EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0630

Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/2/2019/REV/1

ĠU L 111, 25.4.2019, p. 4–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/04/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/630/oj

25.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/4


REGOLAMENT (UE) 2019/630 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-istabbiliment ta' strateġija komprensiva biex tindirizza skoperturi improduttivi (NPEs) huwa mira importanti għall-Unjoni fit-tentattiv tagħha li tagħmel is-sistema finanzjarja aktar reżiljenti. Filwaqt li l-indirizzar tal-NPEs huwa primarjament responsabbiltà tal-banek u tal-Istati Membri, hemm ukoll dimensjoni ċara tal-Unjoni biex jitnaqqas l-istokk kbir kurrenti ta' NPEs, biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' NPEs fil-futur u biex jiġi prevenut l-iżvilupp ta' riskji sistemiċi fis-settur mhux bankarju. Minħabba l-interkonnettività tas-sistemi bankarji u finanzjarji madwar l-Unjoni, fejn il-banek joperaw f'diversi ġurisdizzjonijiet u Stati Membri, hemm potenzjal sinifikanti ta' effetti konsegwenzjali għall-Istati Membri u għall-Unjoni kollha, kemm f'termini ta' tkabbir ekonomiku kif ukoll f'termini ta' stabbiltà finanzjarja.

(2)

Il-kriżi finanzjarja wasslet għall-akkumulazzjoni ta' NPEs fis-settur bankarju. Il-konsumaturi ġew affettwati b'mod sinifikanti mir-reċessjoni sussegwenti u t-tnaqqis fil-prezzijiet tad-djar. Is-salvagwardja tad-drittijiet tal-konsumaturi b'mod allinjat mal-liġi rilevanti tal-Unjoni bħad-Direttivi 2008/48/KE (4) u 2014/17/UE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija essenzjali meta tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' NPEs. Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tinkoraġġixxi l-pagament fil-pront kemm mill-intrapriżi kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi u tgħin biex tipprevjeni t-tip ta' akkumulazzjoni ta' NPEs li sar matul is-snin tal-kriżi finanzjarja.

(3)

Sistema finanzjarja integrata ttejjeb ir-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għal xokkijiet negattivi billi tiffaċilita l-kondiviżjoni transfruntiera privata tar-riskju, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-ħtieġa ta' kondiviżjoni pubblika tar-riskju. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-Unjoni tlesti l-unjoni bankarja u tkompli tiżviluppa unjoni tas-swieq kapitali. L-indirizzar ta' akkumulazzjoni futura possibbli ta' NPEs huwa essenzjali biex tissaħħaħ l-unjoni bankarja minħabba li hija essenzjali biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-settur bankarju, tiġi preservata l-istabbiltà finanzjarja u jitħeġġeġ is-self, sabiex jinħoloq ix-xogħol u t-tkabbir fl-Unjoni.

(4)

Fil-“pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv” tiegħu, il- tal-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill appella lil diversi istituzzjonijiet biex jieħdu miżuri adatti biex ikomplu jindirizzaw l-għadd kbir ta' NPEs fl-Unjoni u biex jipprevjenu l-akkumulazzjoni tagħhom fil-futur. Il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi approċċ komprensiv li jiffoka fuq taħlita ta' azzjonijiet kumplementari dwar il-politika f'erba' oqsma: (i) is-superviżjoni; (ii) ir-riformi strutturali tal-oqfsa tal-insolvenza u l-irkupru tad-dejn; (iii) l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal assi f'diffikultà; (iv) it-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjonijiet f'dawk l-oqsma għandhom jittieħdu fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali, fejn adatt. Il-Kummissjoni ħabbret intenzjoni simili fil-“Komunikazzjoni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja” tagħha tal-11 ta' Ottubru 2017, li appellat għal pakkett komprensiv dwar l-indirizzar ta' self improduttiv (NPLs) fl-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), flimkien mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jifforma l-qafas ġuridiku għar-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment (flimkien imsejħin “istituzzjonijiet”). Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fih, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet biex jiddeterminaw il-fondi proprji tagħhom. Huwa għalhekk meħtieġ li r-regoli prudenzjali eżistenti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 relatati mal-fondi proprji jiġu kkomplementati minn dispożizzjonijiet li jirrikjedu tnaqqis mill-fondi proprji fejn l-NPEs ma jkunux koperti b'mod suffiċjenti minn dispożizzjonijiet jew aġġustamenti oħra. Tali rekwiżit effettivament jammonta għall-ħolqien ta' garanzija ta' kontinġenza prudenzjali għall-NPEs li tapplika b'mod uniformi għall-istituzzjonijiet kollha fl-Unjoni, u tkopri wkoll li istituzzjonijiet li jkunu attivi fis-suq sekondarju.

