u x-xogħol, u l-KESE hawnhekk għandu pożizzjoni ideali. Komunikazzjoni tajba għandha dejjem tkun ibbażata fuq pjan ċar u definit sewwa, u li hu ta' valur għaċ-ċittadini Ewropej. Fuq skala iżgħar, il-membri tal-KESE għandhom ikunu mistiedna jgħinu fl-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' Netwerks ta' Informazzjoni Pilota (PINs) fuq l-internet.

    3.2.3

    Il-mezzi awdjoviżivi huma l-aktar għodda ta' komunikazzjoni b'saħħitha u l-ikbar istituzzjonijiet, bħall-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, għandhom aċċess għal dawn l-għodda. Ovvjament, tkun żgurata l-indipendenza tax-xandara meta jsiru kuntratti ma' dawk li joffru s-servizzi mill-EbS (Europe by Sattelite) jew servizzi oħrajn fuq l-internet. Meta tistabbilixxi kuntatti bħal dawn, il-Kummissjoni ser tiġi mħeġġa tqis kif tista' tiftaħ il-bibien għal istituzzjonijiet u korpi oħrajn ta' l-UE wkoll, biex tiżgura komunikazzjoni bilanċjata — billi żżomm f'rasha wkoll li l-proċessi amministrattivi biex jiġi stabbilit kuntratt huma ta' piż għall-korpi konsultattivi u korpi oħrajn ta' l-UE. Il-Kummissjoni tkun tista' tiżgura wkoll li jinħolqu s-sinerġiji adegwati. Dan jista' wkoll ikun il-każ meta wieħed ikun qed jidentifika oqsma li fihom jista' jevalwa l-opinjoni pubblika.

    3.3   It-tisħiħ ta' l-approċċ ta' sħubija

    3.3.1

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ ta' sħubija kif promoss mill-Kummissjoni Ewropea. Dan jinkludi mhux biss l-istituzzjonijiet ta' l-UE, imma wkoll l-Istati Membri u l-politiċi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali, li għandhomjerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fid-deċiżjonijiet li jieħdu b'rabta ma' l-UE. Il-KESE jilqa' n-netwerking ma' diretturi ta' komunikazzjoni nazzjonali u jitlob għal sinerġija msaħħa ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-riżorsi ta' komunikazzjoni tagħhom. Il-KESE għandu din il-pjattaforma permezz tan-netwerk tiegħu ta' l-Uffiċjali ta' l-Istampa. Ta' min wieħed jinnota wkoll li ħafna mill-Istati Membri ta' l-UE għandhom Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u li l-membri tal-KESE għandhom rabtiet tajbin ma' l-organizzazzjonijiet ospitanti fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Din hija netwerk b'saħħitha, u waħda li fiha l-KESE bħala istituzzjoni jista' jkun imsieħeb b'saħħtu għall-istituzzjonijiet l-oħrajn.

    3.3.2

    Il-Kumitat huwa involut bis-sħiħ fix-xogħol tal-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI), li fih jaqdi r-rwol ta' osservatur. Il-KESE jrid isostni l-importanza, f'livell tekniku, ta' tħejjija tajba għal dawn il-laqħat. Il-KESE għandu wkoll problema prattika bil-parteċipazzjoni, għax il-laqgħat ta' l-IGI dejjem jinżammu fi Strasburgu u jsiru fl-istess żmien tal-Bureau tal-KESE u l-laqgħat plenarji fi Brussell. Il-KESE jixtieq li l-laqgħat ta' l-IGI jiċċaqilqu biex il-KESE jkun jista' jagħti sehmu fl-ogħla livell possibbli. Il-KESE jilqa' wkoll il-politika ta' bibien miftuħa għall-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Informazzjoni u jispera li dak il-bieb jibqa' miftuħ, biex b'hekk iħalli l-parteċipazzjoni tal-KESE tgħin biex tiġi ffurmata l-politika ta' Komunikazzjoni ta' l-UE.

    3.3.3

    Għalkemm f'okkażjonijiet aktar bikrin, il-KESE ppromova l-idea li titwaqqaf bażi legali xierqa għall-komunikazzjoni, il-KESE jieħu nota tal-proposta li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali dwar il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Min-naħa tiegħu, il-Kumitat qed ikompli jaġġorna u jimplimenta il-pjan strateġiku ta' komunikazzjoni tiegħu. Dan jinkludi reviżjoni kontinwa ta' l-għodda ta' komunikazzjoni tiegħu u l-użu tagħhom, u l-esplorazzjoni ta' metodi innovattivi. Fil-prijoritajiet ta' Komunikazzjoni tiegħu, il-KESE jqis l-objettivi ta' komunikazzjoni mressqa mill-Kummissjoni. Il-KESE jitlob li l-objettivi jkunu ċari, iffukati, rilevanti għaċ-ċittadini u limitati fin-numru.

    3.3.4

    Il-KESE jappoġġja l-għotjiet ipprovduti permezz ta' l-inizjattiva ta' Pjan D u jkompli jsostni l-importanza ta' proċeduri amministrattivi trasparenti u inqas burokratiċi li jħallu l-organizzazzjonijiet kollha tas-Soċjetà Ċivili jinvolvu ruħhom fil-proġetti. Il-KESE jistenna bil-ħerqa s-segwitu ta' l-eżerċizzju ta' Pjan D, bl-isem ta' “Niddibattu l-Ewropa”, kif imħabbar mill-Kummissjoni.

    4.   Infakkru r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kumitat

    4.1

    Il-Kumitat ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni (fil-kuntest ta' komunikazzjoni): dawk ippreżentati fl-appendiċi għall-opinjoni tiegħu ta' Ottubru 2005 dwar “Il-Perijodu ta' Riflessjoni: struttura, temi u qafas għal evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea” (CESE 1249/2005); l-opinjoni tiegħu ta' Diċembru 2005 dwar il-kontribut tal-Kummissjoni għar-riflessjoni u aktar: Pjan D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu (CESE 1499/2005); u l-opinjoni tiegħu ta' Lulju 2006 dwar il-White Paper dwar politika ta' komunikazzjoni Ewropea (CESE 972/2006).

    Brussell, it-22 ta' April 2008

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  ĠU C 28, 3.2.2006, pp. 42-46.

    (2)  ĠU C 65, 17.2.2006, pp. 92-93.

    (3)  ĠU C 309, 16.12.2006, pp. 115-119.


    Top