EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1028

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1028 tal-14 ta' Ġunju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

ST/10117/2019/INIT

ĠU L 167, 24.6.2019, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1028/oj

24.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1028

tal-14 ta' Ġunju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(3) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f'isem l-Unjoni f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta' Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b'mod provviżorju fl-1 ta' Jannar 2017 skont l-Artikolu 31(2) tiegħu.

(2)

Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta' Mejju 2019 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(3)

Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“Kunsill tal-Membri”) għandu jadotta deċiżjonijiet li jimmodifikaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

(4)

Il-Kunsill tal-Membri, matul il-109 sessjoni tiegħu mis-17 ta' Ġunju sal-21 ta' Ġunju 2019, għandu jadotta deċiżjonijiet li jimmodifikaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) u jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri jikkonċernaw ir-reviżjoni ta' titlu, marġni ta' preċiżjoni u ta' ċifri, kromatogrammi, valuri ta' preċiżjoni, u referenzi għal dokumenti oħra. Dawn ġew diskussi b'mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa. Ser jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa, u jistabbilixxu qafas li ser jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta' prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawk id-deċiżjonijiet jiġu appoġġati, u bħala konsegwenza ser ikun hemm bżonn ta' emendi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (4).

(7)

Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet il-Kunsill tal-Membri matul il-109 sessjoni tiegħu tiġi posposta minħabba li ċerti Membri ma jkunux f'pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, il-pożizzjoni indikata f'din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tittieħed f'isem l-Unjoni fil-qafas ta' proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta' skambju ta' korrispondenza, f'konformità mal-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Il-proċedura għall-adozzjoni permezz ta' skambju ta' korrispondenza jenħtieġ li tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri ta' Novembru 2019.

(8)

Sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li tiġi posposta l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jimmodifikaw standards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ fil-109 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, jekk informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul dik is-sessjoni tixħet xi dubji fuq il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri matul il-109 sessjoni tiegħu mis-17 ta' Ġunju sal-21 ta' Ġunju 2019, jew fil-qafas ta' proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta' skambju ta' korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu ta' Novembru tal-2019, fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, hija indikata fl-Anness.

Artikolu 2

Jekk il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tista' tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-109 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni għandha titlob li l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri tad-deċiżjonijiet li jimmodifikaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta' dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta' Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).


ANNESS

L-Unjoni għandha tappoġġa l-emendi li ġejjin fil-metodi tal-IOC matul il-109 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri mis-17 ta' Ġunju sal-21 ta' Ġunju 2019, jew fil-qafas ta' proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta' skambju ta' korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu f'Novembru 2019:

ir-reviżjoni tal-metodu COI/T.20/Dok. Nru 19/Rev. 5 (“Investigazzjoni spettrofotometrika fl-ultravjola”) billi jitneħħa valur assolut u jiġu riveduti l-valuri ta' preċiżjoni;

ir-reviżjoni tal-metodu COI/T.20/Dok. Nru 42-2/Rev. 3 (“Il-valuri ta' preċiżjoni tal-metodi ta' analiżi adottati mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ”) billi jiġu riveduti l-valuri ta' preċiżjoni marbutin mal-metodi COI/T.20/Dok. Nru 19 u COI/T.20/Dok. Nru 26;

ir-reviżjoni tal-metodu COI/T.20/Dok. Nru 26/Rev. 4 (“Determinazzjoni tal-kompożizzjoni u tal-kontenut tal-isteroli, u tal-komposti alkoħoliċi bl-użu tal-kromatografija b'fażi gassuża f'kolonna kapillari”) billi jiġu riveduti t-titlu, iċ-ċifri ta' preċiżjoni u l-kromatogrammi.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jistgħu jaqblu dwar adattamenti tekniċi f'metodi jew f'dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi msemmija fl-ewwel paragrafu.


Top