Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1575

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1575 tad-9 ta' Awwissu 2018 dwar il-miżuri għal ċerti każinojiet Griegi SA.28973 – C 16/2010 (ex NN 22/2010, ex CP 318/2009) implimentati mill-Greċja (notifikata bid-dokument C(2018) 5267) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/5267

    ĠU L 262, 19.10.2018, p. 61–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1575/oj

    19.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 262/61


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1575

    tad-9 ta' Awwissu 2018

    dwar il-miżuri għal ċerti każinojiet Griegi SA.28973 – C 16/2010 (ex NN 22/2010, ex CP 318/2009) implimentati mill-Greċja

    (notifikata bid-dokument C(2018) 5267)

    (it-test Grieg biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet l-oħra interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq (1)

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fit-8 ta' Lulju 2009, il-Konsorzju Loutraki SA – Club Hotel Loutraki SA (2) (“l-ilmentatur” jew “Casino Loutraki”) ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) dwar leġiżlazzjoni Griega li tirrigwarda sistema ta' imposti fuq ammissjonijiet għall-każinojiet, fejn allega li din is-sistema tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għal ċerti operaturi tal-każinojiet. Bl-ittra elettronika tas-7 ta' Ottubru 2009, l-ilmentatur iddikjara li ma kienx qed joġġezzjona għall-iżvelar tal-identità tiegħu. Fl-14 ta' Ottubru 2009, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-ilmentatur. Permezz tal-ittra tas-26 ta' Ottubru 2009, l-ilmentatur ipprovda aktar elementi biex isostni l-ilment tiegħu.

    (2)

    Fil-21 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat l-ilment lill-Greċja u stiednet lill-Greċja biex tiċċara l-kwistjonijiet li tqajmu fih. Fis-27 ta' Novembru 2009, il-Greċja wieġbet lill-Kummissjoni.

    (3)

    Fil-15 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet it-tweġiba tal-Greċja lill-ilmentatur. Fid-29 ta' Diċembru 2009, l-ilmentatur wieġeb bl-osservazzjonijiet dwar it-tweġiba tal-Greċja.

    (4)

    Fil-25 ta' Frar, fl-4 u fit-23 ta' Marzu u fit-13 ta' April 2010, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mill-Greċja, u l-Greċja wieġbet fl-10 ta' Marzu u fl-1 u fil-21 ta' April 2010.

    (5)

    Permezz tad-Deċiżjoni tas-6 ta' Lulju 2010 (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”), il-Kummissjoni infurmat lill-Greċja li hija bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-miżura implimentata mill-Greċja, speċifikament l-impożizzjoni ta' taxxa aktar baxxa fuq l-ammissjonijiet għal ċerti każinojiet (“il-miżura”). Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1), u stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

    (6)

    Fl-4 ta' Awwissu 2010, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ minn żewġ benefiċjarji allegati tal-miżura: Casino Mont Parnès (3) u Casino Thessaloniki (4).

    (7)

    Permezz tal-ittra tas-6 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-Greċja dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Fit-12 ta' Ottubru 2010, l-awtoritajiet Griegi ssottomettew informazzjoni addizzjonali rigward il-miżura kkuntestata.

    (8)

    Permezz tal-ittri tat-8 u tal-25 ta' Ottubru 2010, l-ilmentatur issottometta l-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (9)

    Permezz tal-ittra tad-29 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tal- Casino Mont Parnès u Casino Thessaloniki lill-awtoritajiet Griegi. Permezz tal-ittra tas-6 ta' Diċembru 2010, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi.

    (10)

    Fl-24 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/716/UE (5) (“id-Deċiżjoni Finali tal-2011”), li tikkonkludi li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali inkompatibbli mill-Istat u li tordna l-irkupru tal-għajnuna.

    (11)

    Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta' Awwissu 2011, ir-Repubblika Ellenika ressqet rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni Finali tal-2011 (il-Kawża T-425/11). Etaireia Abiniton Dimosiou AE (Każ T-419/11), Casino Thessaloniki (Kawża T-635/11), Casino Mont Parnès (Każ T-14/12) u Athens Resort Casino AE Symmetochon (Kawża T-36/12), azzjonista f'Casino Thessaloniki u f'Casino Mont Parnès, ukoll ressqu rikorsi għal annulament.

    (12)

    Permezz tas-sentenza tal-11 ta' Settembru 2014 fil-kawża T-425/11, il-Greċja vs il-Kummissjoni (6), (“is-sentenza tal-2014”), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni Finali tal-2011, wara li kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tipprova l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1)TFUE.

    (13)

    Fit-22 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni appellat is-sentenza tal-2014. Permezz tal-inġunzjoni tat-22 ta' Ottubru 2015 fil-kawża C-530/14 P, il-Kummissjoni vs il-Greċja (7), (“l-inġunzjoni tal-2015”), il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjuata l-appell tal-Kummissjoni u kkonfermat is-sentenza tal-2014. B'riżultat ta' dan, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors għal annullament imressaq minn Etaireia Abmosiou AE, Casino Thessaloniki, Casino Mont Parnès u Athens Resort Casino AE Symmetochon kontra d-Deċiżjoni Finali tal-2011 mingħajr skop mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwaru.

    (14)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid il-miżura u tadotta deċiżjoni finali ġdida dwarha.

    (15)

    Fl-14 ta' April 2017, Casino Loutraki ressaq ilment ġdid li jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni finali ġdida li tistabbilixxi li l-miżura tikser l-Artikolu 108(3) TFUE u hija inkompatibbli mas-suq intern, u li tordna l-irkupru tal-għajnuna.

    (16)

    Fis-17 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni kkomunikat l-ilment il-ġdid lill-Greċja u stiednet lill-Greċja biex tikkummenta. Bi tweġiba għal talba mill-Greċja għal traduzzjonijiet bil-Grieg, il-Kummissjoni bgħatet id-dokumenti mill-ġdid fil-lingwa Griega fl-20 ta' Diċembru 2017. Fis-26 ta' Jannar 2018, il-Greċja wieġbet lill-Kummissjoni.

    2.   IL-MIŻURA KKONĊERNATA

    2.1.   Il-miżura

    (17)

    Il-miżura li qed tiġi vvalutata hija s-sistema ta' imposti fuq l-ammissjonijiet għall-każinojiet fil-Greċja li kienu jeżistu sa Novembru 2012. Skont din is-sistema, ġiet imposta taxxa differenzjata fuq l-ammissjonijiet għall-każinojiet fil-Greċja bbażata fuq jekk każinò kienx pubbliku jew privat.

    (18)

    Mill-1995 'l hawn, il-każinojiet kollha fil-Greċja huma obbligati jiġbru tariffi tad-dħul ta' EUR 15 mingħand kull konsumatur. Huma mbagħad obbligati li jħallsu 80 % ta' dak l-ammont (EUR 12) lill-Istat Grieg bħala taxxa fuq l-ammissjonijiet. Huma intitolati li jżommu l-bqija tal-20 % tat-tariffa (EUR 3), li hija meqjusa li tikkostitwixxi rimunerazzjoni għall-ħruġ tal-biljett u l-kopertura tal-ispejjeż tagħhom.

