EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0559

Regolament (UE) 2020/559 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19

PE/8/2020/REV/1

ĠU L 130, 24.4.2020, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/559/oj

24.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/7


REGOLAMENT (UE) 2020/559 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi regoli applikabbli għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (il-“Fond”).

(2)

Il-mod li bih l-Istati Membri ntlaqtu mit-tifqigħa ta’ COVID-19 huwa bla preċedent. Il-kriżi tinvolvi riskji akbar għall-persuni l-aktar vulnerabbli, bħalma huma l-persuni l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari billi tfixkel l-appoġġ ipprovdut mill-Fond.

(3)

Sabiex ikun hemm rispons immedjat għall-impatt tal-kriżi fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżi sabiex tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19 jenħtieġ li tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

(4)

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-baġits pubbliċi li jirrispondu għat-tifqigħa ta’ COVID-19, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà, fuq bażi eċċezzjonali, li jitolbu rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % li għandha tiġi applikata għas-sena ta’ kontabilità tal-2020 sal-2021 skont l-approprjazzjonijiet tal-baġit u soġġett għall-finanzjament disponibbli. Abbażi ta’ valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dik ir-rata ta’ kofinanzjament eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tipproponi estensjoni tagħha.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-persuni l-aktar fil-bżonn ikunu jistgħu jkomplu jirċievu għajnuna mill-Fond f’ambjent sikur, jeħtieġ li tiġi prevista biżżejjed flessibbiltà biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom għall-kuntest attwali abbażi ta’ konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet sħab, inkluż billi jkunu permessi skemi alternattivi ta’ twassil, bħal permezz ta’ kupuni jew kards f’forma elettronika jew f’forma oħra, u billi l-Istati Membri jkunu jistgħu jemendaw ċerti elementi tal-programm operattiv mingħajr ma tinħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata għajnuna sikura għall-persuni l-aktar vulnerabbli, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-organizzazzjonijiet sħab jiġu pprovduti bil-materjali u t-tagħmir ta’ protezzjoni meħtieġa barra mill-baġit tal-għajnuna teknika.

(6)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għad-determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarji fejn ikun hemm dewmien fl-operazzjonijiet jew f’każ li dawn jiġu sospiżi jew ma jiġux implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19.

(7)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-introduzzjoni ta’ miżuri b’rispons għat-tifqigħa ta’ COVID-19 u jevitaw it-tfixkil fit-twassil ta’ appoġġ lill-persuni l-aktar fil-bżonn minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni, huwa xieraq li jiġu previsti miżuri speċifiċi li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet u li jipprovdu l-flessibbiltà fir-rigward tal-konformità ma’ ċerti rekwiżiti leġiżlattivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar.

(8)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu introdotti miżuri speċifiċi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Fond matul it-tifqigħa ta’ COVID-19, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(9)

Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Minħabba l-urġenza marbuta maċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkważati mit-tifqigħa ta’ COVID-19, il-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata magħha u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(11)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma japplikawx għall-finijiet tal-modifika ta’ elementi ta’ programm operattiv li jaqgħu taħt is-subtaqsimiet 3.5 u 3.6 u t-taqsima 4, rispettivament, tal-mudelli tal-programm operattiv stabbiliti fl-Anness I, jew tal-elementi stabbiliti fil-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 7(2) fil-każ li dawn jiġu mmodifikati bħala riżultat tar-rispons għall-kriżi għat-tifqigħa ta’ COVID-19.”;

(2)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni għas-sena 2019 għandha tkun it-30 ta’ Settembru 2020.”;

(3)

fl-Artikolu 20, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   B’deroga mill-paragrafu 1, fuq talba ta’ Stat Membru, tista’ tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għan-nefqa pubblika ddikjarata f’applikazzjonijiet għall-ħlas matul is-sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2020 u li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2021.

It-talbiet għall-modifika tar-rata ta’ kofinanzjament għandhom jiġu sottomessi skont il-proċedura għall-emendar tal-programmi operattivi stabbilita fl-Artikolu 9 u għandhom ikunu akkumpanjati minn programm rivedut. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għandha tapplika biss jekk l-emenda rilevanti tal-programm operattiv tkun approvata mill-Kummissjoni qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għall-ħlas interim skont l-Artikolu 45(2).

Qabel is-sottomissjoni tal-ewwel applikazzjoni għall-ħlas għas-sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw it-tabella msemmija fit-taqsima 5.1 tal-mudelli tal-programm operattiv stabbiliti fl-Anness I, u b’hekk jikkonfermaw ir-rata ta’ kofinanzjament li kienet applikabbli matul is-sena ta’ kontabilità li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2020.”;

(4)

fl-Artikolu 22(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżi sabiex tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.”;

(5)

fl-Artikolu 23, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika jistgħu jingħataw lill-aktar persuni fil-bżonn direttament jew indirettament, bħal permezz ta’ kupuni jew kards, f’forma elettronika jew f’forma oħra, dment li tali kupuni, kards jew strumenti oħra jkunu jistgħu jissarrfu biss f’ikel u/jew f’għajnuna materjali bażika.”;

(6)

fl-Artikolu 26, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-ispejjeż tax-xiri tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika u l-ispejjeż tax-xiri ta’ materjali u tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-organizzazzjonijiet sħab,”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-ispejjeż amministrattivi, ta’ tħejjija, tat-trasport u tal-ħżin imġarrba mill-organizzazzjonijiet sħab b’rata fissa ta’ 5 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a); jew 5 % tal-valur tal-prodotti tal-ikel li jkunu ntużaw skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;”;

(7)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 26a

Eliġibbiltà tan-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati bħala parti mill-PO I matul is-sospensjoni tagħhom bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19

Il-każijiet ta’ dewmien fit-twassil tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19 ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-korp li jixtri jew mill-organizzazzjonijiet sħab skont l-Artikolu 26(2). Tali spejjeż jistgħu jiġu ddikjarati lill-Kummissjoni fl-intier tagħhom skont l-Artikolu 26(2) qabel ma l-ikel u/jew l-għajnuna materjali bażika jitwasslu għand il-persuni l-aktar fil-bżonn, dment li t-twassil jerġa’ jinbeda wara t-tmiem tal-kriżi assoċjata mat-tifqigħa ta’ COVID-19.

