Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AE0841

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi li tgħodd għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) — COM(2003) 427 finali - 2003/0168 (COD)

    ĠU C 241, 28.9.2004, p. 1–7 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    28.9.2004   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 241/1


    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi li tgħodd għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)

    COM(2003) 427 finali - 2003/0168 (COD)

    (2004/C 241/01)

    Fit-8 ta' Settembru 2003 il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, taħt l-Artikoku 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il:

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi li tgħodd għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)

    It-Taqsima għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, li kienet responsabbli biex tipprepara x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, addottat l-opinjoni tagħha fl-4 ta' Mejju 2004. Ir-rapporteur kien Is-Sur Frank von Fürstenwerth.

    Fl-409 sessjoni plenarja tiegħu tat-2 u tat-3 ta' Ġunju 2004 (laqgħa tat-2 ta' Ġunju 2004) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew addotta l-opinjoni li ġejja b' 168 voti favur u tmien astensjonijiet.

    1.   Taqsira tal-konklużjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' b'approvazzjoni l-proposta tal-Kummissoni li tistabbilixxi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali fil-forma ta' regolament Ewropew. Dan jagħlaq vojt li s'issa trażżan b'mod sinjifikanti l-iżvilupp ta' żona legali unika Ewropea.

    1.2

    Il-Kumitat joffri l-inkoraġġiment tiegħu lill-Kummissjoni u jħeġġiġha tkompli l-inizzjattiva tagħha mill-aktar fis possibbli, filwaqt li tqis it-tibdil u l-korrezzjonijiet suġġeriti li jinsabu fil-punt 9 taħt, sabiex ir-regolament ikun jista' jidħol fis-seħħ.

    1.3

    Il-Kumitat jilqa' b'approvazzjoni l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirrimedja, permezz ta' armoniżżazzjoni, il-frammentazzjoni fis-suġġett importanti tal-liġi internazzjonali privata dwar l-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. Dan iġib benefiċċi inestimabbli f'termini ta' applikazzjoni aktar sempliċi tal-liġi. Minflok ma jkun hemm għalfejn jiġi stabbilit f'kull każ individwu liema sistema ta' liġijiet dwar il-kunflitt tal-liġijiet għandha tgħodd u li wieħed isir jaf dawn ir-regoli li, għall-inqas fid-dettallji, huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor, l-utenti tal-liġi fil-futur ikunu jistgħu jużaw sett wieħed ta' regoli li, minħabba li ser ikunu f'regolament, huma direttament applikabbli, u b'hekk ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha.

    2.   Introduzzjoni: Memorandum ta' Spegazzjoni

    2.1

    B'dan ir-regolament il-Kummissjoni qiegħda taħdem għall-ewwel darba biex toħloq sett wieħed ta' regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali fl-Unjoni Ewropea. Sa mill-1980 eżista sett wieħed ta' regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward obbligazzjonijiet kuntrattwali, meta l-maġġoranza ta' l-istati ta' l-Ewropa tal-Punent iddeċidew li jikkonkludu l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (il-Konvenzjoni ta' Ruma). Wara dan, aderew Stati oħrajn għall-Konvenzjoni. Intuża l-meżż ta' konvenzjoni multilaterali minħabba li, f'dak iż-żmien, it-Trattat tal-KEE ma kienx jipprovdi bażi legali għall-adozzjoni ta' strument legali xieraq mill-Komunità. Il-kunflitt tal-liġijiet dwar obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali għadu rregolat mir-regoli ta' l-Istati Membri li, għalkemm huma spiss ibbażati fuq ftehim komuni dwar is-suġġett, għandhom differenzi sinjifikanti, għall-inqas fid-dettalji tagħhom, u ġew iffurmati b' mod differenti mill-każistika nazzjonali u mill-interpretazzjoni akkademika. Dan jirriżulta f'ħafna diffikultajiet għall-utenti tal-liġi, inklużi problemi fil-ksib tar-regoli rilevanti, problemi ta' lingwa, u problemi biex wieħed isir familjari mal-kultura legali, u l-interpretazzjoni akkademika u mill-każistika barranin. Minħabba li dawn l-oqsma huma relatati ma' xulxin fil-qrib, il-liġi dwar l-obbligazzjonijiet tkopri dawk kuntrattwali kif ukoll dawk li mhumiex kuntrattwali, u d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ruma, filwaqt li huma titjib konsiderevoli, dejjem tqiesu bħala mhux kompleti. Il-Konvenzjoni dejjem kellha nuqqas ta' taqsima li tirrigwarda obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. L-armoniżżazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar l-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali twiegħed progress konsiderevoli vis-à-vis is-sitwazzjoni kurrenti fil-Komunità in vista taċ-ċertezza u l-prevedibbiltà akbar li ser iġġib lill-proċess li bih tiġi ddeterminata l-liġi sostantiva li tgħodd. Ovvjament ikun ta' benefiċċju akbar lill-utenti tal-liġi kieku l-istrumenti ta' Ruma I u Ruma II kellhom jiġu kkombinati fi strument legali wieħed. Iżda l-Kumitat jirrikonoxxi li l-proċeduri rigward iż-żewġ proġetti qiegħdin fi stadji totalment differenti u li għalhekk dan huwa prospett fil-bogħod. Minflok, il-priorità għandha tkun li tiġi stabbilita sistema li taħdem għal obbligazzjonjiet mhux kuntrattwali. Il-Kumitat jilmenta illi, minħabba r-riservazzjoni espressa mid-Danimarka a bażi tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, l-istrument legali maħsub mhuwiex ser ikun direttament applikabbli f'dak l-Istat Membru (minkejja li jkun hemm għażla għal applikazzjoni volontarja), u l-armoniżżazzjoni għalhekk tkun inqas minn ideali. Il-Kumitat huwa ferħan illi r-Renju Unit u l-Irlanda wrew li huma lesti li japplikaw l-istrument.