    (19)

    Fil-prattika, kienet ġiet applikata eċċezzjoni fir-rigward tal-livell tat-tariffi tad-dħul mitluba mill-każinojiet, għall-każinojiet li kienu proprjetà tal-Istat (“każinojiet pubbliċi”) u għal Casino Thessaloniki li huwa ta' proprjetà privata. Dawk il-każinojiet huma meħtieġa jiġbru EUR 6 minn kull konsumatur ammess. Huma mbagħad obbligati li jħallsu 80 % ta' dak l-ammont (EUR 4,80) lill-Istat Grieg bħala taxxa fuq l-ammissjonijiet. Huma intitolati li jżommu l-bqija tal-20 % tat-tariffa (EUR 1,20), li hija meqjusa li tikkostitwixxi rimunerazzjoni għall-ħruġ tal-biljett u l-kopertura tal-ispejjeż tagħhom.

    (20)

    B'riżultat tal-miżura, il-każinojiet privati jittrasferixxu lill-Istat ammont ta' EUR 12 għal kull konsumatur, filwaqt li l-każinojiet pubbliċi u Casino Thessaloniki jittrasferixxu lill-Istat EUR 4,80 għal kull konsumatur ammess. Il-liġi tippermetti wkoll lill-każinojiet li jammettu konsumaturi mingħajr ħlas f'ċerti ċirkostanzi, f'liema każ xorta jkunu obbligati li jħallsu lill-Istat taxxa mad-dħul ta' EUR 12 jew EUR 4,80 għal kull konsumatur ammess, għalkemm huma ma jkunux ġabru t-tariffa ta' dħul.

    2.2.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Griega

    (21)

    Qabel il-ftuħ tas-suq tal-każinojiet Grieg fl-1994, kienu biss tliet każinojiet li joperaw fil-Greċja, li humaCasino Mont Parnès, Casino Corfù, u Casino Rhodes. F'dak iż-żmien, dawk il-każinojiet kienu impriżi pubbliċi u kienu joperaw bħala klabbs tas-servizzi li huma proprjetà tal-Istat tal-Organizzazzjoni tat-Turiżmu Nazzjonali Griega (“EOT”) (8). Il-prezz tal-biljetti tad-dħul mitluba mill-każinojiet kien ġie stabbilit permezz ta' deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-EOT (9) għal 1 500 (madwar EUR 4,50) jew 2 000 drakma (madwar EUR 6). Wara l-adozzjoni tal-euro fil-Greċja fl-2002, EUR 6 saru t-tariffa rregolata għall-ammissjoni għall-każinojiet pubbliċi.

    (22)

    Is-suq tal-każinojiet Grieg infetaħ fl-1994, minħabba l-adozzjoni tal-Liġi 2206/1994 (10), fejn sitt każinojiet privati ġodda ngħaqdu mat-tliet każinojiet li huma proprjetà tal-Istat. L-Artikolu 2(10) tal-Liġi 2206/1994 jistipula li l-prezz ta' dħul għall-każinojiet f'ċerti oqsma jiġi stabbilit permezz ta' Deċiżjoni Ministerjali, li tiddetermina wkoll il-persentaġġ tal-prezz li jirrappreżenta d-dħul tal-Istat Grieg. Bid-Deċiżjoni Ministerjali (11) tas-16 ta' Novembru 1995 (“id-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995”), il-Ministru tal-Finanzi stabbilixxa li, mill-15 ta' Diċembru 1995 'il quddiem, l-operaturi kollha tal-każinojiet skont il-Liġi 2206/1994 (12) għandhom jitolbu tariffa tad-dħul ta' 5 000 drakma (13) (madwar EUR 15). Skont id-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995, l-intrapriżi tal-każinojiet kienu suġġetti għal obbligu legali li jżommu 20 % tal-prezz, inkluża l-VAT adegwata, bħala kumpens għall-ħruġ tal-biljett u biex ikopru l-ispejjeż tagħhom, filwaqt li l-ammont li jifdal jitqies bħala ħlas pubbliku (14). Id-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 pprovdiet li l-każinojiet jistgħu jagħtu dħul bla ħlas f'każijiet speċifiċi (15). Anki f'dawk il-każijiet, 80 % tat-tariffa tad-dħul irregolata kellha tingħadda mill-każinojiet lill-Istat, minkejja l-fatt li f'dawn il-każijiet ma rċevietx tariffa tad-dħul (16). Skont id-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995, il-pagamenti ta' tariffi pubbliċi twettqu minn kull każinò fuq bażi mensili (17). Id-Deċiżjoni Ministerjali pprovdiet ukoll skontijiet speċifikati għal biljetti validi għal 15 jew 30 jum (18). Mal-adozzjoni tal-Euro mill-Greċja fl-2002, il-prezz irregolat standard għad-dħul fil-każinojiet kien ta' EUR 15.

    (23)

    Għalkemm l-operazzjoni tal-każinojiet fil-Greċja hija rregolata, b'mod ġenerali, bil-Liġi 2206/1994 u bid-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995, il-każinojiet li huma proprjetà pubblika ta' Mont Parnès, Korfù u Rodi kienu eżentati mill-applikazzjoni ta' din il-liġi u mid-deċiżjoni qabel ma ngħatatilhom liċenzja mill-Kumitat tal-Każinò. B'mod aktar speċifiku, il-Liġi 2160/1993 pprovdiet li dawk il-każinojiet jibqgħu joperaw bħala klabbs tas-servizzi tal-EOT, ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EOT - jiġifieri, il-Liġi 1624/1951 (19), id-Digriet 4109/1960 (20) u l-Liġi 2160/1993 (21). B'riżultat ta' dan, Casino Mont Parnès, Casino Corfu u Casino Rodi, komplew japplikaw tariffa tad-dħul ta' EUR 6.

    (24)

    B'kuntrast ma' dan, il-każinojiet privati ġodda kollha maħluqa mill-adozzjoni tal-Liġi 2206/1994 implimentaw id-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 u applikaw il-prezz ta' EUR 15 għall-biljetti ta' ammissjoni, bl-eċċezzjoni ta' Casino Thessaloniki. Minkejja li kienu inkorporati u liċenzjati fl-1995 skont il-Liġi 2206/1994, Casino Thessaloniki applika t-tariffa mnaqqsa ta' dħul ta' EUR 6 applikata mill-każinojiet li huma proprjetà tal-Istat sa Novembru 2012 billi qgħad fuq il-Liġi 2687/1953 (22), li pprovdiet li intrapriżi kostitwiti b' investiment barrani jgawdu minn trattament li huwa tal-anqas favorevoli daqs dak applikabbli għal intrapriżi simili oħra fil-pajjiż (23). Ir-rekwiżit li 80 % tal-valur nominali tal-biljetti ta' ammissjoni jingħata lill-Istat kien applikabbli għal Casino Thessaloniki minħabba l-ħruġ tal-liċenzja tiegħu fl-1995 (24).