F’każijiet fejn l-ikel jitħassar minħabba s-sospensjoni tat-twassil bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19, l-ispejjeż stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2)(a) ma għandhomx jitnaqqsu.

Artikolu 26b

Eliġibbiltà tan-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati bħala parti mill-PO II jew għall-għajnuna teknika matul is-sospensjoni tagħhom bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19

1.   Fejn l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tiġi sospiża bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19, Stat Membru jista’ jikkunsidra n-nefqa matul is-sospensjoni bħala nefqa eliġibbli anki jekk ma jingħatax l-ebda servizz, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tiġi sospiża wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b)

l-operazzjoni tkun ġiet sospiża minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c)

in-nefqa tkun iġġarbet u tħallset;

(d)

in-nefqa tkun tikkostitwixxi spiża ġenwina għall-benefiċjarju u ma tkunx tista’ tiġi rkuprata jew ma jkunx jista’ jingħata kumpens għaliha; għall-irkupri u l-kumpens li ma jiġux ipprovduti mill-Istat Membru, l-Istat Membru jista’ jikkunsidra li din il-kundizzjoni tkun ġiet issodisfata abbażi ta’ dikjarazzjoni li jagħmel il-benefiċjarju; l-irkupri u l-kumpens għandhom jitnaqqsu min-nefqa;

(e)

in-nefqa tkun limitata għall-perjodu tas-sospensjoni tal-operazzjoni.

2.   Għal operazzjonijiet li għalihom il-benefiċjarju jiġi rimborżat abbażi ta’ għażliet ta’ spejjeż issimplifikati u fejn l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi għar-rimborż tiġi sospiża bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrimborża lill-benefiċjarju abbażi tal-outputs ippjanati għall-perjodu tas-sospensjoni, anki jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tiġi sospiża wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b)

l-azzjonijiet ikunu ġew sospiżi minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c)

l-għażliet ta’ spejjeż issimplifikati jkunu jikkorrispondu għal spiża ġenwina mġarrba mill-benefiċjarju, li għandha tintwera mill-benefiċjarju, u li ma tkunx tista’ tiġi rkuprata jew ma jkunx jista’ jingħata kumpens għaliha; għall-irkupri u l-kumpens li ma jiġux ipprovduti mill-Istat Membru, l-Istat Membru jista’ jikkunsidra li din il-kundizzjoni tkun ġiet issodisfata abbażi ta’ dikjarazzjoni li jagħmel il-benefiċjarju; l-irkupri u l-kumpens għandhom jitnaqqsu mill-ammont li jkun jikkorrispondi għall-għażla ta’ spiża issimplifikata;

(d)

ir-rimborż lill-benefiċjarju jkun limitat għall-perjodu tas-sospensjoni tal-azzjonijiet.

Għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru jista’ jirrimborża wkoll lill-benefiċjarju abbażi tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn Stat Membru jirrimborża lill-benefiċjarju abbażi kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni subparagrafu, huwa għandu jiżgura li l-istess nefqa tiġi rimborżata darba biss.

Artikolu 26c

Eliġibbiltà tan-nefqa għall-operazzjonijiet appoġġati bħala parti mill-PO II jew għall-għajnuna teknika li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19

1.   Stat Membru jista’ jikkunsidra n-nefqa għal operazzjonijiet li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala nefqa eliġibbli, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tintemm wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b)

it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jseħħ minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c)

in-nefqa qabel it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni tkun iġġarbet mill-benefiċjarju u tkun tħallset.

2.   Fil-każ ta’ operazzjonijiet li għalihom il-benefiċjarju jiġi rimborżat abbażi ta’ għażliet ta’ spejjeż issimplifikati, Stat Membru jista’ jikkunsidra n-nefqa għal operazzjonijiet li ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ bħala riżultat tat-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala nefqa eliġibbli, dmenti li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tintemm wara l-31 ta’ Jannar 2020;

(b)

it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jseħħ minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19;

(c)

l-azzjonijiet koperti mill-għażliet ta’ spejjeż issimplifikati jkunu twettqu tal-inqas b’mod parzjali qabel it-tmiem tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni.

Għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru jista’ jirrimborża wkoll lill-benefiċjarju abbażi tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 25(1), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn Stat Membru jirrimborża lill-benefiċjarju abbażi kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni subparagrafi, huwa għandu jiżgura li l-istess nefqa tiġi rimborżata darba biss.”;

(8)

fl-Artikolu 30, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Abbażi ta’ analiżi tar-riskji potenzjali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti eħfef għall-kontroll u għar-rekords tal-awditjar fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ikel u/jew tal-għajnuna materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn matul it-tifqigħa ta’ COVID-19.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2020.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).


Top