Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1552

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1552 tal-25 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 fir-rigward tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali, meħuda mill-Italja, li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/11321/2023/INIT

    ĠU L 188, 27.7.2023, p. 45–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1552/oj

    27.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 188/45


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1552

    tal-25 ta’ Lulju 2023

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 fir-rigward tal-perjodu ta’ awtorizzazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali, meħuda mill-Italja, li tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 (2), l-Italja ġiet awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2017, li titlob li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq il-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi titħallas minn dawk l-awtoritajiet f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa (il-“miżura speċjali”). Dik il-miżura speċjali kkostitwiet deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE b’rabta mal-ħlas tal-VAT u mar-regoli tal-fatturazzjoni.

    (2)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 (3), l-Italja kienet ġiet awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sat-30 ta’ Ġunju 2020 u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali twessa’ biex jinkludi l-provvisti lil ċerti kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi u lil kumpaniji kkwotati fil-Borża li huma inklużi fl-indiċi Financial Times Stock Exchange Milano Indice di Borsa (“FTSE MIB”). Il-miżura speċjali għaldaqstant ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2023 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1105 (4).

    (3)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2022, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2026. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Mejju 2023, l-Italja talbet li mill-1 ta’ Lulju 2025, l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali jiġi ristrett, għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi u lil ċerti kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Italja lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Mejju 2023. Permezz tal-ittra datata t-12 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-valutazzjoni tat-talba.

    (5)

    Il-miżura speċjali hija parti minn pakkett ta’ miżuri introdotti mill-Italja biex tiġġieled il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Dak il-pakkett ta’ miżuri, inkluż il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja awtorizzata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 (5), issostitwixxa miżuri oħrajn ta’ kontroll u jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jwettqu l-kontroverifiki tal-operazzjonijiet diversi ddikjarati minn persuni taxxabbli, u li jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT tagħhom.

    (6)

    L-Italja hija tal-fehma li, fil-kuntest tal-pakkett ta’ miżuri implimentati, il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja tqassar iż-żmien meħtieġ mill-awtoritajiet tat-taxxa biex tinduna li jeżisti każ potenzjali ta’ frodi tat-taxxa jew ta’ evażjoni tat-taxxa. Madankollu, l-Italja hija wkoll tal-fehma li, fin-nuqqas tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum introdott mill-miżura speċjali, l-irkupru tal-ammonti tal-VAT dovuti minn persuni taxxabbli involuti fi frodi jew evażjoni tat-taxxa jista’ jkun impossibbli wara li tkun saret il-kontroverifika għaliex, sadanittant, dawk il-persuni taxxabbli setgħu saru insolventi. Għalhekk, il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, bħala miżura ex ante, irriżulta li huwa effettiv ħafna u komplementari għall-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, li hija miżura ex post.

    (7)

    L-Italja kemm-il darba impenjat ruħha li ma tfittixx li ġġedded il-miżura speċjali wara implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett ta’ miżuri. Madankollu, l-Italja hija tal-fehma li, minħabba l-effettività tal-miżura speċjali u s-sinerġiji tagħha ma’ miżuri oħrajn applikati, b’mod partikolari mal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, jenħtieġ li l-miżura speċjali tiġi estiża biex jiġi evitat xkiel fl-isforzi li saru biex titnaqqas id-differenza ġenerali bejn id-dħul mill-VAT mistenni u l-ammont attwalment miġbur fl-Italja. Madankollu, sabiex tonora l-impenn tagħha li gradwalment tneħħi l-miżura speċjali, l-Italja mmodifikat it-talba tagħha biex mill-1 ta’ Lulju 2025, teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali, il-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi lil kumpaniji kkwotati fil-Borża li huma kkwotati fl-indiċi “FTSE MIB”. Dak il-perjodu ta’ żmien ser jippermetti lill-persuni taxxabbli affettwati mir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali jagħmlu l-aġġustamenti operazzjonali xierqa. Ser jippermetti wkoll lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jimmonitorjaw l-effettività tal-miżura speċjali u jevalwaw tajjeb il-miżuri alternattivi possibbli.