    (25)

    Skont il-Greċja, id-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-każinojiet pubbliċi li kienu jeżistu qabel il-Liġi 2206/1994 għandhom jitqiesu eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' dik il-Liġi 2206/1994 u tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995. Konsegwentement, id-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 ma kinitx meqjusa li tapplika għall-każinojiet pubbliċi sad-data li fiha ngħataw liċenzja skont il-Liġi 2206/1994, jew f'dak li jirrigwarda t-tariffa ta' dħul standard ta' EUR 15 jew f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżit ta' ħlas ta' 80 % ta' dik it-tariffa lill-Istat. Madankollu, minħabba li fil-każ tal-każinojiet pubbliċi t-tariffa tad-dħul baqgħet eċċezzjonalment fil-livell ta' EUR 6 fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-EOT li diġà kienu applikabbli, li tqiesu bħala dispożizzjonijiet derogatorji speċjali (lex specialis preeżistenti) li mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi 2206/1994 u mid-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995, il-każinojiet pubbliċi ħallsu biss 80 % ta' EUR 6. Id-deċiżjonijiet tal-EOT kienu meqjusa bħala mhux applikabbli biss meta l-każinojiet, wara l-privatizzazzjoni tagħhom, ma kinux għadhom kollha kemm huma proprjetà tal-Istat. Kien biss wara l-privatizzazzjoni tagħhom li dawk il-każinojiet bdew jiċċarġjaw il-prezz standard tal-biljett ta' Dħul ta' EUR 15 u kienu obbligati li jħallsu 80 % ta' EUR 15 bħala imposta lill-Istat.

    (26)

    Eċċezzjoni oħra għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi 2206/1994 u għad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 kienet tapplika favur Casino Mont Parnès, wara l-privatizzazzjoni parzjali tiegħu, ibbażata fuq il-Liġi 3139/2003 li stipulat b'mod espliċitu li l-prezz tal-biljett ta' dħul għal Casino Mont Parnès jibqa' ta' EUR 6.

    (27)

    Fl-2000, l-EOT kien sostitwit fl-operat ta' Casino Mont Parnès u ta' Casino Corfu minn Ellinika Touristika Akinita AE (“ETA”), li huwa kompletament proprjetà tal-Istat Grieg. Minn tmiem is-sena 2000 u sal-liċenzjar ta' dawk il-każinojiet skont il-Liġi 2206/1994 fl-2003, l-ETA bdiet (25), b'mod volontarju fil-bidu u aktar tard skont l-Artikolu 24 tal-Liġi 2919/2001, tadatta gradwalment għall-obbligi stabbiliti għall-każinojiet fil-Liġi 2206/1994, sabiex tħejji kemm lil dawk li qabel kienu klabbs tal-każinojiet li qabel kienu proprjetà tal-Istat, isiru każinojiet liċenzjati kompletament u jiġu privatizzati. Matul dan il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-ETA bagħtet lill-Istat 80 % tal-prezz ta' EUR 6 mill-biljetti ta' dħul miġbura minn Casino Mont Parnès u minn Casino Corfu. Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, l-ebda deċiżjoni ministerjali ġdida ma nħarġet u Casino Corfu kompla jimponi ħlas għad-dħul ta' EUR 6 sakemm ġie pprivatizzat f'Awwissu 2010 (26), meta beda japplika tariffa ta' dħul ta' EUR 15.

    (28)

    Fil-każ ta' Casino Rhodes, il-liċenzja skont il-Liġi 2206/1994 inħarġet fl-1996 (27). Madankollu, il-każinò kompla japplika l-prezz ta' dħul imnaqqas sal-1999 u qaleb għal EUR 15 biss wara l-privatizzazzjoni tiegħu li saret f'April 1999.

    (29)

    F'Novembru 2012, il-Greċja introduċiet leġiżlazzjoni ġdida (28) li tistabbilixxi tariffa ta' dħul ugwali għall-każinojiet kollha, pubbliċi jew privati, li tammonta għal EUR 6, soġġetta għall-obbligu tal-każinojiet kollha li jżommu 20 % (EUR 1,20) tal-prezz ta' dħul bħala tariffi għall-ħruġ tal-biljett u li jkopru l-ispejjeż u jgħaddu lill-Istat kull xahar, il-bqija 80 % (EUR 4,80) jikkostitwixxu tariffi pubbliċi. Il-Greċja kkonfermat li bħalissa din il-leġiżlazzjoni għadha fis-seħħ.

    3.   RAĠUNIJIET GĦAL BIDU TAL-PROĊEDURA

    (30)

    Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE li tesprimi dubji dwar it-trattament fiskali diskriminatorju favur diversi każinojiet identifikati speċifikament fil-Greċja, li jibbenefikaw minn tassazzjoni aktar vantaġġuża minn dik li għaliha huma soġġetti l-bqija tal-każinojiet.

    (31)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kkontestata ma kinitx konformi mar-regoli legali ġenerali li jistabbilixxu l-livell normali ta' imposti fuq dħul fil-każinojiet, u b'hekk tejbet il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji.

    (32)

    Il-miżura kkontestata dehret li kienet tikkostitwixxi telf ta' dħul pubbliku lill-Istat Grieg, u tat vantaġġ lill-każinojiet bi prezz orħos. Bi tweġiba għall-argument tal-awtoritajiet Griegi li l-benefiċjarju dirett ta' prezz orħos ta' dħul huwa l-klijent, il-Kummissjoni osservat li s-sussidji għall-konsumaturi jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi meta s-sussidju jkun kondizzjonali fuq l-użu ta' oġġett jew servizz partikolari minn impriża partikolari (29).

    (33)

    Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-livell ta' tassazzjoni ma kienx jidher li ġie stabbilit skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każinò individwali (30), u hija kkonkludiet provviżorjament li l-miżura kienet selettiva (31).

    (34)

    Il-Kummissjoni sabet li l-miżura kkuntestata kienet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-każinojiet fil-Greċja, kif ukoll fis-suq tal-akkwiżizzjoni tan-negozju Ewropew. Il-Kummissjoni nnotat li hija tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-Istati Membri li jirregolaw il-logħob tal-azzard fit-territorju tagħhom soġġetti għal-liġi tal-Unjoni, iżda ma setgħetx taċċetta li dawn l-argumenti jċaħħdu l-miżura inkwistjoni minn kwalunkwe effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni jew fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-operaturi fis-settur kienu ta' spiss gruppi ta' lukandi internazzjonali, li d-deċiżjoni tagħhom li jinvestu tista' tiġi affettwata mill-miżura, u l-każinojiet jistgħu jaġixxu bħala attrazzjoni għat-turisti biex iżuru l-Greċja. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-miżura setgħet tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (32).

    (35)

    Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali, peress li kienet ġiet implimentata mill-awtoritajiet Griegi mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, u li għalhekk kienet soġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Proċedurali li kienet applikabbli dakinhar (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (33)) fir-rigward tal-irkupru (34).

    (36)

    Il-Kummissjoni ma identifikatx raġunijiet biex tikkunsidra l-miżura kkuntestata kompatibbli mas-suq intern minħabba li kienet meqjusa li tirrappreżenta għajnuna operatorja mhux dovuta lill-każinojiet benefiċjarji (35).

