Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0345

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 tal-14 ta' Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7438

    ĠU L 67, 9.3.2018, p. 8–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/345/oj

    9.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 67/8


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/345

    tal-14 ta' Novembru 2017

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (1), u b'mod partikolari l- Artikolu 36(15) tagħha,

    Billi:

    (1)

    F'xenarju ta' riżoluzzjoni, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn, min-naħa l-waħda, valwazzjoni inizjali li tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali jew il-kundizzjoni għal riżoluzzjoni ġewx issodisfati, u, min-naħa l-oħra, valwazzjoni sussegwenti li tifforma l-bażi għad-deċiżjoni li tiġi applikata għodda tar-riżoluzzjoni waħda jew aktar. Fir-rigward tal-valwazzjoni inizjali, huwa xieraq li jiġi żgurat li meta jiġi ddeterminat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jew għall-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-instrumenti kapitali, issir valwazzjoni ġusta u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità. Għall-finijiet tal-valwazzjoni sussegwenti li ssejjes id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li l-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità, li tiddetermina l-għażla tal-azzjoni tar-riżoluzzjoni u l-punt limitu ta' kull valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' strumenti kapitali fil-punt tan-nonvijabbiltà, tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi.

    (2)

    Sabiex jiġi żgurat li din il-valwazzjoni tkun ġusta, prudenti u realistika, huwa importanti li tistma l-impatt ta' avvenimenti qabel kull azzjoni ta' riżoluzzjoni jew qabel l-eżerċizzju tas-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' strumenti kapitali fil-punt tan-nonvijabbiltà, kif ukoll ta' azzjonijiet differenti li jistgħu jittieħdu mill-awtorità ta' riżoluzzjoni.

    (3)

    Il-valwatur jinħtieġ li jkollu aċċess għal kull sors rilevanti ta' informazzjoni u għarfien espert, bħal rekords interni, sistemi u mudelli tal-istituzzjoni. L-abbiltà tal-kapaċitajiet u s-sistemi interni biex isostnu l-valwazzjonijiet tar-riżoluzzjoni jinħtieġ li tiġi vvalutata mill-awtorità tar-riżoluzzjoni bħala parti mill-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-valwatur jinħtieġ li jitħalla wkoll jidħol f'arranġamenti biex jikseb pariri jew għarfien espert. Id-disponibbiltà ta' pariri speċjalizzati jew għarfien espert tista' tkun rilevanti, pereżempju, għall-preparazzjoni ta' stima tad-differenza fit-trattament skont l-Artikolu 36(8) tad-Direttiva 2014/59/UE. Għalhekk l-awtorità tar-riżoluzzjoni jinħtieġ li tkun sodisfatta li l-valwatur ikollu aċċess għal lista tal-pretensjonijiet kollha inklużi pretensjonijiet kontinġenti miżmuma kontra l-entità u kklassifikati skont id-drittijiet u l-prijoritajiet tagħhom skont proċeduri normali ta' insolvenza, jew għal għarfien ġuridiku adegwat għall-preparazzjoni ta' tali lista.

    (4)

    Id-determinazzjoni ta' jekk entità hix qed tfalli jew x'aktarx li tfalli tista' ssir mill-awtorità kompetenti jew mill-awtorità ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE. Biex jiġi ddeterminat jekk istituzzjoni tkunx qed tfalli jew x'aktarx li tfalli, l-awtorità kompetenti jinħtieġ li tikkunsidra l-valwazzjoni prevista fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament, fejn tkun diġà disponibbli u jinħtieġ li tikkunsidra l-linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59/UE li għandhom l-għan li jippromwovu l-konverġenza ta' prattiki fir-rigward tad-determinazzjoni ta' tali kundizzjoni ta' riżoluzzjoni.

    (5)

    Il-valwazzjonijiet li jsejsu d-determinazzjoni mill-awtorità kompetenti jew tar-riżoluzzjoni jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jew għall-valwazzjoni negattiva jew għall-konverżjoni tal-istrumenti kapitali jkunux ġew issodisfati jinħtieġ li jkunu konsistenti mal-qafas tal-kontabbiltà u regolatorju prudenzjali applikabbli. Il-valwatur, madankollu, jinħtieġ li jkun jista' jiddevvja minn suppożizzjonijiet magħmula mill-maniġment tal-entità responsabbli mill-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji sakemm din id-devjazzjoni tkun konsistenti mal-qafas ta' kontabbiltà u regolatorju prudenzjali applikabbli. Meta ssir devjazzjoni minn dawk is-suppożizzjonijiet, il-valwazzjoni jinħtieġ li tiġi sostnuta mill-aħjar informazzjoni disponibbli u tkun konsistenti ma' gwida superviżorja eżistenti jew ma' sorsi oħra rikonoxxuti ta' interpretazzjoni ta' standards tal-kontabbiltà, b'tali mod li ssir rappreżentanza ġusta u realistika tal-pożizzjoni finanzjarja tal-entità.

