EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0922

Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013

ST/7609/2022/INIT

ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/922/oj

15.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/922

tad-9 ta’ Ġunju 2022

dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni tiddependi mill-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri. Dak l-acquis jinkludi miżuri fil-qasam tal-fruntieri esterni, miżuri ta’ kumpens għan-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni u qafas ta’ monitoraġġ b’saħħtu, li flimkien isaħħu l-moviment liberu u jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà, ġustizzja u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-data personali.

(2)

L-evalwazzjoni u l-monitoraġġ bejn il-pari tal-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ilhom elementi ewlenin taż-żona Schengen sa mill-1998 u jikkontribwixxu biex jinżamm livell għoli ta’ obbligu ta’ rendikont u appartenenza proprja tar-riżultati u biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri.

(3)

Ġie stabbilit mekkaniżmu speċifiku ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (2) u dan sar operattiv fl-2015.

(4)

Sabiex jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen jenħtieġ li jittejjeb. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ rivedut ikollu l-għan li jżomm livell għoli ta’ fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri billi jiżgura li l-Istati Membri japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod effettiv f’konformità mal-istandards komuni maqbula, il-prinċipji u n-normi fundamentali, u b’hekk jikkontribwixxi għal żona Schengen li taħdem sew.

(5)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jikseb l-għanijiet tiegħu permezz ta’ evalwazzjonijiet oġġettivi u imparzjali li jkunu jistgħu jidentifikaw f’qasir żmien in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen li jistgħu jfixklu l-funzjonament korrett taż-żona Schengen, jiżguraw li dawk in-nuqqasijiet jiġu indirizzati minnufih, u jipprovdu l-bażi għal djalogu dwar il-funzjonament taż-żona Schengen kollha kemm hi. F’konformità mal-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja trid issir mill-Istati Membri f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni. Dan jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, distribuzzjoni bilanċjata ta’ responsabbiltajiet kondiviżi u li tinżamm in-natura tar-rieżami bejn il-pari tas-sistema. Jirrikjedi wkoll rwol imsaħħaħ għall-Kunsill u involviment mill-qrib tal-Parlament Ewropew. Minħabba l-portata tal-bidliet, għall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, jenħtieġ li dak ir-Regolament jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(6)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ikun jista’ jkopri l-oqsma kollha tal-acquis ta’ Schengen - preżenti u futuri, b’mod partikolari l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-politika dwar il-viżi, ir-ritorn, is-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira li jappoġġaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-protezzjoni tad-data - ħlief dawk fejn diġà jeżisti mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni speċifiku taħt id-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jinkorpora l-leġiżlazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali rilevanti kollha li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen u li jikkontribwixxu għall-funzjonament taż-żona Schengen.

(7)

Il-funzjonament korrett tal-awtoritajiet li japplikaw l-acquis ta’ Schengen jenħtieġ li jitqies fl-evalwazzjonijiet kollha f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta’ Marzu 2012. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkopri wkoll il-prattiki tal-entitajiet privati, bħal-linji tal-ajru jew il-fornituri esterni tas-servizzi, sa fejn ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen jew affettwati minnha meta jikkooperaw mal-Istati Membri.

(8)

Minħabba r-rwol li qed jikber tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jappoġġa l-ivverifikar tal-attivitajiet ta’ dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sakemm iwettqu funzjonijiet f’isem l-Istati Membri biex jassistu fl-applikazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. L-ivverifikar ta’ dawk l-attivitajiet f’dan ir-rigward jenħtieġ li jkun inkorporat fl-evalwazzjoni tal-Istati Membri, rifless fir-rapport, u jenħtieġ li jitwettaq mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet attribwiti lill-Kummissjoni u l-korpi ta’ governanza rilevanti tal-aġenziji, l-uffiċċji u l-korpi kkonċernati skont ir-regolamenti tal-istabbiliment tagħhom u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tagħhom stess li jinsabu fihom, kif ukoll b’mod li jirrispetthom bis-sħiħ. Fejn l-evalwazzjonijiet jidentifikaw nuqqasijiet b’rabta mal-funzjonijiet imwettqa jew appoġġati mill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-korpi ta’ governanza rilevanti tagħhom, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

(9)

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ikunu mmirati, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjonijiet preċedenti, l-analiżijiet tar-riskju, il-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, jekk rilevanti, ir-riżultati tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità. Jenħtieġ li dawn ikunu appoġġati permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen sabiex jiġu pprovduti informazzjoni u għarfien espert rilevanti għall-ippjanar jew għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ, l-involviment sistematiku ta’ tali korpi, uffiċċji u aġenziji fl-evalwazzjonijiet ta’ Schengen, inkluż billi jiġu nnominati osservaturi biex jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet, u permezz ta’ analiżijiet tar-riskju u kondiviżjoni ta’ informazzjoni mtejjba, inkluż dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, sa fejn dawn jistgħu jimminaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri.

Tali kooperazzjoni u involviment jikkonċernaw b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”), li hija rregolata mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (6), u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Jenħtieġ ukoll li l-kooperazzjoni ssir aktar reċiproka u li l-aġenziji ma jkunux biss kontributuri iżda jibbenefikaw ukoll mill-involviment tagħhom fil-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, biex b’hekk jiġi żgurat ir-rispons operazzjonali msaħħaħ tagħhom. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess, meta l-attivitajiet ta’ korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni involuti fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, sa fejn dawn iwettqu funzjonijiet f’isem l-Istati Membri biex jassistu fl-applikazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, jiġu vverifikati bħala parti mill-evalwazzjoni ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-osservaturi minn korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni ma jipparteċipawx fid-diskussjonijiet dwar is-sejbiet relatati mal-attività ta’ dak il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni.

(10)

Il-valutazzjoni tal-vulnerabilità mwettqa mill-Frontex hija mekkaniżmu komplementari għall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit b’dan ir-Regolament biex jiżgura l-kontroll tal-kwalità fil-livell tal-Unjoni u jiżgura li kemm il-livell tal-Unjoni, kif ukoll dak nazzjonali, ikunu lesti jirrispondu għal kwalunkwe sfida fuq il-fruntieri esterni. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tal-vulnerabilità titqies fit-tħejjija tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ, biex b’hekk jiġi żgurat għarfien aġġornat tas-sitwazzjoni. Iż-żewġ mekkaniżmi jikkostitwixxu komponent tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Jenħtieġ li s-sinerġiji bejn il-valutazzjoni tal-vulnerabilità u l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jiġu mmassimizzati bl-għan li tiġi stabbilita stampa mtejjba tas-sitwazzjoni dwar il-funzjonament taż-żona Schengen, u jiġu evitati, sa fejn ikun possibbli, l-isforzi doppji u r-rakkomandazzjonijiet kunfliġġenti. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun hemm skambju ta’ informazzjoni regolari bejn il-Frontex u l-Kummissjoni dwar ir-riżultati taż-żewġ mekkaniżmi. Sabiex jiżdied il-fokus strateġiku u jinkiseb tfassil aktar immirat tal-evalwazzjoni, huwa meħtieġ ukoll li jiżdiedu b’mod ulterjuri s-sinerġiji mal-mekkaniżmi u l-pjattaformi rilevanti li jintużaw mill-aġenziji tal-Unjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), u bis-sorveljanza mwettqa mill-Kummissjoni bl-appoġġ ta’ eu-LISA fir-rigward tat-tħejjija tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT rilevanti kif ukoll bis-sejbiet tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, jekk ikunu rilevanti.

(11)

Matul l-evalwazzjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-ivverifikar tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, minbarra l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretti tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-acquis ta’ Schengen imwettqa permezz ta’ evalwazzjonijiet separati. Jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li jidentifika l-ksur tad-drittijiet fundamentali fl-oqsma ta’ politika rilevanti. Jenħtieġ li l-evalwaturi ta’ Schengen jitħarrġu kif suppost f’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti mill-FRA tiġi użata aħjar u jenħtieġ li l-esperti tagħha jkunu involuti aħjar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li fil-programmazzjoni u fit-tfassil tal-evalwazzjonijiet, jittieħed kont ta’ evidenza li toħroġ fil-pubbliku jew li tiġi pprovduta permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ indipendenti jew minn partijiet terzi rilevanti, fuq inizjattiva tagħhom stess, bħal ombudspersons, awtoritajiet li jwettqu monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, organizzazzjonijiet nongovernattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Fl-implimentazzjoni tal-evalwazzjonijiet, pereżempju fit-twettiq taż-żjarat, l-entitajiet u l-partijiet terzi li jappoġġaw lill-Istati Membri jenħtieġ li jinftiehmu bħala dawk li huma marbuta ma’ dawn tal-aħħar legalment jew b’kuntratt, u jitħallew iwettqu ċerti kompiti f’isimhom fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Fit-tħejjija tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, jenħtieġ li titqies biss l-informazzjoni vverifikata matul l-attività ta’ evalwazzjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jistabbilixxi regoli trasparenti, effiċjenti u ċari dwar il-forom u l-metodi li għandhom jiġu applikati għall-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, l-użu ta’ esperti bi kwalifiki għolja u s-segwitu għas-sejbiet tal-evalwazzjonijiet.