    2.2   L-isfond leġislattiv

    2.2.1

    Ir-regolament għandu jiġi osservat fuq l-isfond ta' skala wiesgħa ta' attivitajiet leġislattivi tal-Kummissjoni, kemm jekk lesti, ippjanati jew għadhom qed jiġu ppreparati. Il-Kumitat kellu diversi opportunitajiet jikkummenta dwar il-proposti individwali tal-Kummissjoni.

    2.2.2

    L-ewwel għandha tinġibed l-attenzjoni lejn l-attivitajiet fil-kamp tal-liġi tal-proċedura ċivili, b' mod partikolari:

    l-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta Brussel ta' l-1968 fil-forma ta' regolament (1);

    il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li joħloq ordni ta' l-inforzar Ewropew għal talbiet mhux kontestati (2);

    ir-Regolament dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f' materji ċivili jew kummerċjali (3);

    ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fit-teħid ta' l-evidenza f' materji ċivili jew kummerċjali (4);

    ir-Rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpijiet responsabbli għar-riżoluzzjoni barra mill-qrati tat-tilwimiet tal-konsumatur (5);

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Network Ġudizzjarja Ewropea f'materji ċivili jew kummerċjali (6).

    2.2.3

    Għandha tinġibed ukoll l-attenzjoni lejn l-attivitajiet fil-kamp tal-liġi sostantiva ċivili, b'mod partikolari:

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11.7.2001 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti (7),

    id-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (8),

    id-Direttiva tal-Kunsill dwar termini inġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi (9).

    2.2.4

    L-inizjattiva hija relatata partikolarment qrib max-xogħol tal-Kummissjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet sostantivi, li kienet bdiet billi ppubblikat Green Paper dwar il-konverżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ruma fi strument Komunitarju (10). Ir-Regolament ta' Ruma II huwa komplementari għal, u estensjoni naturali tar-Regolament ta' Ruma I propost fil-Green Paper.

    2.2.5

    Dawn l-attivitajiet kollha huma mmirati lejn l-għan li tiġi stabbilita żona Ewropea tal-ġustizzja, li toħloq qafas legali li jrendi l-użu tas-suq intern Ewropew aktar faċli għall-operaturi ekonomiċi kollha, li jżid iċ-ċertezza legali u l-faċilitazzjoni ta' l-applikazzjoni tal-liġi mill-qrati u l-aċċess taċ-ċittadini Ewropej għal-liġi.

    3.   Bażi Legali

    3.1

    L-iskop tar-regolament huwa l-unifikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. L-armoniżżazzjoni tar-regoli tal-kunflitt taqa' taħt l-Artikolu 65(b) TKE. Dan ifisser li l-Kummissjoni għandha l-poter li taġixxi fejn dan huwa meħtieġ għall-ħidma minħajr problemi tas-suq intern. Fil-perspettiva tal-Kumitat, dan huwa l-każ, minħabba li l-armoniżżazzjoni tgħin biex jiġi żgurat it-trattament ugwali ta' l-operaturi ekonomiċi fil-Komunità f' każijiet bejn il-fruntieri, tiżdied iċ-ċertezza legali, tiġi simplifikata l-applikazzjoni tal-liġi u b' hekk tiġi promossa r-rieda li jinbeda kummerċ bejn il-fruntieri, kif ukoll jiġi promoss l-għarfien reċiproku ta' l-atti legali ta' l-Istati Membri, li jrendi aktar faċli għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħrajn li jivverifikaw li huma legalment korretti.

    4.   Materja, skop, applikazzjoni tal-liġi ta' pajjiżi terzi (Artikoli 1, 2)

    4.1

    Ir-regolament huwa maħsub li japplika għall-kunflitt tal-liġijiet f'materji ċivili u kummerċjali (Artikolu 1(1)). Sabiex jiġu evitati n-nuqqasijiet ta' ftehim, dan għandu jiġi ddikjarat speċifikament. Il-Kummissjoni tista' tuża t-terminoloġija tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (Artikolu 1), minħabba li din hija ddefinita b' mod ċar. L-esklużjoni ta' kwistjonijiet ta' taxxi u tad-dwana hija evidenti minnha nnifsha. Madankollu m' hemmx ħsara billi tissemma b' mod speċifiku hawnhekk.

    4.2

    Ir-regolament m' huwiex intiż li jistabbilixxi ż-żona kollha ta' l-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. Il-Kummissjoni għalhekk tingħata parir tajjeb biex ma timmirax fil-għoli wisq u b'hekk tagħmel il-proġett impossibbli. L-esklużjoni ta' kwistjonijiet ta' familja, manteniment u suċċessjoni (Artikolu 1(2)) għalhekk għandha tintlaqa' b' approvazzjoni. In vista ta' l-implikazzjonijiet soċjali tagħhom, dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati tradizzjonalment fir-regoli tal-kunflitt permezz ta' istrumenti separati.

    4.3

    L-esklużjoni ta' l-obbligazzjonijiet li jqumu taħt il-kambjali jew iċ-ċekkijiet, kif ukoll dawk li jqumu taħt ħsara nukleari (Artikolu 1(2)), hija soddisfatta mill-fatt li dawn il-materji huma amministrati b'mod xieraq fi ftehim separati (11), li l-iskop tagħhom jestendi 'l hinn mill-Komunità u li l-eżistenza kontinwata tagħhom m' għandhiex tiġi dubbitata.

    4.4

    L-esklużjoni ta' kwistjonijiet ta' liġi tal-kumpanniji fl-Artikolu 1(2)(f) ma tistax tiġi evitata, minħabba l-materji in kwistjoni tant huma marbutin fil-qrib ma' l-istatut tal-kumpannija li jeħtieġu regolamenti f'dan il-kuntest.

