Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1026

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1026 tal-21 ta' Ġunju 2019 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

    C/2019/4467

    ĠU L 167, 24.6.2019, p. 3–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/03/2021; Imħassar b' 32021R0414

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1026/oj

    24.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 167/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1026

    tal-21 ta' Ġunju 2019

    dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(1)(b) u 17 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (“il-Kodiċi”) jesiġi li l-iskambji kollha ta' informazzjoni bħal dikjarazzjonijiet, applikazzjonijiet jew deċiżjonijiet bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna ta' dik l-informazzjoni, kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni doganali, isiru billi jintużaw tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 (2) tistabbilixxi l-Programm ta' Ħidma għall-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Kodiċi, li jridu jiġu żviluppati permezz ta' proġetti li huma elenkati fil-Parti II tal-Anness ta' dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    Jenħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti tekniċi importanti għall-funzjonament tas-sistemi elettroniċi, bħal arranġamenti għall-iżvilupp, għall-ittestjar u għall-utilizzazzjoni kif ukoll għall-manutenzjoni u għall-bidliet li jridu jiddaħħlu fis-sistemi elettroniċi. Jenħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti ulterjuri rigward il-protezzjoni tad-data, l-aġġornar tad-data, il-limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data u s-sjieda u s-sigurtà tas-sistemi.

    (4)

    Sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi, huwa importanti li jiġu stabbiliti r-regoli proċedurali u li jiġu pprovduti soluzzjonijiet alternattivi li jridu jiġu implimentati fil-każ ta' ħsara temporanja fis-sistemi elettroniċi.

    (5)

    Is-sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali, li ġiet żviluppata permezz tal-proġett tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni msemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li tarmonizza l-proċessi għall-applikazzjoni għal deċiżjoni doganali, għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni kollha billi jintużaw biss tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw dik is-sistema elettronika. Jenħtieġ li l-ambitu tas-sistema jiġi stabbilit b'referenza għad-deċiżjonijiet doganali li trid issir applikazzjoni għalihom u li jridu jittieħdu u jiġu ġestiti b'dik is-sistema. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema (il-portal tal-kummerċjanti tal-UE, is-sistema ċentrali ta' ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali u s-servizzi ta' referenza tal-klijenti) u għall-komponenti nazzjonali (il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti u s-sistema nazzjonali ta' ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali), billi jiġu speċifikati l-funzjonijiet tagħhom u l-interkonnessjonijiet tagħhom.

    (6)

    Barra minn hekk, iridu jiddaħħlu fis-seħħ regoli fir-rigward tad-data marbuta mal-awtorizzazzjonijiet li diġà jkunu maħżuna f'sistemi elettroniċi eżistenti, bħas-sistema tas-Servizz Regolari tat-Trasport Marittimu (RSS), u fis-sistemi nazzjonali u li trid issir il-migrazzjoni tagħhom għas-sistemi nazzjonali fis-Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali.

    (7)

    Is-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali, li ġiet żviluppata permezz tal-proġett tal-Aċċess dirett mill-Kummerċjant għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li ġġestixxi l-proċess ta' awtentikazzjoni u ta' verifika tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi u għal utenti oħra. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-ambitu u l-karatteristiki tas-sistema billi jiġu ddefiniti l-komponenti differenti (il-komponenti komuni u dawk nazzjonali) tas-sistema, il-funzjonijiet tagħhom u l-interkonnessjonijiet tagħhom. Madankollu, il-funzjonalità tal-“Firma Diġitali” għadha mhijiex disponibbli bħala parti mis-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali. Għalhekk, f'dan ir-Regolament, l-ebda regoli dettaljati ma jistgħu jiġu stabbiliti fir-rigward ta' dik il-funzjonalità.

    (8)

    Is-sistema Ewropea tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), kif imtejba permezz tal-proġett tal-KDU ta' Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) imsemmija fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li tallinja l-proċessi għall-applikazzjoni, it-teħid u l-ġestjoni ta' deċiżjonijiet BTI bir-rekwiżiti tal-Kodiċi billi jintużaw biss tekniki għall-ipproċessar elettroniku tad-data. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw dik is-sistema. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema (il-portal tal-kummerċjanti tal-UE, is-sistema ċentrali EBTI u l-monitoraġġ tal-użu BTI) u għall-komponenti nazzjonali (il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti u s-sistema BTI nazzjonali), billi jiġu speċifikati l-funzjonijiet u l-interkonnessjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-proġett għandu l-għan li jiffaċilita l-monitoraġġ tal-użu obbligatorju BTI u l-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż BTI.