    (6)

    Huwa xieraq li jkun hemm regoli li jiżguraw li l-valwazzjonijiet li jsejsu l-għażla u t-tfassil ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jew il-punt limitu tal-valwazzjoni negattiva u tal-konverżjoni ta' strumenti kapitali fil-punt tan-nonvijabbiltà jkunu ġusti, prudenti u realistiċi, biex jiġi żgurat li t-telf kollu jkun rikonoxxut bis-sħiħ meta jiġu applikati l-għodod ta' riżoluzzjoni jew meta tiġi eżerċitata s-setgħa li ssir valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti. L-għażla tal-bażi tal-kejl l-aktar xierqa (il-valur ta' żamma jew il-valur ta' disponiment) jinħtieġ li ssir għall-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni partikolari li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni.

    (7)

    Huwa xieraq li valwazzjonijiet li jsejsu l-għażla u t-tfassil ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jew il-punt limitu tal-valwazzjoni negattiva u tal-konverżjoni ta' strumenti kapitali fil-punt tan-nonvijabbiltà jivvalutaw il-valur ekonomiku u mhux il-valur kontabilistiku. Dawn il-valwazzjonijiet jinħtieġ li jikkunsidraw il-valur preżenti ta' flussi ta' flus li l-entità tista' tistenna b'mod raġonevoli, anki fejn dan jimplika li ssir devjazzjoni minn oqfsa ta' kontabbiltà jew ta' valwazzjoni prudenzjali.

    (8)

    Valwazzjonijiet li jsejsu l-għażla u t-tfassil ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jinħtieġ li jirriflettu l-fatt li flussi ta' flus jistgħu jirriżultaw mit-tkomplija taż-żamma tal-assi, iżda jinħtieġ li jqisu l-effetti potenzjali tar-riżoluzzjoni fuq flussi ta' flus futuri u suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi fir-rigward tar-rati ta' inadempjenza u s-severità tat-telf. Barra minn hekk, biex jiddetermina l-valur ta' ekwità wara l-konverżjoni tal-ishma, il-valwatur jinħtieġ li jkun jista' jikkunsidra aspettattivi raġonevoli għall-valur ta' franchise.

    (9)

    Inkella, jekk l-entità ma għandhiex il-kapaċità li żżomm l-assi jew id-disponiment tagħhom huwa meqjus neċessarju jew xieraq biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-valwazzjoni jinħtieġ li tirrifletti l-fatt li dawk il-flussi ta' flus jistgħu jirriżultaw mid-disponiment tal-assi, l-obbligazzjonijiet jew il-linji tan-negozju, ivvalutati tul perjodu definit ta' disponiment.

    (10)

    Il-valur ta' disponiment jinħtieġ li ġeneralment jinftiehem bħala ekwivalenti għall-prezz tas-suq osservabbli li jista' jinkiseb fis-suq għal assi partikolari jew grupp ta' assi u jista' jirrifletti tnaqqis li huwa xieraq fid-dawl tal-ammont tal-assi li jkunu qed jiġu ttrasferiti. Madankollu, il-valwatur jinħtieġ li jkun jista', fejn xieraq, wara li jqis l-azzjonijiet li jridu jittieħdu permezz tal-iskema ta' riżoluzzjoni, jiddetermina l-valur ta' disponiment billi japplika tnaqqis f'dan il-prezz tas-suq osservabbli li jikkorrispondi għal tnaqqis potenzjali ta' bejgħ aċċellerat. Jekk l-assi ma jkollhomx suq likwidu, il-valur ta' disponiment jinħtieġ li jkun iddeterminat b'referenza għall-prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili jkunu nnegozjati jew għal mudelli ta' kalkoli li jużaw parametri osservabbli tas-suq filwaqt li jitqies it-tnaqqis għal nuqqas ta' likwidità. Jekk il-bejgħ tan-negozju jew l-użu tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja jkunu kkontemplati, aspettattivi raġonevoli tal-valur ta' franchise jistgħu jkunu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat il-valur ta' disponiment.

    (11)

    Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-kalkolu, meħtieġ mill-Artikolu 36(8) tad-Direttiva 2014/59/UE, tal-istima tat-trattament li l-azzjonisti u kull kategorija ta' kredituri kienu mistennija li jirċievu kieku l-istituzzjoni jew l-entità kellha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza, u l-valwazzjoni ta' wara r-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 74 ta' din id-Direttiva, huwa importanti li l-valwatur juża l-kriterji stabbiliti għal din il-valwazzjoni fejn xieraq.

    (12)

    Valwazzjoni proviżorja skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59/UE li tifforma l-bażi tad-deċiżjoni dwar it-teħid tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni xierqa jinħtieġ li tinkludi bafer intiż li jqarreb l-ammont ta' telf addizzjonali. Dan il-bafer jinħtieġ li jkun ibbażat fuq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika ta' dan it-telf addizzjonali. Id-deċiżjonijiet u s-suppożizzjonijiet li jsostnu l-kalkolu tal-bafer jinħtieġ li jkunu spjegati u ġustifikati b'mod adegwat fir-rapport ta' valwazzjoni.

    (13)

    Għall-valwazzjoni msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-valwatur jinħtieġ li jispjega u jiġġustifika s-suppożizzjonijiet prinċipali, l-inċertezzi u s-sensittività tal-valwazzjoni għal dawn is-suppożizzjonijiet prinċipali u l-inċertezzi. Jekk l-valwatur ikun jaf b'differenzi sinifikanti bejn is-suppożizzjonijiet użati fil-valwazzjoni u dawk li jreġu l-informazzjoni kontabilistika jew regolatorja, huwa jinħtieġ li jinkludihom fir-rapport ta' valwazzjoni. F'dan ir-rapport il-valwatur għandu wkoll jieħu nota ta' kull informazzjoni relatata addizzjonali li fl-opinjoni tal-valwatur tkun tista' tassisti l-awtorità tar-riżoluzzjoni.