(13)

Jenħtieġ li l-forom tal-evalwazzjonijiet u l-metodi jsiru aktar flessibbli biex tiżdied l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ u l-kapaċità tiegħu li jadatta għal ċirkostanzi ġodda u żviluppi leġiżlattivi u biex jiġi ssimplifikat l-użu tar-riżorsi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet perjodiċi permezz ta’ żjarat ikunu l-mezz primarju ta’ evalwazzjoni. L-evalwazzjonijiet għall-għarrieda u l-evalwazzjonijiet tematiċi jenħtieġ li jintużaw b’mod bilanċjat, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, wara l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida jew fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-forom tal-evalwazzjonijiet jiġu definiti b’mod ċar. Skont il-qasam ta’ politika u n-natura tal-attività ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jenħtieġ li jipprevedi l-evalwazzjoni ta’ diversi Stati Membri simultanjament u, f’każijiet eċċezzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li jwettaq evalwazzjonijiet mill-bogħod fl-intier tagħhom jew parzjalment u jgħaqqad flimkien l-evalwazzjoni tal-oqsma ta’ politika. Jenħtieġ li, taħt il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, ikun possibbli li jiġu prodotti rapporti ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri li jkunu komprensivi u li jivvalutaw il-prestazzjoni kumplessiva tal-Istat Membru fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

(14)

Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet tematiċi jintużaw biex jipprovdu analiżi tal-prattiki tal-Istat Membri fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Jenħtieġ li dawn isiru biex jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ bidliet leġiżlattivi kbar malli jibdew japplikaw u ta’ inizjattivi ġodda, kif ukoll biex jivvalutaw kwistjonijiet minn fost l-oqsma ta’ politika jew il-prattiki tal-Istati Membri li jkunu qegħdin jaffaċċjaw sfidi simili.

(15)

Jenħtieġ li ż-żjarat għall-għarrieda, skont il-fini tagħhom, isiru biss b’notifika qasira minn qabel jew mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat u jkunu bbażati fuq analiżijiet tar-riskju jew raġunijiet rilevanti oħra, kif xieraq. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu organizzati żjarat għall-għarrieda biex jiġu evalwati l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fuq il-fruntieri interni, kif ukoll il-problemi emerġenti jew sistemiċi li potenzjalment jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-funzjonament taż-żona Schengen, jew fejn ikun hemm raġunijiet biex jitqies li Stat Membru jkun qed jittraskura serjament l-obbligi taħt l-acquis ta’ Schengen. Iż-żjarat għall-għarrieda għandhom normalment isiru b’notifika minn qabel ta’ mill-inqas 24 siegħa. Iż-żjarat għall-għarrieda mingħajr notifika minn qabel jenħtieġ li jsiru biex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligi taħt l-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari fuq il-fruntieri interni u b’rispons għal indikazzjonijiet sostanzjati fir-rigward ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. F’każijiet bħal dawn, l-għoti ta’ notifika minn qabel ixejjen l-objettiv taż-żjara. Jenħtieġ li jkun possibbli li ż-żjarat għall-għarrieda li jevalwaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen applikabbli fuq il-fruntieri interni jkunu jistgħu jivverifikaw, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż li l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija jew kwalunkwe setgħa pubblika oħra eżerċitata fiż-żona tal-fruntiera interna ma jkollhiex effett ekwivalenti għall-verifiki fuq il-fruntieri.

(16)

L-ipprogrammar tal-attivitajiet imwettaq taħt dan ir-Regolament permezz tal-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali diġà wera l-valur miżjud tiegħu fl-iżgurar tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri jenħtieġ li tadotta l-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali. Dawk il-programmi jenħtieġ ukoll li jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa biex maż-żmien ikunu jistgħu jadattaw għan-natura dinamika tal-acquis ta’ Schengen. Fl-eventwalità ta’ force majeure, jenħtieġ li jsiru aġġustamenti għall-programmi bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat mingħajr il-ħtieġa ta’ emenda formali tal-programmi. Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali, adottat għal seba’ snin, jenħtieġ li jkun jista’ jidentifika, fejn ikun rilevanti, l-oqsma prijoritarji speċifiċi, minn fost l-oqsma ta’ politika, li għandhom jiġu koperti mill-evalwazzjonijiet perjodiċi. Dan l-approċċ huwa mistenni li jagħti lok għal aktar flessibilità, prijoritizzazzjoni aħjar u użu aktar bilanċjat u strateġiku tal-għodod kollha disponibbli. L-estensjoni tal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali minn ħames snin għal seba’, hija mistennija li twassal ukoll biex isir aktar monitoraġġ tal-Istati Membri u biex dan ikun aktar mill-qrib u aktar immirat mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta’ skrutinju.

(17)

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ isiru minn timijiet magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti maħtura mill-Istati Membri. Dawk ir-rappreżentanti u l-esperti jenħtieġ li jkollhom kwalifiki adegwati, inkluż għarfien teoretiku u esperjenza solidi, u jenħtieġ li jkunu għamlu t-taħriġ eżistenti rilevanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jiġu organizzati korsijiet ta’ taħriġ għall-evalwaturi ta’ Schengen fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, inkluż il-komponenti tad-drittijiet fundamentali u l-funzjonament korrett tal-awtoritajiet. It-taħriġ li l-esperti jirċievu biex isiru evalwaturi ta’ Schengen jenħtieġ li jkun jista’ jippermetti r-rikonoxximent fil-livell nazzjonali tal-ħiliet, l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħhom miksuba matul tali taħriġ. Jekk ma jkun disponibbli l-ebda kors ta’ taħriġ għal qasam ta’ politika, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ esperti mħarrġa, jenħtieġ li espert li jaspira li jsir evalwatur ta’ Schengen ikun jista’ jakkumpanja missjoni ta’ evalwazzjoni bħala espert trainee.

(18)

Sabiex ikun żgurat li jieħdu sehem biżżejjed esperti b’esperjenza b’mod aktar rapidu u sempliċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tistabbilixxi u tiġġestixxi grupp ta’ esperti. Il-grupp jenħtieġ li jkun is-sors primarju minn fejn jinġiebu l-esperti għall-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. Jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar mill-inqas espert wieħed għal kull qasam ta’ politika li jiġi evalwat fih sakemm il-ħatra ma taffettwax sostanzjalment it-twettiq ta’ kompiti nazzjonali.

(19)

Jenħtieġ li tingħata aktar flessibilità fir-rigward tad-daqs tat-timijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ sabiex tiżdied l-effiċjenza u jonqos il-piż amministrattiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi u tadatta d-daqs tat-timijiet skont il-ħtiġijiet u l-isfidi relatati ma’ kull attività ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ filwaqt li żżomm il-bilanċ bejn l-għadd ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti tal-Istati Membri, sabiex tirrifletti l-prinċipji ta’ responsabbiltà kondiviża u responsabbiltà bejn il-pari. Jenħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-prinċipji ta’ responsabbiltà kondiviża u prevedibbiltà u l-ħtieġa għal flessibbiltà matul il-proċess tal-għażla tal-esperti. Għalhekk, meta jiġu stabbiliti t-timijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, sa fejn ikun possibbli, li jkun hemm bilanċ ġeografiku, profili varjati u rotazzjoni tal-membri. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-ħatra ta’ esperti fl-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ma jkunx piż eċċessiv fuq l-Istati Membri jew għas-sitwazzjoni individwali tal-esperti. L-esperti mistiedna għal evalwazzjonijiet speċifiċi u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom huma mistennija jwieġbu b’mod pożittiv għall-istediniet; jenħtieġ li jkun possibbli stedina tiġi rifjutata biss jekk dan ikun iġġustifikat kif dovut minħabba raġunijiet professjonali jew personali serji.

(20)

L-ispejjeż operazzjonali marbuta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, bħall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ikel, jenħtieġ li jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li kwalunkwe per diem addizzjonali tal-esperti nazzjonali li jieħdu sehem fil-missjonijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ u l-kostijiet tal-persunal ta’ dawk li jissostitwixxu lil dawk l-esperti fin-nuqqas tagħhom jkunu jistgħu jiġu koperti mill-programmi nazzjonali tal-Istati Membri taħt il-fondi tal-Unjoni rilevanti, f’konformità mal-objettivi u r-regoli applikabbli ta’ dawk il-fondi.

(21)

Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jenħtieġ li jkunu konċiżi u fil-qosor. Jenħtieġ li jiffokaw fuq in-nuqqasijiet li jkollhom impatt sinifikanti u jenfasizzaw l-oqsma fejn jista’ jsir titjib sinifikanti. Is-sejbiet minuri ma għandhomx jagħmlu parti mir-rapporti. Madankollu jenħtieġ li t-tim jikkomunika dawk is-sejbiet lill-Istat Membru evalwat fi tmiem l-attività ta’ evalwazzjoni, inkluż lill-awtoritajiet responsabbli għall-mekkaniżmu nazzjonali rilevanti ta’ kontroll tal-kwalità. Jenħtieġ li t-tim ifittex b’mod attiv li jidentifika l-aħjar prattiki, li jenħtieġ li jiżdiedu fir-rapporti. b’mod partikolari, jenħtieġ li miżuri ġodda u innovattivi li jtejbu b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-regoli komuni u li jistgħu jiġu implimentati minn Stati Membri oħra jiġu enfasizzati bħala l-aħjar prattiki għall-finijiet tar-rapport.