    4.5

    It-trusts huma fattizz speċifku tal-liġi Anglo-Amerikana. Huma vettura legali li tinsab fin-nofs bejn il-liġi tal-kumpanniji u l-liġi dwar il-fondazzjonijiet, u jixbhu funzjonalment lit-Treuhand Ġermaniża u mingħajr personalità legali. It-trusts huma magħrufin fis-sistemi legali ta' l-Istati Ewropej tal-kontinent. Minħabba dawn il-fattizzi speċjali u minħabba li huma daqshekk qrib għal-liġi dwar il-kumpanniji, kienu esklużi mill-iskop tal-Konvenzjoni ta' Ruma (Artikolu 1(2)(g)). Minħabba li r-regolament jeskludi l-liġi tal-kumpanniji, huwa loġikalment konsistenti li t-trusts għandhom ukoll jiġu esklużi (Artikolu 1(e)).

    4.6

    Ir-regolament jeħtieġ li tiġi applikata l-liġi speċifikata, kemm jekk hija liġi ta' Stat Membru jew inkella ta' pajjiż terz (Artikolu 2). Billi jagħmel dan qiegħed isegwi standard ġeneralment magħruf fil-kunflitt mill-liġijiet, li bħala prinċipju jipprojbixxi diskriminazzjoni kontra sistemi oħrajn ta' liġi fir-regoli dwar il-kunflitt. Il-Kumitat jilqa' dan bil-qalb. Jekk iċ-ċirkostanzi ta' każ jirrikjedu li tiġi applikata sistema ta' liġi speċifika, ma jagħmilx differenza jekk din hijiex ta' Stat Membru jew le.

    5.   Regoli applikabbli għal obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jqumu minn tort jew delitt (Artikoli 3 - 8)

    5.1

    L-Artikolu 3, li jirrigwarda obbligazzjonijiet naxxenti minn tort jew delitt, jidħol fil-qalba tal-kwistjoni. Teoritakament, numru ta' kriterji, normalment miġburin flimkien mingħajr distinzjoni taħt l-intestatura ġenerali lex loci delicti (commissi) jistgħu jiġu applikati hawn, i.e. il-liġi tal-post fejn isseħħ il-ġrajja, dik tal-post fejn iqumu l-konsegwenzi indiretti tal-ġrajja jew dik tal-post tar-residenza abitwali tal-parti aggravata. Dawn il-kriterji huma bbażati fuq it-tradizzjoni u argumenti qawwijin favurihom. Fil-fatt jintużaw kollha f'diversi sistemi kurrenti tar-regoli tal-kunflitt. Il-kompitu prioritarju tal-Kummissjoni huwa għalhekk li tintroduċi sett uniformi ta' regoli fl-Istati Membri kollha. Dan huwa l-kompitu ewlieni, u l-kwistjoni rigward liema soluzzjoni eżistenti għandha tiġi addottata hija sekondarja għalih. Rigward applikazzjoni prattika sussegwenti, għandu jiġi miftakar li fil-parti l-kbira tal-każijiet dawn il-kriterji kollha jew ħafna minnhom jikkoinċidu fil-prattika. Il-post tar-residenza abitwali tal-parti aggravata ġeneralment ikun l-istess bħall-post fejn tkun seħħet il-ġrajja, li mbagħad ikun l-istess bħall-post fejn ikun sar id-dannu. Għalhekk fil-prattika, tilwimiet dwar il-kriterju li għandu jiġi applikat forsi jkunu xi ftit teoretiċi. Il-Kummissjoni għażlet il-post tal-pajjiż fejn ikun sar id-dannu. Huwa forsi dubitabbli jekk dan huwiex konsistenti ma' żviluppi reċenti fil-konsolidazzjoni legali f'dan il-qasam (12), iżda l-għażla tal-Kummissjoni tista' tiġi ġġustifikata a bażi tal-fatt li tagħti priorità għall-ħarsien tal-parti aggravata, iżda mingħajr ma twarrab għal kollox l-interessi tal-parti li kkawżat id-danni. Dan per eżempju jkun il-każ kieku tapplika biss l-liġi tal-post tar-residenza abitwali tal-parti aggravata. Dipendenza esklussiva fuq il-liġi fejn seħħet il-ġrajja tiffavorixxi b' mod mhux xieraq lill-parti li kkawżat id-dannu (13), minħabba li t-talba tal-parti aggravata għall-ħarsien ma tiġix milqugħa. L-attentat tal-Kummissjoni li tibbilanċja l-interessi tal-partijiet varji jidher aċċettabbli f'kull rispett. Ir-restrizzjoni li l-Artikolu 3(2) jqiegħed fuq ir-regola ġenerali f' każijiet fejn iż-żewġ partijiet għandhom ir-residenza abitwali fl-istess pajjiż hija realistika u trażżan rikorsijiet inutili għal sistemi ta' liġi barranin. Il-paragrafu 3 huwa xieraq bħala korrettova ġenerali u jikkorrespondi funzjonalment għall-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta' Ruma. Iżda fil-prattika, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat illi din il-klawsola ta' eċċezzjoni f'każijiet individwali ma tintużax f'dawk l-Istati Membri li s'issa applikaw is-sistema ta' liġi tal-post fejn seħħet il-ġrajja biex jevitaw il-mod il-ġdid li l-Kummissjoni bi ħsiebha toqrob lejn il-kwistjoni.