    (14)

    Il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament jinħtieġ li jkunu stabbiliti esklussivament għat-twettiq ta' valwazzjonijiet skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE. Dawn jinħtieġ li ma jissostitwixxux jew jemendaw il-prinċipji u l-istandards kontabilistiċi jew il-qafas regolatorju prudenzjali li japplikaw għal entitajiet f'kuntesti differenti minn riżoluzzjoni. Madankollu, jinħtieġ li jkun possibbli li tintuża l-informazzjoni li tirriżulta mill-valwazzjoni biex jiġu identifikati każijiet ta' applikazzjoni ħażina potenzjali mill-entità tal-istandards kontabilistiċi jew tal-qafas regolatorju prudenzjali, jew biex jiġi ddeterminat tibdil fil-politika tal-kontabbiltà tal-entità jew fis-suppożizzjonijiet jew ġudizzji li jmexxu l-kejl tal-assi u l-obbligazzjonijiet. Dawn iċ-ċirkostanzi, pereżempju, jinħtieġ li jiġu kkunsidrati għall-preparazzjoni ta' karta tal-bilanċ aġġornata skont l-Artikolu 36(6) tad-Direttiva 2014/59/UE. Għal dan il-għan, il-valwatur jinħtieġ li jipprovdi spjegazzjoni adegwata tad-differenzi bejn il-karti tal-bilanċ eżistenti u aġġornati.

    (15)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-EBA lill-Kummissjoni.

    (16)

    L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “valwazzjoni” tfisser il-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entità mwettqa minn valwatur skont l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew il-valwazzjoni proviżorja mwettqa mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jew il-valwatur, kif jista' jkun il-każ, skont, rispettivament, il-paragrafi (2) u (9) tal-Artikolu 36 ta' din id-Direttiva.

    (b)

    “valwatur” tfisser il-valwatur indipendenti fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 (3) jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni meta din twettaq valwazzjoni proviżorja skont il-paragrafi (2) u (9) tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (c)

    “entità” tfisser istituzzjoni jew entità kif imsemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (d)

    “valur ġust” tfisser il-prezz li jkun riċevut biex jinbiegħ assi jew imħallas biex tiġi ttrasferita obbligazzjoni fi tranżazzjoni ordinata bejn parteċipanti fis-suq fid-data tal-valwazzjoni, kif definit skont il-qafas tal-kontabbiltà rilevanti.

    (e)

    “valur ta' żamma” tfisser il-valur preżenti, imnaqqas b'rata xierqa, ta' flussi ta' flus li l-entità tista' tistenna b'mod raġonevoli taħt suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi milli jinżammu assi u obbligazzjonijiet partikolari, filwaqt li jiġu kkunsidrati fatturi li jaffettwaw l-imġiba tal-konsumatur jew ta' kontroparti jew parametri ta' valwazzjoni oħrajn fil-kuntest ta' riżoluzzjoni.

    (f)

    “valur ta' disponiment” tfisser il-bażi tal-kejl imsemmi fl-Artikolu 12(5).

    (g)

    “valur ta' franchise” tfisser il-valur nett preżenti ta' flussi ta' flus li jistgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli li jirriżultaw miż-żamma u t-tiġdid tal-assi u l-obbligazzjonijiet jew negozji u jinkludi l-impatt ta' kull opportunità ta' negozju, kif rilevanti, inklużi dawk li jirriżultaw minn azzjonijiet ta' riżoluzzjoni differenti li huma valutati minn valwatur. Il-valur ta' franchise jista' jkunu ogħla jew inqas mill-valur li jirriżulta mit-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali ta' assi u obbligazzjonijiet eżistenti fid-data tal-valwazzjoni.

    (h)

    “valur ta' ekwità” tfisser stima ta' prezz tas-suq, għal ishma trasferiti jew maħruġa, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' metodoloġiji ta' valwazzjoni aċċettati b'mod ġenerali. Skont in-natura tal-assi jew in-negozju, il-valur ta' ekwità jista' jinkludi l-valur ta' franchise.

    (i)

    “bażijiet tal-kejl” tfisser l-approċċ għad-determinazzjoni tal-ammonti monetarji li bihom l-assi jew l-obbligazzjonijiet huma ppreżentati mill-valwatur.

    (j)

    “data tar-riżoluzzjoni” tfisser id-data li fiha d-deċiżjoni biex entità tiġi riżolta tkun adottata, skont l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 2

    Kriterji ġenerali

    1.   Meta jwettaq il-valwazzjoni, il-valwatur għandu jikkunsidra ċirkostanzi li jaffettwaw il-flussi ta' flus mistennija, u r-rati ta' tnaqqis applikabbli għall-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entità, u għandu jkollu l-għan li jirrappreżenta b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità fil-kuntest tal-opportunitajiet u r-riskji li tittratta magħhom.

    2.   Il-valwatur għandu jiżvela u jiġġustifika s-suppożizzjonijiet prinċipali użati fil-valwazzjoni. Kull devjazzjoni sinifikanti fil-valwazzjoni mis-suppożizzjonijiet użati mill-maniġment tal-entità fil-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u fil-kalkolu tal-kapital regolatorju tal-entità u r-rekwiżiti kapitali għandha tiġi sostnuta mill-aħjar informazzjoni disponibbli.