    (37)

    Il-Kummissjoni fl-aħħar osservat li jekk id-dubji tagħha li l-miżura tinkludi għajnuna mill-Istat inkompatibbli kienu kkonfermati, allura skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Proċedurali hija tkun obbligata tordna l-irkupru tagħha mill-Greċja mingħand il-benefiċjarji, sakemm dan ma jmurx kontra prinċipju ġenerali tal-liġi (36).

    4.   KUMMENTI MILL-GREĊJA U MINN PARTIJIET TERZI INTERESSATI

    (38)

    Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Greċja, minn Casino Mont Parnès, minn Casino Thessaloniki u minn Casino Loutraki.

    4.1.   Kummenti mill-Greċja u mingħand il- Casinos Mont Parnès u Thessaloniki

    (39)

    Peress li l-kummenti ppreżentati mir-rappreżentant tal-każinojiet benefiċjarji ta' Mont Parnès u Tessaloniki huma essenzjalment l-istess bħall-kummenti mressqa mill-awtoritajiet Griegi, is-sommarju tagħhom huwa ppreżentat flimkien f'din it-Taqsima.

    (40)

    Kemm il-Greċja kif ukoll il-każinojiet Mont Parnès u Tessaloniki jikkontestaw l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, għar-raġuni li l-Istat ma jitlef ebda dħul jew li, anki jekk jagħmel dan, il-każinojiet ma jiksbu l-ebda vantaġġ.

    (41)

    L-awtoritajiet Griegi jargumentaw li d-differenzazzjoni fil-prezz hija biss kwistjoni ta' regolamentazzjoni tal-prezzijiet biss, peress li t-taxxa miġbura hija fi proporzjon uniformi mal-prezz rispettiv tal-biljetti ta' dħul maħruġa.

    (42)

    Skont l-awtoritajiet Griegi, l-objettiv segwit fl-iffissar ta' prezz ta' dħul u fil-ħtieġa li jsir ħlas lill-Istat mhuwiex biex jiġbor dħul għall-Istat iżda biex jiskoraġġixxi lil persuni b'introjtu baxx mil-logħob tal-azzard. Il-fatt li l-prassi tal-biljetti ta' ammissjoni tipproduċi wkoll dħul pubbliku ma jibdilx in-natura tagħha bħala miżura ta' kontroll. Għalhekk, l-impożizzjoni ta' prezz tal-biljetti ta' ammissjoni għal klijenti tal-każinojiet li jidħlu fiż-żona tal-logħob tal-każinojiet hija meqjusa mill-awtoritajiet Griegi li tikkostitwixxi miżura ta' kontroll amministrattiv oneruża, li madankollu ma għandhiex natura ta' taxxa u ma tistax titqies bħala piż fiskali skont is-Sentenza Nru 4027/1998 tal-Kunsill tal-Istat (il-qorti amministrattiva suprema tal-Greċja).

    (43)

    Fir-rigward tad-differenzi bejn il-prezzijiet tal-każinojiet differenti, il-Greċja ssostni li ċ-ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali tal-każinojiet varji huma differenti u mhumiex paragunabbli. L-awtoritajiet Griegi jsostnu li d-distinzjoni bejn it-tariffi hija ġustifikata minħabba raġunijiet ta' politika pubblika, inkluża dik li l-“kundizzjonijiet li japplikaw għal kull każinò, jiġġustifikaw u huma f'konformità sħiħa mal-prattika tal-istabbiliment ta' prezz tal-biljett differenti għall-każinojiet li jinsabu qrib ċentri urbani kbar […] u għall-każinojiet fil-kampanja […], li prinċipalment jgħixu f'popolazzjonijiet rurali li - fil-maġġoranza tagħhom - għandhom dħul u livelli ta' edukazzjoni aktar baxxi u aktar jeħtieġu li jiġu skoraġġiti milli jilagħbu logħob tal-azzard mill-abitanti taż-żoni urbani”.

    (44)

    Dwar l-osservazzjoni tal-ilmentatur (Casino Loutraki) li l-prezz ta' dħul għall-każinò ta' Korfù nbidel minn EUR 6 għal EUR 15 meta ġie pprivatizzat fl-2010, l-awtoritajiet Griegi wieġbu li l-lokazzjoni ġeografika remota tal-gżira ta' Korfù ma kinitx kompetittiva meta mqabbla mal-każinojiet Griegi l-oħra kollha (għalhekk ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni). L-awtoritajiet Griegi jsostnu wkoll li huwa imperattiv li l-prezz ta' dħul isir dissważiv sabiex jiġu protetti l-abitanti ta' Korfù, peress li l-bidla fil-kundizzjonijiet operatorji tal-każinò wara l-privatizzazzjoni inevitabbilment se twassal għal żieda drammatika fil-ħinijiet ta' ħidma tiegħu, il-livell ġenerali ta' attività tiegħu u l-attraenza tiegħu.

    (45)

    L-awtoritajiet Griegi u l-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki jargumentaw li, anke jekk kien hemm vantaġġ għal każinojiet bi prezz orħos (għax jattiraw aktar klijenti), imbagħad bl-istess mod ma kien hemm l-ebda telf ta' riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, ma hemmx ċertezza li bi prezz ogħla għall-biljett ta' dħul dawn il-benefiċjarji allegati kienu jiġġeneraw aktar dħul għall-Istat, u għalhekk it-telf allegat tad-dħul huwa ipotetiku. L-awtoritajiet Griegi u l-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki jfakkru wkoll li huwa l-klijent jibbenefika mill-prezz orħos ta' biljetti ta' ammissjoni, u li l-proporzjon tal-prezz miżmum mill-każinò huwa ammont ogħla fil-każinojiet bi dħul ta' EUR 15, li għalhekk huwa ta' benefiċċju għalihom.

    (46)

    L-awtoritajiet Griegi u l-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki wkoll isostnu li ma hemm l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fuq il-bażi li kull każinò jservi suq lokali. Huma jikkontestaw il-possibbiltà ta' kompetizzjoni ma' forom oħra ta' logħob tal-azzard imsemmija fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, u jinnotaw li l-logħob tal-azzard fuq l-Internet bħalissa huwa illegali fil-Greċja.

    (47)

    L-awtoritajiet Griegi u l-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki jargumentaw li anke jekk wieħed iqis li l-prezz imnaqqas tad-dħul ta' EUR 6 seta' influwenza jew jista' jinfluwenza d-deċiżjoni ta' kumpanija barranija li tinvesti f'każinò fil-Greċja, il-kumpanija barranija dejjem setgħet tuża l-Liġi 2687/1953, kif għamlet il-kumpanija Hyatt Regency Hotels and Tourism (Thessaloniki) S.A. fil-każ tal-każinò ta' Tessaloniki.

