EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1280

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1280 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/5804

ĠU L 201, 30.7.2019, p. 30–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1280/oj

30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/30


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1280

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fejn il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

(2)

L-għan ta' din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza huwa li jippermetti CRAs mill-Messiku, sakemm mhumiex sistematikament importanti għall-istabbiltà jew l-integrità finanzjarja tas-swieq finanzjarji ta' Stat Membru jew ieħor, li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). Din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza toffri l-possibbiltà għall-ESMA li tevalwa dawk is-CRAs każ każ u li tagħti eżenzjoni minn xi wħud mir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CRAs attivi fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rekwiżit ta' preżenza fiżika fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(4)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/247/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni u soġġetti wkoll għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas Messikan jirrikjedi li CRA tiġi awtorizzata u sorveljata mill-Kummissjoni Messikana Bankarja u tat-Titoli (Comisión Nacional Bancaria y de Valores, CNBV) biex topera u tipprovdi servizzi ta' gradazzjoni tal-kreditu. Is-CNBV għandha s-setgħa li tinvestiga kwalunkwe azzjoni jew kwistjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-liġi. Is-CNBV għandha s-setgħa li titlob kull tip ta' informazzjoni u dokumenti, twettaq spezzjonijiet fuq il-post u ssejjaħ quddiemha kull persuna li tista' tikkontribwixxi għall-investigazzjoni. Is-CRAs jistgħu jiġu esklużi b'mod permanenti jew temporanju, sospiżi jew tiġi rtirata l-liċenzja tagħhom. Is-CNBV għandha wkoll is-setgħa li timponi multi amministrattivi. Is-CNBV implimentat reviżjonijiet annwali ta' konformità tas-CRAs irreġistrati, u fejn meħtieġ, imponiet sanzjonijiet. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u s-CNBV jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri.

(6)

Skont it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. Il-qafas legali u superviżorju Messikan fir-rigward tal-governanza korporattiva jitlob li s-CRAs ikollhom bord ta' diretturi, li jikkonsisti f'massimu ta' 21 direttur u li minnhom mill-inqas 25 % għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' indipendenza. Id-diretturi indipendenti fost oħrajn għandhom ikunu kompetenti għall-iżvilupp tal-politika ta' gradazzjoni tal-kreditu u tal-metodoloġiji, l-effettività tas-sistema ta' kontroll intern u l-monitoraġġ tal-konformità u ta' proċessi ta' governanza. Il-kunflitti ta' interess għandhom jiġu identifikati u eliminati u, jekk applikabbli, l-uffiċjal għall-konformità għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali li jista' jinfluwenza l-gradazzjonijiet. Meta CRA tidentifika kunflitt ta' interess li jista' jinfluwenza l-gradazzjonijiet tagħha, għandha tastjeni milli tipprovdi s-servizzi tagħha. Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku jinkludi ħtiġijiet organizzattivi estensivi li jikkonċernaw iż-żamma ta' reġistri u l-kunfidenzjalità, u jipprovdi li s-CRAs jibqgħu kompletament responsabbli għal kull attività esternalizzata. Entitajiet li jipprovdu servizzi esternalizzati lis-CRAs huma wkoll soġġetti għal superviżjoni mis-CNBV. Is-CRAs huma meħtieġa jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami formali għar-rieżami ta' metodoloġiji u mudelli ta' gradazzjoni u l-qafas Messikan jinkludi firxa wiesgħa ta' ħtiġijiet ta' divulgazzjoni fir-rigward tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-attivitajiet ta' gradazzjoni. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku huwa meqjus bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, il-kwalità tal-gradazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Għalhekk dan jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(7)

Skont it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-reġim regolatorju f'pajjiż terz irid jipprevjeni l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz fil-kontenut u fil-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-Kostituzzjoni Messikana tistabbilixxi li awtoritajiet amministrattivi jistgħu jaġixxu biss meta jkollhom awtorità espliċita jew setgħa stabbilita skont il-liġi applikabbli. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lis-CNBV jew lil kwalunkwe awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-gradazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu.

(8)

Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(9)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(10)

F'dan l-isfond, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-ESMA dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(11)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju tal-Messiku fir-rigward tas-CRAs jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Messikan ma jirrikonoxxix b'mod espliċitu l-prospetti ta' gradazzjoni bħala entrata separata u distinta minn gradazzjoni ta' kreditu, iżda jekk CRA tipproduċi prospetti ta' gradazzjoni, is-CNBV tistenna li din tikkonforma mal-istess rekwiżiti ta' trasparenza, indipendenza u divulgazzjoni bħal dawk għall-gradazzjonijiet tal-kreditu. Barra minn hekk, is-CNBV tinkludi fil-monitoraġġ superviżorju tagħhom l-adegwatezza tal-prospetti tal-gradazzjoni flimkien mal-gradazzjonijiet tal-kreditu assoċjati tagħhom.