    3.   Il-valwatur għandu jipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta' assi partikoli, obbligazzjoni partikolari, jew kombinazzjonijiet ta' dawn iż-żewġ elementi. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta' firxa ta' valuri.

    4.   Il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament għall-kejl ta' assi u obbligazzjonijiet individwali ta' entità, għandhom japplikaw ukoll għall-kejl ta' portafolli jew gruppi ta' assi jew assi u obbligazzjonijiet kombinati, negozji, jew l-entità kkunsidrata bħala ħaġa waħda, skont kif jirrikjedu ċ-ċirkostanzi.

    5.   Il-valwazzjoni għandha taqsam il-kredituri f'kategoriji skont il-klassifika ta' prijorità tagħhom taħt il-liġi applikabbli ta' insolvenza, u għandha tinkludi l-istimi li ġejjin:

    (a)

    il-valur ta' pretensjonijiet ta' kull kategorija skont il-liġi applikabbli ta' insolvenza u, fejn ikun rilevanti u fattibbli, skont id-drittijiet kuntrattwali mogħtija fuq il-pretendenti;

    (b)

    ir-rikavat li kull kategorija tirċievi kieku l-entità kellha tiġi stralċjata taħt proċeduri normali ta' insolvenza;

    Meta jiġu kkalkulati l-istimi skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-valwatur jista' japplika l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344 tal-14 ta' Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni kif xieraq.

    6.   Jekk xieraq u fattibbli, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-iskedar u l-kredibbiltà tal-valwazzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' titlob diversi valwazzjonijiet. F'dan il-każ, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji sabiex tiddetermina kif għandhom jintużaw dawn il-valwazzjonijiet għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 3

    Data tal-valwazzjoni

    Id-data tal-valwazzjoni għandha tkun waħda mid-dati li ġejjin:

    (a)

    id-data ta' referenza kif determinata mill-valwatur fuq il-bażi tad-data qrib kemm jista' jkun qabel id-data mistennija ta' deċiżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni biex tpoġġi l-entità f'riżoluzzjoni jew biex teżerċita s-setgħa għal valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' strumenti kapitali;

    (b)

    id-data tar-riżoluzzjoni, fejn valwazzjoni definittiva ex post meħtieġa mill-Artikolu 36(10) tad-Direttiva 2014/59/UE tiġi mwettqa;

    (c)

    il-mument determinat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1401 (4) fir-rigward tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi.

    Artikolu 4

    Sorsi ta' informazzjoni

    Il-valwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kull informazzjoni pertinenti għad-data tal-valwazzjoni li tkun meqjusa rilevanti mill-valwatur. Minbarra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-entità, rapporti tal-awditjar u rappurtar regolatorju fir-rigward ta' perjodu li jintemm kemm jista' jkun qrib id-data tal-valwazzjoni, din l-informazzjoni rilevanti tista' tinkludi dan li ġej:

    (a)

    id-dikjarazzjonijiet finanzjarji aġġornati u r-rappurtar regolatorju ppreparati mill-entità kemm jista' jkun qrib id-data tal-valwazzjoni;

    (b)

    spjegazzjoni tal-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-ġudizzji prinċipali użati mill-entità biex jiġu ppreparati d-dikjarazzjonijiet finanzjarji u r-rappurtar regolatorju;

    (c)

    data inkluża fir-rekords tal-entità;

    (d)

    data dwar is-suq rilevanti;

    (e)

    konklużjonijiet tal-valwatur mid-diskussjoni mal-maniġment u l-awdituri;

    (f)

    jekk disponibbli, valutazzjonijiet superviżorji tal-kundizzjoni finanzjarja tal-entità, inkluża informazzjoni miksuba skont il-punt (h) tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (g)

    valutazzjonijiet tal-industrija kollha tal-kwalità tal-assi, fejn rilevanti għall-assi tal-entità, kif ukoll ir-riżultati tat-testijiet tal-istress;

    (h)

    valwazzjonijiet tal-pari, aġġustati b'mod adegwat biex jirriflettu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-entità;

    (i)

    informazzjoni storika, aġġustata b'mod adegwat biex jiġu eliminati fatturi li ma għadhomx rilevanti, u biex jiġu inkorporati fatturi oħrajn li ma affettwawx l-informazzjoni storika; jew

    (j)

    analiżijiet tax-xejriet, aġġustati b'mod adegwat biex jirriflettu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-entità.

    Artikolu 5

    Impatt tal-arranġamenti tal-grupp

    1.   Jekk l-entità tagħmel parti minn grupp, il-valwatur għandu jikkunsidra l-impatt li arranġamenti ta' appoġġ intragrupp kuntrattwali eżistenti jista' jkollhom fuq il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet fejn, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi, ikun probabbli li dawn l-arranġamenti se jidħlu fis-seħħ.

    2.   Il-valwatur għandu jikkunsidra biss l-impatt ta' arranġamenti formali jew informali oħrajn fil-grupp fejn, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi, ikun probabbli li dawk l-arranġamenti għandhom jibqgħu fis-seħħ fil-kuntest tal-kundizzjoni finanzjarja stressjata tal-grupp jew f'riżoluzzjoni.