    (9)

    Is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), kif imtejba permezz tas-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDU (EORI 2) imsemmija fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li ttejjeb is-sistema EORI trans-Ewropea eżistenti, li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u tal-operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi u ta' persuni oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw is-sistema billi jiġu speċifikati l-komponenti (is-sistema ċentrali EORI u s-sistemi nazzjonali EORI) u l-użu tas-sistema EORI.

    (10)

    Is-sistema ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), kif aġġornata permess tal-proġett rilevanti tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) tal-UCC imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578, għandha l-għan li ttejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet AEO u l-ġestjoni tagħhom. Is-sistema għandha wkoll l-għan li timplimenta l-formola elettronika li għandha tintuża għall-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO, u li tipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b'Interfaċċa Armonizzata tal-UE tgħall-Kummerċjanti (Aċċess Dirett e-AEO għall-Kummerċjant) li permezz tiegħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet AEO u jirċievu d-deċiżjonijiet AEO b'mod elettroniku. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema.

    (11)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 (3) jistabbilixxi arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi. Dak ir-Regolament bħalissa jkopri d-Deċiżjonijiet Doganali u s-sistemi tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali, li saru operazzjonali f'Ottubru 2017. Tliet sistemi oħra (EBTI, EORI u AEO) dalwaqt isiru operazzjonali u, għalhekk jenħtieġ li, arranġamenti tekniċi jiġu speċifikati għalihom ukoll. Minħabba l-għadd ta' bidliet fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2089 li jkunu meħtieġa, u għal raġunijiet ta' ċarezza, dak ir-Regolament jenħtieġ jitħassar u jiġi sostitwit.

    (12)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Meta għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni jkun hemm bżonn li tiġi pproċessata d-data personali fis-sistemi elettroniċi, dik id-data trid tiġi pproċessata skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (4) u (UE) 2018/1725 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-data personali tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra pproċessata mis-sistemi elettroniċi hija ristretta għas-sett tad-data kif iddefinit fl-Anness A, it-Titolu I, il-Kapitolu 2, il-Grupp 3 — il-Partijiet u l-Anness A, it-Titolu I, il-Kapitolu 2, il-Grupp 3 — il-Partijiet u l-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (6).

    (13)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sistemi elettroniċi li ġejjin kif żviluppati jew aġġornati permezz tal-proġetti li ġejjin imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/578:

    (a)

    is-Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali (CDS), kif żviluppata permezz tal-proġett tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU;

    (b)

    is-Sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS), kif żviluppata permezz tal-proġett dwar l-Aċċess Dirett tal-Kummerċjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali);

    (c)

    is-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), kif imtejba permezz tal-proġett tal-UCC ta' Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI);

    (d)

    is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), kif imtejba f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett EORI2;

    (e)

    is-sistema ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), kif imtejba f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO);

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “komponent komuni” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi li ġie żviluppat fil-livell tal-Unjoni u li huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha;

    (2)

    “komponent nazzjonali” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi li ġie żviluppat fil-livell nazzjonali u li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħolqu.

    Artikolu 3

    Punti ta' kuntatt għas-sistemi elettroniċi

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw punti ta' kuntatt għal kull waħda mis-sistemi elettroniċi għall-finijiet ta' skambju tal-informazzjoni biex tiġi żgurata il-koordinazzjoni fl-iżvilupp, fit-tħaddim u fil-manutenzjoni ta' dawk is-sistemi elettroniċi.

    Huma għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta' dawk il-punti ta' kuntatt bejniethom u jinfurmaw lil xulxin minnufih dwar kwalunkwe bidla f'dawk id-dettalji.

    KAPITOLU II

    SISTEMA TAD-DEĊIŻJONIJIET DOGANALI

    Artikolu 4

    Għan u struttura tas-CDS

    1.   Is-CDS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet tas-sottomissjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll tal-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjonijiet, jiġifieri, emendi, revoki, annullamenti u sospensjonijiet.

    2.   Is-CDS għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:

    (a)

    portal tal-kummerċjanti tal-UE;

    (b)

    sistema ta' ġestjoni ċentrali tad-deċiżjonijiet doganali (“CDMS ċentrali”);

    (c)

    servizzi ta' referenza tal-klijenti.

    3.   L-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

    (a)

    portal nazzjonali tal-kummerċjanti;

    (b)

    sistema ta' ġestjoni nazzjonali tad-deċiżjonijiet doganali (“CDMS nazzjonali”).