    5.2

    F' każijiet li jinvolvu responsabbilità dwar il-prodott (Artikolu 4), il-liġi li tgħodd hija dik tal-post fejn għandha r-residenza abitwali tagħha l-persuna li sofriet id-dannu. Dan il-mod kif wieħed jersaq lejn il-problema jista' jiġi osservat bħala proposta għal kompromess, b' mod partikolari fid-dawl tad-dibattiti xi kultant qawwijin li saru qabel is-seduta tas-6 ta' Jannar 2003. Xi kriterji oħrajn possibbli li ġew diskussi jidhru inqas xierqa: il-post fejn sar ix-xiri jista' jkun każwali, u f' xi ċirkostanzi jista' jkun ukoll impossibbli li jiġi stabbilit (xiri minn fuq l-Internet). Fil-każijiet ta' responsabbilità dwar il-prodott, il-post fejn isir id-dannu jista' wkoll ikun każwali (per eżempju jekk ix-xerrej isofri d-dannu meta jkun qiegħed jivvjaġġa). Fl-aħħar il-post fejn ġie ffabbrikat il-prodott jista' wkoll ma jkunx kriterju soddisfaċenti minħabba li, fuq l-isfond tal-globalizzazzjoni, dan jista' jkollu ftit rilevanza għall-kwistjoni. Il-kriterju li attwalment intgħażel, min-naħa l-oħra, jiffoka fuq il-ħarsien ta' l-interessi tal-parti aggravata. L-għażla ta' dan il-kriterju huwa aktar u aktar iġġustifikat minħabba li, fis-seduta tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Jannar 2003, ir-rappreżentanti ta' l-industrija, li hija l-aktar affettwata direttament mill-proposta, u s-settur ta' l-assigurazzjoni l-aktar joħorġu favur dik il-pożizzjoni bħala konċessjoni għar-rappreżentanti tal-konsumatur. Ir-restrizzjoni għar-regola ġenerali (tqegħid fis-suq mingħajr kunsens) tqis biżżejjed l-interessi leġittimi ta' l-industrija, kif ikkonċedew ir-rappreżentanti tagħha stess waqt is-seduta.

    5.3

    Id-disposizzonijiet tar-regolament dwar il-konkorrenza żleali (Artikolu 5) huma bażati fuq il-prinċipju tradizzjonalment applikat f'dan il-qasam, ċjoe' li l-liġi applikabbli għandha tkun dik tal-pajjiż fejn il-kompetizzjoni tiġi affettwata direttament u sostanzjalment. Din ir-regola timplika trattament indaqs ta' kompetituri domestiċi u barranin rigward ir-regoli li huma meħtieġa li josservaw. L-istess suġġett madankollu jiġi indirizzat b' mod differenti fl-Artikolu 4(1) ta' l-abbozz tad-Direttiva dwar prattiki żleali fin-negozju (14), b' riferenza għall-prinċipju ta' iStat Membru ta' l-istabbiliment. Minkejja li l-memorandi ta' spjegazzjoni għal dawn iż-żewġ strumenti legali ma jindirizzawx din id-differenza, id-differenza fl-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja u tas-suq intern tista' tiġi riżolta kif ġej: l-Artikolu 5 tar-regolament jirreferi għall-liġi Komunitarja esterna rigward pajjiżi li mhumiex Stati Membri (jew f' oqsma mhux koperti mid-direttiva), filwaqt li l-Artikolu 4(1) tad-direttiva jirrelata għal relazzjonijiet bejn Stati Membri fis-suq intern. Jekk din fil-fatt hija l-intenzjoni, il-Kummissjoni tagħmel tajjeb li tiċċaraha fil-memorandi ta' spjegazzjoni għaż-żewġ strumenti legali. Iżda, dann xorta jħalli sitwazzjoni li ma tistax tiġi aċċettata, fejn l-istess regoli japplikaw għal kompetituri ta' l-UE u dawk mhux ta' l-UE fi Stat Membru, filwaqt li jistgħu japplikaw regoli differenti jekk il-kompetituri huma minn Stati Membri ta' l-UE differenti (iżda dan kollu huwa l-kwistjoni tal-livell ta' l-armoniżżazzjoni tal-liġi sostanzjali tal-kompetizzjoni li seħħet bid-direttiva).

    Ir-restrizzjoni fuq id-disposizzjoni ġenerali ta' l-Artikolu 5(1) hija maħsuba li tikkonċerna każ li fil-prattika x'aktarx isseħħ rari ħafna, jiġifieri fejn att ta' konkorrenza żleali jaffettwa esklussivament l-interessi ta' konkorrent speċifiku. Dan jiġġustifika applikazzjoni tar-regoli ġenerali dwar it-tort u d-delitti, Il-Kumitat jissuġġerixxi illi tingħata konsiderazzjoni li jinbidel it-titoli ta' din id-disposizzjoni għal “Kompetizzjoni u prattiki żleali fil-kummerċ”, sabiex ikun aktar ċar illi r-regolament huwa maħsub illi jkopri l-infrazzjonijiet kollha tal-kompetizzjoni b' mod komprensiv.

    5.4

    Għall-ewwel jista' jidher sorprendenti li jinsabu regoli dwar il-vjolazzjonijiet tal-privatezza u d-drittijiet relatati mal-personalità (Artikolu 6) fi strument legali dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, minħabba li f' ħafna sistemi ta' liġi dawn il-kwistjonijiet jaqgħu fl-ambitu tal-liġi rigward il-persuna. Iżda reċentament, ħafna Stati Membri qiegħdin joqorbu lejn il-kwistjoni dejjem aktar b'mod differenti, fejn din il-kwistjoni qiegħda tiġi mdaħħla fl-ambitu tat-tort u tad-delitti. F'dan is-sens huwa raġonevoli li l-kwistjoni tissemma hawn. Minbarra dan, hemm konnessjoni ċara mal-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-Artikoli 5 u 8. Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 6(1) ħaqqha appoġġ. L-istess jgħodd għar-regola dwar id-dritt tar-risposta fl-Artikolu 6(2). Il-Kumitat huwa mħasseb jekk l-eċċezzjoni favur il-lex fori jistax f' xi ċirkostanzi jsir żejjed minħabba l-Artikolu 22.

