Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0743

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/743 tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

C/2020/1835

ĠU L 176, 5.6.2020, pp. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/743/oj

5.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/743

tat-30 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 37(c)(i) u (iv) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mard tal-pjanti u l-infestazzjonijiet tal-pesti ilhom għadd ta’ snin jagħmlu l-ħsara lill-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex fl-Unjoni. Ngħidu aħna, fil-perjodu mill-2013 sal-2018, it-tifqigħat u t-tixrid taż-Xyllela fastidiosa laqtu, fost l-oħrajn, siġar tal-frott tal-għadma, bħall-għanbaqar, iċ-ċirasa u l-lewż fl-Italja, fi Spanja u fi Franza. Fis-snin 2018-2019, l-introduzzjoni u t-tixrid invażiv tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) għamlu ħsara lill-produzzjoni tat-tadam (Solanum lycopersicum L.) u tal-bżar ħelu (Capsicum annuum) fl-Italja u fil-Ġermanja. F’dak li jirrigwarda l-pesti, pereżempju l-Eurytoma schreineri Schreiner li daħlet fl-Unjoni permezz ta’ importazzjonijiet fl-2013, ikkaġunat il-ħsara lill-produzzjoni tal-għanbaqar, tal-berquq u taċ-ċirasa fil-Bulgarija u fil-pajjiżi tal-madwar. Iktar riċentement, fl-2019, l-ispallut kannella rħami tal-Lvant (Halyomorpha halys) ikkaġuna telf kbir fil-produzzjoni fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Italja, speċifikament fl-Emilia-Romagna, fil-Veneto, fit-Trentino-Alto Adige, fil-Lombardia, fil-Piemonte u fil-Friuli-Venezia Giulia, u kellha impatt negattiv fuq il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li joperaw f’dawk ir-reġjuni.

(2)

Fid-dawl taż-żieda fil-frekwenza tal-ħsarat fitosanitarji, jeħtieġ soluzzjoni fit-tul rigward il-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għall-futur. Jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (2) billi tiġi prevista flessibbiltà fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-Unjoni f’każ li jħabbtu wiċċhom ma’ ħsarat fitosanitarji, tant li l-produzzjoni ma tibqax tajba għall-konsum jew għall-ipproċessar.

(3)

It-telf kbir fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, ikkaġunat minn ħsarat fitosanitarji, għandu impatt kbir ħafna fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena ta’ wara, billi l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi. Fejn tintilef parti kbira mill-ħsad jew fejn jintilef il-ħsad kollu, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirriskjaw li jitilfu r-rikonoxximent tagħhom, billi wieħed mill-kriterji għar-rikonoxximent huwa li jilħqu ċertu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata, iffissat fil-livell nazzjonali. Dan iwassal għal telf ekonomiku doppju, li jipperikola l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li tkun permessa aktar flessibbiltà fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Dan huwa neċessarju sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jinvestu f’miżuri preventivi, u li xorta waħda jġarrbu ħsara fitosanitarja sostanzjali, mhux biss iġarrbu telf tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħhom, iżda jaraw kif l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni titnaqqas b’mod sostanzjali u għal għarrieda fis-sena ta’ wara. Madankollu, jenħtieġ li tali flessibbiltà fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tkun disponibbli biss għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jagħtu prova li ħadu l-miżuri preventivi meħtieġa kontra l-mard tal-pjanti u l-infestazzjonijiet tal-pesti, bħal xbieki ta’ protezzjoni, il-monitoraġġ tal-pesti u tal-mard, il-kontroll bijoloġiku tal-pesti, u miżuri oħra li jnaqqsu l-okkorrenzi tal-pesti, tal-mard u tal-ħsarat li dawn jagħmlu lill-produzzjoni.

(5)

Fid-dawl taż-żieda fil-frekwenza tal-infestazzjonijiet tal-pesti jew tal-mard tal-pjanti, u minħabba fihom it-telf sostanzjalment akbar fil-produzzjoni meta mqabbel ma’ ħsarat marbutin mat-temp, is-salvagwardja stabbilita bl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, li skontha l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ prodott irid jitqies li jirrappreżenta 65 % tal-valur tiegħu fil-perjodu ta’ referenza ta’ qabel, mhijiex biżżejjed.

(6)

Għaldaqsant, u minħabba l-bżonn li tinkiseb l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi milqutin minn telf kbir fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minħabba ħsarat fitosanitarji, jenħtieġ li jiżdied il-livell limitu għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Fid-dawl ta’ dan, u filwaqt li jitqiesu l-ħsarat sinifikanti kkaġunati mill-infestazzjonijiet tal-pesti riċenti, jenħtieġ li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata stipulat fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jiżdied sa 85 %.

(7)

Fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ programmi operattivi skont is-snin kalendarji, u filwaqt li jitqies li l-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li jiddetermina l-ammont ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni jibbaża fuq is-sena kalendarju ta’ qabel, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2017/891

Fl-Artikolu 23 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’li ġej:

“4.   Fejn ikun sar tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba raġunijiet li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 65 % tal-valur tiegħu fil-perjodu ta’ referenza ta’ qabel. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tagħti prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li dawk ir-raġunijiet kienu jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tagħha.

Fejn ikun sar tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 85 % tal-valur tiegħu fil-perjodu ta’ referenza ta’ qabel. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tagħti prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li ħadet il-miżuri preventivi meħtieġa kontra l-marda tal-pjanti jew l-infestazzjoni tal-pest ikkonċernata.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għad-determinazzjoni tal-konformità mal-valur minimu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kif previst fl-Artikolu 9.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).


Top