    (8)

    Wieħed mill-effetti tal-miżura speċjali huwa li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux ipaċu l-VAT li jħallsu fuq ix-xiri tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista’ jkun li tali fornituri jkunu kostantement f’pożizzjoni ta’ kreditu u jista’ jkun li jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva tal-VAT li jħallsu fuq ix-xiri tagħhom mill-awtoritajiet tat-taxxa. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet soġġetti għall-miżura speċjali ikunu intitolati li jirċievu l-ħlas tal-krediti rilevanti tal-VAT bħala prijorità, fil-limitu tal-kreditu derivanti minn tali tranżazzjonijiet. Dik il-prattika timplika li t-talbiet ta’ rifużjoni relatati mal- miżura speċjali jiġu pproċessati bħala kwistjoni ta’ prijorità kemm matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari kif ukoll meta jitħallsu l-ammonti dovuti minn rifużjonijiet li mhumiex prijorità.

    (9)

    Jenħtieġ li l-estensjoni ulterjuri mitluba tal-awtorizzazzjoni biex tapplika l-miżura speċjali għandha tkun limitata fiż-żmien sabiex jippermetti t-twettiq ta’ valutazzjoni dwar jekk il-miżura speċjali hijiex adatta u effettiva. L-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali għandha għalhekk tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2026. Dak jagħti żmien biżżejjed biex issir valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri implimentati mill-Italja bl-għan li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati.

    (10)

    Sabiex jiġi żgurat is-segwitu neċessarju fil-qafas tal-miżura speċjali u b’mod partikolari sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq ir-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli koperti mill-miżura speċjali, jenħtieġ li l-Italja tkun obbligata tippreżenta rapport lill-Kummissjoni sa Settembru 2024. Dak ir-rapport għandu jindirizza s-sitwazzjoni ġenerali dwar il-qagħda globali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli u b’mod partikolari dwar l-ammont medju ta’ żmien meħtieġ għal dawn ir-rifużjonijiet, u dwar l-effettività tal-miżura speċjali u ta’ kwalunkwe miżura oħra implimentata mill-Italja bl-għan li tnaqqas l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Jenħtieġ li dak ir-rapport jinkludi wkoll lista ta’ dawk il-miżuri, flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

    (11)

    Il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-objettivi fil-mira billi hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għas-setturi li jippreżentaw riskji konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma toħloqx xi riskju li l-prattika tal-evażjoni tat-taxxa tiġi trasferita lejn setturi oħrajn jew lejn Stati Membri oħrajn.

    (12)

    Il-miżura speċjali mhux ser ikollha effett negattiv fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhu ser ikollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

    (13)

    Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi mfittxija mill-miżura speċjali, inkluż ’ l-applikazzjoni mingħajr interruzzjoni tal-miżura speċjali, u li tingħata ċertezza legali fir-rigward tal-perjodu tat-taxxa, huwa xieraq li tingħata awtorizzazzjoni biex tiġi estiża l-miżura speċjali b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023. Peress li l-Italja talbet l-awtorizzazzjoni fis-26 ta’ Settembru 2022 biex tkompli tapplika l-miżura speċjali u kompliet tapplika r-reġim legali stabbilit fil-liġi nazzjonali tagħha abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 mill-1 ta’ Lulju 2023, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati huma rispettati kif xieraq.

    (14)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, jitħassar it-tielet inċiż;

    (2)

    fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, id-data “30 ta’ Settembru 2021” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Settembru 2024”;

    (3)

    fl-Artikolu 5, id-data “30 ta’ Ġunju 2023” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2026”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (1), għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. PLANAS PUCHADES


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7.

    (3)  ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17.

    (4)  ĠU L 242, 28.7.2020, p. 4.

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14).


    Top