    (48)

    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-ilmentatur li l-benefiċjarji jistgħu jagħtu d-dħul b'xejn, filwaqt li l-kontribuzzjoni ta' 80 % xorta trid titħallas u li għalhekk turi b'mod ċar ħafna l-karattru tal-għajnuna tal-miżura, l-awtoritajiet Griegi jsostnu li l-prattika hija “eċċezzjonali”, peress li l-każinojiet allegatament jagħmlu użu minn din l-eċċezzjoni biex joffru dħul mingħajr ħlas (bħala korteżija) prinċipalment għal VIPs jew klijenti famużi u peress li din il-prattika tmur kontra l-liġi tat-taxxa (il-Liġi 2238/1994), billi n-nefqa mill-ħlas ta' 80 % tal-prezz tal-biljett lill-Istat mir-riżorsi proprji mhijiex rikonoxxuta bħala nefqa produttiva u ma tistax tiġi mnaqqsa mid-dħul tal-kumpanija (li jesponi lill-kumpanija li tapplika din il-prattika għal piżijiet fiskali sostanzjali).

    (49)

    L-awtoritajiet Griegi u l-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal differenzi oħra bejn il-każinojiet f'termini ta' diversi miżuri fiskali/regolatorji. Għalhekk, dawn id-differenzi li allegatament jiffavorixxu lil Casino Loutraki (“l-ilmentatur”) jikkontrobilanċaw il-vantaġġi li jgawdu l-benefiċjarji minħabba l-prezz orħos ta' dħul. Il-miżura ewlenija invokata hija li kull każinò jħallas proporzjon tal-qligħ gross annwali lill-Istat iżda skont il-liġi l-proporzjon huwa inqas għal Casino Loutraki milli għal oħrajn. Madankollu, fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li dawn il-miżuri l-oħra invokati mill-awtoritajiet Griegi u mill-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki, fil-każ tal-eżistenza tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu miżura ta' għajnuna separata favur Casino Loutraki, jekk il-kundizzjonijiet kollha pprovduti mil-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu ssodisfati. Fi kwalunkwe każ dawn il-miżuri huma distinti mill-miżuri li qed ikunu vvalutati u għalhekk mhumiex koperti mid-Deċiżjoni preżenti.

    (50)

    L-awtoritajiet Griegi u l-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Tessaloniki ma ressqu l-ebda osservazzjoni dwar il-kompatibbiltà u l-legalità tal-għajnuna.

    (51)

    B'reazzjoni għas-sottomissjoni l-ġdida tal-ilmentatur tal-14 ta' April 2017 u, b'mod partikolari, l-allegazzjoni li l-attraenza ogħla tal-każinojiet benefiċjarji, b'riżultat tat-tariffi għad-dħul aktar baxxi u l-prattika estensiva tal-għoti ta' biljetti b'xejn, wasslet għal devjazzjoni tad-domanda u żieda fl-introjtu totali u għalhekk tat vantaġġ (ara l-premessa (56) hawn taħt), l-awtoritajiet Griegi jsostnu li la t-tariffi ta' dħul baxxi u lanqas l-għoti ta' biljetti b'xejn ma huma korrelati maż-żieda fl-introjtu totali tal-każinojiet ikkonċernati.

    4.2.   Kummenti minn Casino Loutraki

    (52)

    Casino Loutraki jargumenta li l-miżuri pprovduti minn dispożizzjonijiet legali nazzjonali jikkostitwixxu diskriminazzjoni fiskali favur ċerti każinojiet, minħabba li r-rekwiżit li jingħata 80 % tal-imposta lill-Istat fuq l-ammissjoni fil-każinojiet japplika għal bażi ta' taxxa differenti - iż-żewġ prezzijiet ta' dħul differenti stabbiliti mill-Istat. Il-prezz ta' dħul għall-każinojiet benefiċjarji huwa ferm inqas mill-prezz fil-każinojiet l-oħra (EUR 6 minflok EUR 15), li jirrappreżenta telf ta' dħul għall-Istat, u għaldaqstant, minħabba d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li dan jikkawża, huwa jammonta għal għajnuna mill-Istat.

    (53)

    Casino Loutraki jargumenta wkoll li l-miżura mhix ġustifikata oġġettivament, minħabba li l-impożizzjoni ta' prezz orħos tal-ammissjoni għall-każinojiet benefiċjarji fil-fatt tmur kontra l-objettiv soċjali u l-ġustifikazzjoni u l-karatteristiċi tal-istabbiliment ta' prezz għall-biljetti ta' dħul għall-każinojiet kif deskritt mis-Sentenza Nru 4027/1998 tal-Kunsill Grieg tal-Istat. Casino Loutraki jsostni li ma jistax ikun argumentat b'mod raġonevoli li l-kontroll amministrattiv u l-protezzjoni soċjali setgħu jinkisbu permezz ta' prezzijiet differenti tal-biljetti ta' ammissjoni – f'Casino Mont Parnès, madwar 20 km biss miċ-ċentru tal-belt ta' Ateni, b'biljett ta' EUR 6 filwaqt li Casino Loutraki, madwar 85 km 'l bogħod miċ-ċentru tal-belt ta' Ateni, b'biljett ta' EUR 15, jew rispettivament, f'Casino Thessaloniki, madwar 8 km biss miċ-ċentru tal-belt ta' Tessaloniki (ukoll EUR 6), meta mqabbel ma' Casino Chalcidice, madwar 120 km 'l bogħod miċ-ċentru tal-belt ta' Tessaloniki (EUR 15).

    (54)

    Casino Loutraki josserva li, għalkemm il-Greċja qabel kienet argumentat li l-prezz imnaqqas tal-ammissjoni ta' EUR 6 huwa ġġustifikat minħabba ċirkostanzi speċjali applikabbli għal kull każinò benefiċjarju (li jiddetermina ċerti speċifiċitajiet ekonomiċi, soċjali, demografiċi u oħrajn), madankollu, f'Awwissu 2010, Casino Korfù għadda għal EUR 15 mal-privatizzazzjoni tiegħu, mingħajr ebda spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex iċ-ċirkostanzi speċjali msemmija hawn fuq ma għadhomx japplikaw.

    (55)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri separati invokati mill-Greċja u minn Mont Parnès, li allegatament kienu jiffavorixxu lil Casino Loutraki (prinċipalment li Casino Loutraki jħallas proporzjon inqas tal-profitti gross annwali lill-Istat meta mqabbel ma' każinojiet oħra), Casino Loutraki jafferma li, fil-prattika, huwa ħallas l-istess ammont bħall-kompetituri tiegħu skont ftehim separat mal-awtoritajiet.

    (56)

    Fis-sottomissjoni l-ġdida tagħha tal-14 ta' April 2017, wara l-annullament tad-Deċiżjoni Finali tal-2011 mill-Qorti Ġenerali, Casino Loutraki jenfasizza li l-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni jikkonsisti fl-attrazzjoni ogħla tal-każinojiet benefiċjarji, kif ukoll l-inflazzjoni li rriżultat mill-introjtu totali tal-benefiċjarji. Skont Casino Loutraki, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tali vantaġġ u tadotta deċiżjoni finali ġdida li tikkonkludi li l-miżura kkonċernata tat tali vantaġġ lill-benefiċjarji, filwaqt li tqis l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura qabel id-Deċiżjoni Finali tal-2011.