    Artikolu 5

    Użu tas-CDS

    1.   Is-CDS għandha tintuża għall-finijiet tas-sottomissjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet li ġejjin, kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta mal-applikazzjonijiet jew mal-awtorizzazzjonijiet:

    (a)

    l-awtorizzazzjoni għas-simplifikazzjoni ta' kif jiġu stabbiliti l-ammonti li jkunu parti mill-valur doganali tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 73 tal-Kodiċi;

    (b)

    l-awtorizzazzjoni għall-għoti ta' garanzija komprensiva, inkluż xi tnaqqis jew rinunzja li jista' jkun hemm, kif imsemmi fl-Artikolu 95 tal-Kodiċi;

    (c)

    l-awtorizzazzjoni għal diferiment tal-pagament tad-dazju pagabbli, sakemm il-permess ma jingħatax fir-rigward ta' operazzjoni unika, kif imsemmi fl-Artikolu 110 tal-Kodiċi;

    (d)

    l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta' faċilitajiet ta' ħżin temporanju, kif imsemmi fl-Artikolu 148 tal-Kodiċi;

    (e)

    l-awtorizzazzjoni biex jiġu stabbiliti servizzi regolari tat-trasport marittimu, kif imsemmi fl-Artikolu 120 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446;

    (f)

    l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' emittent awtorizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 128 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

    (g)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu regolari ta' dikjarazzjoni simplifikata, kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tal-Kodiċi;

    (h)

    l-awtorizzazzjoni għall-ikklerjar ċentralizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 179 tal-Kodiċi;

    (i)

    l-awtorizzazzjoni biex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali permezz ta' dħul ta' data fir-rekords tad-dikjarant, inkluż għall-proċedura ta' esportazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 182 tal-Kodiċi;

    (j)

    l-awtorizzazzjoni għall-ikklerjar ċentralizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 185 tal-Kodiċi;

    (k)

    l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' min huwa awtorizzat għall-użin tal-banana, kif imsemmi fl-Artikolu 155 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

    (l)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

    (m)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

    (n)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-użu aħħari, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

    (o)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta' dħul temporanju, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

    (p)

    l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta' faċilitajiet ta' ħażna għall-proċedura tal-ħażna doganali tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(b) tal-Kodiċi;

    (q)

    l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' destinatarju awtorizzat għal operazzjoni TIR, kif imsemmi fl-Artikolu 230 tal-Kodiċi;

    (r)

    l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' konsenjatur awtorizzat għat-tranżitu fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(a) tal-Kodiċi;

    (s)

    l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta' destinatarju awtorizzat għat-tranżitu fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(b) tal-Kodiċi;

    (t)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' siġilli ta' tip speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(c) tal-Kodiċi;

    (u)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' dikjarazzjoni tat-tranżitu b'sett tad-data mnaqqas, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(d) tal-Kodiċi;

    (v)

    l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' dokument tat-trasport elettroniku bħala dikjarazzjoni doganali, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(e) tal-Kodiċi.

    2.   Il-komponenti komuni tas-CDS għandhom jintużaw għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed.

    3.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-komponenti komuni tas-CDS ikunu jistgħu jintużaw għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet ikollhom impatt f'dak l-Istat Membru biss.

    4.   Is-CDS ma għandhiex tintuża għal applikazzjonijiet, għal awtorizzazzjonijiet jew għal deċiżjonijiet għajr dawk elenkati fil-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    Awtentikazzjoni u aċċess għas-CDS

    1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS) imsemmija fl-Artikolu 14.

    Sabiex rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-CDS, l-għoti tas-setgħa tagħhom li jaġixxu f'dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fl-UUM&DS jew f'sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 18.

    2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    Artikolu 7

    Portal tal-kummerċjanti tal-UE

    1.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun punt tad-dħul fis-CDS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.

    2.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun interoperabbli mas-CDMS ċentrali kif ukoll mas-CDMS nazzjonali fejn jinħolqu mill-Istati Membri.

    3.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jintuża għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed.

    4.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-portal tal-kummerċjanti tal-UE jista' jintuża għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet ikollhom impatt f'dak l-Istat Membru biss.

    Meta Stat Membru jieħu deċiżjoni li juża l-portal tal-kummerċjanti tal-UE għal awtorizzazzjonijiet jew għal deċiżjonijiet li jkollhom impatt f'dak l-Istat Membru biss, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dik id-deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Is-CDMS Ċentrali

    1.   Is-CDMS ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjonijiet u għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    2.   Is-CDMS ċentrali għandha tkun interoperabbli mal-portal tal-kummerċjanti tal-UE, mas-servizzi ta' referenza tal-klijenti u mas-CDMS nazzjonali, fejn jinħolqu mill-Istati Membri.