(6)

Il-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali jenħtieġ li ma tipprevjenix lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jaċċertaw, każ b'każ, li, minkejja l-applikazzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali għall-NPEs stabbilita b'dan ir-Regolament, l-NPEs ta' istituzzjoni speċifika ma jkunux koperti b'mod suffiċjenti, jenħtieġ li jkun possibbli li huma jagħmlu użu mis-setgħat superviżorji previsti fid-Direttiva 2013/36/UE, inkluż is-setgħa li jirrikjedu lill-istituzzjonijiet biex japplikaw politika ta' proviżjonament speċifika jew trattament ta' assi speċifiku f'termini tar-rekwiżiti ta' fondi proprji;. Għaldaqstant, huwa possibbli, każ b'każ, li l-awtoritajiet kompetenti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament bil-għan li jiżguraw kopertura suffiċjenti għall-NPEs.

(7)

Għall-finijiet ta' applikazzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali, huwa adatt li fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi introdott sett ċar ta' kondizzjonijiet għall-klassifikazzjoni ta' NPEs. Peress li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (9) diġà jistipula kriterji li jikkonċernaw l-NPEs għall-finijiet tar-rappurtar superviżorju, huwa adatt li l-klassifikazzjoni ta' NPEs tissejjes fuq dak il-qafas eżistenti. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 jirreferi għall-iskoperturi inadempjenti kif definiti għall-finijiet ta' kalkolu tar-rekwiżiti tal-fondi proprji għar-riskju tal-kreditu u skoperturi deprezzati skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli. Peress li l-miżuri ta' tolleranza jistgħu jinfluwenzaw jekk skopertura tiġix klassifikata bħala improduttiva, il-kriterji ta' klassifikazzjoni jkunu kkomplementati minn kriterji ċari dwar l-impatt tal-miżuri ta' tolleranza. Il-miżuri ta' tolleranza jenħtieġ li jkollhom l-għan li min jissellef jerġa' lura għal status ta' ripagament produttiv sostenibbli u jenħtieġ li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u b'mod partikolari mad-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, iżda jista' jkollhom ġustifikazzjonijiet u konsegwenzi differenti. Huwa għalhekk adatt li jiġi previst li miżura ta' tolleranza mogħtija lil skopertura improduttiva jenħtieġ li ma twaqqafx il-klassifikazzjoni ta' dik l-iskopertura bħala improduttiva sakemm ma jiġux issodisfati ċerti kriterji ta' waqfien stretti.

(8)

Aktar ma skopertura tkun ilha improduttiva, aktar tonqos il-probabbiltà tal-irkupru tal-valur tagħha. Għalhekk, il-porzjon tal-iskopertura li jenħtieġ li jkun kopert minn dispożizzjonijiet, aġġustamenti jew tnaqqis ieħor jenħtieġ li jiżdied maż-żmien, b'segwitu ta' kalendarju predefinit. L-NPEs mixtrija minn istituzzjoni jenħtieġ li għalhekk ikunu soġġetti għal kalendarju li jiddekorri mid-data li fiha l-NPE oriġinarjament tkun ġiet ikklassifikata bħala improduttiva, u mhux mid-data tax-xiri tagħha. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lix-xerrej bid-data tal-klassifikazzjoni tal-iskopertura bħala improduttiva.

(9)

It-tħassir parzjali jenħtieġ li jittieħed kont tiegħu meta jiġu kkalkolati l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe għadd doppju tat-tħassir, huwa neċessarju li jintuża l-valur tal-iskopertura oriġinali qabel it-tħassir parzjali,. L-inklużjoni ta' tħassir parzjali fil-lista ta' elementi li jistgħu jintużaw biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-garanzija ta' kontinġenza jenħtieġ li tinkoraġġixxi l-istituzzjonijiet biex jirrikonoxxu t-tħassir b'mod tempestiv. Għal NPEs mixtrija minn istituzzjoni bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur, ix-xerrej jenħtieġ li jittratta d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur bl-istess mod bħal tħassir parzjali għall-finijiet tal-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali.