(22)

Jenħtieġ li, bħala regola, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet identifikati inkluż il-ksur tad-drittijiet fundamentali u jiġu adottati f’att uniku mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni bi proċedura ta’ eżami f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) mingħajr dewmien. Il-konsolidazzjoni tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet f’dokument uniku u soġġetta għal proċedura unika ta’ adozzjoni tirrinforza r-rabta intrinsika bejn is-sejbiet tal-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni simultanja tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet hija mistennija li tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqasijiet b’mod aktar rapidu u b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, l-użu tal-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li jiżgura l-involviment tal-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

(23)

Madankollu, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, biex ikun żgurat li dawn jiġu kkoordinati aħjar fil-livell tal-Unjoni u biex tiġi rinforzata l-pressjoni bejn il-pari, jenħtieġ li s-setgħa ta’ implimentazzjoni biex jiġu adottati r-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni rimedjali f’ċerti każijiet, u biex jingħalqu l-pjanijiet ta’ azzjoni f’ċerti każijiet, tiġi kkonferita lill-Kunsill, minħabba r-rwol politiku tiegħu fl-eżerċitar ta’ tali pressjoni bejn il-pari. Tali setgħa ta’ implimentazzjoni hija ġustifikata mill-fatt li tali setgħat speċifiċi kienu kkonferiti lill-Kunsill, taħt l-Artikolu 70 TFUE, fil-qasam ta’ evalwazzjoni reċiproka tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan jirrifletti b’mod adegwat il-fini ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni bbażat fuq din il-lex specialis, li huwa, f’dan il-qasam partikolari, li jissodisfa funzjoni komplementari ta’ monitoraġġ tal-effettività tal-implimentazzjoni prattika tal-politiki tal-Unjoni permezz ta’ rieżami bejn il-pari. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet f’każijiet ta’ importanza politika u interess ġenerali għall-funzjonament taż-żona Schengen. Jenħtieġ li tali każijiet jitqiesu li jinqalgħu meta l-Istat Membru evalwat jikkontesta b’mod sostanzjali l-kontenut tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew in-natura ta’ xi sejba, u b’hekk juri li setgħu qamu problemi potenzjali matul l-evalwazzjoni. L-istess jenħtieġ li japplika meta evalwazzjoni tikkonkludi li jeżisti nuqqas serju, f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet tematiċi, jew f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet tal-ewwel darba. Bl-istess mod, bħala parti mir-rwol tiegħu fil-fażi ta’ monitoraġġ tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u monitoraġġ, il-Kunsill jenħtieġ li jadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li japprovaw l-għeluq tal-pjanijiet ta’ azzjoni f’każ ta’ nuqqasijiet serji u evalwazzjonijiet tal-ewwel darba.

(24)

Barra minn hekk, meta l-evalwazzjonijiet jidentifikaw nuqqas serju, jenħtieġ li japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi żgurata l-adozzjoni fil-pront ta’ miżuri rimedjali. Minħabba r-riskju li jirriżulta minn tali nuqqasijiet, malli l-Istat Membru evalwat jiġi informat dwar nuqqas serju, jenħtieġ li huwa jibda jimplimenta minnufih l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni biex jirrimedja n-nuqqas, inkluż, meta meħtieġ, billi jimmobilizza l-mezzi operazzjonali u finanzjarji kollha xierqa. Jenħtieġ li l-azzjoni rimedjali tkun soġġetta għal skadenzi aktar stretti u monitoraġġ u skrutinju politiku aktar mill-qrib tul il-proċess. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma minnufih lill-Kunsill meta evalwazzjoni tidentifika nuqqas serju, inkluż fejn nuqqas serju jitqies li jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika fiż-żona Schengen. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat ir-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u torganizza żjara ġdida mhux aktar tard minn sena mid-data tal-evalwazzjoni biex tivverifika jekk Stat Membru jkunx irrimedja n-nuqqasijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li, wara ż-żjara l-ġdida, il-Kummissjoni tippreżenta rapport taż-żjara lill-Kunsill.

(25)

L-identifikazzjoni ta’ nuqqas serju tirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa każ b’każ abbażi ta’ kriterji ċari rigward in-natura, l-iskala u l-impatt potenzjali tal-problemi, li jaf ikunu differenti għal kull qasam ta’ politika. Elementi ewlenin differenti għall-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u taħlita differenti ta’ fatturi jistgħu jwasslu biex sejba tiġi kklassifikata bħala nuqqas serju. Madankollu, jekk jitqies li nuqqas identifikat jista’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali jew kellu, jew jista’ jkollu, impatt negattiv sinifikanti fuq Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jenħtieġ li tali nuqqas jitqies bħala nuqqas serju. Meta, f’rapport ta’ evalwazzjoni, jiġi identifikat nuqqas serju fit-twettiq tal-kontroll fuq il-fruntieri esterni, jistgħu japplikaw l-Artikoli 21 u 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(26)

Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jinkludi komponent robust ta’ segwitu u monitoraġġ. Dak il-komponent jenħtieġ li jiġi żgurat mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill, u l-Parlament Ewropew fejn rilevanti, mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għall-atturi involuti. Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet jiġu segwiti bi pjanijiet ta’ azzjoni. Jenħtieġ li meta jfasslu l-pjanijiet ta’ azzjoni, l-Istati Membri jqisu kompletament il-possibiltajiet ta’ finanzjament pprovduti mill-Unjoni u jagħmlu l-aqwa użu minn dawk ir-riżorsi. Biex jitħaffef il-proċess, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi rieżamijiet dwar l-adegwatezza tal-pjanijiet ta’ azzjoni, pereżempju f’forma ta’ ittra. Sabiex jiġi żgurat segwitu fil-pront, jekk is-servizzi tal-Kummissjoni ma jqisux li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut fi żmien xahar minn mindu jasallu r-rieżami. Il-frekwenza tar-rappurtar ta’ segwitu mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, jenħtieġ li, bħala regola, tkun kull sitt xhur. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tindika frekwenza differenti ta’ rappurtar, inkluż frekwenza ta’ rappurtar imnaqqsa, pereżempju f’każijiet fejn l-evalwazzjoni tkun identifikat biss sejbiet “jenħtieġ titjib”.

(27)

Bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni torganizza żjarat ġodda u żjarat ta’ verifika. Jenħtieġ li jiġu organizzati żjarat ġodda biex isir monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni wara evalwazzjoni li tkun identifikat nuqqas serju jew wara evalwazzjoni tal-ewwel darba li tkun ikkonkludiet li l-Istat Membru evalwat ma ssodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa biex japplika l-acquis ta’ Schengen fil-qasam ta’ politika rispettiv evalwat. Jenħtieġ li r-rapport taż-żjara l-ġdida jippreżenta l-progress li jkun sar biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u jikkonkludi jekk in-nuqqas serju jkunx ġie indirizzat. Jenħtieġ li jkun possibbli li r-rapport ikun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet, jekk ikun meħtieġ. Bħala mezz biex jeżerċita pressjoni bejn il-pari, il-Kunsill jenħtieġ li jkun jista’ jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-rapport u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet.

(28)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jsiru żjarat ta’ verifika biex iwettqu monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni b’segwitu għal evalwazzjoni li ma tkunx identifikat nuqqas serju, fejn jitqies li jkun meħtieġ. Jenħtieġ li ż-żjarat ta’ verifika jiġu organizzati dejjem qabel l-għeluq ta’ pjan ta’ azzjoni li jsegwi evalwazzjoni li tkun identifikat nuqqas serju u evalwazzjoni tal-ewwel darba. F’termini ta’ rekwiżiti organizzazzjonali u ta’ rappurtar, jenħtieġ li ż-żjarat ta’ verifika jkunu inqas esiġenti miż-żjarat ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkunu jinkludu timijiet iżgħar u ma jwasslux għal sejbiet ġodda jew jirrikjedu l-adozzjoni ta’ rapport. Jenħtieġ li l-Kunsill ikun involut b’mod aktar attiv fil-fażi ta’ monitoraġġ, jiġi infurmat mill-Kummissjoni bil-miktub, pereżempju fil-forma ta’ ittra, bl-eżitu taż-żjarat ta’ verifika u japprova l-għeluq tal-pjanijiet ta’ azzjoni f’każijiet ta’ nuqqasijiet serji u evalwazzjonijiet tal-ewwel darba, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni.

(29)

Huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jorganizzaw diskussjonijiet b’mod regolari sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u jħeġġu lill-Istati Membri biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati, kif xieraq. B’mod partikolari, il-Kunsill għandu jeżerċita r-rwol politiku tiegħu fir-rigward tal-governanza taż-żona Schengen billi jiddiskuti r-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni u jorganizza diskussjonijiet politiċi dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u l-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi kontribut adegwat biex tiffaċilita dawk id-diskussjonijiet inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ rapport annwali komprensiv li jkopri l-evalwazzjonijiet imwettqa matul is-sena preċedenti u l-istat ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dak ir-rapport u dawk ir-riżultati, jenħtieġ li l-Kunsill ikollu diskussjonijiet orizzontali sabiex jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar effiċjenti u rapida tar-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet rimedjali korrelatati tagħhom.

(30)

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jaqdi funzjoni komplementarja ta’ monitoraġġ tal-effettività tal-implimentazzjoni prattika tal-politiki tal-Unjoni permezz ta’ rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li s-setgħa ġenerali tal-Kummissjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ proċeduri ta’ ksur ma tiġix affettwata.

(31)

L-istatus tal-klassifikazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ żjara ġdida jenħtieġ li jkun ‘sensittiv mhux klassifikat’ f’konformità mar-regoli tas-sigurtà applikabbli stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (10). Jenħtieġ li dawn jiġu kklassifikati bħala ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ skont it-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (11), fejn tali klassifikazzjoni tkun meħtieġa skont l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni jew wara talba ġustifikata mill-Istat Membru evalwat.

(32)

Fid-dawl tar-rwol partikolari fdat lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 70 TFUE, kif issottolinjat fl-Artikolu 12, punt (c), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali, jenħtieġ li l-Kunsill u l-Kummissjoni jinformaw lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali dwar il-kontenut u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tippreżenta proposta biex temenda dan ir-Regolament, il-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 19(7), punt (h) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (12), jikkonsulta lill-Parlament Ewropew sabiex jikkunsidra l-opinjoni tiegħu, kemm jista’ jkun possibbli, qabel ma jadotta test finali.