    (57)

    Barra minn hekk, Casino Loutraki jsostni li l-prattika estensiva tal-każinojiet benefiċjarji li jagħtu biljetti b'xejn hija t-tielet element indipendenti tal-vantaġġ mogħti. Fir-rigward ta' dak l-element, Casino Loutraki jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-informazzjoni u l-evidenza kollha meħtieġa sabiex tistabbilixxi li l-prattika tal-għoti ta' biljetti b'xejn kienet komuni u estensiva u marret lil hinn mill-objettivi ta' eċċezzjoni previsti fid-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995.

    (58)

    Casino Loutraki jsostni li l-miżura tissodisfa wkoll il-kriterji l-oħra ta' għajnuna mill-Istat u li, għalhekk, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni finali ġdida li tikkonkludi li l-miżura ġiet implimentata illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tordna l-irkupru tal-vantaġġ.

    5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    (59)

    Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. Sabiex miżura tiġi kkategorizzata bħala għajnuna skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dik id-dispożizzjoni. L-ewwel, irid ikun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat. It-tieni, l-intervent għandu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, irid jagħti vantaġġ selettiv lir-riċevitur. Ir-raba', għandu jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni (37).

    (60)

    Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni sabiex ikun konkluż li kien hemm għajnuna, issir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet tal-vantaġġ u s-selettività sabiex jiġi żgurat li mhux il-miżuri kollha tal-Istat li jagħtu vantaġġ (jiġifieri li jtejbu l-pożizzjoni finanzjarja netta tal-impriża) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, iżda huma biss dawk li jagħtu dan il-vantaġġ b'mod selettiv lil ċerti impriżi jew ċerti kategoriji ta' impriżi jew lil ċerti setturi ekonomiċi (38).

    (61)

    Vantaġġ huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb f'kndizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (39). L-effett tal-miżura fuq l-impriża biss huwa rilevanti, u mhux il-kawża jew l-objettiv tal-intervent tal-Istat (40). Kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża tittejjeb bħala riżultat ta' intervent mill-Istat fuq termini li jkunu differenti mill-kundizzjonijiet tas-suq normali, ikun hemm vantaġġ. Biex jiġi vvalutat dan, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża wara l-miżura għandha tiġi mqabbla mas-sitwazzjoni finanzjarja kieku l-miżura ma tkunx ittieħdet (40). Minħabba li l-effett tal-miżura fuq l-impriża biss huwa importanti, huwa irrilevanti jekk il-vantaġġ huwiex obbligatorju għall-impriża jiġifieri ma setgħetx tevitah jew tiċħdu (41).

    (62)

    Il-forma preċiża tal-miżura hija irrelevanti wkoll biex jiġi stabbilit jekk din tagħtix vantaġġ lill-impriża (42). L-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi pożittivi mhux biss huwa rilevanti għall-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, iżda anki t-titfija tal-piżijiet ekonomiċi tista' tikkostitwixxi vantaġġ. Din tal-aħħar hija kategorija wiesgħa li tinkludi kull mitigazzjoni tal-imposti normalment inklużi fil-baġit ta' impriża (43). Dan ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-operaturi ekonomiċi jinħelsu mill-kostijiet inerenti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (44).

    (63)

    Fis-sentenza tal-2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-taxxa differenzjata imposta fuq l-ammissjoni għall-każinojiet pubbliċi u għall-każinojiet privati fil-Greċja ma kinitx tikkostitwixxi tnaqqis fit-taxxa għall-benefiċċju tal-każinojiet pubbliċi li qed jagħtu lok għal vantaġġ għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont il-Qorti Ġenerali, “mill-miżura inkwistjoni jirriżulta li l-ammonti mħallsa lill-Istat mill-każinojiet bħala taxxa ta' din tal-aħħar fuq il-biljetti ta' ammissjoni huma biss il-prorata ta' dak li kull każinò jirċievi bħala taxxi fuq l-ammissjoni. B'hekk, […] il-miżura ineżami ma tikkorrispondix għal tnaqqis tal-bażi tat-taxxa, peress li s-somom li għandhom jitħallsu għal kull każinò huma ekwivalenti għal prorata ta' 80 % tat-taxxi kollha fuq l-ammissjoni li huwa effettivament ġabar. […] [S]a fejn il-piż ta' 80 % mħallas lill-Istat mill-każinojiet kollha huwa kkalkolat prorata minn dak li huma effettivament irċevew bħala taxxi fuq l-ammissjoni fuq il-biljetti mibjugħa. (45), il-fatt li, bl-effett tal-miżura eżaminata, l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta' EUR 6 jħallsu lill-Istat somom iżgħar minn dak imħallas lil dan tal-aħħar mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta' EUR 15 ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' vantaġġ fir-rigward tal-każinojiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija.” (46).

    (64)

    Fl-inġunzjoni tal-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan ir-raġunament li jgħid li “il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata li toqgħod fuq il-fatt li d-differenza bejn iż-żewġ ammonti assoluti li kellhom jitħallsu lura lill-Istat Grieg tikkorrispondi għall-istess perċentwal tal-ammonti differenti riċevuti miż-żewġ kategoriji ta' każinojiet” (47).

    (65)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma tagħtix vantaġġ għall-finijiet tal-Artikolu 107(1)TFUE.

    (66)

    Fir-rigward tal-prattika tal-għoti ta' biljetti b'xejn, fis-sentenza tal-2014 il-Qorti Ġenerali sostniet li “il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta' EUR 6 huma vvantaġġati, sa fejn, fuq taxxa fuq l-ammissjoni identika riċevuta (ugwali għal żero), huma jħallsu lill-Istat taxxa iktar baxxa minn dak imħallas mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta' EUR 15.” (48). Madankollu, hija sostniet ukoll li peress li s-sistema ta' tariffi ta' dħul għall-każinojiet fil-Greċja ma tagħtix vantaġġ lill-każinojiet li jitolbu ħlas għad-dħul ta' EUR 6, is-sistema ta' biljetti b'xejn ma tistax titqies li ssaħħaħ il-vantaġġ mogħti minn din is-sistema (49). Imbagħad hija ddikjarat li “peress li s-sistema tat-taxxi fuq l-ammissjoni għall-każinojiet ma tagħtix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE f'dak li jirrigwarda l-biljetti ta' ammissjoni mibjugħa u li l-Istat Membru kkonċernat jista' jippermetti l-ħruġ ta' biljetti mingħajr ħlas għal raġunijiet preċiżi u ġustifikati, bħal promozzjonijiet u l-obbligi soċjali, huwa raġonevoli għal dan l-Istat Membru li jpoġġi bħala kundizzjoni supplimentari li t-taxxi li kienu altrimenti jkunu tħallsu, fil-fatt jitħallsu fil-każ fejn jinħarġu biljetti mingħajr ħlas.” (50). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-eżistenza ta' vantaġġ separat u speċifiku li jirriżulta mill-prattika tal-għoti ta' biljetti b'xejn (51).