(10)

L-NPEs garantiti ġeneralment huma mistennija li jirriżultaw f'telf inqas sinifikanti minn NPEs mhux garantiti, peress li l-protezzjoni tal-kreditu li tiggarantixxi l-NPE tagħti lill-istituzzjoni pretensjoni speċifika fuq assi jew kontra parti terza flimkien mal-pretensjoni ġenerali tal-istituzzjoni kontra l-persuna inadempjenti li tissellef. Fil-każ ta' NPE mhux garantit, tkun disponibbli biss il-pretensjoni ġenerali kontra l-persuna inadempjenti li tissellef. Minħabba t-telf akbar mistenni fuq NPEs mhux garantiti, jenħtieġ li jiġi applikat kalendarju aktar strett.

(11)

Skopertura li tkun biss koperta parzjalment minn protezzjoni tal-kreditu eliġibbli jenħtieġ li titqies bħala garantita għall-parti koperta, u bħala mhux garantita għall-parti li ma tkunx koperta minn protezzjoni tal-kreditu eliġibbli. Sabiex jiġu determinati liema partijiet tal-NPEs għandhom jiġu ttrattati bħala garantiti jew mhux garantiti, il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-protezzjoni tal-kreditu u għall-garanziji sħaħ u kompluti tal-ipoteki użati għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji jenħtieġ li jiġu applikati f'konformità mal-approċċ rilevanti taħt ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż l-aġġustament tal-valur applikabbli.

(12)

L-istess kalendarju jenħtieġ li jiġi applikat irrispettivament mir-raġuni għaliex l-iskopertura tkun improduttiva. Il-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali jenħtieġ li tkun applikata fil-livell ta' kull skopertura. Jenħtieġ li japplika kalendarju ta' tliet snin għal NPEs mhux garantiti. Sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu l-effiċjenza tal-proċedimenti ta' ristrutturar jew ta' infurzar, kif ukoll biex jirrikonoxxu li l-NPEs garantiti minn kollateral immobbiljari u self residenzjali garantit minn fornitur tal-protezzjoni eliġibbli kif definit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikollhom valur residwu għal perjodu itwal ta' żmien wara li s-self ikun ġie kklassifikat bħala improduttiv, huwa adatt li jiġi previst kalendarju ta' disa' snin. Għal NPEs garantiti oħra jenħtieġ li japplika kalendarju ta' seba' snin sabiex tinbena kopertura sħiħa.

(13)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jittieħed kont tal-miżuri ta' tolleranza għall-fini ta' applikazzjoni tal-fattur ta' kopertura rilevanti. B'mod aktar preċiż, l-iskopertura jenħtieġ li tkompli tiġi klassifikata bħala improduttiva iżda r-rekwiżit ta' kopertura jenħtieġ li jibqa' stabbli għal sena addizzjonali waħda. Għalhekk, il-fattur li jkun applikabbli matul is-sena li fiha tkun ingħatat il-miżura ta' tolleranza jenħtieġ li jkun applikabbli għal sentejn. Fejn, mal-iskadenza tas-sena addizzjonali, l-iskopertura tkun għadha improduttiva, il-fattur applikabbli jenħtieġ li jiġi determinat bħallikieku ma ngħatat l-ebda miżura ta' tolleranza, filwaqt li jittieħed kont tad-data meta l-iskopertura oriġinarjament tkun ġiet klassifikata bħala improduttiva. Minħabba li l-għoti ta' miżuri ta' tolleranza jenħtieġ li ma jwassal għal ebda arbitraġġ, dik is-sena addizzjonali jenħtieġ li tkun permessa biss fir-rigward tal-ewwel miżura ta' tolleranza li tkun ingħatat minn meta l-klassifikazzjoni tal-iskopertura tkun improduttiva. Barra minn hekk, il-perjodu ta' sena li matulu l-fattur ta' kopertura jibqa' l-istess jenħtieġ li ma jwassalx għall-estensjoni tal-kalendarju ta' proviżjonament. Bħala riżultat ta' dan, kwalunkwe miżura ta' tolleranza mogħtija fit-tielet sena wara l-klassifikazzjoni bħala NPE għal skoperturi mhux garantiti, jew, fis-seba' sena wara l-klassifikazzjoni bħala NPE għal skoperturi garantiti, jenħtieġ li ma ddewwimx il-kopertura sħiħa tal-NPE.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-protezzjoni tal-kreditu tal-NPEs tal-istituzzjonijiet issegwi approċċ prudenti, jenħtieġ li l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea), (EBA) tikkunsidra l-ħtieġa għal metodoloġija komuni u jekk meħtieġ tiżviluppaha, b'mod partikolari fir-rigward ta' preżunzjonijiet li jirrigwardaw l-irkuprabbiltà u l-infurzabbiltà, u possibbilment tinkludi rekwiżiti minimi għal valutazzjoni mill-ġdid tal-protezzjoni tal-kreditu f'termini ta' żmien.