(33)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fis-27 ta’ Lulju 2021 (13).

(34)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri meta jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni meta jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.

(35)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali, biex tistabbilixxi u taġġorna kwestjonarju standard u biex tadotta rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ żjarat ġodda. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(36)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament meta, f’każijiet debitament ġustifikati relatati ma’ nuqqas serju, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(37)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(38)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (15).

(39)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (16), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (17).

(40)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (19).

(41)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (20), li jaqgħu fl-ambitu msemmi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (21).

(42)

Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija, u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, rispettivament.

(43)

Billi l-verifika f’konformità mal-proċeduri applikabbli tal-evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, diġà ġiet ikkompletata taħt l-Atti ta’ Adeżjoni rispettivi tagħhom, il-verifika taħt l-Artikolu 1(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li ma ssirx fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għall-fini li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod effettiv, effiċjenti u korrett, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u għall-funzjonament tajjeb ta’ żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.

2.   Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit għandu jipprevedi attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ oġġettivi u imparzjali bl-għan li:

(a)

jivverifikaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-Istati Membri li għalihom japplika b’mod sħiħ kif ukoll fl-Istati Membri li għalihom, f’konformità mal-Protokolli rilevanti annessi mat-TUE u mat-TFUE, l-acquis ta’ Schengen japplika parzjalment;

(b)

jivverifikaw li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen ikunu ġew issodisfati f’dawk l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom ma tteħditx deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen għandhom japplikaw b’mod sħiħ jew parzjalment, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li l-evalwazzjoni tagħhom tkun diġà tlestiet fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-acquis ta’ Schengen u jikkunsidraw il-funzjonament tal-awtoritajiet li japplikaw l-acquis ta’ Schengen. L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru b’mod partikolari l-oqsma ta’ politika li ġejjin: il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-politika dwar il-viżi, ir-ritorn, sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira li jappoġġaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-protezzjoni tad-data.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

acquis ta’ Schengen” tfisser id-dispożizzjonijiet integrati fil-qafas tal-Unjoni f’konformità mal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u t-TFUE, flimkien mal-atti li jibnu fuqhom jew li huma b’xi mod ieħor relatati magħhom;

(2)

“evalwazzjoni tal-ewwel darba” tfisser evalwazzjoni biex tivverifika jekk Stat Membru marbut mill-acquis ta’ Schengen u li għalih ma jkunux tneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni jissodisfax il-kondizzjonijiet biex japplika għalkollox l-acquis ta’ Schengen jew, fil-każ ta’ Stat Membru li ma jipparteċipax fl-acquis ta’ Schengen u li jkun ġie awtorizzat mill-Kunsill li japplika partijiet mill-acquis ta’ Schengen, biex tivverifika jekk l-Istat Membru jissodisfax il-kondizzjonijiet biex japplika l-acquis ta’ Schengen parzjalment;

(3)

“evalwazzjoni perjodika” tfisser evalwazzjoni inkluża fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali u fil-programmi ta’ evalwazzjoni annwali li tivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen minn Stat Membru bl-għan li tivvaluta l-prestazzjoni globali tal-Istat Membru fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen;

(4)

“evalwazzjoni għall-għarrieda” tfisser evalwazzjoni, mhux inkluża fil-programmi ta’ evalwazzjoni pluriennali u annwali, li tivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen minn Stat Membru wieħed jew aktar f’qasam ta’ politika wieħed jew aktar;

(5)

“evalwazzjoni tematika” tfisser evalwazzjoni inkluża fil-programm ta’ evalwazzjoni annwali, li għandha l-għan li tipprovdi analiżi tal-leġiżlazzjoni jew tal-prattiki tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, jew l-applikazzjoni ta’ partijiet speċifiċi tiegħu f’bosta Stati Membri;

(6)

“żjara” tfisser żjara fi Stat Membru jew fil-konsolati tiegħu bil-fini li twettaq attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ;

(7)

“żjara ġdida” tfisser żjara supplimentari mwettqa b’segwitu għal evalwazzjoni li tkun identifikat nuqqas serju jew b’segwitu għal evalwazzjoni tal-ewwel darba li tkun ikkonkludiet li l-Istat Membru evalwat ma ssodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa biex japplika l-acquis ta’ Schengen;

(8)

“żjara ta’ verifika” tfisser żjara supplimentari, li mhijiex żjara ġdida u li ssir biex tagħmel monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni;

(9)

“sejba mhux konformi” tfisser valutazzjoni ta’ sejba li skontha, il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi nazzjonali, jew l-implimentazzjoni tagħhom, ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti tal-acquis ta’ Schengen;

(10)

“nuqqas serju” tfisser valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni attribwita għal sejba mhux konformi waħda jew aktar dwar l-applikazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u li individwalment jew flimkien, dawn is-sejbiet jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali jew ikollhom, jew maż-żmien jista’ jkollhom, impatt negattiv fuq Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni;

(11)

“tim” tfisser grupp magħmul minn esperti maħtura mill-Istati Membri u rappreżentanti tal-Kummissjoni li jwettqu l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ;

(12)

“osservatur” tfisser espert maħtur minn korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 li jieħu sehem f’attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ;

(13)

“espert trainee” tfisser espert maħtur minn Stat Membru jew rappreżentant tal-Kummissjoni li għandu jitħarreġ biex isir evalwatur ta’ Schengen.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet u dmir ta’ kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, bil-kontribut tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7 f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali fir-rigward tal-istabbiliment tal-programmi ta’ evalwazzjoni annwali u pluriennali, l-abbozzar tal-kwestjonarji, l-iffissar tal-iskedi taż-żjarat, it-twettiq taż-żjarat u l-abbozzar tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u tar-rakkomandazzjonijiet. Għandha tiżgura wkoll li l-attivitajiet ta’ segwitu u monitoraġġ jitwettqu.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqasijiet serji, evalwazzjonijiet tal-ewwel darba, evalwazzjonijiet tematiċi u fejn l-Istat Membru evalwat jikkontesta b’mod sostanzjali l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkun fih abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet. Bħala parti mill-fażi ta’ monitoraġġ tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar l-għeluq tal-pjanijiet ta’ azzjoni f’każijiet ta’ nuqqasijiet serji u evalwazzjonijiet tal-ewwel darba.

Il-Kunsill għandu jwettaq ir-rwol politiku tiegħu fir-rigward tal-governanza taż-żona Schengen billi jiddiskuti r-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 25 inkluż dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u billi jorganizza diskussjonijiet politiċi dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis ta’ Schengen u l-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkooperaw bis-sħiħ matul l-istadji kollha tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ mwettqa taħt dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill informazzjoni rilevanti u f’waqtha rigward l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.

4.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-evalwazzjonijiet sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, biex jappoġġaw u jassistu lill-Kummissjoni u lit-timijiet fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni u t-timijiet li jwettqu l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, b’mod partikolari billi jippermettu li l-Kummissjoni u t-timijiet jindirizzaw mistoqsijiet lill-persuni rilevanti direttament u billi jipprovdu aċċess sħiħ u bla xkiel għaż-żoni, binjiet u dokumenti kollha meħtieġa għall-attività’ ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ, inkluż linji gwida u struzzjonijiet nazzjonali u interni. L-aċċess għall-informazzjoni klassifikata rilevanti għandu jingħata lill-membri tat-tim u lill-osservaturi li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà adatta maħruġa minn awtorità kompetenti.

6.   Il-Kummissjoni għandha tkun inkarigata mill-arranġamenti meħtieġa għall-ivvjaġġar lejn u mill-Istat Membru li ssir iż-żjara fih għar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-esperti tal-Istat Membru fit-timijiet.

Il-Kummissjoni għandha ġġarrab l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tal-esperti li jieħdu sehem fiż-żjarat u għall-espert trainee imsemmi fl-Artikolu 16(2).

L-Istat Membru li fih issir iż-żjara għandu jkun responsabbli biex jipprovdi t-trasport meħtieġ fuq il-post, ħlief għal żjarat għall-għarrieda.

Artikolu 4

Forom ta’ evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet jista’ jkollhom xi waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

evalwazzjonijiet tal-ewwel darba;

(b)

evalwazzjonijiet perjodiċi;

(c)

evalwazzjonijiet għall-għarrieda;

(d)

evalwazzjonijiet tematiċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha torganizza evalwazzjonijiet tal-ewwel darba wara li Stat Membru jiddikjara li huwa lest biex jiġi evalwat.

3.   Il-Kummissjoni tista’ torganizza evalwazzjonijiet għall-għarrieda, b’mod partikolari:

(a)

biex tevalwa l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen applikabbli fuq il-fruntieri interni;

(b)

meta ssir taf b’xi problemi li feġġew jew problemi sistematiċi li potenzjalment jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż ċirkostanzi li jikkostitwixxu theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna f’dik iż-żona;

(c)

meta jkollha raġunijiet biex tqis li Stat Membru jkun qiegħed jittraskura serjament l-obbligi tiegħu taħt l-acquis ta’ Schengen inkluż meta jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ksur serju tad-drittijiet fundamentali.

4.   Il-Kummissjoni tista’ torganizza evalwazzjonijiet tematiċi, b’mod partikolari biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ bidliet leġiżlattivi sinifikanti, malli jibdew japplikaw, u ta’ inizjattivi ġodda, jew biex tivvaluta kwistjonijiet minn fost l-oqsma ta’ politika jew il-prattiki tal-Istati Membri li jkunu qegħdin jaffaċċjaw sfidi simili.