    (67)

    Fis-sentenza tal-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, peress li “il-Qorti Ġenerali sostniet b'mod korrett li l-unika differenza bejn is-somom imħallsa lill-Istat għal kull biljett ta' dħul ma tagħti l-ebda vantaġġ lill-każinojiet li għalihom tapplika tariffa tad-dħul ta' EUR 6”, il-prattika tal-għoti ta' biljetti b'xejn ma tistax issaħħaħ dan il-vantaġġ (52).

    (68)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattika tal-għoti ta' biljetti b'xejn ma tagħtix vantaġġ għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    (69)

    Fl-aħħar nett, l-ilmentatur isostni li s-sistema ta' tariffu ta' dħul għall-każinojiet fil-Greċja twassal għall-attrattività ogħla għall-każinojiet pubbliċi bħala riżultat tat-tariffa ta' dħul aktar baxxa u introjtu totali ogħla (jiġifieri l-ġenerazzjoni ta' sorsi oħra ta' introjtu, bħall-logħob tal-azzard, l-akkomodazzjoni, is-servizzi ta' bars u ristoranti) li jirriżultaw mill-klijenti addizzjonali miġbuda permezz tat-tariffa ta' dħul aktar baxxa. L-istess bħall-biljetti b'xejn, peress li s-sistema tat-tariffi ta' dħul għall-każinojiet fil-Greċja fiha nfisha ma tagħtix vantaġġ lill-każinojiet pubbliċi, kwalunkwe żieda fl-attratività jew dħul addizzjonali minn klijenti addizzjonali miġbuda mit-tariffa ta' dħul aktar baxxa ma jistax jingħad li qed jagħti lok għal vantaġġ. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jista' jintwera li jeżisti tali vantaġġ, huma biss vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta' riżorsi tal-Istat li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE (53). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, effett negattiv indirett fuq id-dħul tal-Istat li jirriżulta minn miżuri regolatorji ma jikkostitwixxix trasferiment ta' riżorsi tal-Istat fejn huwa karatteristika inerenti tal-miżura (54). Pereżempju, ir-regolamentazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi prezz minimu għal ċerti prodotti ma tinvolvix it-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat (55). Filwaqt li t-telf ta' riżorsi tal-Istat huwa involut fit-taxxa differenzjata mogħtija lill-Istat Grieg minn każinojiet pubbliċi u privati, in-nuqqas ta' riżorsi tal-Istat huwa involut biss meta l-każinojiet pubbliċi setgħu jħallsu tariffa ta' dħul aktar baxxa minn dik tal-każinojiet privati. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-vantaġġ iddikjarat mill-ilmentatur, anki jekk intwera li jeżisti, ma ngħatax mir-riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    (70)

    Minħabba li miżura teħtieġ li tissodisfa l-erba' kundizzjonijiet kumulattivi kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE biex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfati fil-każ preżenti.

    6.   KONKLUŻJONI

    (71)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema tal-imposti fuq l-ammissjoni għall-każinojiet fil-Greċja li kienu jeżistu sa Novembru 2012 ma tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-sistema ta' imposti fuq l-ammissjoni għall-każinojiet fil-Greċja li kienet teżisti sa Novembru 2012 ma tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Awwissu 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 235, 31.8.2010, p. 3.

    (2)  Il-Konsorzju - Loutraki Club Hotel Casino Loutraki AE (Κοινοπραξια Δ.Α.Ε.Τ.- Λουτρακι Α.Ε.- ΚλαμπΟτελ Λουτρακι Α.Ε.), Voukreressou 11, Akti Poseidonos 48, Loutraki, Ateni 10671, il-Greċja.

    (3)  Casino Mont Parnès, société anonyme “Elliniko Kasino Parnithas A.E.”, Agiou Konstantinou 49, 15124 Marousi Attikis, il-Greċja.

    (4)  Casino Thessaloniki, “Regency Entertainment Psychagogiki kai Touristiki A.E.”, Agiou Konstantinou 49, 15124 Marousi Attikis, il-Greċja u 13th km Thessaloniki-Polygyrou Street, 55103 Thessaloniki, il-Greċja.

    (5)  Id-Deċiżjoni 2011/716/UE tal-24 ta' Mejju 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat lil ċerti kasinojiet Griegi C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09) implimentata mir-Repubblika Ellenika (ĠU L 285, 1.11.2011, p. 25).

    (6)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta' Settembru 2014, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kawża T-425/11, ECLI:EU:T:2014:768.

    (7)  L-Inġunzjoni tal-Qorti tal-22 ta' Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, Kawża C-530/14 P, ECLI:EU:C:2015:727.

    (8)  It-tliet każinojiet kienu jitħaddmu bħala klabbs tas-servizzi tal-EOT skont il-Liġi 1624/1951, id-Digriet 4109/1960 u l-Liġi 2160/1993. Aktar tard, l-EOT inbidlet fl-operazzjoni tal-każinojiet ta' Korfù u ta' Mont Parnès mill-kumpanija Ellenika għall-Iżvilupp tat-Turiżmu (ETA), li hija kompletament proprjetà tal-Istat Grieg, taħt il-Liġijiet 2636/1998 u 2837/2000, sakemm tingħata liċenzja liż-żewġ każinojiet imsemmijin hawn fuq bis-saħħa tal-Liġi 3139/2003 (il-każinò ta' Rodi kien imħaddem mill-EOT sakemm ingħata liċenzja fl-1996).

    (9)  B'mod aktar preċiż, id-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-EOT (maħruġa skont il-Liġi 1624/1951 u d-Digriet 4109/1960) huma: Id-Deċiżjoni tal-EOT 535633/21.11.1991 (li tiffissa l-prezz tal-biljetti tad-dħul għall-każinò ta' Mont Parnès ta' 2 000 drakma); Id-Deċiżjoni tal-EOT 508049/24.3.1992 (li tiffissa l-prezz tal-biljetti tad-dħul għall-każinojiet ta' Korfù u ta' Rodi għal 1 500 drakma); Id-Deċiżjoni tal-EOT 532691/24.11.1997 (li taġġusta l-prezz tal-biljetti tad-dħul għall-Corfu Casino għal 2 000 drakma).

    (10)  Il-liġi 2206/1994 dwar il-ħolqien, l-organizzazzjoni, l-operazzjoni u l-kontroll tal-każinojiet u kwistjonijiet oħra, Νόμος 2206, Δημοσιεύθηκε στο ΦΕΚ 62 - 20.4.1994.

    (11)  Id-Deċiżjoni Ministerjali Y.A.1128269/1226/0015/ΠΟΛ.1292/16.11.1995 - ΦΕΚ 982/B'/1995.

    (12)  Il-paragrafu 1 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995: “Mill-15 ta' Diċembru 1995, l-operaturi tal-każinnojiet (il-Liġi 2206/1994) huma obbligati li joħorġu biljett ta' dħul għal kull persuna skont dispożizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-paragrafi li ġejjin.”

    (13)  Il-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995: “Il-prezz uniformi tal-biljett biex wieħed jidħol fl-inħawi ta' ‘magni tal-logħob’ jew ħdejn ‘l-imwejjed tal-logħob’ jammonta għal ħamest elef (5 000) drakma.”