(15)

Sabiex tiġi faċilitata transizzjoni bla xkiel lejn il-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali ġdida, ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li ma jiġux applikati b'rabta mal-iskoperturi oriġinati qabel is-26 ta' April 2019.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 introdotti minn dan ir-Regolament japplikaw b'mod tempestiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(17)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 36(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(m)

l-ammont applikabbli ta' kopertura insuffiċjenti għal skoperturi improduttivi.”;

(2)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 47a

Skoperturi improduttivi

1.   Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), ‘skopertura’ għandha tinkludi kwalunkwe wieħed mill-elementi li ġejjin, dment li ma jkunux inklużi fil-portafoll tan-negozjar tal-istituzzjoni:

(a)

strument ta' dejn, inkluż garanzija ta' dejn, self, avvanz u depożitu ta' domanda;

(b)

impenn ta' dejn mogħti, garanzija finanzjarja mogħtija jew kwalunkwe impenn ieħor mogħti, irrispettivament minn jekk ikunx revokabbli jew irrevokabbli, bl-eċċezzjoni ta' faċilitajiet ta' kreditu mhux utilizzati li jistgħu jiġu kkanċellati mingħajr kondizzjoni fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż, jew li effettivament jipprevedu kanċellazzjoni awtomatika minħabba deterjorament fl-affidabbiltà kreditizja ta' min jissellef.

2.   Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), il-valur tal-iskoperturi ta' strument tad-dejn għandu jkun il-valur ta' kontabbiltà tiegħu mkejjel mingħajr ma jittieħed kont ta' ebda aġġustament speċifiku għar-riskju tal-kreditu, aġġustament ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105, ammont imnaqqas f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati mal-iskopertura jew tħassir parzjali magħmul mill-istituzzjoni mill-aħħar darba li l-iskopertura kienet klassifikata bħala improduttiva.

Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), il-valur tal-iskopertura ta' strument tad-dejn li nxtara bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur għandu jinkludi d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur.

Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), il-valur tal-iskoperturi ta' impenn ta' self mogħti, garanzija finanzjarja mogħtija jew kwalunkwe impenn ieħor mogħti kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun il-valur nominali tagħhom, li għandu jirrappreżenta l-iskoperturi massimi ta' istituzzjoni għar-riskju tal-kreditu mingħajr ma jittieħed kont ta' ebda protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata. Il-valur nominali ta' impenn ta' self mogħti għandu jkun l-ammont mhux utilizzat li l-istituzzjoni tkun impenjat ruħha li ssellef u l-valur nominali ta' garanzija finanzjarja mogħtija għandu jkun l-ammont massimu li l-entità jista' jkollha tħallas jekk tiġi eżerċitata l-garanzija;

Il-valur nominali msemmi fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandu jieħu kont ta' ebda aġġustament speċifiku għar-riskju tal-kreditu, aġġustament ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105, ammont imnaqqas f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1) jew tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati mal-iskopertura.

3.   Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), l-iskoperturi li ġejjin għandhom jiġu klassifikati bħala improduttivi:

(a)

skopertura li fir-rigward tagħha jitqies li seħħet inadempjenza f'konformità mal-Artikolu 178;

(b)

skopertura li tkun meqjusa bħala deprezzata skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli;

(c)

skopertura taħt prova skont il-paragrafu 7, fejn jingħataw miżuri ta' tolleranza addizzjonali jew fejn l-iskopertura taqbeż id-data tal-għeluq b'aktar minn 30 jum;

(d)

skopertura fil-forma ta' impenn li, kieku nġibdet jew intużat b'mod ieħor, probabbilment ma titħallasx lura għalkollox mingħajr ir-realizzazzjoni tal-kollateral;

(e)

skopertura f'forma ta' garanzija finanzjarja li probabbilment tissejjaħ mill-parti garantita, inkluż fejn l-iskopertura garantita sottostanti tissodisfa l-kriterji biex titqies bħala improduttiva.

Għall-fini tal-punt (a), fejn istituzzjoni jkollha skoperturi li jidhru fuq il-karta bilanċjali lil debitur li jkunu qabżu d-data tal-għeluq b'aktar minn 90 jum u li jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-iskoperturi kollha li jidhru fuq il-karta bilanċjali lil dak id-debitur, l-iskoperturi kollha li jidhru fuq il-karta bilanċjali u dawk li ma jidhrux fuq il-karta bilanċjali għandhom jitqiesu bħala improduttivi.