    Artikolu 9

    Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali billi tintuża s-CDS

    Awtorità doganali ta' Stat Membru għandha tuża s-CDMS ċentrali meta jkollha bżonn tikkonsulta awtorità doganali ta' Stat Membru ieħor qabel ma tieħu deċiżjoni rigward l-applikazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1).

    Artikolu 10

    Servizzi ta' referenza tal-klijenti

    Is-servizzi ta' referenza tal-klijenti għandhom jintużaw għall-ħżin ċentrali ta' data marbuta mal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ħżin ċentrali ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet, u għandhom jippermettu li jsiru l-konsultazzjoni, ir-replikazzjoni u l-validazzjoni ta' dawk l-awtorizzazzjonijiet b'sistemi elettroniċi oħra li jkunu stabbiliti għall-finijiet tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi.

    Artikolu 11

    Portal nazzjonali tal-kummerċjanti

    1.   Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn dan jinħoloq, għandu jkun punt tad-dħul addizzjonali fis-CDS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.

    2.   Fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra jistgħu jagħżlu li jużaw il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħolqu, jew il-portal tal-kummerċjanti tal-UE.

    3.   Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun interoperabbli mas-CDMS nazzjonali, fejn tinħoloq.

    4.   Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jinforma lill-Kummissjoni b'din id-deċiżjoni.

    Artikolu 12

    CDMS Nazzjonali

    1.   Is-CDMS nazzjonali, fejn tinħoloq, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istati Membri li jkun ħoloqha għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), kif ukoll għall-ġestjoni ta' deċiżjonijiet marbuta ma' dawk l-applikazzjonijiet u ma' dawk l-awtorizzazzjonijiet għall-fini li jiġi vverifikat li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjoni.

    2.   Is-CDMS nazzjonali għandha tkun interoperabbli mas-CDMS ċentrali għall-finijiet ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali kif imsemmi fl-Artikolu 9.

    Artikolu 13

    Migrazzjoni tad-data rigward l-awtorizzazzjonijiet fis-CDS

    1.   Id-data rigward l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), meta dawk l-awtorizzazzjonijiet ikunu nħarġu mill-1 ta' Mejju 2016 jew ikunu ngħataw skont l-Artikolu 346 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7) u jista' jkollhom impatt f'iżjed minn Stat Membru wieħed għandha tinħażen u għandha ssir migrazzjoni tagħha fis-CDS jekk dawn l-awtorizzazzjonijiet ikunu validi fid-data tal-migrazzjoni. Il-migrazzjoni għandha sseħħ sa mhux iżjed tard mill-1 ta' Mejju 2019.

    Stat Membru jista' jiddeċiedi li japplika l-ewwel sottoparagrafu anke għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) li jkollhom impatt biss f'dak l-Istat Membru.

    2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li d-data li trid issir migrazzjoni tagħha skont il-paragrafu 1 tkun konformi mar-rekwiżiti tad-data stabbiliti fl-Anness A tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u fl-Anness A tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Għal dak il-fini, huma jistgħu jitolbu għall-informazzjoni meħtieġa mingħand id-detentur tal-awtorizzazzjoni.

    KAPITOLU III

    SISTEMA TAL-ĠESTJONI UNIFORMI TAL-UTENTI U TAL-FIRMA DIĠITALI

    Artikolu 14

    Għan u struttura tas-sistema tal-UUM&DS

    1.   Is-sistema UUM&DS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn is-sistemi ta' ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 18 għall-finijiet li jiġi pprovdut aċċess awtorizzat sigur għas-sistemi elettroniċi lill-persunal tal-Kummissjoni, lill-operaturi ekonomiċi u lil persuni oħra.

    2.   Is-sistema tal-UUM&DS għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:

    (a)

    sistema ta' ġestjoni ta' aċċess;

    (b)

    sistema ta' ġestjoni tal-amministrazzjoni;

    3.   Stat Membru għandu joħloq sistema ta' ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess bħala komponent nazzjonali tas-sistema tal-UUM&DS.

    Artikolu 15

    Użu tas-sistema tal-UUM&DS

    Is-sistema tal-UUM&DS għandha tintuża biex jiġu żgurati l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess ta':

    (a)

    l-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet li jkollhom aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS, is-sistema EBTI u s-sistema AEO;

    (b)

    il-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet li jkollu aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS, is-sistema EBTI, is-sistema EORI u s-sistema AEO u għall-finijiet ta' manutenzjoni u ta' ġestjoni tas-sistema tal-UUM&DS.