Artikolu 5

Forom ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ

L-attivitajiet ta’ monitoraġġ jistgħu jinkludu xi waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

ir-rieżami tal-pjanijiet ta’ azzjoni u tar-rapporti ta’ segwitu ppreżentati mill-Istati Membri evalwati;

(b)

iż-żjarat ġodda;

(c)

iż-żjarat ta’ verifika.

Artikolu 6

Metodi ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ

L-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 jistgħu jitwettqu permezz ta’ żjarat, u kwestjonarji jew, eċċezzjonalment, b’metodi oħra mill-bogħod.

Kull metodu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ jista’ jintuża b’mod indipendenti jew imħallat ma’ metodu ieħor, kif xieraq.

Artikolu 7

Kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif ukoll mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel arranġamenti ma’ dawk il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 biex jipprovdu, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, informazzjoni, data statistika jew analiżijiet tar-riskju, inkluż dwar korruzzjoni u kriminalità organizzata, sa fejn dawn jistgħu jimminaw l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri, biex jittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/1896 rigward l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri.

L-Istat Membru evalwat jista’ jikkummenta dwar l-informazzjoni provduta skont l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 8

Kooperazzjoni mal-Frontex

1.   Sal-31 ta’ Awwissu kull sena, il-Frontex għandha tippreżenta analiżi tar-riskju lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-fini li jiġi stabbilit il-programm ta’ evalwazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 13.

L-analiżi tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkopri l-aspetti rilevanti kollha relatati mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, u għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntieri esterni, punti speċifiċi ta’ qsim tal-fruntieri, u siti speċifiċi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) fl-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati fis-sena ta’ wara, f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali stabbilit skont l-Artikolu 12.

2.   Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, il-Frontex għandha tippreżenta analiżi tar-riskju separata lill-Kummissjoni li jkun fiha rakkomandazzjonijiet għall-evalwazzjonijiet għall-għarrieda fis-sena ta’ wara, irrispettivament mill-ordni tal-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati kull sena, f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali stabbilit skont l-Artikolu 12.

Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu jistgħu jirrigwardaw kwalunkwe reġjun jew żona speċifika u għandhom jinkludu lista ta’ minn tal-anqas 10 sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntieri esterni, minn tal-anqas 10 punti speċifiċi ta’ qsim tal-fruntiera u minn ta’ lanqas 10 siti speċifiċi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-Direttiva 2008/115/KE, kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra.

Artikolu 9

Kooperazzjoni mal-Europol

F’konformità mal-Artikolu 4(1), punt (s), tar-Regolament (UE) 2016/794, l-Europol għandha tipprovdi għarfien espert, analiżi, rapporti u informazzjoni rilevanti oħra biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Sinerġiji ma’ attivitajiet oħra ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tuża r-riżultati ta’ mekkaniżmi u strumenti rilevanti, inkluż attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari l-Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà, u tal-FRA, kif ukoll ta’ mekkaniżmi u korpi nazzjonali indipendenti ta’ monitoraġġ, fit-tħejjija tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, biex jittejjeb l-għarfien dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u jiġu evitati sforzi doppji u miżuri kunfliġġenti. Il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istat Membru evalwat, tuża r-riżultati tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, meta dawn ikunu disponibbli.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu komplementari għar-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 32(7) tar-Regolament (UE) 2019/1896 fl-ambitu tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tikkondividi mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mod sigur u f’waqtu, dettalji tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, tal-pjanijiet ta’ azzjoni u aġġornamenti dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni.

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir f’konformità mal-mandati tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati.

Artikolu 11

Informazzjoni minn partijiet terzi

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(1), fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, il-Kummissjoni tista’ tqis informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, provduta minn partijiet terzi, inkluż minn awtoritajiet indipendenti, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bl-informazzjoni pprovduta minn partijiet terzi li hija tidentifika bħala rilevanti għall-ipprogrammar tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. L-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità jikkummentaw dwar is-sustanza ta’ dik l-informazzjoni.

KAPITOLU II

PROGRAMMAR

Artikolu 12

Programm ta’ evalwazzjoni pluriennali

1.   Il-Kummissjoni, fejn xieraq, wara li tikkonsulta lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7, għandha tistabbilixxi programm ta’ evalwazzjoni pluriennali li jkopri perijodu ta’ seba’ snin minn tal-inqas tmien xhur qabel jibda l-perijodu ta’ seba’ snin ta’ wara.

F’kull ċiklu ta’ evalwazzjoni pluriennali, kull Stat Membru għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni perjodika waħda, u, fejn xieraq, għal evalwazzjoni tematika jew evalwazzjoni għall-għarrieda waħda jew aktar, fuq il-bażi ta’ analiżijiet tar-riskju, leġiżlazzjoni ġdida jew informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali jista’ jidentifika, fejn ikun rilevanti, oqsma prijoritarji speċifiċi fi ħdan l-oqsma ta’ politika msemmija fl-Artikolu 1(3) li għandhom jiġu koperti mill-evalwazzjonijiet perjodiċi u għandu jinkludi skeda taż-żmien proviżorja ta’ dawk l-evalwazzjonijiet.

Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali għandu jistabbilixxi lista proviżorja ta’ Stati Membri li għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet perjodiċi, mingħajr preġudizzju għall-aġġustamenti taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, f’sena partikolari. L-ordni proviżorju li fih l-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni perjodika għandu jqis iż-żmien li jkun għadda mill-evalwazzjoni perjodika preċedenti. Għandu jqis ukoll l-eżitu tal-evalwazzjonijiet preċedenti, ir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, miġbura f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11, fir-rigward tal-prattiki tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

4.   Fl-eventwalità ta’ force majeure li timpedixxi t-twettiq tal-evalwazzjonijiet f’konformità mal-iskeda ta’ żmien proviżorja stabbilita taħt il-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, tagħmel aġġustamenti fl-iskeda ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-avvenimenti msemmijin fl-ewwel subparagrafu u dwar l-impatt mistenni tagħhom fuq l-iskedar tal-evalwazzjonijiet fl-ambitu tal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali.

Artikolu 13

Programm ta’ evalwazzjoni annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, programm ta’ evalwazzjoni annwali sal-15 ta’ Novembru tas-sena li tippreċedi dik li tirrigwarda l-programm. Dak il- programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jiġi bbażat, b’mod partikolari, fuq l-analiżijiet tar-riskju u informazzjoni oħra miksuba mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

2.   Il-programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jinkludi skeda taż-żmien proviżorja tal-evalwazzjonijiet segwenti:

(a)

evalwazzjonijiet perjodiċi tal-Istati Membri kif speċifikat fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali;

(b)

evalwazzjonijiet tal-ewwel darba ta’ Stat Membru;

(c)

meta jkun xieraq, evalwazzjonijiet tematiċi, inkluż it-tema tagħhom, l-Istati Membri li għandhom jiġu evalwati u l-metodi maħsuba.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-programm ta’ evalwazzjoni annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien.

Fl-eventwalità ta’ force majeure li timpedixxi t-twettiq tal-evalwazzjonijiet f’konformità mal-iskeda taż-żmien proviżorja stabbilita taħt il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, tagħmel aġġustamenti fl-iskeda taż-żmien għall-evalwazzjonijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tinforma, mingħajr dewmien, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-avvenimenti msemmija fit-tieni subparagrafu u dwar l-impatt mistenni tagħhom fuq l-iskedar tal-evalwazzjonijiet fl-ambitu tal-programm ta’ evalwazzjoni annwali.

Artikolu 14

Kwestjonarju standard

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi u taġġorna kwestjonarju standard. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

Fit-tfassil tal-kwestjonarju, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7.

2.   Il-kwestjonarju standard għandu jkopri l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti kif ukoll il-mezzi organizzattivi u tekniċi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, inkluż dawk imsemmija fil-manwali, il-katalgi ta’ Schengen u d-data statistika rilevanti.

3.   Sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-kwestjonarju standard lil dawk l-Istati Membri li jkunu ser ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet perjodiċi fis-sena ta’ wara, f’konformità mal-programm ta’ evalwazzjoni annwali.

L-Istati Membri msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jipprovdu t-tweġibiet tagħhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru tal-istess sena.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tweġibiet imsemmijin fit-tieni subparagrafu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri evalwati għandhom jaġġornaw it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju standard u jwieġbu, jekk jintalbu jagħmlu dan, mistoqsijiet kumplimentari qabel evalwazzjonijiet speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll is-sejbiet tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità u l-awditi interni, meta jkunu rilevanti.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦAT-TWETTIQ TA’ EVALWAZZJONIJIET U ATTIVITAJIET TA’ MONITORAĠĠ

Artikolu 15

Membri tat-tim u osservaturi

1.   Il-membri tat-tim u l-osservaturi li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għandu jkollhom kwalifiki xierqa, inkluż għarfien teoretiku solidu u esperjenza fl-oqsma koperti mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, flimkien ma’ għarfien sod tal-prinċipji, il-proċeduri u t-tekniki ta’ evalwazzjoni, u għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv b’lingwa komuni.

2.   Esperti mill-Istati Membri li, f’konformità mal-Att ta’ Adeżjoni rilevanti, ikunu marbuta bl-acquis ta’ Schengen iżda jkunu għadhom ma japplikawhx b’mod sħiħ, għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen.

