Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0426

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/426 tal-25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/6344/2023/INIT

    ĠU L 59I, 25.2.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/426/oj

    25.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 59/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/426

    tal-25 ta’ Frar 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) idaħħal fis-seħħ il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

    (2)

    Fil-25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/432 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/432 estendiet għal ċerti banek elenkati ġodda derogi mill-iffriżar tal-assi u mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi li kienu applikabbli għall-banek diġà elenkati, u biex ikun possibbli l-ipproċessar ta' pagamenti mill-Konferenza Lhudija dwar Pretensjonijiet permezz ta' wieħed minnhom. Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/432 introduċiet ukoll deroga speċifika u temporanja li tippermetti l-għoti jew it-trasferiment ta' titoli minn entità stabbilita fl-Unjoni attwalment jew preċedentement ikkontrollata minn entità elenkata speċifika. Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/432 introduċiet ukoll deroga li tippermetti t-terminazzjoni ta' operazzjonijiet, kuntratti jew ftehimiet oħra ma' entità elenkata, u estendiet bi tliet xhur l-iskadenza għad-deroga biex ikun permess il-bejgħ u t-trasferiment ta' drittijiet proprjetarji f'persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fl-Unjoni li jkunu proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati.

    (3)

    Huwa xieraq li persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi jkunu obbligati jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali informazzjoni dettaljata dwar fondi u riżorsi ekonomiċi li ġew iffriżati jew li kellhom jiġu ttrattati bħala ffriżati, kif ukoll informazzjoni dwar fondi u riżorsi ekonomiċi li jappartjenu għal, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati li kienu soġġetti għal kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew negozjar ftit qabel l-elenkar. Huwa xieraq ukoll li d-depożitorji ċentrali tat-titoli, minħabba l-importanza sistemika tagħhom għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli, jkunu obbligati jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Istat Membru kkonċernat u fl-istess ħin lill-Kummissjoni. L-obbligu ta' rapportar huwa anċillari għall-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar l-iffriżar tal-assi u huwa mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet monetarji u l-prinċipju tal-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali.

    (4)

    Huwa wkoll xieraq li jiġi speċifikat it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, liema awtoritajiet jenħtieġ li jibgħatu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, b’adattamenti speċifiċi fil-każ ta’ proċedimenti kriminali. Sabiex ikun hemm żmien għall-adattament, huwa xieraq li tiġi prevista applikazzjoni differita tar-rekwiżiti tar-rapportar aktar iddettaljat. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-Istati Membri u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi rilevanti huma meħtieġa li jikkooperaw mal-Kummissjoni fi kwalunkwe verifika ta’ tali informazzjoni, u li l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali, filwaqt li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’tali talba.

    (5)

    Dawk l-emendi jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat u għaldaqstant hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jiġu implimentati, b’mod partikolari bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

    (6)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 6b, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2d.

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Sstat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu għall-entitajiet elenkati taħt l-entrati numru 198, 199 u 200 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għal dawk l-entitajiet, taħt dawk il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma neċessarji għat-terminazzjoni sas-26 ta’ Awwissu 2023 ta’ operazzjonijiet, kuntratti, jew ftehimiet oħra, inklużi relazzjonijiet bankarji korrispondenti, konklużi ma’ dawk l-entitajiet qabel il-25 ta’ Frar 2023, jew, fir-rigward tal-entità elenkata taħt l-entrata numru 198 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I, għal tranżazzjonijiet għall-iżborż ta' fondi mill-Konferenza Lhudija dwar Pretensjonijiet lil benefiċċjarji fil-Federazzjoni Russa sas-26 ta’ Novembru 2023, irrispettivament minn meta jkunu ġew konklużi l-operazzjonijiet, il-kuntratti jew il-ftehimiet l-oħra.”;

    (2)

    fl-Artikolu 6b, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “5 a.   B’deroga mill-Artikolu 2, il-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 101 taħt l-intestatura “Entitajiet” fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li:

    (a)

    tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-għoti jew it-trasferiment ta' titoli minn entità stabbilita fl-Unjoni, attwalment jew preċedentement ikkontrollata mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 82 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I;

    (b)

    tali għoti jew trasferiment jitlesta sal-24 ta' Lulju 2023; u

    (c)

    tali għoti jew trasferiment jitwettaq abbażi ta' operazzjonijiet, kuntratti jew ftehimiet oħra konklużi ma', jew inkella li jinvolvu, l-entità elenkata taħt l-entrata numru 101 taħt l-intestatura “Entitajiet” fl-Anness I qabel it-3 ta’ Ġunju 2022.