(13)

Bil-ħsieb li jsaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fi ħdan is-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jinkludi projbizzjoni ġenerali għall-azzjonisti u l-membri tal-bord li jkollhom, direttament jew indirettament, kwalunkwe sehem mill-entità gradata. Barra minn hekk, is-CRAs ma jistgħu jipprovdu l-ebda servizz lill-klijenti b'aktar minn 5 % tal-kapital tagħhom.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jirrikjedi li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatati magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar il-passi li s-CRAs għandhom jieħdu biex jipproteġu l-informazzjoni kunfidenzjali li għandha x'taqsam mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I, il-paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, huwa introdott obbligu biex is-CRAs jipprovdu lil entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku jirrikjedi li CRA tinforma entità gradata dwar gradazzjoni tal-kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. Jippermetti lis-CRA u lill-entità gradata biex jaqblu għal rashom dwar jekk is-CRA għandhiex tipprovdi avviż minn qabel lill-klijent u, jekk iva, iż-żmien biex jiġu pprovduti kummenti qabel il-pubblikazzjoni.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8(5a)(6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jeħtieġ li s-CRAs jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-metodoloġiji u l-proċeduri użati għar-riċerka, l-analiżi, l-opinjoni, l-evalwazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, qabel ma jintużaw, u għandhom jiddivulgaw kull bidla materjali fil-metodoloġiji tagħhom, biex ikunu jistgħu jiġu kkonsultati mill-pubbliku li qed jinvesti. Bl-istess mod, is-CRAs huma meħtieġa jirrevedu l-metodoloġiji u l-mudelli tagħhom, għalkemm ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu biex iwettqu konsultazzjoni mal-parteċipanti fis-suq qabel bidla fil-metodoloġija tagħhom u biex jiġu indirizzati l-iżbalji identifikati fil-metodoloġiji tagħhom. Madankollu, f'każ li s-CRA tintroduċi bidliet sinifikanti fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni, is-CRA għandha tinnotifika lis-CNBV dwar l-emendi introdotti fil-metodoloġija tal-gradazzjoni u tiddivulgahom lill-pubbliku mingħajr ma tikxef ir-raġuni għala. F'każ li jkun hemm emenda għall-mudelli u għall-metodoloġiji tal-gradazzjoni tas-CRAs, is-CRA trid tirrevedi l-gradazzjonijiet kollha maħruġa qabel.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont l-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja l-iżvelar ta' metodoloġiji ta' gradazzjoni, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezzi dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jirrikjedi li CRA tenfasizza fi gradazzjoni ta' kreditu l-opinjoni tal-aġenzija u tinkludi salvagwardji biex tiżgura li l-informazzjoni rilevanti għall-gradazzjoni ta' kreditu biss tiġi ppreżentata fil-gradazzjonijiet tal-kreditu. Hemm ukoll rekwiżiti li jiżguraw li s-CRAs jipprovdu gwida suffiċjenti biex l-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jkunu jistgħu jifhmuhom.

(18)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal-gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiżvelaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jirrikjedi li CRA tipprovdi data lis-CNBV dwar it-tariffi imposti fuq klijenti individwali filwaqt li tindika d-dħul minn kull wieħed minnhom u tagħti dettalji dwar is-servizzi pprovduti lil kull wieħed matul is-sena immedjatament preċedenti. Is-CRAs għandhom jiddivulgaw pubblikament jekk ikunux irċevew mill-istess entità gradata tariffi relatati ma' servizzi differenti minn servizzi ta' gradazzjoni u l-perċentwal b'rabta mat-tariffi tas-servizzi ta' gradazzjoni. Barra minn hekk, hemm rekwiżit ġenerali għas-CNBV biex jiġi garantit trattament ġust tal-klijenti kollha tas-CRAs.

(19)

Il-prinċipju ta' proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiggwidaw lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' reġim regolatorju ta' pajjiż terz. Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għas-CRAs jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jenħtieġ li jibqa' jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(20)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ġdida u li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/247/UE għalhekk titħassar.

(21)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-ESMA, tkompli timmonitorja fuq bażi regolari, l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CRAs, l-iżviluppi tas-suq u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar fil-Messiku biex tiġi żgurata l-konformità kontinwa.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għall-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/247/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/247/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 71).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


Top