    5.5

    Rigward il-vjolazzjoni ta' l-ambjent (Artikolu 7), ir-regola bażika hija konsistenti mar-riferenza għad-disposizzjonijiet dwar tort u delitt ta' l-Artikolu 3, minkejja li l-persuna li qiegħda ssofri d-dannu għandha l-għażla li tibbaża t-talba tagħha fuq il-liġi tal-pajjiż fejn seħħet il-ġrajja li tat lok għad-dannu (li tista' tkun aktar favorevoli għaliha). Huwa ċar illi billi tingħata eċċezzjoni għar-regola ġenerali li, moħbija bħala disposizzjoni tal-liġi dwar il-kunflitt, tippermetti lill-parti aggravata l-għażla tal-liġi applikabbli, il-Kummissjoni qiegħed tipprova tilħaq għanijiet li fil-fatt m' għandhomx x' jaqsmu mal-kunflitt tal-liġijiet iżda li huma aktar maħsuba li jħeġġu lil dawk li potenzjalment iniġġżu 'l-ambjent jieħdu bis-serjetà l-ħarsien ta' l-ambjent billi jiġu mhedda bl-applikazzjoni ta' sistema ta' liġi sostantiva aktar strinġenti. Dan huwa ċar ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-Artikolu 7.

    5.6

    Il-prinċipju applikabbli għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Artikolu 8), li l-liġi applikabbli għandha tkun dik tal-pajjiż li għalih tintalab il-protezzjoni, huwa ġeneralment aċċettat f' dan il-qasam. It-trattament indaqs konsegwenti ta' ċittadini ta' l-UE u barranin f' ġurisdizzjoni huwa milqugħ bl-approvazzjoni. Ikun diffiċli li wieħed jiġġustifika sitwazzjoni fejn il-proprjetà intellettwali ta' ċittadin barrani ngħatat ħarsien akbar jew inqas minn dik ta' ċittadin ta' l-UE. L-Artikolu 8(2) għalhekk jgħid biss dak li huwa ovvju.

    6.   Regoli li jgħoddu għal obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li joħorġu minn att li mhuwiex tort jew delitt

    6.1

    Minkejja li l-liġi dwar tort u delitti, li hija s-suġġett tal-Kapitolu II, Taqsima I tar-regolament, tifforma l-parti essenzjali ta' l-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, ir-regoli dwar arrikkiment inġust u azzjonijiet li saru mingħajr id-debita awtorizzazzjoni huma meħtieġa wkoll. Obbligazzjonijiet oħrajn mhux kuntrattwali, li huma differenti bħala numru u skop, huma magħrufa fl-iStati Membri, u jistgħu jiġu regolati minn klawsola ġenerali, kif tagħmel sew il-Kummissjoni fl-Artikolu 9(1).

    6.2

    Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali hija bbażata fuq relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet (li tinkludi l-kuntratti), huwa minnu illi tgħodd il-liġi li tirregola r-relazzjoni legali eżistenti (konnessjoni sekondarja). Il-Konvenzjoni ta' Ruma, li tistabbilixxi wkoll reegoli dwar l-applikazzjoni, għandha madankollu tiġi applikata għall-kuntratti speċifikament imsemmija f' dak ir-regolament. Madankollu l-Artikolu 9(1) huwa flessibbli biżżejjed biex jista' jiġi applikat flimkien mad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ruma mingħajr ma jqum ebda kunflitt. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(2) jikkorrispondu għall-kliem ta' l-Artikolu 3(2) tar-regolament u għalhekk huma ġġustifikati għall-istess raġunijiet.

    6.3

    Id-disposizzjoni dwar l-arrikkiment inġust, li tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn seħħ l-arrikkiment (Artikolu 9(3)), huwa konsistenti mal-prinċipji magħrufin fil-parti l-kbira ta' l-iStati Membri. Jekk iseħħ l-arrikkiment bażat fuq relazzjoni kuntrattwali (ineffettiva), il-loika ta' l-Artikolu 9 tiddetta li għandu jgħodd l-Artikolu 9(1) (15). Dan għandu jiġi dikjarat b' mod aktar espliċitu fil-parti operattiva tat-test sabiex ma jkun hemm ebda dubbju fl-imħuħ ta' dawk li l-liġi jafuha inqas. Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 38(1) u (3) tal-liġi ċivili Ġermaniża implimentattiva (EGBG), li ssegwi l-istess prinċipju, tista sservi bħala mudell. Skond tagħrif mogħti mir-rappreżentant, dan ikun il-każ biss jekk ma tista' tiġi stabbilita ebda konnessjoni sekondarja taħt l-Artikolu 9(1) jew (2). Il-Kumitat iħoss li dan għandu jiġi ddikjarat b'mod aktar ċar sabiex jiġu evitati nuqqasijiet ta' ftehim minn dawk li jużaw il-liġi.

    6.4

    Rigward azzjonijiet imwettqa mingħajr id-debita awtorità, ir-regolament japplika l-liġi tal-pajjiż fejn għandu r-residenza abitwali l-benefiċċarju (bl-eċċezzjoni tal-każijiet speċjali msemmija fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(4)). Din ir-regola tagħti vantaġġ lill-benefiċċarju rigward ir-regoli dwar il-kunflitt. Jekk tiġi applikata l-liġi tal-post tar-residenza abitwali tal-benefiċċarju, din tagħtih vantaġġ. Mod, apparentament mhux ikkunsidrat mill-Kummissjoni, li bih tista' tinkiseb in-newtralità fir-regoli dwar il-kunflitt huwa li jiġi ddikjarat li tgħodd il-liġi tal-post fejn isseħħ it-transazzjoni. Il-Kummissjoni hija mistqosija tikkunsidra jekk tkunx aktar xierqa soluzzjoni ta' dan it-tip. Dan speċjalment minħabba li, fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(4), il-Kummissjoni diġà addottat mod ieħor kif toqrob lejn il-kwistjoni. Skond l-informazzjoni mogtħija mir-rappreżentant tal-Kummissjoni, dan ikun il-każ biss jekk ma setgħet tiġi stabbilita ebda konnessjoni sekondarja taħt l-Artikolu 9(1) jew (2). Il-Kumitat iħoss li dan għandu jiġi ddikjarat b' mod aktar ċar sabiex jiġu evitati nuqqasijiet ta' ftehim minn dawk li jużaw il-liġi.