    3.   Il-valwatur għandu jiddetermina jekk ir-riżorsi ta' entità fil-grupp humiex disponibbli biex ikopru t-telf ta' entitajiet oħrajn tal-grupp.

    Artikolu 6

    Rapport ta' valwazzjoni

    Il-valwatur għandu jipprepara rapport ta' valwazzjoni lill-awtorità ta' riżoluzzjoni, li għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    ħlief kif ipprovdut fl-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (a) sa (c) tal-Artikolu 36(6) ta' din id-Direttiva;

    (b)

    ħlief kif ipprovdut fl-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(8) tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (c)

    il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mid-derivattivi mwettqa skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1401 tal-Kummissjoni;

    (d)

    sommarju tal-valwazzjoni inkluża spjegazzjoni tal-aħjar stima tal-punt, firxa ta' valuri u s-sorsi ta' inċertezza tal-valwazzjoni;

    (e)

    spjegazzjoni tal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet prinċipali użati mill-valwatur meta jwettaq il-valwazzjoni, kemm hija sensittiva l-valwazzjoni għall-għażliet ta' metodoloġiji u suppożizzjonijiet u, fejn fattibbli, spjegazzjoni ta' kif dawk il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet huma differenti minn dawk użati għal valwazzjonijiet rilevanti oħrajn inklużi valwazzjonijiet preliminari ta' riżoluzzjoni;

    (f)

    kull informazzjoni addizzjonali li fl-opinjoni tal-valwatur tista' tassisti lill-awtorità tar-riżoluzzjoni jew l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 36 minn (1) sa (11) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    KAPITOLU II

    KRITERJI GĦALL-VALWAZZJONI GĦALL-FINI TAL-ARTIKOLU 36(4)(a)

    Artikolu 7

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-valwazzjonijiet għall-fini msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet ġusti u realistiċi u għandhom jaraw li jiżguraw li t-telf taħt ix-xenarju xieraq ikun rikonoxxut b'mod sħiħ. Jekk valwazzjoni bħal din tkun disponibbli, hija għandha ssejjes id-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti jew tal-awtorità ta' riżoluzzjoni kif xieraq, li istituzzjoni “qed tfalli jew probabbli tfalli” kif imsemmi fl-Artikolu 32(1)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE. Fuq il-bażi tal-gwida superviżorja eżistenti jew ta' sorsi rikonoxxuti oħrajn li jistabbilixxu kriterji li jwasslu għal kejl ġust u realistiku ta' tipi differenti ta' assi u obbligazzjonijiet, il-valwatur jista' jikkontesta s-suppożizzjonijiet, id-data, il-metodoloġiji u l-ġudizzji li fuqhom l-entità tkun ibbażat il-valwazzjonijiet tagħha għall-obbligi ta' rappurtar finanzjarju jew għall-kalkolu tal-kapital regolatorju u r-rekwiżiti ta' kapital u jinjurahom għall-finijiet tal-valwazzjoni.

    2.   Il-valwatur għandu jiddetermina l-metodoloġiji għall-valwazzjoni l-aktar xierqa li jistgħu joqogħdu fuq il-mudelli interni tal-entità fejn il-valwatur iqis xieraq li jikkunsidra n-natura tal-qafas tal-immaniġġjar tar-riskju tal-entità u l-kwalità tad-data u l-informazzjoni disponibbli.

    3.   Il-valwazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-qafas tal-kontabbiltà regolatorju prudenzjali applikabbli.

    Artikolu 8

    Oqsma li jeħtieġu attenzjoni partikolari fil-valwazzjoni

    Il-valwatur għandu jiffoka b'mod partikolari fuq oqsma soġġetti għal inċertezza tal-valwazzjoni sinifikanti li jkollha impatt sinifikanti fuq il-valwazzjoni globali. Għal dawn l-oqsma, il-valwatur għandu jipprovdi r-riżultati tal-valwazzjoni fil-forma tal-aħjar stimi tal-punt u, fejn xieraq, firxa ta' valuri, kif stabbilit fl-Artikolu 2(3). Dawk l-oqsma għandhom jinkludu:

    (a)

    self jew portafolli ta' self, li l-flussi ta' flus mistennija tagħhom jiddependu mill-abbiltà, ir-rieda jew l-inċentiv tal-kontroparti li jwettaq l-obbligu tiegħu, jekk dawn l-aspettattivi jkunu xprunati minn suppożizzjonijiet relatati mar-rati ta' delinkwenza, probabbiltajiet ta' inadempjenza, telf fil-każ ta' inadempjenza, jew karatteristiċi tal-istrument, speċjalment fejn xejriet ta' telf ta' portafoll ta' self juru evidenza ta' dan;

    (b)

    assi riposseduti, li l-flussi ta' flus tagħhom huma affettwati kemm mill-valur ġust tal-assi fiż-żmien meta l-entità tipprekludi t-titolu jew il-privileġġ relatati, u l-evoluzzjoni mistennija ta' tali valur wara l-preklużjoni;

    (c)

    strumenti mkejla bil-valur ġust fejn il-kalkolu ta' dan il-valur ġust f'konformità mar-rekwiżiti kontabilistiċi jew prudenzjali fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħhom b'referenza għall-prezz tas-suq jew b'referenza għal mudell ma jkunx għadu applikabbli jew validu meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi;

    (d)

    avvjament u assi intanġibbli, fejn it-test ta' indeboliment jista' jiddependi fuq ġudizzju suġġettiv, inkluż fir-rigward tal-kurrent tal-fluss tal-flus li jista' jintlaħaq b'mod raġonevoli, rati ta' tnaqqis, u l-perimetru ta' unitajiet li jiġġeneraw il-flus;

    (e)

    tilwim legali u azzjonijiet regolatorji, li l-flussi ta' flus mistennija tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal gradi differenti ta' inċertezza relatata mal-ammont u/jew l-iskedar tagħhom;

    (f)

    oġġetti li jinkludu assi u obbligazzjonijiet tal-pensjoni u oġġetti tat-taxxa differita.

