Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R2861

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2861 tat-12 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mezzi tekniċi għad-divulgazzjoni pubblika xierqa ta’ informazzjoni privileġġjata u għall-ittardjar tad-divulgazzjoni pubblika ta’ din l-informazzjoni

C/2024/7772

ĠU L, 2024/2861, 13.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2861/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2861/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2861

13.11.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2861

tat-12 ta’ Novembru 2024

li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mezzi tekniċi għad-divulgazzjoni pubblika xierqa ta’ informazzjoni privileġġjata u għall-ittardjar tad-divulgazzjoni pubblika ta’ din l-informazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 88(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Peress li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni privileġġjata kif imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolament (UE) 2023/1114 jenħtieġ li tilħaq kemm jista’ jkun investituri u tkun verifikabbli, l-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li jxerrdu din l-informazzjoni permezz tal-media u jippubblikawha fuq is-siti web tagħhom. Sabiex tiġi promossa d-distribuzzjoni effettiva tagħha, l-informazzjoni privileġġata ppubblikata fuq is-sit web tal-emittenti, l-offerenti, u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li tkun tista’ titniżżel biex tinħażen lokalment u jiġi ffaċilitat aktar it-tixrid ta’ din l-informazzjoni minn partijiet terzi.

(2)

Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni, is-sit web jenħtieġ li jippermetti lill-utenti jaċċessaw l-informazzjoni privileġġata fuq bażi nondiskriminatorja u mingħajr ħlas u jsibu l-informazzjoni privileġġata fit-taqsima apposta faċilment identifikabbli. Sabiex l-utenti jkunu jistgħu jivverifikaw faċilment l-istorja kollha tad-divulgazzjonijiet tal-informazzjoni privileġġata, kull pubblikazzjoni fuq is-sit web jenħtieġ li tindika d-data u l-ħin tad-divulgazzjoni, u l-pubblikazzjonijiet jenħtieġ li jiġu organizzati f’ordni kronoloġiku. Minħabba n-natura transfruntiera tan-negozjar għall-kriptoassi, huwa essenzjali li l-ostakli lingwistiċi ma jillimitawx l-aċċess għall-informazzjoni ppubblikata. Għalhekk, jenħtieġ li l-emittenti, l-offerenti u l-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ jippubblikaw l-informazzjoni privileġġata fuq is-sit web tagħhom bil-lingwa jew bil-lingwi li bihom titfassal il-white paper dwar il-kriptoassi u, fejn fattibbli, b’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali. Sabiex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni attiva tal-informazzjoni privileġġata, is-sit web tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li jippermettu li l-investituri jirċievu notifiki jew allerti push dwar kwalunkwe pubblikazzjoni ġdida relatata ma’ informazzjoni privileġġata fuq bażi ta’ inklużjoni fakultattiva.

(3)

Minħabba l-importanza dejjem akbar tal-media soċjali u tal-pjattaformi bbażati fuq il-web fit-twassil tal-informazzjoni fir-rigward tal-kriptoassi, l-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu ammissjonijiet għall-kummerċ jistgħu jużaw ukoll il-media soċjali jew il-pjattaformi bbażati fuq il-web biex ixerrdu informazzjoni privileġġata meta jidhru bħala l-media li l-pubbliku jserraħ fuqha b’mod raġonevoli. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni privileġġata tixxerred kemm jista’ jkun mal-pubbliku, l-emittent, l-offerenti, jew il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li jikkunsidraw li jxerrdu l-informazzjoni permezz ta’ aktar minn mezz wieħed jew tip ta’ mezz kull meta t-tixrid tagħha permezz ta’ mezz wieħed biss ma jkunx biżżejjed. Meta jiġi vvalutat jekk il-pubbliku jserraħx fuq mezz b’mod raġonevoli, l-emittent, l-offerenti, jew il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li jqisu li l-użu ta’ mezz wieħed biss jew ta’ tip ta’ mezz b’firxa limitata jenħtieġ li ma jitqiesx bħala wieħed li l-pubbliku jserraħ fuqu b’mod raġonevoli. Dan jista’ jkun pereżempju l-każ ta’ tixrid permezz ta’ pjattaforma tal-media soċjali b’għadd limitat ta’ utenti.

