Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0749

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/749 tat-8 ta’ Frar 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2417 fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn parametri referenzjarji ġodda msemmija f’ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/620

    ĠU L 138, 17.5.2022, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/749/oj

    17.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 138/4


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/749

    tat-8 ta’ Frar 2022

    li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2417 fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn parametri referenzjarji ġodda msemmija f’ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2417 (2) jispeċifika, fost l-oħrajn, il-klassijiet tad-derivattivi barra l-Borża (OTC, over-the-counter) denominati f’EURO (EUR), fil-Lira Sterlina (GBP) u fid-dollaru Amerikan (USD) li huma soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi msemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Il-klassijiet iddenominati f’GBP u f’USD jirreferu għall-parametri referenzjarji tal-London InterBank Offered Rate (LIBOR).

    (2)

    L-ICE Benchmark Administration (IBA), l-amministratur tal-LIBOR, ħabbar li l-iskadenzi għal-LIBOR f’GBP u f’JPY se jieqfu mill-pubblikazzjoni fi tmiem l-2021, filwaqt li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti skadenzi tal-LIBOR f’USD se tieqaf f’Ġunju 2023. Fil-5 ta’ Marzu 2021, il-Financial Conduct Authority tar-Renju Unit ikkonfermat li l-iskadenzi kollha tal-LIBOR mhux se jibqgħu jiġu pprovduti mill-amministraturi jew inkella mhux se jibqgħu jkunu rappreżentattivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kapaċità superviżorja bankarja tiegħu (is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ħarġu dikjarazzjoni konġunta biex b’qawwa jinkoraġġixxu lill-kontropartijiet sabiex jieqfu jużaw kwalunkwe skadenza tal-LIBOR, inkluża l-LIBOR f’USD, bħala r-rata ta’ referenza fil-kuntratti l-ġodda hekk kif ikun prattiku, u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    (3)

    Għaldaqstant, wara l-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet mhux se jkunu jistgħu jwettqu aktar kuntratti tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax barra l-borża (OTC) li jirreferenzjaw il-LIBOR f’GBP peress li dan il-parametru referenzjarju se jintemm, u l-kontropartijiet huma mistennija li ma jibqgħux jwettqu kuntratti tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax barra l-borża (OTC) li jirreferenzjaw il-LIBOR f’USD. B’riżultat ta’ dan, il-volumi nnegozjati li jifdal f’dawn id-derivattivi huma mistennija li jkunu ineżistenti jew baxxi ħafna, kif inhi l-likwidità tagħhom. L-istess jgħodd għall-volum ta’ negozjar f’dawk id-derivattivi li se jiġu kklerjati mill-kontropartijiet ċentrali (CCPs, central counterparties) jew innegozjati f’ċentri tan-negozjar, u huwa mistenni li l-volum jew il-likwidità tad-derivattivi li jirreferenzjaw il-LIBOR f’USD jonqsu. Dawn is-sitwazzjonijiet jiġġustifikaw bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u sussegwentement emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 (3), fejn id-derivattivi li jirreferenzjaw il-LIBOR f’GBP u f’USD għandhom jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar. B’konsegwenza ta’ dan, il-klassijiet ta’ derivattivi attwalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi li jirreferenzjaw il-LIBOR f’GBP u f’USD mhux se jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 biex id-derivattivi jsiru soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi mit-3 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, dawk il-klassijiet ta’ derivattivi jeħtieġ li jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tan-negozjar.

    (4)

    Peress li t-terminazzjoni ppjanata tal-LIBOR f’GBP hija skedata għall-aħħar tal-2021, u l-aspettattivi regolatorji espressi mill-Kummissjoni, is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, l-ESMA u l-EBA huma li l-kontropartijiet jieqfu jużaw kwalunkwe waħda mill-iskadenzi tal-LIBOR bħala r-rata ta’ referenza f’kuntratti ġodda hekk kif ikun prattiku, u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2021, it-twarrib tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax ibbażati fuq il-LIBOR huwa mistenni li jseħħ malajr. Minflok, wara l-31 ta’ Diċembru 2021, il-kontropartijiet huma mistennija jinnegozjaw jew jikklerjaw derivattivi oħra tar-rati tal-imgħax OTC, b’mod partikolari derivattivi tar-rati tal-imgħax OTC li jirreferenzjaw ir-rati mingħajr riskju għall-GBP jew għall-USD. Għaldaqstant dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/2417 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

    (7)

    L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2417

    Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2017/2417, jitħassru t-Tabelli 2 u 3.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2417 tas-17 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji u dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi (ĠU L 343, 22.12.2017, p. 48).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar, (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top