    Artikolu 9

    Fatturi li jaffettwaw il-valwazzjoni

    1.   Il-valwatur għandu jikkunsidra fatturi ġenerali li jistgħu jaffettwaw is-suppożizzjonijiet prinċipali li fuqhom ikunu bbażati l-valuri tal-assi u l-obbligazzjonijiet fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 8, inklużi l-fatturi li ġejjin:

    (a)

    iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u tal-industrija li jaffettwaw l-entità, inklużi żviluppi tas-suq rilevanti;

    (b)

    il-mudell tan-negozju tal-entità u bidliet fl-istrateġija tagħha;

    (c)

    il-kriterji tal-għażla tal-assi tal-entità, inklużi politiki ta' sottoskrizzjoni ta' self;

    (d)

    ċirkostanzi u prattiki li x'aktarx iwasslu għal xokkijiet ta' pagament;

    (e)

    ċirkostanzi li jaffettwaw il-parametri użati biex jiġu ddeterminati l-assi mwieżna għar-riskju għall-kalkolu ta' rekwiżiti kapitali minimi;

    (f)

    l-impatt tal-istruttura finanzjarja tal-entità fuq il-kapaċità tal-entità li żżomm assi għall-perjodu ta' żamma mistenni u l-kapaċità tal-entità li tiġġenera flussi prevedibbli ta' flus;

    (g)

    tħassib dwar il-likwidità ġenerali jew tal-enetità jew tħassib dwar il-finanzjament.

    2.   Il-valwatur għandu jissepara b'mod ċar kull gwadann materjali mhux realizzat identifikat fil-proċess tal-valwazzjoni, sal-punt li dawk il-gwadanji ma jkunux ġew rikonoxxuti fil-valwazzjoni, u għandu jipprovdi informazzjoni adegwata fir-rapport ta' valwazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għal dawk il-gwadanji.

    KAPITOLU III

    KRITERJI GĦALL-VALWAZZJONI GĦALL-FINI TAL-ARTIKOLU 36(4)(b), (c), (d), (e), (f), (g) U L-ARTIKOLU 36(9), IT-TIENI SUBPARAGRAFU

    Artikolu 10

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-valwatur għandu jivvaluta l-impatt fuq il-valwazzjoni ta' kull azzjoni ta' riżoluzzjoni li l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista' tadotta biex issejjes id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti minn (b) sa (g) tal-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2014/59/UE. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-valwatur, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista' tikkonsulta mal-valwatur biex tidentifika l-firxa ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata minn din l-awtorità, inklużi azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta' riżoluzzjoni jew, jekk differenti, kull skema ta' riżoluzzjoni proposta.

    2.   Biex tiġi żgurata valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika, il-valwatur għandu, fejn xieraq u f'konsultazzjoni mal-awtorità tar-riżoluzzjoni, jippreżenta valwazzjonijiet separati li jirriflettu l-impatt ta' firxa diversifikata biżżejjed ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni.

    3.   Il-valwatur għandu jiżgura li meta jiġu applikati l-għodod ta' riżoluzzjoni jew meta s-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti tiġi eżerċitata, kwalunkwe telf fuq l-assi tal-entità ikun rikonoxxut b'mod sħiħ taħt xenarji li jkunu rilevanti għall-firxa ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li jkunu qed jiġu kkunsidrati.

    4.   Meta l-valuri tal-valwazzjoni jvarjaw b'mod sinifikanti mill-valuri ppreżentati mill-entità fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, il-valwatur għandu juża s-suppożizzjonijiet ta' din il-valwazzjoni, biex isejsu l-aġġustamenti fis-suppożizzjonijiet u fil-politiki tal-kontabbiltà neċessarji għall-preparazzjoni tal-karta tal-bilanċ aġġornata meħtieġa skont l-Artikolu 36(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, b'mod konsistenti mal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli. Fir-rigward tat-telf identifikat mill- valwatur li ma jkunx jista jiġi rikonoxxut fil-karta tal-bilanċ aġġornata, il-valwatur għandu jispeċifika l-ammont, jiddeskrivi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni tat-telf u l-probabbiltà tal-okkorrenza tagħhom u l-medda ta' żmien.