(4)

Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni privileġġata, kwalunkwe pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq il-media soċjali jew il-pjattaformi bbażati fuq il-web jenħtieġ li jkun fiha link għas-sit web fejn l-informazzjoni privileġġata tkun ippubblikata. Il-pubblikazzjoni fuq il-media soċjali u fuq il-pjattaformi bbażati fuq il-web jenħtieġ li sseħħ f’konformità mar-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq is-sit web tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni fuq bażi nondiskriminatorja. Jenħtieġ li jitqiesu biss dawk il-pjattaformi li huma miftuħin għall-pubbliku biex jiġi żgurat aċċess fuq bażi nondiskriminatorja għad-divulgazzjonijiet fil-media soċjali u fuq il-pjattaformi bbażati fuq il-web. Filwaqt li r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni huma aċċettabbli, il-midja b’aċċess bi stedina biss ma tikkwalifikax bħala nondiskriminatorja.

(5)

Sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċentralizzazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata, tali informazzjoni relatata mal-emittenti jew mal-offerenti li l-kriptoassi tagħhom jiġu nnegozjati fuq pjattaforma ta’ negozjar tista’ titqiegħed ukoll fuq is-sit web tal-pjattaforma ta’ negozjar, meta l-pjattaforma ta’ negozjar tippermetti li dan iseħħ. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-divulgazzjoni magħmula mill-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ, il-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-pjattaformi ta’ negozjar jenħtieġ li tinkludi link għall-paġna web tas-sit web tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ fejn l-informazzjoni kienet oriġinarjament ġiet iddivulgata.

(6)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu malajr kwalunkwe rieżami jew investigazzjoni meħtieġa marbuta mat-tixrid ta’ informazzjoni privileġġata jew każijiet possibbli ta’ abbuż tas-suq u biex jiġi żgurat, fejn meħtieġ, li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkuntattjaw malajr lill-persuni inkarigati mit-tixrid ta’ informazzjoni privileġġata, huwa meħtieġ li tali persuni li għandhom x’jaqsmu mal-emittent, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi jiġu identifikati b’informazzjoni dwar isimhom, kunjomhom u l-pożizzjoni tagħhom fl-entità rilevanti.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-emittenti, l-offerenti, u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata se tittardja, kif stabbilit fl-Artikolu 88(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li l-mezzi tekniċi għall-ittardjar tad-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni privileġġata jiżguraw li tiġi rreġistrata l-informazzjoni ewlenija dwar il-proċess għall-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata.

(8)

Sabiex jiġu żgurati l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata, u l-ħeffa tat-trażmissjoni tagħha, l-emittenti, l-offerenti, jew il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tagħhom dwar l-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata u, fejn meħtieġ, jispjegaw bil-miktub kif ġew issodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli kollha għall-ittardjar u billi jintużaw il-mezzi elettroniċi siguri speċifikati mill-awtorità kompetenti tagħhom.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu investigazzjonijiet b’mod effiċjenti dwar każijiet possibbli ta’ abbuż tas-suq. Sabiex isir dan, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw, fi ħdan l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ, lill-persuni responsabbli mill-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata, mingħajr ma din l-informazzjoni tintalab mingħand l-entità rilevanti. Għalhekk, l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar jenħtieġ li jipprovdu lill-awtorità kompetenti tagħhom l-identità tal-persuna li infurmat lill-awtorità kompetenti dwar l-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata, u tal-persuna jew tal-persuni li ddeċidew li jittardjaw din id-divulgazzjoni. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 88(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 humiex issodisfati, l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-awtorità kompetenti tagħhom dwar b’kemm se jittardjaw.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(11)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mezzi tekniċi għad-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni privileġġata

1.   L-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi għandhom jiddivulgaw informazzjoni privileġġata billi jużaw mezzi tekniċi li jiżguraw li l-informazzjoni privileġġata tiġi disseminata:

(a)

lil pubbliku kemm jista’ jkun wiesa’ fuq bażi mhux diskriminatorja;

(b)

mingħajr ħlas;

(c)

fl-istess ħin fl-Unjoni kollha.

2.   Sabiex tiġi żgurata d-disseminazzjoni effettiva, l-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni privileġġata, direttament jew permezz ta’ parti terza, lill-media li l-pubbliku joqgħod fuqha b’mod raġonevoli, inkluż wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-media tradizzjonali;

(b)

il-media soċjali li tippermetti l-pubblikazzjoni bil-miktub;

(c)

il-pjattaformi bbażati fuq il-web li jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ aħbarijiet relatati ma’ emittenti, offerenti jew persuni li jkunu qed ifittxu ammissjoni għan-negozjar għall-kriptoassi.

Informazzjoni privileġġata relatata mal-kriptoassi ammessi għall-kummerċ fuq pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi tista’ titqiegħed fuq is-sit web ta’ din il-pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi meta tali pubblikazzjoni ssir disponibbli mill-pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi għall-emittenti jew għall-offerenti.