4.   L-iskoperturi li ma jkunux ġew soġġetti għal miżura ta' tolleranza ma għandhomx jibqgħu jiġu klassifikati bħala improduttivi għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1) fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-iskopertura tissodisfa l-kriterji ta' ħruġ applikati mill-istituzzjoni biex ma tibqax tiġi klassifikata bħala deprezzata skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli u biex ma tibqax tiġi klassifikata bħala inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178;

(b)

is-sitwazzjoni tal-kreditur tkun tjiebet sal-punt li l-istituzzjoni tkun issodisfata li probabbilment isir ripagament sħiħ u fil-ħin;

(c)

id-debitur ma jkollu l-ebda ammont li jkun qabeż id-data tal-għeluq b'aktar minn 90 jum.

5.   Il-klassifikazzjoni ta' skopertura improduttiva bħala assi mhux kurrenti miżmuma għall-bejgħ f'konformità mal-qafas ta' kontabbiltà applikabbli ma għandhiex twaqqaf il-klassifikazzjoni tagħha bħala skopertura improduttiva għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1).

6.   L-iskoperturi improduttivi soġġetti għal miżuri ta' tolleranza ma għandhomx ikompli jiġu klassifikati bħala improduttivi għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-iskoperturi ma jkunux għadhom f'sitwazzjoni li twassal għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala improduttivi skont il-paragrafu 3;

(b)

tkun għaddiet tal-anqas sena minn mid-data meta jkunu ngħataw il-miżuri ta' tolleranza u d-data meta l-iskoperturi jkunu ġew klassifikati bħala improduttivi, skont liema data tiġi l-aħħar;

(c)

ma jkunx hemm l-ebda ammont li jkun qabeż id-data tal-għeluq wara l-miżuri ta' tolleranza u l-istituzzjoni, fuq il-bażi tal-analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur, tkun issodisfata bil-probabbiltà tar-ripagament sħiħ u fil-ħin tal-iskopertura.

Ir-ripagament sħiħ u fil-ħin ma għandux jitqies li jkun probabbli sakemm id-debitur ma jkunx għamel pagamenti regolari u fil-ħin ta' ammonti ekwivalenti għal wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont li kien qabeż id-data tal-għeluq qabel ma ngħatat il-miżura ta' tolleranza, fejn kien hemm ammonti li qabżu d-data tal-għeluq;

(b)

l-ammont li tħassar skont il-miżuri ta' tolleranza mogħtija, fejn ma kien hemm ebda ammont li qabeż id-data tal-għeluq.

7.   Fejn skopertura improduttiva ma baqgħetx tiġi klassifikata bħala improduttiva skont il-paragrafu 6, tali skopertura għandha tkun taħt prova sakemm jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu għaddew tal-anqas sentejn mid-data li fiha l-kopertura soġġetta għal miżuri ta' tolleranza ġiet klassifikata mill-ġdid bħala produttiva;

(b)

ikunu saru pagamenti regolari u fil-ħin matul tal-anqas nofs il-perjodu li fih l-iskopertura tkun taħt prova, li jwasslu għall-pagament ta' ammont ta' aggregat sostanzjali ta' kapital jew interessi;

(c)

l-ebda waħda mill-iskoperturi għad-debitur ma tkun qabżet id-data tal-għeluq b'aktar minn 30 jum.

Artikolu 47b

Miżuri ta' tolleranza

1.   Miżura ta' tolleranza hija konċessjoni minn istituzzjoni lejn debitur li jkun qed jesperjenza jew probabbilment ser jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu. Konċessjoni tista' tinvolvi telf għas-sellief u għandha tirreferi għal xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

modifika tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' obbligu ta' dejn, fejn tali modifika ma kinitx tingħata li kieku d-debitur ma esperjenzax diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu;

(b)

rifinanzjament totali jew parzjali ta' obbligu tad-dejn, fejn tali rifinanzjament ma kienx jingħata li kieku d-debitur ma esperjenzax diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu.