    Artikolu 16

    Sistema ta' ġestjoni tal-aċċess

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta' ġestjoni tal-aċċess biex tivvalida t-talbiet għall-aċċess sottomessi minn operaturi ekonomiċi u minn persuni oħra fis-sistema tal-UUM&DS, billi tkun interoperabbli mas-sistemi ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess imsemmija fl-Artikolu 18.

    Artikolu 17

    Sistema ta' ġestjoni tal-amministrazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema ta' ġestjoni tal-amministrazzjoni biex tiġġestixxi r-regoli dwar l-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni għall-validazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-fini li jingħataw aċċess għas-sistemi elettroniċi.

    Artikolu 18

    Sistemi ta' ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess tal-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess biex jiżguraw:

    (a)

    reġistrazzjoni u ħżin siguri tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra;

    (b)

    skambju sigur tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra, li tkun iffirmata u kriptata.

    KAPITOLU IV

    SISTEMA EWROPEA TL-INFORMAZZJONI VINKOLANTI DWAR IT-TARIFFI

    Artikolu 19

    Għan u struttura tas-sistema EBTI

    1.   Is-sistema EBTI skont l-Artikoli 33 u 34 tal-Kodiċi tippermetti dan li ġej:

    (a)

    komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet tas-sottomissjoni u l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet BTI u ta' deċiżjonijiet BTI;

    (b)

    il-ġestjoni ta' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jaf jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali;

    (c)

    il-monitoraġġ tal-użu obbligatorju ta' deċiżjonijiet BTI;

    (d)

    il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż ta' deċiżjonijiet BTI.

    2.   Is-sistema EBTI għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:

    (a)

    portal tal-kummerċjanti tal-UE;

    (b)

    sistema EBTI ċentrali;

    (c)

    kapaċità ta' monitoraġġ tal-użu tad-deċiżjonijiet BTI.

    3.   L-Istati Membri jistgħu joħolqu, bħala komponent nazzjonali, sistema nazzjonali vinkolanti l-informazzjoni dwar it-tariffi (“sistema BTI nazzjonali”) flimkien ma' portal nazzjonali tal-kummerċjanti.

    Artikolu 20

    Użu tas-sistema EBTI

    1.   Is-sistema EBTI għandha tintuża għas-sottomissjoni, il-proċess, l-iskambju u l-ħażna ta' informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    2.   Is-sistema EBTI għandha tintuża biex tappoġġa l-monitoraġġ mill-awtoritajiet doganali tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-BTI skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    3.   Is-sistema EBTI għandha tintuża mill-Kummissjoni biex tinforma lill-Istati Membri, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, malli jkunu ntlaħqu l-kwantitajiet ta' oġġetti li jistgħu jiġu kklerjati matul perjodu ta' użu estiż.

    Artikolu 21

    Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema EBTI

    1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EBTI għandhom isiru billi tintuża s-sistema UUM&DS imsemmija fl-Artikolu 14.

    Sabiex rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema EBTI, l-għoti tas-setgħa tagħhom li jaġixxu f'dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fl-UUM&DS jew f'sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 18.

    2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EBTI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EBTI għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    Artikolu 22

    Portal tal-kummerċjanti tal-UE

    1.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun punt tad-dħul fis-sistema EBTI għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.

    2.   Il-portal tal-kummerċjanti UE għandu jinteropera mas-sistema EBTI ċentrali u joffri direzzjoni ġdida lill-portali tal-kummerċjanti nazzjonali meta s-sistemi BTI nazzjonali jkunu nħolqu mill-Istati Membri.

    3.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jintuża għas-sottomissjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.

    Artikolu 23

    Sistema EBTI ċentrali

    1.   Is-sistema EBTI ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali biex jipproċessaw, jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali għall-fini li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni, u għat-teħid ta' deċiżjoni, humiex issodisfati.

    2.   Is-sistema EBTI ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tal-Artikolu 16(4), tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 21(2)(b) u (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    3.   Is-sistema EBTI ċentrali għandha tkun interoperabbli mal-portal tal-kummerċjanti tal-UE, u mas-sistemi nazzjonali BTI, fejn tkun inħolqot.

