EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0815

Deċiżjoni (UE) 2023/815 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/4 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika (BĊE/2023/7)

ECB/2023/7

ĠU L 102, 17.4.2023, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/815/oj

17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/20


DEĊIŻJONI (UE) 2023/815 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Marzu 2023

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/4 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika (BĊE/2023/7)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 21 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaġġusta temporanjament ir-remunerazzjoni tad-depożiti miżmuma mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) applikata skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2019/31) (1) u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/4 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2). Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2022/30) (3) implimentat dan il-qafas temporanju billi stabbiliet ir-remunerazzjoni ta’ tali depożiti bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), skont liema minnhom tkun l-aktar baxxa. Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) mhijiex ser tibqa’ fis-seħħ wara t-30 ta’ April 2023.

(2)

Fis-6 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li mill-1 ta’ Mejju 2023 ir-remunerazzjoni ta’ dawn id-depożiti se tiġi stabbilita bir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) nieqes 20 punt bażi. Din ir-rata ta’ remunerazzjoni hija allinjata mal-limitu massimu tar-remunerazzjoni applikabbli għad-depożiti tal-gvern miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, kif speċifikat fil-Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2019/7) (4), li se tiġi stabbilita wkoll bir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) nieqes 20 punt bażi mill-1 ta’ Mejju 2023.

(3)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/4 tinkludi dispożizzjoni dwar ir-remunerazzjoni, li għandha tiġi allinjata mar-remunerazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (ECB/2019/31) sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fir-remunerazzjoni ta’ depożiti komparabbli madwar l-Eurosistema. Għat-trasparenza u l-konsistenza, għandha tiġi inkluża referenza espliċita għal dik id-dispożizzjoni fid-Deċiżjoni BĊE/2010/4.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2010/4 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 5 tad-Decizjoni BĊE/2010/4 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Remunerazzjoni

Il-kont miżmum mal-BĊE f’isem is-Selliefa għandu jitħallas skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/31) (*1).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2023.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Marzu 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (ĠU L 267, 21.10.2019, p. 12).

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2010/4 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2010 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7, (ĠU L 119, 13.5.2010, p. 24.)

(3)  Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2022 dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30) (ĠU L 236 I, 13.9.2022, p. 1).

(4)  Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).


Top