2.   Tal-anqas is-sitwazzjonijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala miżuri ta' tolleranza:

(a)

termini kuntrattwali ġodda aktar favorevoli għad-debitur mit-termini kuntrattwali ta' qabel, fejn id-debitur qed jesperjenza jew probabbilment ser jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu;

(b)

termini kuntrattwali ġodda aktar favorevoli mit-termini kuntrattwali offruti mill-istess istituzzjoni lil debituri bi profil ta' riskju simili f'dak iż-żmien, fejn id-debitur qed jesperjenza jew probabbilment ser jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu;

(c)

l-iskopertura taħt it-termini kuntrattwali inizjali tkun ġiet klassifikata bħala improduttiva qabel il-modifika għat-termini kuntrattwali jew li kieku kienet tiġi klassifikata bħala improduttiva fin-nuqqas ta' modifika fit-termini kuntrattwali;

(d)

il-miżura tirriżulta fi tħassir totali jew parzjali tal-obbligu tad-dejn;

(e)

l-istituzzjoni tapprova l-eżerċizzju ta' klawżoli li jippermettu lid-debitur li jimmodifika t-termini tal-kuntratt u l-iskopertura kienet klassifikata bħala improduttiva qabel l-eżerċizzju ta' dawk il-klawżoli, jew kienet tiġi klassifikata bħala improduttiva li kieku ma ġewx eżerċitati dawk il-klawżoli;

(f)

meta jew qrib iż-żmien meta ngħata d-dejn, id-debitur ikun għamel pagamenti ta' kapital jew interessi fuq obbligu ta' dejn ieħor mal-istess istituzzjoni, li kien klassifikat bħala skopertura improduttiva jew li kieku kien jiġi klassifikat bħala improduttiv fin-nuqqas ta' dawk il-pagamenti;

(g)

il-modifika għat-termini kuntrattwali tinvolvi ripagamenti magħmula permezz tat-teħid f'pussess ta' kollateral, fejn tali modifika tikkostitwixxi konċessjoni.

3.   Iċ-ċirkostanzi li ġejjin huma indikaturi li setgħu ġew adottati miżuri ta' tolleranza:

(a)

il-kuntratt inizjali ikun qabeż id-data tal-għeluq b'aktar minn 30 jum mill-inqas darba matul it-tliet xhur qabel il-modifika tiegħu jew ikun qabeż id-data tal-għeluq b'aktar minn 30 jum bla modifika;

(b)

fiż-żmien jew qrib iż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kreditu, id-debitur ikun għamel pagament ta' kapital jew ta' imgħax fuq obbligazzjoni ta' dejn oħra mal-istess istituzzjoni li kien qabeż id-data tal-għeluq bi 30 jum tal-anqas darba matul it-tliet xhur ta' qabel l-għoti ta' dejn ġdid;

(c)

l-istituzzjoni tapprova l-eżerċizzju ta' klawżoli li jippermettu lid-debitur li jbiddel it-termini tal-kuntratt, u l-iskopertura tkun qabżet id-data tal-għeluq bi 30 jum jew kienet taqbeż id-data tal-għeluq bi 30 jum li kieku ma ġewx eżerċitati dawk il-klawżoli.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, id-diffikultajiet esperjenzati minn debitur biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu għandhom jiġu vvalutati fil-livell tad-debitur, b'kunsiderazzjoni tal-entitajiet legali kollha fil-grupp tad-debitur li huma inklużi fil-konsolidazzjoni tal-kontabbiltà tal-grupp, u persuni fiżiċi li jikkontrollaw il-grupp.

Artikolu 47c

Tnaqqis tal-iskoperturi improduttivi

1.   Għall-finijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 36(1), l-istituzzjonijiet għandhom jiddeterminaw l-ammont applikabbli ta' kopertura insuffiċjenti b'mod separat għal kull skopertura improduttiva li għandu jitnaqqas minn entrati tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni billi jitnaqqas l-ammont determinat fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu mill-ammont determinat fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, fejn l-ammont imsemmi fil-punt (a) jaqbeż l-ammont imsemmi fil-punt (b):

(a)

it-total ta':

(i)

il-parti mhux garantita ta' kull skopertura improduttiva, jekk ikun il-każ, immultiplikata bil-fattur applikabbli msemmi fil-paragrafu 2;

(ii)

il-parti garantita ta' kull skopertura improduttiva, jekk ikun il-każ, immultiplikata bil-fattur applikabbli msemmi fil-paragrafu 3;

(b)

it-total tal-entrati li ġejjin dment li jkunu relatati mal-istess skopertura improduttiva:

(i)

aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu;

(ii)

aġġustamenti tal-valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105;

(iii)

tnaqqis ieħor minn fondi proprji;

(iv)

għall-istituzzjonijiet li jikkalkulaw ammonti ta' skoperturi peżati skont ir-riskju bl-użu tal-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni, il-valur assolut tal-ammonti mnaqqsin skont il-punt (d) tal-Artikolu 36(1) li jirrelataw ma' skoperturi improduttivi, fejn il-valur assolut li jista' jiġi attribwit għal kull skopertura improduttiva jiġi ddeterminat permezz tal-multiplikazzjoni tal-ammonti mnaqqsin skont il-punt (d) tal-Artikolu 36(1) bil-kontribuzzjoni tal-ammont ta' telf mistenni għall-iskopertura improduttiva għall-ammonti totali ta' telf mistenni għal skoperturi inadempjenti u mhux inadempjenti, kif applikabbli.