Artikolu 16

Taħriġ ta’ esperti, osservaturi u esperti trainees

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7, għandhom jiżguraw li l-esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni jirċievu taħriġ adegwat biex isiru evalwaturi ta’ Schengen.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korsijiet ta’ taħriġ għall-evalwaturi ta’ Schengen jiġu organizzati għall-oqsma ta’ politika rilevanti kollha u jinkludu l-funzjonament korrett tal-awtoritajiet kif ukoll komponenti tad-drittijiet fundamentali żviluppati bil-parteċipazzjoni tal-FRA.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7, għandha żżomm aġġornati l-kurrikuli tat-taħriġ inizjali u fejn meħtieġ tipprovdi taħriġ ta’ segwitu u aġġornament.

2.   F’każijiet debitament ġustifikati, kull tim li jwettaq evalwazzjonijiet perjodiċi jista’ jinkludi espert trainee wieħed minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

3.   L-osservaturi għandu jkollhom taħriġ adegwat.

Artikolu 17

Grupp ta’ esperti mill-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi, kull sena, grupp ta’ esperti li l-isfondi professjonali tagħhom ikopru l-oqsma ta’ politika, jew, fejn rilevanti, l-oqsma prijoritarji speċifiċi li jinsabu fil-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali.

2.   B’mod parallel għall-istabbiliment tal-programm ta’ evalwazzjoni annwali f’konformità mal-Artikolu 13(1), meta jiġu mistiedna mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jaħtru espert kwalifikat wieħed jew aktar għal kull qasam ta’ politika għall-grupp ta’ esperti tas-sena ta’ wara. Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun disponibbli tal-inqas espert maħtur wieħed għal kull qasam ta’ politika matul sena kalendarja. L-Istat Membru jista’ jindika l-perijodu ta’ sitt xhur li fih espert maħtur ikun disponibbli u l-preferenzi għal evalwazzjoni partikolari. Il-Kummissjoni għandha tqis dawn il-preferenzi sa fejn ikun possibbli.

L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa jiddeżinjaw esperti fl-oqsma li fihom, għal raġunijiet oġġettivi, ma jiġux evalwati, jew, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jekk id-deżinjazzjoni tkun taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq ta’ kompiti nazzjonali. Jekk Stat Membru jinvoka tali sitwazzjoni, huwa għandu jipprovdi, bil-miktub, raġunijiet u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni eċċezzjonali lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-punt ta’ kuntatt nazzjonali maħtur għall-komunikazzjoni dwar l-istazzjonament ta’ esperti.

3.   Skont l-evalwazzjonijiet inklużi fil-programm ta’ evalwazzjoni annwali, fl-istedina, il-Kummissjoni għandha tkompli tispeċifika r-rekwiżiti professjonali għall-esperti li għandhom jiġu ddeżinjati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw esperti fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievu l-istedina msemmija fil-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti ddeżinjati jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 u r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-istedina biex jiġi stabbilit il-grupp ta’ esperti.

6.   L-esperti li jkunu rċevew it-taħriġ xieraq kif imsemmi fl-Artikolu 16 għandhom jiġu ddeżinjati, fejn possibbli, biex jagħmlu parti mill-grupp ta’ esperti stabbilit għas-sena ta’ wara dik li fiha jkunu rċevew il-kors ta’ taħriġ rilevanti.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 biex jiddeżinjaw osservaturi għall-grupp ta’ esperti.

8.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-esperti ddeżinjati u tikkonferma l-għażla tal-esperti biex jagħmlu parti mill-grupp ta’ esperti fi żmien ġimgħa mid-deżinjazzjoni tagħhom. Fi żmien xahar mill-istabbiliment tal-grupp ta’ esperti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-għażla ta’ esperti għall-evalwazzjonijiet ippjanati fis-sena li jmiss, b’kont meħud tad-disponibbiltà u l-preferenzi espressi għal evalwazzjoni partikolari.

9.   F’każ li ħadd mill-esperti għall-oqsma ta’ politika ma jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat jaħtar espert ġdid għall-qasam ta’ politika kkonċernat.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti maħtura jkunu disponibbli għall-evalwazzjonijiet sakemm ma jkunux iffaċċjati b’sitwazzjoni eċċezzjonali bħal sitwazzjoni li taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali jew sitwazzjoni personali. Jekk Stat Membru jinvoka tali sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa għandu jipprovdi, bil-miktub, raġunijiet u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni lill-Kummissjoni.

Jekk xi espert ma jibqax disponibbli biex jifforma parti mill-grupp ta’ esperti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar sostitut fi żmien raġonevoli.

11.   Il-Kummissjoni għandha żżomm aġġornata l-lista ta’ esperti li jifformaw parti mill-grupp ta’ esperti u tinforma lill-Istati Membri dwar l-għadd ta’ esperti u l-profili tagħhom maħtura għal kull Stat Membru.

Artikolu 18

Stabbiliment tat-timijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-għadd ta’ esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni li jieħdu sehem f’tim abbażi tal-partikolaritajiet u l-ħtiġijiet tal-attività ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. L-għadd massimu ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni li jieħdu sehem f’tim għandu jkun tnejn. L-għadd minimu ta’ esperti mill-Istati Membri f’tim li jieħdu sehem fi żjara b’notifika minn qabel jew żjara għall-għarrieda għandu jkun tlieta. Il-Kummissjoni għandha tagħżel esperti minn grupp ta’ esperti biex isiru membri ta’ tim.

Meta jistabbilixxu t-timijiet għal żjarat ġodda u żjarat ta’ verifika fi Stat Membru partikolari, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li tal-inqas nofs l-esperti tal-Istati Membri fit-tim ikunu l-istess bħal dawk li ħadu sehem fl-evalwazzjoni.

2.   Meta tagħżel l-esperti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-profili meħtieġa għal attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ partikolari filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u bilanċ tal-esperjenza professjonali kif ukoll il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

L-esperti tal-Istati Membri ma għandhomx jieħdu sehem f’tim li jwettaq attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ tal-Istat Membru li jkunu impjegati fih.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-esperti magħżula immedjatament wara li tiġi ffissata d-data tal-attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ u mhux aktar tard minn 10 ġimgħat qabel ma tkun skedata li tibda l-attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ. L-esperti mistiedna għandhom iwieġbu fi żmien ġimgħa minn meta jirċievu l-istedina, bi qbil mal-awtoritajiet li jkunu ħatruhom.

L-istedina msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tintbagħat permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura.

4.   Fil-każ ta’ żjarat għall-għarrieda, il-Kummissjoni għandha tibgħat l-istediniet permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tibda ż-żjara. L-esperti mistiedna għandhom iwieġbu fi żmien 72 siegħa minn meta jirċievu l-istedina, bi qbil mal-awtoritajiet li jaħtruhom.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 biex jaħtru rappreżentant b’esperjenza rilevanti professjonali u fil-qasam biex jieħu sehem bħala osservatur f’attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ f’qasam kopert mill-mandat tagħhom. Għall-istedina u għat-tweġiba għandhom japplikaw l-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Jekk Stat Membru jkun jixtieq jaħtar espert trainee għall-finijiet tat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 16(2), dan għandu jikkomunikah lill-Kummissjoni minn tal-inqas sitt ġimgħat qabel ma tkun skedata li tibda l-evalwazzjoni.

7.   L-osservaturi msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jappoġġaw lit-tim kif mitlub mill-esperti prinċipali, iżda ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tat-tim.

L-esperti trainees msemmija fil-paragrafu 6 ma għandhomx jieħdu sehem b’mod attiv fl-attività ta’ evalwazzjoni.

8.   Jekk il-Kummissjoni ma jirnexxilhiex tikseb konferma tal-parteċipazzjoni tal-għadd meħtieġ ta’ esperti mill-grupp ta’ esperti tal-inqas sitt ġimgħat qabel ma tkun skedata li tibda l-attività ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ, jew tal-inqas ġimgħa qabel żjara għall-għarrieda, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tistieden lill-Istati Membri kollha jiddeżinjaw esperti kwalifikati minn barra l-grupp ta’ esperti biex jimlew il-postijiet neqsin. L-Istati Membri għandhom iwieġbu fi żmien 72 siegħa minn meta jirċievu dik l-istedina.

9.   Il-Kummissjoni għandha taħtar espert prinċipali mill-Kummissjoni u tipproponi l-espert prinċipali mill-Istati Membri. L-espert prinċipali mill-Istati Membri għandu jinħatar mill-membri tat-tim mill-aktar fis possibbli wara li jiġi stabbilit it-tim.

L-esperti prinċipali għandhom ikunu responsabbli b’mod partikolari għall-ippjanar ġenerali, l-attivitajiet preparatorji, l-organizzazzjoni tat-tim, it-twettiq tal-evalwazzjoni, il-koordinazzjoni tal-abbozzar tar-rapport ta’ evalwazzjoni, il-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet, il-verifika tal-kwalità u s-segwitu, kif ukoll għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ rilevanti meta jkun xieraq.

Artikolu 19

Twettiq taż-żjarat

1.   It-timijiet għandhom jagħmlu l-attivitajiet ta’ tħejjija kollha meħtieġa biex jiżguraw li ż-żjarat ikunu effiċjenti, akkurati u konsistenti.

2.   Il-programm dettaljat għaż-żjarat fi Stat Membru jew fil-konsolati tiegħu għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti prinċipali u l-Istat Membru kkonċernat.

Il-programm dettaljat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jinkludi żjarat u laqgħat ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet, aġenziji u korpi oħra li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

3.   Għaż-żjarat b’notifika minn qabel, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta u tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-iskeda ta’ żmien u l-programm dettaljat tal-inqas sitt ġimgħat qabel ma tkun ser issir iż-żjara. Għandha tipprovdi minn qabel l-ismijiet tal-membri tat-tim u tal-osservaturi. L-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar punt ta’ kuntatt biex jagħmel l-arranġamenti prattiċi għaż-żjara.