    Artikolu 24

    Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali billi tintuża s-sistema EBTI ċentrali-

    Awtorità doganali ta' Stat Membru għandha tuża s-sistema EBTI ċentrali- għall-finijiet ta' konsultazzjoni ma' awtorità doganali ta' Stat Membru ieħor sabiex tiżgura l-konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    Artikolu 25

    Monitoraġġ tal-użu ta' deċiżjonijiet BTI

    Il-kapaċità ta' monitoraġġ tal-użu ta' deċiżjonijiet BTI għandha tintuża għall-finijiet tal-Artikolu 21(3) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    Artikolu 26

    Portal nazzjonali tal-kummerċjanti

    1.   Meta Stat Membru jkun ħoloq sistema BTI nazzjonali skont l-Artikolu 19(3), il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun il-punt ta' dħul prinċipali għas-sistema BTI nazzjonali għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.

    2.   L-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jużaw il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn ikun inħoloq, fir-rigward ta' applikazzjonijiet u ta' deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.

    3.   Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun interoperabbli mas-sistema BTI nazzjonali, skont fejn tkun inħolqot.

    4.   Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jiffaċilita proċessi ekwivalenti għal dawk iffaċilitati mill-portal tal-kummerċjanti tal-UE.

    5.   Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jinforma lill-Kummissjoni b'din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portal tal-kummerċjanti nazzjonali jkun jista' jiġi aċċessat direttament mill-portal tal-kummerċjanti tal-UE.

    Artikolu 27

    Sistema BTI nazzjonali

    1.   sistema BTI nazzjonali, fejn tinħoloq, għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali biex jipproċessaw, jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali għall-fini li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni, u għat-teħid ta' deċiżjoni, humiex issodisfati.

    2.   L-awtorità doganali ta' Stat Membru għandha tuża s-sistema nazzjonali tagħha BTI għall-finijiet tal-Artikolu 16(4), l-Artikolu 17 u l-Artikolu 21(2)(b) u (5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, sakemm ma tużax is-sistema EBTI ċentrali għal dawk il-finijiet.

    3.   Is-sistema BTI nazzjonali għandha tkun interoperabbli mal-portal nazzjonali tal-kummerċjanti u mas-sistema EBTI ċentrali.

    KAPITOLU V

    SISTEMA TAR-REĠISTRAZZJONI U L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-OPERATUR EKONOMIKU (EORI)

    Artikolu 28

    Għan u struttura tas-sistema EORI

    Is-sistema EORI għandha tippermetti reġistrazzjoni u identifikazzjoni unika, fil-livell tal-Unjoni, tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra.

    Is-sistema EORI għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti li ġejjin:

    (a)

    sistema EORI ċentrali;

    (b)

    sistemi nazzjonali EORI, fejn dawn jinħolqu mill-Istati Membri.

    Artikolu 29

    Użu tas-sistema EORI

    1.   Is-sistema EORI għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin:

    (a)

    biex tiġi riċevuta d-data għar-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra kif imsemmi fl-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (“id-data EORI”) ipprovduta mill-Istati Membri;

    (b)

    biex tinħażen ċentralment data EORI li tappartjeni għar-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi u persuni oħra;

    (c)

    biex issir disponibbli d-data EORI lill-Istati Membri.

    2.   Is-sistema EORI għandha tippermetti aċċess onlajn għad-data EORI maħżuna fil-livell tas-sistema ċentrali lill-awtoritajiet doganali.

    3.   Is-sistema EORI għandha tkun interoperabbli mas-sistemi elettroniċi l-oħra kollha fejn jintuża n-numru EORI.

    Artikolu 30

    Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema EORI ċentrali

    1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EORI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema EORI għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    Artikolu 31

    Sistema EORI ċentrali

    1.   Is-sistema EORI ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    2.   Is-sistema EORI ċentrali għandha tkun interoperabbli mas-sistemi EORI nazzjonali, fejn tkun inħolqot.

    Artikolu 32

    Sistema EORI nazzjonali

    1.   Sistema EORI nazzjonali, fejn tkun inħolqot, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li jkun ħoloqha għall-iskambju u l-ħżin ta' data EORI.

    2.   Sistema EORI nazzjonali għandha tkun interoperabbli mas-sistemi EORI ċentrali.

    KAPITOLU VI

    SISTEMA TA' OPERATURI EKONOMIĊI AWTORIZZATI (AEO)

    Artikolu 33

    Għan u struttura tas-sistema AEO

    1.   Is-sistema AEO għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet AEO u l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet AEO kif ukoll il-ġestjoni ta' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    2.   Is-sistema AEO għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:

    (a)

    portal tal-kummerċjanti tal-UE;

    (b)

    sistema ċentrali AEO.