3.   L-emittenti, l-offerenti, u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar ma għandhomx ixerrdu informazzjoni privileġġata permezz tal-media soċjali jew ta’ pjattaformi bbażati fuq il-web meta l-media soċjali jew il-pjattaforma bbażata fuq il-web ma jiżgurawx li l-informazzjoni privileġġata tkun aċċessibbli għall-utenti kollha tagħhom jew meta l-media soċjali jew il-pjattaforma bbażata fuq il-web jagħmlu l-aċċess soġġett għal modalitajiet li jirrestrinġu l-aċċess għall-utenti tagħhom.

4.   Il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata fuq il-media soċjali, il-pjattaformi bbażati fuq il-web, jew fuq is-sit web tal-pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi għandu jkun fiha link għad-dikjarazzjoni bil-miktub ippubblikata fuq is-sit web mill-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ skont l-Artikolu 2.

5.   L-emittenti, l-offerenti, u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ għandhom ixerrdu l-informazzjoni privileġġata permezz tal-midja soċjali jew tal-pjattaformi bbażati fuq il-web, kif imsemmi fil-paragrafu 2, billi jużaw mezzi elettroniċi li jżommu l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata waqt it-tixrid tagħha. Kull disseminazzjoni bħal din għandha ssemmi b’mod ċar:

(a)

li l-informazzjoni kkomunikata hija informazzjoni privileġġata;

(b)

l-identità tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ, bl-isem legali sħiħ fejn applikabbli;

(c)

l-identità tal-persuna li tagħmel in-notifika billi tispeċifika l-isem, il-kunjom, u l-pożizzjoni ta’ din il-persuna li għandha x’taqsam mal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ;

(d)

is-suġġett tal-informazzjoni privileġġata;

(e)

id-data u l-ħin tad-disseminazzjoni.

L-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ għandhom jiggarantixxu l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità billi jirrimedjaw mingħajr dewmien kull nuqqas jew tħarbit fit-tixrid tal-informazzjoni privileġġata.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, media soċjali għandha tfisser “servizz online ta’ networking soċjali” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u pjattaformi bbażati fuq il-web għandha tfisser pjattaformi online li jiġbru u jxerrdu informazzjoni u data dwar il-kriptoassi biex jippromwovu deċiżjonijiet ta’ investiment infurmati, aċċessibbli fuq bażi nondiskriminatorja u mingħajr ħlas.

Artikolu 2

It-tqegħid ta’ informazzjoni privileġġata fuq is-sit web tal-emittent, l-offerent jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ

1.   L-emittenti, l-offerenti, u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ għall-kriptoassi għandhom iqiegħdu l-informazzjoni privileġġata kif imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolament (UE) 2023/1114 fuq is-sit web tagħhom fil-forma ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li tista’ titniżżel minnu. Il-lingwa użata fid-dikjarazzjoni bil-miktub li tista’ titniżżel biex tiddeskrivi l-informazzjoni privileġġata għandha tkun ċara, preċiża, u mhux qarrieqa.

2.   Is-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

jippermetti lill-utenti aċċess għall-informazzjoni privileġġata mqiegħda fuq is-sit web b’mod mhux diskriminatorju u bla ħlas;

(b)

jippermetti lill-utenti biex isibu faċilment l-informazzjoni privileġġata, billi jqiegħed dik l-informazzjoni fit-taqsima faċilment identifikabbli fis-sit web;

(c)

jindika b’mod ċar id-data u l-ħin tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġjata;

(d)

jelenka d-divulgazzjonijiet tal-informazzjoni privileġġata f’ordni kronoloġika;

(e)

jipprovdi l-informazzjoni privileġġata bil-lingwa li biha titfassal il-white paper tal-kriptoassi u, meta possibbli, b’lingwa li tintuża fil-qasam tal-finanzi internazzjonali;

(f)

jipprovdi lill-utenti bil-possibbiltà li jirċievu allerti permezz ta’ xi email, messaġġ, jew pop-up li jinfurmawhom li hemm pubblikazzjonijiet dwar informazzjoni privileġġata u li jippromwovu aċċess rapidu għal dawn il-pubblikazzjonijiet, kull meta tiġi ppubblikata l-informazzjoni privileġġata.

