Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1809

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1809 tat-13 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 dwar il-miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV)

    C/2021/7338

    ĠU L 365, 14.10.2021, p. 41–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1809/oj

    14.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 365/41


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1809

    tat-13 ta’ Ottubru 2021

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 dwar il-miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) u l-Artikolu 52 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191 (3) jistabbilixxi miżuri dwar l-introduzzjoni u l-moviment fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp. Kif intwera bl-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament, l-ibridi tas-Solanum lycopersicum L. jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri, minħabba li dawk l-ibridi huma suxxettibbli wkoll għall-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) (“il-pest speċifikat”).

    (2)

    Sabiex ir-riskju għas-saħħa tal-pjanti jiġi mmaniġġjat kif xieraq u jiġu applikati l-miżuri meħtieġa għall-materjal tal-pjanti l-aktar riskjuż, huwa xieraq li d-definizzjoni ta’ “pjanti speċifikati għat-tħawwil” tiġi sostitwita bid-definizzjoni ta’ “pjanti speċifikati”, li tkopri l-pjanti kollha tas-Solanum lycopersicum L. u l-ibridi tiegħu u tal-Capsicum spp, anki dawk li mhumiex maħsuba biex jerġgħu jitħawlu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dik id-definizzjoni jenħtieġ li teskludi ż-żrieragħ speċifikati u l-frott speċifikat, li għalihom jeżistu definizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, dawk id-definizzjonijiet jenħtieġ li jiġu emendati skont dan sabiex jinkludu l-ibridi tas-Solanum lycopersicum L.

    (3)

    Mill-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191, serje ta’ awditi mwettqa mill-Kummissjoni fl-2020 u fl-2021 uriet li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ qerda kienet inkonsistenti. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu introdotti regoli speċifiċi għall-istabbiliment ta’ żoni demarkati u l-miżuri li għandhom jittieħdu hemmhekk. Dawk ir-regoli jenħtieġ ukoll li jagħmlu distinzjoni bejn is-siti ta’ produzzjoni bi protezzjoni fiżika u siti oħra ta’ produzzjoni, minħabba r-riskju fitosanitarju differenti li jippreżentaw.

    (4)

    Jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-ittestjar tal-pjanti omm jenħtieġ li jsir fl-iqsar żmien possibbli qabel il-ħsad tal-frott, minħabba li l-esperjenza mindu ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 wriet li dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-frott li minnu jiġu estratti ż-żrieragħ, ikun ħieles mill-pest speċifikat.

    (5)

    Matul il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti li saru abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191, l-Istati Membri sabu għadd kbir ta’ kunsinni infettati li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Iżrael. Għal din ir-raġuni, abbażi ta’ rata differenti ta’ interċettazzjonijiet irreġistrati fis-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES) (4) mill-2020, il-frekwenza tal-ittestjar fl-importazzjoni ta’ dawk il-kunsinni jenħtieġ li tiżdied għal 50 % għaż-żrieragħ jew għall-pjanti għat-tħawwil li joriġinaw fl-Iżrael u għal 100 % għaż-żrieragħ li joriġinaw miċ-Ċina.

    (6)

    Sabiex ikun hemm żmien biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda u biex tiġi żgurata protezzjoni kontinwa tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni u t-tixrid tal-pest speċifikat, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta’ Mejju 2023.

    (7)

    Wara s-sostituzzjoni tad-definizzjoni ta’ “pjanti speċifikati għat-tħawwil” bi “pjanti speċifikati”, jeħtieġ li jsiru xi bidliet konsegwenzjali fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-punti (b),(c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(b)

    “pjanti speċifikati” tfisser il-pjanti, minbarra ż-żrieragħ speċifikati u l-frott speċifikat, tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tiegħu u tal-Capsicum spp.;

    (c)

    “żrieragħ speċifikati” tfisser iż-żrieragħ tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tiegħu u tal-Capsicum spp;

    (d)

    “frott speċifikat” tfisser il-frott tas-Solanum lycopersicum L. u tal-ibridi tiegħu u tal-Capsicum spp.”;

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Miżuri dwar il-preżenza kkonfermata tal-pest speċifikat

    1.   Fejn il-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat tkun ikkonfermata uffiċjalment fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiżgura li jittieħdu l-miżuri xierqa biex jinqered il-pest speċifikat f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    Barra minn hekk, dik l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 fir-rigward tal-pest speċifikat.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tistabbilixxi żona demarkata kif ġej:

    (a)

    fil-każ tal-preżenza tal-pest speċifikat f’siti tal-produzzjoni bi protezzjoni fiżika, iż-żona demarkata għandha tikkonsisti mill-inqas fis-sit tal-produzzjoni fejn ikun instab il-pest speċifikat;

    (b)

    fil-każ tal-preżenza tal-pest speċifikat f’siti ta’ produzzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt (a), iż-żona demarkata għandha tikkonsisti minn:

    (i)

    żona infestata li tinkludi mill-inqas is-sit tal-produzzjoni fejn tkun instabet il-preżenza tal-pest speċifikat;

    (ii)

    żona ta’ lqugħ ta’ mill-inqas 30 m madwar iż-żona infestata.