    3.   L-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

    (a)

    portal nazzjonali tal-kummerċjanti;

    (b)

    sistema nazzjonali ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (“sistema AEO nazzjonali”).

    Artikolu 34

    Użu tas-sistema AEO

    1.   Is-sistema AEO għandha tintuża għas-sottomissjoni, l-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta' informazzjoni pertinenti għall-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO jew kwalunkwe avveniment li jaf jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 31(1) u (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jużaw is-sistema AEO biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 31(1) u (4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u biex iżommu rekord tal-konsultazzjonijiet rilevanti.

    Artikolu 35

    Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema ċentrali AEO

    1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta' persuni oħra għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema AEO għandhom isiru billi tintuża s-sistema UUM&DS imsemmija fl-Artikolu 14.

    Sabiex rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema AEO, l-għoti tas-setgħa tagħhom li jaġixxu f'dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fl-UUM&DS jew f'sistema ta' ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 18.

    2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema AEO għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema AEO għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-netwerk ipprovduti mill-Kummissjoni.

    Artikolu 36

    Portal tal-kummerċjanti tal-UE

    1.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun punt tad-dħul fis-sistema AEO għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra.

    2.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jkun interoperabbli mas-sistema AEO ċentrali u għandu joffri direzzjoni ġdida lill-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn dan ikun inħoloq.

    3.   Il-portal tal-kummerċjanti tal-UE għandu jintuża għas-sottomissjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet AEO jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.

    Artikolu 37

    Sistema AEO ċentrali

    1.   Is-sistema AEO ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali biex jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet AEO jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.

    2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jużaw is-sistema AEO ċentrali għall-finijiet tal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

    3.   Is-sistema AEO ċentrali għandha tkun interoperabbli mal-portal tal-kummerċjanti tal-UE, u mas-sistemi AEO nazzjonali, fejn tkun inħolqot.

    Artikolu 38

    Portal nazzjonali tal-kummerċjanti

    1.   Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħoloq, għandu jippermetti l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO.

    2.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jużaw il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħoloq, biex jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet doganali fir-rigward tal-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet AEO.

    3.   Il-portal nazzjonali tal-kummerċjanti għandu jkun interoperabbli mas-sistema AEO nazzjonali.

    Artikolu 39

    Sistema AEO nazzjonali

    1.   Is-sistema AEO nazzjonali, fejn tinħoloq, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li ħoloqha biex tiskambja u taħżen informazzjoni relatata ma' applikazzjonijiet u ma' deċiżjonijiet AEO jew ma' kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista' jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.

    2.   Is-sistema AEO nazzjonali għandha tkun interoperabbli mal-portal nazzjonali tal-kummerċjanti, fejn jinħoloq, u mas-sistema AEO ċentrali.

    KAPITOLU VII

    FUNZJONAMENT TAS-SISTEMI ELETTRONIĊI U TAĦRIĠ FL-UŻU TAGĦHOM

    Artikolu 40

    Żvilupp, ittestjar, skjerar u ġestjoni tas-sistemi elettroniċi

    1.   Il-komponenti komuni għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, skjerati u ġestiti mill-Kummissjoni. Il-komponenti nazzjonali għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, skjerati u ġestiti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komponenti nazzjonali jkunu interoperabbli mal-komponenti komuni.

    Artikolu 41

    Manutenzjoni tas-sistemi elettroniċi u bidliet fihom

    1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti komuni u l-Istati Membri għandhom iwettqu l-manutenzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħhom.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tħaddim mingħajr interruzzjoni tas-sistemi elettroniċi.

    3.   Il-Kummissjoni tista' tibdel il-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi biex issewwi xi ħsarat, iżżid funzjonalitajiet ġodda jew timmodifika dawk eżistenti.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bil-bidliet u bl-aġġornamenti fil-komponenti komuni.

    5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-bidliet u bl-aġġornamenti fil-komponenti nazzjonali li jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-komponenti komuni.

    6.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-bidliet u l-aġġornamenti fis-sistemi elettroniċi skont il-paragrafi 4 u 5 tkun disponibbli pubblikament.

    Artikolu 42

    Ħsara temporanja fis-sistemi elettroniċi

    1.   F'każ ta' ħsara temporanja fis-sistemi elettroniċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(3)(b) tal-Kodiċi, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jippreżentaw l-informazzjoni biex jissodisfaw il-formalitajiet kkonċernati bil-mezzi stabbiliti mill-Istati Membri, inklużi mezzi għajr it-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data.