    5.   Meta strumenti kapitali jew obbligazzjonijiet oħrajn ikunu kkonvertiti f'ekwità, valwazzjoni għandha tipprovdi stima tal-valur ta' ekwità wara l-konverżjoni ta' ishma ġodda trasferiti jew maħruġa bħala konsiderazzjoni lid-detenturi tal-istrumenti konvertiti jew kredituri oħrajn. Din l-istima għandha tkun il-bażi għad-determinazzjoni tar-rata ta' konverżjoni jew tar-rati skont l-Artikolu 50 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 11

    Għażla tal-bażi tal-kejl

    1.   Fl-għażla l-aktar xierqa tal-bażi jew bażijiet tal-kejl, il-valwatur għandu jikkunsidra firxa ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li jridu jiġu eżaminati skont l-Artikolu 10(1).

    2.   Il-valwatur għandu jiddetermina l-flussi ta' flus li l-entità tista' tistenna fuq il-bażi ta' suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi minn assi u obbligazzjonijiet eżistenti wara l-adozzjoni tal-azzjoni jew tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni eżaminati, bi tnaqqis b'rata xierqa kif determinat skont il-paragrafu 6.

    3.   Il-flussi ta' flus għandhom jiġu stabbiliti fil-livell xieraq ta' aggregazzjoni, li jvarja minn assi u obbligazzjonijiet individwali għal portafolli jew negozji, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-profili tar-riskju.

    4.   Jekk l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jeħtieġu li l-assi u l-obbligazzjonijiet iridu jkunu miżmuma minn entità li tkompli tkun istituzzjoni li tqajjem tħassib, il-valwatur għandu juża l-valur ta' żamma bħala l-bażi tal-kejl xierqa. Il-valur ta' żamma, jekk jitqies ġust, prudenti u realistiku, jista' jantiċipa n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq.

    Il-valur ta' żamma ma għandux jintuża bħala l-bażi tal-kejl fejn l-assi jkunu ttrasferiti lejn vettura tal-immaniġġar tal-assi skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE jew lejn istituzzjoni tranżitorja skont l-Artikolu 40 ta' din id-Direttiva, jew meta tintuża għodda tal-bejgħ ta' negozju skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    5.   Meta l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jipprevedu l-bejgħ tal-assi, il-flussi ta' flus mistennija għandhom jikkorrispondu għall-valuri tad-disponiment ikkunsidrati għall-orizzont ta' disponiment mistenni.

    6.   Ir-rati ta' tnaqqis għandhom ikunu ddeterminati wara l-għażla tal-iskedar tal-flussi ta' flus, il-profil tar-riskju, l-ispejjeż ta' finanzjament u l-kundizzjonijiet tas-suq kif xieraq għall-assi jew għall-obbligazzjoni li jkunu qed jitkejlu, l-istrateġija tad-disponiment ikkunsidrata u l-pożizzjoni finanzjarja tal-entità wara r-riżoluzzjoni.

    Artikolu 12

    Fatturi speċifiċi relatati mal-istima u t-tnaqqis ta' flussi ta' flus mistennija

    1.   Għall-fini li jiġu stimati l-flussi ta' flus, il-valwatur għandu japplika l-ġudizzju espert tiegħu meta jiddetermina l-karatteristiċi prinċipali tal-assi jew l-obbligazzjonijiet li jkunu qed jiġu mkejla. Il-valwatur għandu japplika wkoll il-ġudizzju espert tiegħu meta jiddetermina kif it-tkomplija, it-tiġdid potenzjali jew ir-rifinanzjament, il-likwidazzjoni jew id-disponiment ta' dawn l-assi jew l-obbligazzjonijiet, kif previst fl-azzjoni ta' riżoluzzjoni eżaminata, jaffettwaw dawk il-flussi ta' flus.

    2.   Jekk l-azzjoni tar-riżoluzzjoni tipprevedi entità li żżomm assi, iżżomm obbligazzjonijiet, jew tkompli negozju, il-valwatur jista' jqis fatturi li potenzjalment jistgħu jaffettwaw flussi ta' flus futuri, inklużi dawn li ġejjin:

    (a)

    bidliet fis-suppożizzjonijiet jew l-aspettattivi, meta mqabbla ma' dawk prevalenti sad-data tal-valwazzjoni, konsistenti max-xejriet storiċi fuq terminu twil u orizzont raġonevoli konsistenti mal-perjodu kkontemplat taż-żamma tal-assi jew għall-irkupru tal-entità; jew

    (b)

    bażijiet ta' valwazzjoni addizzjonali jew alternattivi jew metodoloġiji li huma kkunsidrati xierqa mill-valwatur u konsistenti ma' dan ir-Regolament, inkluż fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-valur ta' ekwità wara l-konverżjoni tal-ishma.

    3.   Fir-rigward ta' gruppi ta' assi u obbligazzjonijiet jew negozji previsti li jiġu likwidati, il-valwatur għandu jikkunsidra l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-workout.

    4.   Jekk is-sitwazzjoni ta' entità ma tippermettilhiex li żżomm assi jew li tkompli negozju, jew meta l-bejgħ mill-bqija jkun meqjus neċessarju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni biex jinkisbu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-flussi ta' flus mistennija għandhom jiġu referenzjati għall-valuri tad-disponiment mistennija f'perjodu speċifiku ta' disponiment.

