Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0674

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/674 tad-29 ta' April 2019 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

    C/2019/3091

    ĠU L 114, 30.4.2019, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R0787

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/674/oj

    30.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/7


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/674

    tad-29 ta' April 2019

    li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, l-Istati Membri ressqu fajls tekniċi għal 243 minn 330 indikazzjoni ġeografika stabbilita għax-xorb spirituż.

    (2)

    Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 (2), il-Kummissjoni vvalutat il-fajls tekniċi abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, u ffissat perjodu ta' żmien għall-emenda jew għall-irtirar ta' dawk il-fajls tekniċi mill-Istat Membru kkonċernat.

    (3)

    Il-fajls tekniċi ta' “Königsberger Bärenfang”, “Grappa di Marsala”, “Kirsch Veneto”/“Kirschwasser Veneto” u “Sliwovitz del Veneto” ġew irtirati mill-Ġermanja u mill-Italja rispettivament.

    (4)

    Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013, jekk in-nuqqasijiet li jkunu nstabu fil-fajl tekniku ta' indikazzjoni ġeografika stabbilita mressaq skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 ma jiġux irrimedjati mill-Istat Membru fil-perjodu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, dak il-fajl tekniku jitqies bħala mhux ippreżentat.

    (5)

    In-nuqqasijiet li nstabu fil-fajls tekniċi ta' “Karlovarská Hořká”, “Polish Cherry”, “Orehovec”, “Janeževec” u “Slovenska travarica” ma ġewx irrimedjati.

    (6)

    Għalhekk jenħtieġ li l-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti “Karlovarská Hořká”, “Königsberger Bärenfang”, “Grappa di Marsala”, “Kirsch Veneto”/“Kirschwasser Veneto”, “Sliwovitz del Veneto”, “Polish Cherry”, “Orehovec”, “Janeževec” u “Slovenska travarica” jitneħħew mill-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

    (7)

    Għaldaqstant l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta' Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 21).


    ANNESS

    L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-kategorija tal-prodott 6. Grape marc spirit, il-linja

     

    Grappa di Marsala

    L-Italja”

    titħassar;

    (2)

    fil-kategorija tal-prodott 9. Spirti tal-Frott, il-linji

     

    Sliwovitz del Veneto

    Kirsch Veneto/Kirschwasser Veneto

    L-Italja

    L-Italja”

    jitħassru;

    (3)

    fil-kategorija tal-prodott 25. Xorb alkoħoliku bit-togħma tal-aniżett, il-linja

     

    Janeževec

    Is-Slovenja”

    titħassar;

    (4)

    fil-kategorija tal-prodott 30. Xarbiet spiritużi b'togħma morra/bitter, il-linja

     

    Slovenska travarica

    Is-Slovenja”

    titħassar;

    (5)

    fil-kategorija tal-prodott 32. Likur, il-linji

     

    Polish Cherry

    Karlovarská Hořká

    Il-Polonja

    Ir-Repubblika Ċeka”

    jitħassru;

    (6)

    fil-kategorija tal-prodott 40. Nocino, il-linja

     

    Orehovec

    Is-Slovenja”

    titħassar;

    (7)

    fil-kategorija tal-prodott Xorb spirituż ieħor, il-linja

     

    Königsberger Bärenfang

    Il-Ġermanja”

    titħassar.


    Top