    6.5

    Il-klawsola ta' l-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 9(5), li tinvoka l-liġi ta' pajjiż ieħor jekk din hija manifestament aktar konnessa ma' l-obbligazzjoni, hija konsistenti ma' l-Artikolu 3(3) tar-regolament u għalhekk hija ġġustifikata. Tqum il-mistoqsija jekk prinċipju superjuri jistax jiġi derivat minn dan, li jkun jgħodd għad-disposizzjonijiet tar-regolament, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8, li mhuwiex maħsub li jgħodd għalihom. Il-Kummissjoni għandha tqis dan u, jekk xieraq, tinkorpora regola korrispondenti fit-Taqsima 3. F'dan il-każ l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 9(5) għandhom jiġu mħassra.

    6.6

    Il-Kumitat iqis lill-Artikolu 9(6) żejjed, minħabba li l-istess effett huwa diġà miksub bir-regola speċjali li tinsab fl-Artikolu 8. Madankollu ma jkun hemm ebda ħsara li tinżamm id-dispożizzjoni.

    7.   Regoli komuni li jgħoddu għal obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn tort jew delitt u minn atti oħrajn minbarra tort jew delitt

    7.1

    It-titolu tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II hija kkomplikata mingħajr ħtieġa, u diffiċli biex tinftiehem. Il-Kumitat jirrakkmanda li jiġi segwit l-eżempju tal-Konvenzjoni ta' Ruma u li t-taqsima jkollha t-titolu “Disposizzjonijiet Komuni”.

    7.2

    Billi jagħti lill-partijiet il-libertà li jagħżlu s-sistema ta' liġi wara li tkun qamet it-tilwima (Artikolu 10), ir-regolament jagħmel tajjeb billi jsegwi tendenza progressiva li tistà, per eżempju, tidher ukoll fl-Artikolu 42 ta' l-EGBG Ġermaniża jew fl-Artikolu 6 tal-liġi internazzjonali privata Olandiża. Il-Kumitat jilqa' dan bl-approvazzjoni. Ir-riservazzjoni dwar liġi li ma tgħoddx fl-Artikolu 10(2) u (3) hija prattika standard biex il-partijiet jiġu mrażżna milli jevitaw il-liġi hu għalhekk ma tistax tingħata eċċezzjoni, minkejja li tagħmilha aktar diffiċli biex il-liġi tiġi applikata.

    7.3

    Id-disposizzjonijiet dwar l-iskop tar-regolament li jinsabu fl-Artikoli 3-10 huma bbażati f'forma modifikata fuq l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta' Ruma. Id-dettall konsiderevoli jipprova l-isforzi tajbin tal-Kummissjoni biex tikseb livell għoli ta' ċertezza.

    7.4

    Qasam li huwa potenzjalment problematiku, madankollu, huwa d-disposizzjoni ta' l-Artikolu 11(d), minħabba li skond prinċipji ġeneralment aċċettati, il-liġi proċedurali tkun bla ħsara għal-lex fori. Il-Kummissjoni għandha tħalli dan il-prinċipju kif inhu. Kwalunkwe passi proċedurali biex jiġu inforzati u (b'mod preventiv) salvagwardjati it-talbiet materjali għandhom jittieħdu skond il-liġi tal-ġurisdizzjoni kompetenti. Il-kwistjoni dwar teżistix tali talba materjali għandha tiġi riżolta skond il-liġi indikata fl-Artikoli 3 sa 10. Il-kliem tal-memorandum ta' spjegazzjoni jissuġġerixxi illi din setgħet kienet l-intenzjoni tal-Kummissjoni. Fejn il-proċeduri tal-Qorti u t-talbiet materjali huma konnessi b' mod li ma jistgħux jiġu separati, eċċezzjoni mir-regola tal-lex fori tkun iġġustifikata u tiġi applikata l-lex causae.

    7.5

    L-Artikolu 12, li jirrigwarda s-suġġett diffiċli ta' regoli superjuri obbligatorji huwa bbażat, mutatis mutandis, fuq l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta' Ruma u huwa għalhekk skond il-prattika standard fir-regoli dwar il-kunflitt. It-titolu, madankollu, li huwa differenti minn dak użat fil-Konvenzjoni ta' Rmuma, jirrefletti l-iżviluppi fit-teknoloġija mill-1980.

    7.6

    L-Artikolu 13 jipprovdi li r-regoli dwar is-sigurtà u l-kondotta jgħoddu awtomatikament, li bħala prinċipju huwa ġġustifikat. Iżda l-Kumitat iqis li r-regoli applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fil-post fejn aġixxiet il-persuna in vjolazzjoni, għaliex jista' jiġi mistenni li tosservahom. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta' Hague dwar il-liġi li tgħodd dwar l-inċidenti tat-traffiku jistgħ, kuntrarjament għall-asserzjonijiet tal-memorandum ta' spjegazzjoni (p. 25) jiġu interpretati f' dan il-mod, għaliex l-artikolu jirreferi għar-regoli fis-seħħ fil-post u fil-ħin ta' l-inċident. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni interpreta l-Artikolu 13 f' dan il-mod ukoll. Il-Kumitat iqis illi dan ma joħroġx ċar biżżejjjed, għall-inqas f' xi verżjonijiet b' xi lingwi. Il-Kumitat għalhekk jagħmel sejħa lill-Kummissjoni sabiex tgħid mingħajr ewkivoku fl-Artikolu 13 tar-regolament illi r-regoli dwar is-sigurtà u l-kondotta li għandhom jgħoddu huma dawk fil-post fejn aġixxiet il-persuna in vjolazzjoni.