(v)

fejn skopertura improduttiva tinxtara bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur, id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur;

(vi)

ammonti mħassra mill-istituzzjoni minn meta l-iskopertura ġiet ikklassifikata bħala improduttiva.

Il-parti garantita ta' skopertura improduttiva hija dik il-parti tal-iskopertura li, għall-fini tal-kalkolu tal-rekwiżiti tal-fondi proprji skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta, hija meqjusa bħala koperta minn protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu jew protezzjoni mhux iffinanzjata tal-kreditu jew garantita bis-sħiħ u kompletament b'ipoteki.

Il-parti mhux garantita ta' skopertura improduttiva tikkorrispondi għad-differenza, jekk ikun il-każ, bejn il-valur tal-iskopertura kif stipulat fl-Artikolu 47a(1) u l-parti garantita tal-iskopertura, jekk ikun il-każ.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a)(i) tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-fatturi li ġejjin:

(a)

0,35 għall-parti mhux garantita ta' skopertura improduttiva li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tat-tielet sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(b)

1 għall-parti mhux garantita ta' skopertura improduttiva li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tar-raba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

3.   Għall-finijiet tal-punt (a)(ii) tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-fatturi li ġejjin:

(a)

0,25 għall-parti mhux garantita ta' skopertura improduttiva li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tar-raba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(b)

0,35 għall-parti garantita ta' skopertura improduttiva li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tal-ħames sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(c)

0,55 għall-parti garantita ta' skopertura improduttiva li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-sitt sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(d)

0,70 għall-parti ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-seba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(e)

0,80 għall-parti ta' skopertura improduttiva garantita minn protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-seba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(f)

0,80 għall-parti ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tat-tmien sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(g)

1 għall-parti ta' skopertura improduttiva garantita minn protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tat-tmien sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(h)

0,85 għall-parti ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tad-disa' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

(i)

1 għall-parti ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tal-għaxar sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, il-fatturi li ġejjin għandhom japplikaw għall-parti tal-iskopertura improduttiva garantita jew assigurata minn aġenzija ta' kreditu għall-esportazzjoni uffiċjali:

(a)

0 għall-parti garantita tal-iskopertura improduttiva li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn sena u seba' snin wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva; u

(b)

1 għall-parti garantita tal-iskopertura improduttiva li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tat-tmien sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva.

5.   L-EBA għandha tivvaluta l-firxa ta' prattiki applikati għall-valutazzjoni ta' skoperturi improduttivi garantiti u tista' tiżviluppa linji gwida biex tispeċifika metodoloġija komuni, inkluż rekwiżiti possibbli minimi għall-valutazzjoni mill-ġdid f'termini ta' żmien u metodi ad hoc, għall-valutazzjoni prudenzjali ta' forom eliġibbli ta' protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu u protezzjoni mhux iffinanzjata tal-kreditu, partikolarment fir-rigward ta' preżunzjonijiet relatati mal-irkuprabbiltà u l-inforzabbiltà tagħhom. Dawk il-linji gwida jistgħu jinkludu wkoll metodoloġija komuni għad-determinazzjoni tal-parti garantita ta' skopertura improduttiva, kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk il-linji gwida għandhom jinħarġu f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

6.   B'deroga mill-paragrafu 2, fejn skopertura tkun, bejn sena u sentejn wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva, ingħatat miżura ta' tolleranza, il-fattur applikabbli f'konformità mal-paragrafu 2 fid-data meta tingħata l-miżura ta' tolleranza għandu jkun applikabbli għal perjodu addizzjonali ta' sena.