    2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 1 tkun disponibbli fis-sistemi elettroniċi rispettivi fi żmien sebat (7) ijiem minn meta s-sistemi elettroniċi rispettivi jerġgħu jsiru disponibbli.

    3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin meta s-sistemi elettroniċi ma jkunux disponibbli minħabba ħsara temporanja.

    Artikolu 43

    Appoġġ ta'taħriġ dwar l-użu u l-funzjonament tal-komponenti komuni

    Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri fl-użu u fil-funzjonament tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi billi tipprovdi l-materjal xieraq għat-taħriġ.

    KAPITOLU VIII

    PROTEZZJONI TAD-DATA, ĠESTJONI TAD-DATA U S-SJIEDA U S-SIGURTÀ TAS-SISTEMI ELETTRONIĊI

    Artikolu 44

    Il-protezzjoni tad-data personali

    1.   Id-data personali rreġistrata fis-sistemi elettroniċi għandha tiġi pproċessata għall-finijiet ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali wara li jiġu kkunsidrati l-għanijiet speċifiċi ta' kull waħda mis-sistemi elettroniċi kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 19(1), fl-Artikolu 28 u fl-Artikolu 33(1) rispettivament.

    2.   Skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw li jkun hemm superviżjoni koordinata tal-ipproċessar tad-data personali rreġistrata fis-sistemi elettroniċi.

    Artikolu 45

    Aġġornament tad-data fis-sistemi elettroniċi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rreġistrata fil-livell nazzjonali tikkorrispondi mad-data rreġistrata fil-komponenti komuni u li tinżamm aġġornata.

    Artikolu 46

    Limitazzjoni tal-aċċess għad-data u tal-ipproċessar tad-data

    1.   Id-data rreġistrata fil-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi minn Stat Membru tista' tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-Istat Membru. Din tista' wkoll tiġi aċċessata u pproċessata minn Stat Membru ieħor meta dan tal-aħħar ikun involut fl-ipproċessar ta' applikazzjoni jew fil-ġestjoni ta' deċiżjoni marbuta mad-data.

    2.   Id-data rreġistrata fil-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista' tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew minn dik il-persuna l-oħra. Din tista' wkoll tiġi aċċessata u pproċessata minn Stat Membru li jkun involut fl-ipproċessar ta' applikazzjoni jew fil-ġestjoni ta' deċiżjoni marbuta mad-data.

    3.   Id-data rreġistrata fis-sistema EBTI ċentrali minn Stat Membru tista' tiġi pproċessata minn dak l-Istat Membru. Din tista' wkoll tiġi pproċessata minn Stat Membru ieħor meta jkun involut fl-ipproċessar ta' applikazzjoni li magħha tkun marbuta id-data, inkluż permezz ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 24. Din tista' tiġi aċċessata mill-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 23(2).

    4.   Id-data rreġistrata fis-sistema EBTI minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista' tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew minn dik il-persuna l-oħra. Din tista' tiġi aċċessata mill-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 23(2).

    Artikolu 47

    Sjieda tas-sistema

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun sid is-sistema tal-komponenti komuni.

    2.   L-Istati Membri għandhom ikunu is-sidien tas-sistema tal-komponenti nazzjonali.

    Artikolu 48

    Sigurtà tas-sistema

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti komuni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-komponenti nazzjonali.

    Għal dawn il-finijiet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom minn tal-inqas jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

    (a)

    jimpedixxu li xi persuna mhux awtorizzata jkollha aċċess għall-installazzjonijiet li jintużaw għall-ipproċessar tad-data;

    (b)

    jimpedixxu d-dħul ta' data u kwalunkwe konsultazzjoni, modifika jew tħassir ta' data minn persuni mhux awtorizzati;

    (c)

    jidentifikaw kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b);

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe attività li tista' tirriżulta fi ksur jew f'suspett ta' ksur tas-sigurtà tas-sistemi elettroniċi.

    KAPITOLU IX

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 49

    Valutazzjoni tas-sistemi elettroniċi

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-komponenti li huma responsabbli għalihom u b'mod partikolari għandhom janalizzaw is-sigurtà u l-integrità tal-komponenti u l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata f'dawk il-komponenti.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bir-riżultati tal-valutazzjoni.

    Artikolu 50

    Tħassir

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 huwa mħassar.

    Artikolu 51

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta' April 2016 li tistabbilixxi Programm ta' Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089 tal-L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2017 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni, u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 297, 15.11.2017, p. 13).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


    Top