    5b.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2, il-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 190 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għal dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-26 ta’ Awwissu 2023 ta’ operazzjonijiet, kuntratti jew ftehimiet oħra konklużi ma' dik l-entità jew inkella li jinvolvuha qabel il-25 ta’ Frar 2023.”

    ;

    (3)

    fil-punt (a) tal-Artikolu 6b(3), id-data ‘28 ta’ Frar 2023’ hija sostitwita bid-data “31 ta’ Mejju 2023”;

    (4)

    fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6e, ir-referenza għall-“entrati numru 53, 54, 55, 79, 80, 81, 82, 108, 126 u 127 fl-Anness I” hija sostitwita b’referenza għall-“entrati numru 53, 54, 55, 79, 80, 81, 82, 108, 126, 127, 198, 199 u 200 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I”;

    (5)

    l-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    1.   Minkejja r-regoli applikabbli dwar ir-rapportar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

    (a)

    ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħal:

    informazzjoni dwar fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2 jew informazzjoni miżmuma dwar fondi u riżorsi ekonomiċi fit-territorju tal-Unjoni li jappartjenu, huma sjieda, jinżammu jew huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I u li ma ġewx ittrattati bħala ffriżati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi obbligati li jagħmlu dan, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew fejn jinsabu, fi żmien ġimagħtejn mill-akkwist ta’ din l-informazzjoni;

    informazzjoni miżmuma dwar fondi u riżorsi ekonomiċi fit-territorju tal-Unjoni li jappartjenu, huma sjieda, jinżammu jew huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I u li kienu soġġetti għal kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew negozjar imsemmi fl-Artikolu 1(e) jew 1(f) fil-ġimagħtejn ta’ qabel l-elenkar ta’ dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fl-Anness I, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew fejn jinsabu, fi żmien ġimagħtejn mill-akkwist ta’ din l-informazzjoni;

    u,

    (b)

    jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ tali informazzjoni.

    1a.   L-informazzjoni dwar il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2 mogħtija taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha mill-inqas tinkludi:

    (a)

    informazzjoni li tidentifika l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li għandhom il-propjetà ta’, iżommu jew jikkontrollaw, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati, inkluż l-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT jew tal-identifikazzjoni tat-taxxa tagħhom;

    (b)

    l-ammont jew il-valur tas-suq ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi fid-data tar-rapportar u fid-data tal-iffriżar; u,

    (c)

    it-tipi ta’ fondi, mqassma skont il-kategoriji stabbiliti fil-punti minn (i) sa (vii) tal-Artikolu 1(g) kif ukoll ikriptoassi u kategoriji rilevanti oħra, u kategorija addizzjonali li tikkorrispondi għal riżorsi ekonomiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d). Għal kull waħda minn dawk il-kategoriji u fejn disponibbli, il-kwantità, il-post u karatteristiċi rilevanti oħra tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi.

    1b.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni li jkun irċieva skont il-paragrafi 1 u 1a fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċiviha. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jibgħat tali informazzjoni f’forma anonimizzata jekk awtorità investigattiva jew ġudizzjarja tkun iddakjaratha bħala kunfidenzjali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji kriminali pendenti.

    Id-depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 1a, u informazzjoni dwar telf u ħsara straordinarji u mhux previsti li tikkonċerna l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi rilevanti, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn dawn ikunu jinsabu, fi żmien xahrejn minn meta jirċivuha u kull tliet xhur wara dan, u jibgħatuha fl-istess ħin lill-Kummissjoni.

    1c.   L-Istati Membri, kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi rilevanti, għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni dwar il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi msemmija fil-paragrafi 1 u 1a. Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ biex twettaq tali verifika. Meta tali talba tkun indirizzata lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kummissjoni għandha tibgħatha fl-istess ħin lill-Istat Membru kkonċernat.

    2.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri.

    3.   Kwalunkwe informazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew kwalunkwe informazzjoni li jirċievu, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, għandha tintuża biss minn dawk l-awtoritajiet għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar u l-amministraturi tar-reġistri uffiċjali fejn ikunu rreġistrati l-persuni fiżiċi, il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw informazzjoni, inkluż data personali, u jekk ikun neċessarju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 1a ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni.

    5.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (*2) u (UE) 2018/1725 (*3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u biss sa fejn ikun meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1)."

    (*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)”;"

    (6)

    fl-Artikolu 12, il-punt (a) tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    fir-rigward tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati skont l-Artikolu 2 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-derogi stabbiliti f’dan ir-Regolament”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1, il-punt (5), għandu japplika mis-26 ta’ April 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  ĠU L 078, 17.3.2014, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/432 tal-25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (Ara l-paġna 437 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top