Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1253

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1253 tad-19 ta’ Lulju 2022 li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward ta’ derogi minn ċerti rekwiżiti introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201

C/2022/4949

ĠU L 191, 20.7.2022, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1253/oj

20.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/45


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1253

tad-19 ta’ Lulju 2022

li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward ta’ derogi minn ċerti rekwiżiti introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(14) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għad-disinn u l-produzzjoni ta’ inġenji tal-ajru ċivili, u ta’ magni, skrejjen u partijiet li jiġu installati fihom.

(2)

F’konformità mal-punt 3.1(b) tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-organizzazzjonijiet approvati tad-disinn u tal-produzzjoni jridu jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni biex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dak l-Anness, tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza u timmira għat-titjib kontinwu ta’ dik is-sistema.

(3)

Skont l-Anness 19 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu lill-organizzazzjonijiet approvati tad-disinn u tal-produzzjoni biex jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/201 (3) daħħal sistema ta’ ġestjoni għall-organizzazzjonijiet approvati kollha tad-disinn u tal-produzzjoni li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 biex jikkonformaw mal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) stabbiliti fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/203 (4) daħħal sistema ta’ ġestjoni u sistemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi li għandhom jistabbilixxu l-awtoritajiet kompetenti.

(6)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/201 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/203 emendaw, rispettivament, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 748/2012. L-emendi prevedew perjodi tranżizzjonali sas-7 ta’ Marzu 2025 għall-organizzazzjonijiet tad-disinn u għall-organizzazzjonijiet tal-produzzjoni biex jikkoreġu s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità relatati mar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201 fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012.

(7)

It-test adottat li jemenda l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, irrefera bi żball għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/203, minflok ma rrefera għar-Regolament Delegat (UE) 2022/201.

(8)

Barra minn hekk, it-test li jemenda l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 ma kkunsidrax il-fatt li hemm biss sett limitat tar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201, prinċipalment ir-rekwiżiti dwar ir-rappurtar u ż-żamma tar-rekords, li japplikaw għall-organizzazzjonijiet li jipproduċu prodotti, partijiet jew tagħmir mingħajr ċertifikat tal-approvazzjoni b’ittra ta’ ftehim (LoA), u li dik il-LoA tkun valida biss għal perjodu limitat. Għaldaqstant, il-perjodu tranżizzjonali sas-7 ta’ Marzu 2025 biex jissewwew is-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità relatati mar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201 mhuwiex rilevanti għal dawk l-organizzazzjonijiet. Għalhekk, biex tkun żgurata l-konsistenza mad-data tal-applikabbiltà tar-Regolament Delegat (UE) 2022/201, l-organizzazzjonijiet li għalihom tinħareġ il-LoA fis-7 ta’ Marzu 2023 jew qabel, jenħtieġ li ma jintalbux jikkonformaw mar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   B’deroga mill-punti 21.B.225(d)(1) u (2) tal-Anness I (il-Parti 21), organizzazzjoni tal-produzzjoni li jkollha ċertifikat tal-approvazzjoni validu maħruġ f’konformità mal-Anness I (il-Parti 21) għandha sas-7 ta’ Marzu 2025 biex tikkoreġi s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità relatati mar-rekwiżiti tal-Anness I introdotti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/201 (*1).

Jekk, wara s-7 ta’ Marzu 2025 l-organizzazzjoni ma tkunx għalqet dawk is-sejbiet, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni għandu jiġi revokat, limitat jew sospiż għalkollox jew parzjalment.

6.   B’deroga mill-punti 21.A.125C(a)(1) tal-Anness I (il-Parti 21), organizzazzjoni li tipproduċi prodotti, partijiet jew tagħmir mingħajr ċertifikat tal-approvazzjoni u li jkollha ittra ta’ ftehim valida maħruġa fis-7 ta’ Marzu 2023 jew qabel f’konformità mal-Anness I (il-Parti 21) ma għandhiex tintalab tikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tal-Anness I introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2022/201.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-7 ta’ Marzu 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/201 tal-10 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u s-sistemi tar-rappurtar tal-okkorrenzi li għandhom jiġu stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tad-disinn u tal-produzzjoni, kif ukoll il-proċeduri applikati mill-Aġenzija, u li jikkoreġi dak ir-Regolament (ĠU L 33, 15.2.2022, p. 7).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/203 tal-14 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u s-sistemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi li għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, u li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà (ĠU L 33, 15.2.2022, p. 46).


Top