    5.   Il-valur ta' disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur fuq il-bażi tal-flussi ta' flus, il-valur nett tal-ispejjeż tad-disponiment u l-valur nett tal-valur mistenni ta' kull garanzija mogħtija, li l-entità tista' tistenna b'mod raġonevoli fil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti attwalment permezz ta' bejgħ jew trasferiment b'mod ordinat ta' assi jew obbligazzjonijiet. Jekk ikun xieraq, wara li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu taħt l-iskema ta' riżoluzzjoni, il-valwatur jista' jiddetermina l-valur ta' disponiment billi japplika tnaqqis potenzjali ta' bejgħ aċċellerat lill-prezz tas-suq osservabbli ta' dan il-bejgħ jew trasferiment. Biex jiġi ddeterminat il-valur ta' disponiment ta' assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valwatur għandu jikkunsidra prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili huma nnegozjati jew mudelli ta' kalkoli bl-użu ta' parametri osservabbli tas-suq, bi tnaqqis għal nuqqas ta' likwidità rifless kif xieraq.

    6.   Il-valwatur għandu jqis fatturi li jistgħu jaffettwaw il-valuri tad-disponiment u l-perjodi tad-disponiment, inklużi dawn li ġejjin:

    (a)

    il-valuri tad-disponiment u l-perjodi tad-disponiment osservati fi tranżazzjonijiet simili, aġġustati b'mod adegwat biex ikunu kkunsidrati differenzi fil-mudell tan-negozju u fl-istruttura finanzjarja tal-partijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet;

    (b)

    vantaġġi jew żvantaġġi ta' tranżazzjoni partikolari li huma speċifiċi għall-partijiet involuti jew għal subsett ta' parteċipanti tas-suq;

    (c)

    attributi partikolari ta' assi jew negozju li jistgħu jkunu rilevanti biss għal xerrej potenzjali, jew għal subsett ta' parteċipanti tas-suq;

    (d)

    l-impatt li x'aktarx ikollu l-bejgħ mistenni fuq il-valur ta' franchise tal-entità.

    7.   Meta ssir il-valutazzjoni tal-valur tan-negozju għall-finijiet tal-użu tal-bejgħ tan-negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, il-valwatur jista' jikkunsidra l-aspettattivi raġonevoli għall-valur ta' franchise. Tali aspettattiva għall-valur ta' franchise għandha tinkludi dik li tirriżulta minn tiġdid tal-assi, minn rifinanzjament ta' portafoll miftuħ, jew mit-tkomplija jew l-issoktar ta' negozju fil-kuntest tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni.

    8.   Valwatur li jivvaluta li ebda prospett realistiku għad-disponiment ta' assi jew negozju ma jista' jiġi mistenni b'mod raġonevoli, ma għandux ikun meħtieġ li jiddetermina l-valur ta' disponiment, iżda għandu jagħmel stima tal-flussi ta' flus relatati rilevanti fuq il-bażi tal-prospetti rilevanti għat-tkomplija jew għal-likwidazzjoni. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-għodda tas-separazzjoni tal-assi jew għall-għodda tal-bejgħ ta' negozju.

    9.   Għal partijiet ta' grupp ta' assi jew ta' negozju li x'aktarx jiġu likwidati skont il-proċeduri ta' insolvenza ordinarja, il-valwatur jista' jikkunsidra l-valuri tad-disponiment u l-perjodi tad-disponiment osservati f'irkantijiet li jinvolvu assi ta' natura u kundizzjoni simili. Id-determinazzjoni ta' flussi ta' flus mistennija għandha tikkunsidra n-nuqqas ta' likwidità, in-nuqqas ta' inputs affidabbli għad-determinazzjoni tal-valuri tad-disponiment, u l-ħtieġa li tirriżulta li jintużaw metodoloġiji ta' valwazzjoni bbażati fuq inputs mhux osservabbli.

    Artikolu 13

    Metodoloġija għall-kalkolu u l-inklużjoni ta' bafer għal telf addizzjonali

    1.   Biex tiġi indirizzata l-inċertezza ta' valwazzjonijiet proviżorji mmexxija skont il-punti minn (b) sa (g) tal-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-valwatur għandu jinkludi fil-valwazzjoni bafer biex jiġu riflessi fatti u ċirkustanzi li jsostnu l-eżistenza ta' telf addizzjonali ta' ammont jew skedar inċert. Biex jiġi evitat l-għadd doppju tal-inċertezza, is-suppożizzjonijiet li jsostnu l-kalkolu tal-bafer għandhom ikunu spjegati u ġustifikati b'mod adegwat mill-valwatur.

    2.   Biex ikun iddeterminat id-daqs tal-bafer, il-valwatur għandu jidentifika fatturi li jistgħu jaffettwaw il-flussi ta' flus mistennija bħala riżultat ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li x'aktarx ikunu adottati.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-valwatur jista' jagħmel estrapolazzjoni tat-telf stimat għal parti tal-assi tal-entità għall-bqija tal-karta tal-bilanċ tal-entità. Jekk disponibbli, it-telf medju stimat għal assi ta' kompetituri tal-pari jista' wkoll jiġi estrapolat, soġġetti għall-aġġustamenti neċessarji għad-differenzi fil-mudell tan-negozju u l-istruttura finanzjarja.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 tat-23 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta' rkupru u pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valwaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni, il-proċeduri u l-kontenut tar-rekwiżiti ta' notifika u tal-avviż ta' sospensjoni u l-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni (ĠU L 184, 8.7.2016, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1401 tat-23 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal metodoloġiji u prinċipji dwar il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi (ĠU L 228, 23.8.2016, p. 7).


    Top