4.   Iż-żjarat għall-għarrieda għandhom isiru b’notifika minn qabel ta’ mill-inqas 24 siegħa lill-Istat Membru kkonċernat. Iż-żjarat għall-għarrieda fuq il-fruntieri interni għandhom isiru mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat. Iż-żjarat għall-għarrieda jistgħu jsiru mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat f’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha raġunijiet sostanzjati biex tqis li hemm ksur serju tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Jistgħu wkoll isiru żjarat ta’ verifika mingħajr notifika minn qabel lill-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-programm dettaljat għaż-żjarat għall-għarrieda. Meta l-Istati Membri jkunu ġew notifikati bi żjara għal għarrieda, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat dwar l-iskeda ta’ żmien u l-programm iddettaljat.

Artikolu 20

Rapporti ta’ evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet

1.   It-tim għandu jabbozza rapport ta’ evalwazzjoni wara kull evalwazzjoni.

Meta jħejju r-rapport ta’ evalwazzjoni, it-timijiet għandhom iqisu t-tweġibiet għall-kwestjonarju standard, kull informazzjoni addizzjonali miksuba f’konformità mal-Artikoli 7 sa 11 u vverifikata matul l-attività ta’ evalwazzjoni, u s-sejbiet tal-attività ta’ evalwazzjoni. Ir-rapporti ta’evalwazzjoni jistgħu jinkludu materjal ta’ dokumentazzjoni u diġitali bħala sostenn għas-sejbiet. Meta evalwazzjoni ssir permezz ta’ żjara, it-tim għandu jabbozza r-rapport ta’ evalwazzjoni matul iż-żjara.

It-tim għandu jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-abbozzar tar-rapport ta’ evalwazzjoni u għall-iżgurar tal-integrità u l-kwalità tiegħu. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, it-tim għandu jagħmel ħiltu biex isib kompromess.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkun ikopri l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet, lill-Istat Membru evalwat, fi żmien erba’ ġimgħat minn meta tintemm l-attività ta’ evalwazzjoni. L-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċevih. Fuq talba tal-Istat Membru evalwat, għandha ssir laqgħa ta’ abbozzar, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jaslu l-kummenti tal-Istat Membru evalwat. Il-kummenti tal-Istat Membru evalwat għandhom jiġu riflessi fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni meta jkun rilevanti.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu janalizza l-aspetti kwalitattivi, kwantitattivi, operazzjonali, amministrattivi u organizzattivi u għandu jelenka n-nuqqasijiet, l-oqsma għat-titjib u l-aħjar prattiki identifikati matul l-evalwazzjoni.

3.   Is-sejbiet jistgħu jiġu vvalutati bħala waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

prattika tajba;

(b)

jenħtieġ titjib;

(c)

mhux konformi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta r-rapport ta’ evalwazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi adottat mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-oqsma għat-titjib identifikati matul l-evalwazzjoni u jagħti indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jistabbilixxi skadenzi raġonevoli stabbiliti f’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Meta l-evalwazzjoni tidentifika nuqqas serju, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 22.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn 14-il jum wara li jkun ġie adottat ir-rapport.

5.   Fejn, fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mil-laqgħa ta’ abbozzar, l-Istat Membru evalwat jikkontesta b’mod sostanzjali l-kontenut tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jew in-natura ta’ xi sejba, ir-rapport li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni għandu jkun limitat għas-sejbiet u ma għandux ikun fih rakkomandazzjonijiet. F’każijiet bħal dawn, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni, proposta separata lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Il-proposta tista’ tistabbilixxi skadenzi raġonevoli stabbiliti f’kooperazzjoni mal-Istat Membru għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, u għandha tagħti indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kunsill għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet u jibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

Artikolu 21

Segwitu u monitoraġġ

1.   Fi żmien xahrejn mill-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni inkluż rakkomandazzjonijiet, skont l-Artikolu 20(4), jew mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, skont l-Artikolu 20 (5),, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha. L-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu mistiedna jikkummentaw dwar il-pjan ta’ azzjoni.

2.   Wara li tikkonsulta lit-tim li jkun wettaq l-attività ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru evalwat rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tiegħu.

Jekk il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut fi żmien xahar minn meta jirċievi r-rieżami. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll ir-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni lill-Kunsill.

3.   L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu kull sitt xhur mid-data tan-notifika tal-wasla tar-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni sakemm il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni ikun implimentat b’mod sħiħ. Skont in-natura tan-nuqqasijiet u l-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istat Membru evalwat, tista’ titlob frekwenza ta’ rappurtar differenti mill-Istat Membru evalwat.

Jekk l-Istat Membru evalwat ma jirrappurtax regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li l-Istat Membru evalwat ma jkunx qed iwettaq l-obbligi tiegħu.

Il-Kummissjoni tista’ twettaq żjarat ta’ verifika biex timmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

Fejn il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni ikun implimentat b’mod sħiħ, hija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.

KAPITOLU IV

NUQQAS SERJU U FOROM SPEĊIFIĊI TA’ EVALWAZZJONI

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet speċifiċi f’każ ta’ nuqqas serju identifikat fir-rapport ta’ evalwazzjoni

1.   Fi tmiem l-attività ta’ evalwazzjoni, l-esperti prinċipali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membru, f’isem it-tim, għandhom jinformaw bil-miktub lill-Istat Membru evalwat li ġie identifikat nuqqas serju. Il-Kunsill għandu wkoll jiġi informat mingħajr dewmien.

L-Istat Membru evalwat għandu jieħu azzjonijiet rimedjali immedjati inkluż, fejn meħtieġ, billi jimmobilizza l-mezzi operazzjonali u finanzjarji xierqa kollha. L-Istat Membru evalwat għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-azzjonijiet rimedjali immedjati meħuda jew ippjanati. B’mod parallel, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7 dwar in-nuqqas serju bil-ħsieb li huma possibbilment jipprovdu appoġġ lill-Istat Membru evalwat.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni abbozzat f’konformità mal-Artikolu 20(1), (2) u (3) għandu jinkludi bħala prijorità s-sejbiet li jkunu wasslu għad-determinazzjoni ta’ nuqqas serju. It-titlu u l-konklużjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni għandhom jindikaw b’mod ċar li hemm nuqqas serju jew li hemm nuqqasijiet serji. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet inkluż dwar azzjonijiet rimedjali immedjati. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Istat Membru evalwat fi żmien ġimagħtejn minn meta tintemm l-attività ta’ evalwazzjoni.

L-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol minn meta jirċevih. Fuq talba tal-Istat Membru evalwat, għandha ssir laqgħa ta’ abbozzar, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jaslu l-kummenti tal-Istat Membru evalwat.

3.   Abbażi ta’ raġunijiet ta’ urġenza imperattivi ġustifikati kif dovut li jirrigwardaw nuqqas serju, il-Kummissjoni għandha tadotta rapport ta’ evalwazzjoni mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(3). Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew.

4.   Fid-dawl tas-sejbiet, it-tim għandu jabbozza rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali bl-għan li jindirizzaw in-nuqqas serju identifikat fir-rapport ta’ evalwazzjoni.

Fi żmien sitt ġimgħat mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill ir-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien ma’ proposta għal rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali mmirati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet serji identifikati matul l-evalwazzjoni u indikazzjoni tal-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta.

Il-Kunsill għandu jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi limiti taż-żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati ma’ nuqqas serju u jispeċifika l-frekwenza tar-rappurtar mill-Istat Membru evalwat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu.

5.   Jekk żjara tidentifika nuqqas serju li huwa meqjus li jikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jew identifikat abbażi ta’ riskju ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.

Il-Kunsill għandu jiddiskuti l-kwistjoni b’mod urġenti, u għandu jagħmel ħiltu biex jadotta, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, rakkomandazzjonijiet li jistipulaw miżuri xierqa biex jirrimedjaw jew jillimitaw l-impatt tan-nuqqas serju fuq l-ordni pubbliku jew fuq is-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jew il-ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali, fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi l-proposta. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti r-rakkomandazzjonijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/399 u l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.

Il-Kunsill għandu jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew.

6.   L-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta l-pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. L-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu mistiedna jikkummentaw dwar il-pjan ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan ta’ azzjoni lill-Parlament Ewropew.

Wara konsultazzjoni mat-tim li jkun wettaq l-attività ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru evalwat b’rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien ġimagħtejn mill-preżentazzjoni tiegħu. Jekk il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi r-rieżami.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni lill-Kunsill u tibagħtu lill-Parlament Ewropew.

L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu sakemm il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pjan ta’ azzjoni jkun implimentat b’mod sħiħ.

7.   Biex tivverifika l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati man-nuqqas serju, il-Kummissjoni għandha torganizza żjara ġdida li għandha ssir mhux aktar tard minn sena mid-data tal-attività ta’ evalwazzjoni.

It-tim għandu jabbozza rapport taż-żjara l-ġdida f’konformità mal-Artikolu 20(1) li jivvaluta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u jikkonkludi jekk in-nuqqas serju jkunx ġie indirizzat.

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, rapport taż-żjara l-ġdida. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport taż-żjara l-ġdida lill-Kunsill.

8.   Il-Kunsill jista’ jesprimi l-pożizzjoni tiegħu u, fejn xieraq, jista’ jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali mmirati biex jindirizzaw in-nuqqas serju persistenti identifikat fir-rapport taż-żjara l-ġdida. F’dan il-każ, għandhom japplikaw il-paragrafi 6 u 7.