Artikolu 3

Notifika ta’ divulgazzjoni ttardjata tal-informazzjoni privileġġata

1.   Għall-iskop tal-ittardjar tad-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni privileġġata f’konformita tal-Artikolu 88(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ għandhom jużaw mezzi tekniċi li jiżguraw li l-informazzjoni kollha li ġejja tkun aċċessibbli, tinftiehem u maħżuna f’mezz li jservi għal żmien twil:

(a)

id-dati u l-ħin ta’ meta:

(i)

l-informazzjoni privileġġata kienet bdiet teżisti għand l-emittent, l-offerent jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ;

(ii)

tkun ittieħdet id-deċiżjoni li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata tiġi ttardjata;

(iii)

l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kumerċ x’aktarx li jiddivulgaw l-informazzjoni privileġġata;

(b)

il-pożizzjonijiet/il-funzjonjiet tal-persuni li għandhom x’jaqsmu mal-emittent, l-offerent jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ:

(i)

it-teħid tad-deċiżjoni li tiġi ttardjatata d-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata u tad-deċiżjoni dwar it-tnedija ta’ dan l-ittardjar u meta x’aktarx li se jintemm;

(ii)

l-iżgurar tal-monitoraġġ kontinwu tal-kundizzjonijiet għall-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata;

(iii)

id-deċiżjoni dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata;

(iv)

l-għoti tal-informazzjoni lill-awtorità kompetenti dwar l-ittardjar u l-ispjegazzjoni bil-miktub;

(c)

l-evidenza li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 88(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 ġew inizjalment issodisfati, u dwar kull bidla fl-issodisfar tal-kundizzjonijiet waqt il-perjodu ta’ differiment, inkluż:

(i)

ix-xkiel għall-informazzjoni li jkun tqiegħed internament u fir-rigward ta’ partijiet terzi biex ma jkunx jista’ jsir aċċess għal informazzjoni privileġġata minn persuni għajr dawk li jkollhom bżonnha fl-eżerċizzju normali tal-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħhom, li għandhom x’jaqsmu mal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ;

(ii)

l-arranġamenti stabbiliti fejn il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata ma tkunx għadha żgurata.

Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu 1, “mezz li jservi għal żmien twil” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti l-ħżin ta’ informazzjoni b’tali mod li jkun aċċessibbli għal riferiment fil-futur għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet ta’ informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna.

L-emittenti, l-offerenti u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għall-kummerċ għandhom jittrażmettu lill-awtorità kompetenti notifika bil-miktub dwar l-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata u spjegazzjoni bil-miktub dwar dan l-ittardjar permezz ta’ punt ta’ kuntatt apposta fi ħdan, l-awtorità kompetenti jew jkun maħtur minnha, u bl-użu tal-mezzi elettroniċi speċifikati mill-awtorità kompetenti. Tali notifika għandha tinkludi wkoll l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna/i msemmija fil-paragrafu 1 (b).

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-punt ta’ kuntatt apposta fl-awtorità kompetenti jew maħtur minnha, u l-mezzi elettroniċi msemmijin fis-subparagrafu preċedenti. Dawn il-mezzi elettroniċi għandhom jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu waqt it-trażmissjoni.

2.   Il-mezzi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li n-notifika tal-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata tkun tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ, inkluż l-isem legali kollu fejn applikabbli;

(b)

l-identità tal-persuna li tagħmel in-notifika, inkluż l-isem, il-kunjom, u l-pożizzjoni ta’ din il-persuna li għandha x’taqsam mal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ;

(c)

il-punt ta’ kuntatt rigward in-notifika, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika professjonali u n-numru tat-telefown tiegħu jew tagħha;

(d)

l-identifikazzjoni tal-informazzjoni privileġġata ddivulgata pubblikament li kienet soġġetta għad-divulgazzjoni ttardjata, inkluż it-titolu tad-dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni, in-numru ta’ referenza meta s-sistema li tintuża għad-disseminazjoni tassenja wieħed, id-data u l-ħin tad-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni privileġġata;

(e)

id-data u l-ħin tad-deċiżjoni biex id-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata tiġi ttardjata;

(f)

il-funzjonijiet tal-persuni kollha responsabbli mid-deċiżjoni li tiġi ttardjata d-divulgazzjoni pubblika tal-informazzjoni privileġġata.

3.   Meta l-ispjegazzjoni bil-miktub dwar l-ittardjar tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata tiġi pprovduta biss fuq talba mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 88(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-mezzi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li tali spjegazzjoni bil-miktub tinkludi l-informazzjoni msemija fil-paragrafu 2. Tali notifika għandha tinkludi wkoll l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna/i msemmija fil-paragrafu 1(b) u 2(b) u (e).

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2861/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top