    7.7

    Ir-regola dwar l-azzjoni diretta kontra l-assikuratur tal-persuna li hija allegatament responsabbli hija xierqa u hija l-korollarju sustantiv tar-regola proċedurali stabbilita fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001.

    7.8

    Ir-regola dwar is-subrogazzjoni (Artikolu 15) hija konsistenti ma' l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Ruma u ma toħloqx problemi. Il-Kummissjoni jkollha bżonn tiżgura illi dan jibqa' veru meta l-Konvenzjoni ta' Ruma terġa' tinħadem bħala regolament Ewropew (Regolament dwar Ruma I). L-istess jista' jingħad dwar l-Artikolu 17 (piż tal-prova), li huwa konsistenti ma' l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta' Ruma. L-Artikolu 16 hija addattazzjoni li rnexxiet tad-disposizzjonjiet ta' l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Ruma li, fid-dawl tal-materja differenti, jista' jservi biss bħala punt ta' bidu.

    8.   Disposizzjonijiet oħrajn / Disposizzjonijiet finali

    8.1

    Il-kwistjonijiet fil-Kapitoli III u IV huma l-aktar regoli tekniċi konsistenti ma' l-istandards ġenerali fil-kunflitt tal-liġijiet; għalhekk ma joħolqu ebda problema u ma jeħtieġu ebda kumment fid-dettall. Dan jgħodd partikolarment għall-Artikolu 20 (Esklużjoni tar-rinviju (renvoi)), li huwa konsistenti ma' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Ruma, l-Artikolu 21 (Stati b'aktar minn sistema legali waħda), li huwa konsistenti ma' l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Ruma, l-Artikolu 22 (Politika pubblika tal-forum), li huwa konsistenti ma' l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta' Ruma, u l-Artikolu 25 (Relazzjoni ma' konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti), li huwa konsistenti ma' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Ruma.

    8.2

    Għall-iskopijiet tar-regolament, l-Artikolu 18 jassimila ma' territorju ta' Stat xi żoni li normalment ma jaqgħux f'dak it-territorju. Dan għandu l-effett illi jingħalqu ċerti spazji vojta fil-liġi u jipprevjenu applikazzjonijiet każwali tas-sistemi tal-liġi. Il-Kumitat jilqa' dan bl-approvazzjoni.

    8.3

    Il-post ta' residenza abitwali ta' persuna għandu rwol ċenrali fil-liġi privata internazzjonali kurrenti, u konsegwentement fir-regolament, meta tiġi determinata l-liġi li tgħodd. Minkejja li d-determinazzjoni tal-post ta' residenza abitwali ta' persuna naturali normalment ma toħloqx problemi, jista' jkun hemm xi dubbji rigward persuni legali. Ir-regolament jiddisponi minn dawn id-dubbji b'mod xieraq billi jiddikjara l-post ewlieni tan-negozju bħala l-kriterju deċiżiv. Ma kienx ikun xieraq li din id-disposizzjoni timxi fuq il-mudell ta' l-Artikolu 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, minħabba li dan ir-regolament normalment jieħu l-post tar-residenza permanenti minflok dak tar-residenza abitwali bħala l-kriterju, u wkoll minħabba li s-soluzzjoni bi tliet punti, addottata hemm, kienet tfisser inqas ċertezza.

    8.4

    L-Artikolu 24 ġie inkorporat fit-test mill-Kummissjoni biss b'riżultat tal-proposti li saru fis-seduta ta' Jannar 2003. Huwa bbażat fuq l-Artikolu 40(3) ta' l-EGBG Ġermaniża, li l-iskop tagħha huwa li trażżan, permezz ta' liġi sostantiva, it-talbiet li jsiru li huma ġeneralment meqjusa fil-Komunità bħala eċċessivi, li għalkemm jagħmlu żejda kwalunkwe tilwima jew diskussjoni rigward jekk tali talbiet humiex inkompatibbli mal-politika pubblika. Il-Kumitat jaqbel sewwa ma' l-intenzjoni tal-Kummissjoni. Iżda jiġu moqdija l-interessi ta' parti li titlob il-kumpens jekk (għal raġunijiet li għal kull skop ieħor huma perfettament skond il-liġi) kellu jiġi miċħud mill-kumpens għal dannu soffert biss minħabba li taħt sistema barranija ta' liġi, saret disposizzjoni dwar id-danni li tiġi aċċettata fl-iStati Membri iżda wkoll għal danni punitivi (eż., tripli) li ma jitqisux aċċettabbli. Il-Kumitat jibża' illi l-kliem ta' l-Artikolu 24 bħalissa m' għandhomx eżattament dan l-effett. Għalhekk huwa jipproponi li d-disposizzjoni terġa' tinkiteb kif ġej:

    “L-applikazzjoni ta' disposizzjoni tal-liġi indikata minn dan ir-Regolament m' għandha tagħti lok għal ebda talbiet biss fejn dawn it-talbiet iservu b' mod ċar skopijiet minbarra dak tal-kumpens xieraq tal-parti aggravata.”