    3.   Fiż-żona demarkata, l-awtorità kompetenti, jew l-operatur professjonali taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, għandhom:

    (a)

    għal siti tal-produzzjoni maħsuba għall-produzzjoni ta’ pjanti speċifikati jew għall-produzzjoni ta’ żrieragħ speċifikati:

    (i)

    immedjatament ineħħu u jeqirdu l-lottijiet infettati kollha tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil u, fejn applikabbli, iż-żrieragħ speċifikati li joriġinaw minn dawk il-lottijiet. It-tneħħija u l-qerda għandhom jitwettqu b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-pest speċifikat;

    (ii)

    japplikaw miżuri tal-iġjene speċifiċi fuq il-persunal, l-istrutturi, l-għodod u l-makkinarju tas-sit tal-produzzjoni, il-materjali u l-mezzi tat-trasport, biex jipprevjenu t-tixrid tal-pest speċifikat għal-lottijiet l-oħra preżenti fis-sit tal-produzzjoni u għall-għelejjel suċċessivi tal-pjanti speċifikati jew għal siti oħra tal-produzzjoni;

    (iii)

    jeqirdu jew jittrattaw il-materjal tat-tkabbir mill-inqas fl-aħħar tal-istaġun tal-kultivazzjoni b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat;

    (b)

    għal siti tal-produzzjoni maħsuba għall-produzzjoni ta’ frott speċifikat:

    (i)

    ineħħu u jeqirdu l-pjanti kollha mis-sit tal-produzzjoni, mill-inqas fl-aħħar tal-istaġun tal-kultivazzjoni. It-tneħħija għandha titwettaq b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat;

    (ii)

    japplikaw miżuri tal-iġjene speċifiċi fuq il-persunal, l-istrutturi, l-għodod u l-makkinarju tas-sit tal-produzzjoni, il-materjali u l-mezzi tal-ippakkjar u tat-trasport tal-frott, biex jipprevjenu t-tixrid tal-pest speċifikat għal għelejjel suċċessivi tal-pjanti speċifikati jew għal siti oħra tal-produzzjoni;

    (iii)

    jeqirdu jew jittrattaw il-materjal tat-tkabbir mill-inqas fi tmiem l-istaġun tal-kultivazzjoni b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid tal-pest speċifikat;

    4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jabolixxu żona demarkata u jtemmu l-miżuri ta’ qerda rispettivi meta, wara t-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar tal-pjanti speċifikati ta’ għelejjel suċċessivi, is-sit ikun instab ħieles mill-pest speċifikat għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur wara t-tħawwil ta’ dawk il-pjanti.”;

    (3)

    fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    iż-żrieragħ jew il-pjanti omm tagħhom ikunu għaddew minn kampjunar u ttestjar għall-pest speċifikat mill-awtorità kompetenti, jew ikunu ġew soġġetti għal kampjunar u ttestjar minn operaturi professjonali taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, u skont dawk it-testijiet, ikunu nstabu ħielsa mill-pest speċifikat. Meta l-pjanti omm jiġu ttestjati, il-kampjunar għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli qabel l-ewwel ħsad tal-frott.

    Fil-każ tal-preżenza suspettata tal-pest speċifikat, dawk il-kampjunar u l-ittestjar għandhom jitwettqu biss mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 87(3)(c) tar-Regolament (UE) 2016/2031;”;

    (4)

    fl-Artikolu 9(1)(a), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    iż-żrieragħ speċifikati kkonċernati jew il-pjanti omm ta’ dawk iż-żrieragħ speċifikati kkonċernati jkunu għaddew minn kampjunar u minn ittestjar uffiċjali għall-pest speċifikat kif stabbilit fl-Anness u, skont dawk it-testijiet, ikunu nstabu ħielsa mill-pest speċifikat.

    Meta l-pjanti omm jiġu ttestjati, il-kampjunar għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli qabel l-ewwel ħsad tal-frott;”;

    (5)

    L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Kontrolli uffiċjali mal-introduzzjoni fl-Unjoni

    Għandhom jiġu kkampjunati u ttestjati mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni jew f’punt ta’ kontroll, mhux inqas minn 20 % tal-kunsinni taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil, kif imsemmi fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 (*1), kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Għal kunsinni ta’ żrieragħ speċifikati u pjanti speċifikati għat-tħawwil li joriġinaw fl-Iżrael, ir-rata ta’ kampjunar u ttestjar għandha tkun ta’ 50 % u għall-kunsinni ta’ żrieragħ speċifikati li joriġinaw fiċ-Ċina, għandha tkun ta’ 100 %.

    (*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki, (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 64).”;"

    (6)

    fl-Artikolu 12, id-data “il-31 ta’ Mejju 2022” hija sostitwita bid-data “il-31 ta’ Mejju 2023”;

    (7)

    l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1191 tal-11 ta’ Awwissu 2020 li jistabbilixxi miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBFV) u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615 (ĠU L 262, 12.8.2020, p. 6).

    (4)  https://ec.europa.eu/food/animals/traces_en


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1191 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    2.

    Skemi ta’ kampjunar ta’ pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

    Fil-każ ta’ pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, għandhom jinġabru 200 werqa minn kull sit tal-produzzjoni u kultivar, preferibbilment il-weraq iż-żgħar min-naħa ta’ fuq tal-pjanti.

    Fil-każ ta’ pjanti sintomatiċi, il-kampjunar għall-ittestjar għandu jsir fuq mill-inqas tliet werqiet sintomatiċi”;

    (2)

    fil-punt 4, l-intestatura u l-frażi ta’ introduzzjoni huma sostitwiti b’dan li ġej:

    4.

    Metodi ta’ ttestjar għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, u fuq il-frott speċifikat

    Għandu jitwettaq wieħed mill-metodi ta’ ttestjar li ġejjin għad-detezzjoni tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati, għajr dawk tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, u fuq il-frott speċifikat: ”.


    Top