B'deroga mill-paragrafu 2, fejn skopertura tkun, bejn sena u sentejn wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva, ingħatat miżura ta' tolleranza bejn sentejn u sitt snin wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva, il-fattur applikabbli f'konformità mal-paragrafu 3 fid-data meta tingħata l-miżura ta' tolleranza għandu jkun applikabbli għal perjodu addizzjonali ta' sena.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss b'rabta mal-ewwel miżuri ta' tolleranza li tkun ingħatat mill-klassifikazzjoni tal-iskopertura bħala improduttiva.”;

(3)

fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 111(1), it-test introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-valur ta' skopertura ta' entrata ta' assi għandu jkun il-valur ta' kontabbiltà residwi tagħha wara li jkunu ġew applikati aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 110, aġġustamenti tal-valur addizzjonali f'konformità mal-Artikolu 34 u 105, ammonti mnaqqsin f'konformità mal-punt (m) Artikolu 36(1) u tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati mal-entrata ta' assi. Il-valur tal-iskopertura ta' entrata li ma tidhirx fuq il-karta bilanċjali elenkata fl-Anness I għandu jkun il-perċentwal li ġej tal-valur nominali tagħha wara t-tnaqqis ta' aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u ammonti mnaqqsa f'konformità mal-punt (m) Artikolu 36(1):”;

(4)

l-Artikolu 127(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-parti mhux garantita ta' kwalunkwe element fejn id-debitur ikun sar inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178, jew fil-każ ta' skoperturi fil-livell tal-konsumatur, il-parti mhux iggarantita ta' kwalunkwe faċilità ta' kreditu li saret inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178 għandha tiġi assenjata piż tar-riskju ta':

(a)

150 %, fejn it-total tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u tal-ammonti mnaqqsa f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1) ikun anqas minn 20 % tal-parti mhux garantita tal-valur tal-iskopertura li kieku ma jiġux applikati dawk l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u t-tnaqqis;

(b)

100 %, fejn it-total tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u tal-ammonti mnaqqsin f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1) ma jkunx anqas minn 20 % tal-parti mhux garantita tal-valur tal-iskopertura li kieku ma jiġux applikati dawk l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u t-tnaqqis.”;

(5)

L-Artikolu 159 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 159

Trattament tal-ammonti ta' telf mistenni

L-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu l-ammonti ta' telf mistenni kkalkolati f'konformità mal-Artikolu 158(5), (6) u (10) mill-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 110, aġġustamenti ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105 u tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati ma' dawk l-iskoperturi ħlief it-tnaqqis li jsir f'konformità mal-punt (m) tal-Artikolu 36(1). Skontijiet fuq skoperturi li jidhru fuq il-karti bilanċjali mixtrija meta kienu inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 166(1) għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu. L-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu fi skoperturi inadempjenti ma għandhomx jintużaw biex ikopru l-ammonti tat-telf mistenni fuq skoperturi oħra. L-ammonti ta' telf mistennija għall-iskoperturi titolizzati u l-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta' kreditu relatati ma' dawk l-iskoperturi ma għandhomx jiġu inklużi f'dak il-kalkolu.”;

(6)

il-punt (b) tal-Artikolu 178(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

id-debitur ikun qabeż id-data tal-maturità b'aktar minn 90 jum fuq kwalunkwe obbligazzjoni ta' kreditu materjali lill-istituzzjoni, lill-impriża prinċipali jew lil kwalunkwe sussidjarja tagħha. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissostitwixxu 90 jum b'180 jum għall-iskoperturi garantiti permezz ta' proprjetà residenzjali jew proprjetà immobbli kummerċjali tal-SMEs fil-klassi tal-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur, kif ukoll għall-iskoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku. Il-180 jum ma għandhomx japplikaw għall-finijiet tal-punt (m) Artikolu 36(1) jew l-Artikolu 127.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 469a

Deroga mit-tnaqqis minn entrati ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni għal skoperturi improduttivi

B'deroga mill-punt (m) tal-Artikolu 36(1), l-istituzzjonijiet ma għandhomx inaqqsu mill-entrati ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni l-ammont applikabbli ta' kopertura insuffiċjenti għal skoperturi improduttivi fejn l-iskopertura tkun oriġinat qabel is-26 ta' April 2019.

Fejn it-termini u l-kondizzjonijiet ta' skopertura li oriġinat qabel is-26 ta' April 2019 jiġu modifikati mill-istituzzjoni b'mod li jżid l-iskopertura tal-istituzzjoni lid-debitur, l-iskopertura għandha titqies li tkun ġiet oriġinata fid-data meta tapplika l-modifika u ma għandhiex tibqa' tiġi soġġetta għad-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 79, 4.3.2019, p. 1.

(2)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 43.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019.(għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(4)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(5)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(6)  Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).


Top