    8.5

    L-Artikolu 25 tar-regolament fih proviso dwar konvenzjonijiet internazzjonali li l-iStati Membri huma partijiet tagħhom, u dawn jingħataw priorità rigward ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. Din id-disposizzjoni tikkorrespondi b' mod wiesa' għall-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Ruma iżda, kuntrarjament għall-Konvenzjoni ta' Ruma, ma jagħtix eżenzjoni għal irbit ta' trattati fil-futur li jiddevjaw mil-liġi tal-Komunità. Din id-differenza tiġi mill-intenzjoni li r-regolament għandu jorbot lill-awtoritajiet leġislattivi nazzjonali u mill-ħtieġa li titrażżan aktar frammentazzjoni tal-liġi fil-Komunità fil-futur. Il-Kumitat jilqa' dan il-proviso, minħabba li jippermetti lill-iStati Membri jkomplu jonoraw irbit tat-trattati eżistenti u li jkomplu jkunu partijiet għal konvenzjonijiet importanti, li f' xi każijiet jiġu applikati mad-dinja kollha. F' dan il-kuntest, il-Kumitat jikkwota bħala eżempju l-Konvenzjoni ta' Berne dwar il-ħarsien ta' xogħolijiet letterarji u artistiċi tad-9 ta' Settembru 1896, il-Ftehim dwar aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS), il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta' xo regoli tal-liġi dwar l-assistenza u s-salvataġġ fuq il-baħar tat-23 ta' Settembru 1910 u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-limitazzjoni tar-responsabbilità tal-proprjetarji tal-vapuri baħħara.

    9.   Konklużjoni

    Il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni, biex tlesti x-xogħol fuq ir-regolament mill-aktar fis possibbli sabiex jista' jidħol fis-seħħ. Il-Kummissjoni għandha:

    tiċċara r-relazzjoni bejn l-Artikolu 5 tar-regolament u l-Artikolu 4(1) tad-direttiva dwar il-konkorrenza żleali u taddatta l-memorandum ta' spjegazzjoni f'dan is-sens;

    terġa tqis jekk l-għotja lill-parti aggravata ta' l-għażla tal-liġi li tgħodd fil-każijiet dwar vjolazzjoni ta' l-ambjent (Artikolu 7) hijiex verament xierqa;

    tiċċara r-relazzjoni bejn l-Artikolu 9(3) u (4), minn naħa waħda, u l-Artikolu 9(1) u (2), fuq in-naħa l-oħra, fit-test tar-regolament;

    tqis jekk, fl-Artikolu 9(4), ikunx aktar xieraq li jiġi ddikjarat illi s-sistema ta' liġi li għandha tgħodd hija tal-post fejn issir it-transazzjoni;

    tqis jekk l-Artikolu 9(5) għandux isir prinċipju ġenerali tar-regolament u jidħol fit-Taqsima 3;

    temenda t-titolu tat-Taqsima 3 biex jinqara “Disposizzjonijiet Komuni”;

    tiċċara illi fl-Artikolu 13 ir-regoli tas-sigurtà u kondotta applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fil-post fejn seħħet il-ġrajja;

    terġa' tikteb l-Artikolu 24 biex jinqara kif ġej:

    “L-applikazzjoni ta' disposizzjoni tal-liġi indikata minn dan ir-Regolament m' għandha tagħti lok għal ebda talbiet biss fejn dawn it-talbiet iservu b'mod ċar skopijiet minbarra dak tal-kumpens xieraq tal-parti aggravat.”

    Brussel, 2 ta' Ġunju 2004.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Roger BRIESCH


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-inforzar tas-sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali, ĠU OJ L 12, 16.1.2001, p. 1.

    (2)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li joħloq ordni ta' l-inforzar Ewropew għal talbiet mhux kontestati, COM(2002) 159 finali tat-18.4.2002.

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar in-notifika fl-iStati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f' materji ċivili jew kummerċjali, ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fit-teħid ta' l-evidenza f' materji ċivili jew kummerċjali, GU L 174, 27.6.2001, p. 1.

    (5)  Rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpijiet responsabbli għar-riżoluzzjoni barra mill-qrati tat-tilwimiet tal-konsumatur (98/257/KE), ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.

    (6)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarja Ewropea f' materji ċivili jew kummerċjali (2001/470/KE), ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

    (7)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti (2001/C 255/01), ĠU C 255, 13.9.2001, p. 1.

    (8)  ĠU C 61, 10.3.1990, p. 14.

    (9)  ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

    (10)  Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-konverżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 dwar il-liġi li tapplika għall-obbligazzjonijiet Kuntrattwali fi strument Komunitarju l-modernizzazzjoni tagħha (COM(2002) 654 finali).

    (11)  Il-Konvenzjoni ta' Geneva li tipprovdi liġi uniformi dwar kambjali u promissory notes tas-7 ta' Gunju 1930, il-Konvenzjoni ta' Geneva li tipprovdi liġi uniformi dwar iċ-ċekkijiet tad-19 ta' Marzu 1931, il-Konvenzjoni ta' Pariġi tad-29 ta' Lulju 1960 u numru ta' konvenzjonijiet komplementari.

    (12)  B' kuntrast, per eżempju, mal-liġi fis-seħħ fil-Ġermanja mill-1999 (Artikolu 40(1) tal-liġi ta' l-implimentazzjoni għall-Kodiċi tal-Liġi Ċivili - EGBGB), li sseħħ fil-post fejn ġrat il-ġrajja bħala l-kriterju deċiżiv.

    (13)  Min x' aktarx huwa familjari mal-liġi lokali ma jkollux għalfejn jinkwieta dwar sistemi oħrajn ta' liġi u jista' jibbenefika minn livell inqas ta' responsabbilità għal prattiki perikolużi

    (14)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiki inġusti min-negozjant għall-konsumatur fis-Suq Intern u d-Direttivi li jemendawha 84/450/KEE, 97/7/KE u 98/27/KE, COM(2003) 356, 18.6.2003.

    (15)  Dan huwa kkonfermat, minkejja li fil-qasir ħafna, fil-memorandum ta' spjegazzjoni (p. 22).


    Top