9.   Meta l-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq, hija għandha torganizza żjara ta’ verifika u tinforma lill-Kunsill dwar l-eżitu taż-żjara ta’ verifika. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq.

Il-Kunsill għandu jadotta, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni u b’kont meħud tal-eżitu taż-żjara ta’ verifika, deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjonijiet tal-ewwel darba

1.   Fid-dawl tas-sejbiet, ir-rapport ta’ evalwazzjoni li jsegwi evalwazzjoni tal-ewwel darba abbozzata f’konformità mal-Artikolu 20(1) sa (4) għandu jkun akkumpanjat minn abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet rimedjali.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tal-attività ta’ evalwazzjoni.

2.   Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet. Huwa jista’ jistabbilixxi limiti ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

Il-Kunsill għandu jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

3.   L-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha.

Wara li tikkonsulta lit-tim li jkun wettaq l-attività ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru evalwat rieżami tal-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tiegħu.

Jekk il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat, l-Istat Membru evalwat għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni rivedut.

L-Istat Membru evalwat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu kull sitt xhur mid-data tan-notifika tal-wasla tar-rieżami.

4.   Fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni jkun jikkonkludi li l-Istat Membru evalwat ma jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa biex japplika l-acquis ta’ Schengen, il-Kummissjoni għandha torganizza żjara ġdida waħda jew aktar.

It-tim għandu jabbozza rapport taż-żjara l-ġdida f’konformità mal-Artikolu 20(1) sa (4) li jivvaluta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ir-rapport taż-żjara l-ġdida. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport taż-żjara l-ġdida u proposta għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, jekk ikun xieraq, lill-Kunsill għall-adozzjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

5.   Meta tqis li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq, il-Kummissjoni għandha torganizza żjara ta’ verifika qabel l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-eżitu taż-żjara ta’ verifika. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jingħalaq.

Il-Kunsill għandu, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni u b’kont meħud tal-eżitu taż-żjara ta’ verifika, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-għeluq tal-pjan ta’ azzjoni.

6.   L-Istati Membri li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ Schengen għandhom japplikaw b’mod sħiħ, għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-Artikolu 1(2), il-punt (a) sa mhux aktar tard minn sena wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen f’dak l-Istat Membru. Il-programm ta’ evalwazzjoni annwali għandu jiġi aġġornat għal dan il-għan.

Artikolu 24

Dispożizzjoni speċifika għall-evalwazzjonijiet tematiċi

L-Artikolu 23(1), (2) u (3) għandu japplika għall-evalwazzjonijiet tematiċi.

Jekk l-evalwazzjoni tematika tidentifika nuqqas serju, għandu japplika l-Artikolu 22.

KAPITOLU V

GOVERNANZA TA’ SCHENGEN U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Rappurtar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sena rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li għandu jsir pubbliku, dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa skont dan ir-Regolament matul is-sena preċedenti. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi informazzjoni dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa matul is-sena preċedenti, dwar il-funzjonament tal-grupp tal-esperti, inkluż id-disponibbiltà tal-esperti tal-Istat Membru, dar il-konklużjonijiet li jkunu nsiltu minn dawk l-evalwazzjonijiet u dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet rimedjali meħuda mill-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu, abbażi tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ imwettqa skont dan ir-Regolament, jidentifika kwistjonijiet komuni, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet innovattivi sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Ir-rapport għandu jqis is-sinerġiji ma’ għodod u mekkaniżmi oħra ta’ monitoraġġ sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-parlamenti nazzjonali mingħajr dewmien. Il-Kunsill għandu jiddiskuti r-rapport, filwaqt li jqis il-kontribut tal-evalwazzjonijiet għall-funzjonament taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-inqas darbtejn f’sena dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni mfassla mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi informazzjoni dwar ir-rieżamijiet tagħha tal-adegwatezza tal-pjanijiet ta’ azzjoni u dwar l-eżitu taż-żjarat ġodda u taż-żjarat ta’ verifika, kif ukoll l-osservazzjonijiet tagħha fejn tqis li kien hemm nuqqas konsiderevoli ta’ progress fl-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni.

Artikolu 26

Gwida għall-Evalwazzjoni ta’ Schengen

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi u, jekk meħtieġ, taġġorna linji gwida dwar, b’mod partikolari:

(a)

ir-responsabbiltajiet marbuta mat-taħriġ tal-esperti, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-osservaturi;

(b)

l-attivitajiet ta’ tħejjija għall-evalwazzjonijiet;

(c)

it-twettiq taż-żjarat, inkluż taż-żjarat għall-għarrieda;

(d)

it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, inkluż permezz ta’ kwestjonarju, jew f’każijiet eċċezzjonali, b’metodi mill-bogħod oħra;

(e)

il-proċess tal-abbozzar u l-inklużjoni ta’ materjal dokumentarju u diġitali fir-rapporti ta’ evalwazzjoni;

(f)

il-proċedura ta’ segwitu, b’mod partikolari fir-rigward taż-żjarat ġodda u ż-żjarat ta’ verifika;

(g)

sinerġiji ma’ attivitajiet oħra ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ;

(h)

kwistjonijiet loġistiċi u finanzjarji relatati mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ;

(i)

il-verifika tal-attivitajiet tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni sa fejn dawn iwettqu funzjonijiet f’isem l-Istati Membri biex jassistu fl-applikazzjoni operazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

Artikolu 27

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Kunsill fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha fir-rigward tal-evalwazzjonijiet koperti mill-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali adottat f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dak ir-rieżami għandu jkopri l-elementi kollha ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-funzjonament tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti taħt il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew mingħajr dewmien.

Artikolu 28

Informazzjoni sensittiva

1.   Il-membri tat-tim, l-osservaturi u l-esperti trainees għandhom iqisu kwalunkwe informazzjoni li jiksbu matul il-qadi ta’ dmirijiethom bħala kunfidenzjali.

2.   L-istatus tal-klassifikazzjoni tar-rapporti għandu jkun ‘sensittiv mhux klassifikat’ f’konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Ir-rapporti għandhom jiġu kklassifikati bħala " RESTREINT UE/EU RESTRICTED " skont it-tifsira tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444, fejn tali klassifikazzjoni tkun meħtieġa skont l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni jew wara talba ġustifikata mill-Istat Membru evalwat.

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, għandha tiddeċiedi liema parti tar-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ ssir pubblika.

3.   It-trażmissjoni u t-trattament ta’ informazzjoni u dokumenti klassifikati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom iseħħu f’konformità mar-regoli tas-sigurtà applikabbli. Tali regoli ma għandhomx jipprekludu informazzjoni milli tkun disponibbli għall-Parlament Ewropew u għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 29

Kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Irlanda

1.   L-esperti tal-Irlanda għandhom jieħdu sehem biss fl-evalwazzjoni tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ġiet awtorizzata tieħu sehem fiha.

2.   L-evalwazzjonijiet għandhom ikopru biss l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti mill-Irlanda tal-parti tal-acquis ta’ Schengen li ġiet awtorizzata tieħu sehem fiha.

3.   L-Irlanda għandha tieħu sehem biss fl-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw il-parti tal-acquis ta’ Schengen li ġiet awtorizzata tieħu sehem fiha.

Artikolu 30

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   L-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali u l-ewwel programm ta’ evalwazzjoni annwali skont dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit sal-1 ta’ Diċembru 2022 u għandu jibda fl-1 ta’ Frar 2023.

L-ewwel programm ta’ evalwazzjoni pluriennali skont dan ir-Regolament għandu jqis l-evalwazzjonijiet kollha mwettqa taħt it-tieni programm ta’ evalwazzjoni pluriennali adottat taħt ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 u għandu jitfassal bħala kontinwazzjoni ta’ dak il-programm.

2.   Il-kwestjonarju standard adottat taħt ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 għandu jintuża sakemm jiġi stabbilit il-kwestjonarju standard previst taħt l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Għal evalwazzjonijiet imwettqa qabel l-1 ta’ Frar 2023, l-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għandha titwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1053/2013. L-attivitajiet ta’ segwitu u monitoraġġ ta’ tali evalwazzjonijiet, li jibdew bis-sottomissjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 huwa mħassar mill-1 ta’ Ottubru 2022 bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u tar-rakkomandazzjonijiet, li għandhom japplikaw sakemm jiġu adottati r-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-Regolament.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

É. DUPOND-MORETTI


(1)  Opinjoni tas-7 ta’ April 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbiliet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325 11.12.2009, p. 35).

(13)  ĠU C 337, 23.8.2021, p. 2.

(14)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(15)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(16)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(18)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(19)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(20)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(21)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(22)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 15(2)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

-

Artikolu 4

-

Artikolu 5

Artikolu 4(1)

Artikolu 1(3)

Artikolu 4(2) u (3)

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

-

Artikolu 9

-

Artikolu 10

-

Artikolu 11

Artikolu 5

Artikolu 12

Artikolu 6

Artikolu 13

Artikolu 9

Artikolu 14

Artikolu 12

Artikolu 15(1)

Artikolu 12

Artikolu 16

-

Artikolu 17

Artikolu 10 u 11

Artikoli 18

Artikolu 13

Artikolu 19

Artikoli 14 u 15

Artikolu 20

Artikolu 16

Artikolu 21

-

Artikolu 22

-

Artikolu 23

-

Artikolu 24

Artikolu 20

Artikolu 25

-

Artikolu 26

Artikolu 22

Artikolu 27

Artikolu 19

-

Artikolu 17

Artikolu 28

Artikolu 18

Artikolu 29

Artikolu 21

Artikolu 30

Artikolu 23

Artikolu 31

Artikolu 23

Artikolu 32

Artikolu 24

Artikolu 33


Top