    (14)  L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 7 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 jgħid dan li ġej: “Mil-valur totali tal-biljett, persentaġġ ta' għoxrin fil-mija (20 %) għandu jkun approprjat mill-impriża tal-każinò bħala ħlasijiet biex jinħareġ il-biljett u jiġu koperti l-ispejjeż, li fihom hemm inkluża l-VAT adegwata, filwaqt li l-ammont li jibqa' għandu jitqies bħala dritt pubbliku.”.

    (15)  Il-paragrafu 6 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 jgħid dan li ġej: “Biex tkun irreġistrata l-ammissjoni ta' persuna li lilha l-każinò ma jitlobx il-prezz tat-tariffa tad-dħul għal raġunijiet ta' promozzjoni jew obbligu soċjali, il-każinò għandu joħroġ dawn il-biljetti minn lott speċjali jew għadd speċjali tal-cash register tar-rekords fiskali mmarkat bħala ‘Honoris Causa’/‘Dħul b'xejn’”.

    (16)  It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 jgħid dan li ġej: “Għal biljetti maħruġa mmarkati ‘Honoris Causa’/‘Dħul b'xejn’ għandhom jitħallus tariffi pubbliċi skont il-valur tal-biljetti għal dak il-jum kif stabbilit fil-paragrafu 5 ta' din id-deċiżjoni.”

    (17)  L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 10 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 jgħid dan li ġej: “Il-ħlasijiet pubbliċi għandhom jiġu ddepożitati f'uffiċċju kompetenti tat-taxxa fuq id-dħul sal-għaxar jum ta' kull xahar billi tkun preżentata dikjarazzjoni li tikkonċerna t-tariffi miġbura matul ix-xahar ta' qabel.”.

    (18)  L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 8 tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-1995 jiddikjaraw dan li ġej: “Kif ipprovdut skont il-paragrafi minn 2 sa 7 msemmija hawn fuq, [l-operaturi tal-każinojiet] jistgħu joħorġu biljetti fit-tul validi għal ħmistax jew tletin jum konsekuttiv jew xahar kalendarju wieħed, kif xieraq. Jista' jingħata skont fuq il-valur tal-biljetti fit-tul imsemmija hawn fuq, kif ġej:

    (a)

    Erbgħinfil-mija (40 %) tal-valur totali ta' ħmistax-il biljett għal jum wieħed għall-biljetti validi għal ħmistax-il jum. F'każ li dawn il-biljetti jinħarġu għal perjodu kalendarju ta' ġimagħtejn, l-aħħar ġimagħtejn ta' kull xahar ikopru l-perjodu mis-16 sal-aħħar tax-xahar.

    (b)

    Ħamsin fil-mija (50 %) tal-valur totali ta' tletin biljett ta' għal jum wieħed għall-biljetti validi għal tletin jum jew xahar”.

    (19)  Il-liġi 1624/1951 li tirratifika, temenda u tissupplimenta l-Liġi 1565/1950 dwar il-ħolqien tal-Organizzazzjoni tat-Turiżmu Ellenika, Νόμος 1624, Δημοσιεύθηκε στο ΦΕΚ 7 - 8.1.1951.

    (20)  Id-Digriet 4109/1960 li jemenda u jissupplimenta l-leġiżlazzjoni dwar l-Organizzazzjoni tat-Turiżmu Ellenika u ċerti dispożizzjonijiet oħra, Νομοθετικό Διάταγμα 4109, Δημοσιεύθηκε στο ΦΕΚ 153 - 29.9.1960.

    (21)  Il-liġi 2160/1993 dwar it-turiżmu u affarijiet oħra, Νόμος 2160, Δημοσιεύθηκε στο ΦΕΚ 118 - 19.7.1993.

    (22)  Il-liġi 2687/1953 dwar l-investiment u l-protezzjoni ta' kapital barrani, Νομοθετικό Διάταγμα 2687, Δημοσιεύθηκε στο ΦΕΚ 317 - 10.11.1953.

    (23)  Casino Thessaloniki ġie dikjarat li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi 2687/1953 skont id-Digriet Presidenzjali Π.Λ. 290/1995 (li japprova investiment f'kapital barrani minn Hyatt Regency Hotel and Tourism Enterprise, Προεδρικό Διάταγμα 290, Δημοσιεύθηκε στο ΦΕΚ 163 - 9.8.1995) li assimilah mal-każinojiet ta' Mont Parnès u ta' Korfù.

    (24)  Ara l-paragrafi 16, 17 u 18 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (25)  Casino Mont Parnès kien operat minn Elliniko Kasino Parnithas A.E. (EKP), imwaqqfa fl-2001 bħala sussidjarja tal-ETA, kkontrollata bis-sħiħ mill-Istat Grieg.

    (26)  Skont l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, Casino Corfu kien privatizzat fit-30 ta' Awwissu 2010 permezz ta' sejħa internazzjonali għall-offerti, ta' 100 % tal-ishma tal-kumpanija Corfu Hellenic Casino S.A. (EKK) lill-V&T Corfu Casino S.A., li ġiet stabbilita minn offerent rebbieħ, jiġifieri l-grupp Vivere Entertainment Commercial & Holding S.A. - Theros International Gaming INC.. EKK kienet twaqqfet fl-2001 bħala sussidjarja tal-ETA.

    (27)  Skont id-deċiżjoni ministerjali Τ/633/29.5.1996

    (28)  Il-liġi 4093/2012, il-Gazzetta tal-Gvern I 222 tat-12 ta' Novembru 2012.

    (29)  Ara l-paragrafi 19-23 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (30)  Ara l-paragrafi 26, 27, 28 u 37 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (31)  Ara l-paragrafi minn 24 sa 29 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (32)  Ara l-paragrafi 30, 31 u 32 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (33)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (34)  Ara l-paragrafi 34 u 35 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

    (35)  Ara l-paragrafi 36, 37 u 38 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

    (36)  Ara l-paragrafi 39 u 40 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

    (37)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Kawżi magħquda C-20/15 P u C-21/15 P Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group, ECLI:EU:C:2016:981, il-paragrafu 53, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

    (38)  Ara l-Kawżi C-20/15 P u C-21/15 P Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group, ECLI:EU:C:2016:981, il-paragrafu 56 u l-Kawża C-6/12 P Oy, ECLI: EU:C:2013:525, il-paragrafu 18.

    (39)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41.

    (40)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, l-Italja vs il-Kummissjoni, 173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-paragrafu 13.

    (41)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/339/KE tal-15 ta' Ottubru 2003 dwar il-miżuri implimentati mill-Italja għar-RAI SpA (ĠU L 119, 23.4.2004, p. 1), il-premessa 69; l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Fennelly tas-26 ta' Novembru 1998, Franza vs il-Kummissjoni, C-251/97, ECLI:EU:C:1998:572, il-paragrafu 26.

    (42)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415, il-paragrafu 84.

    (43)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, ECLI:EU:C:1994:100, il-paragrafu 13; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 25; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1999, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-6/97, ECLI:EU:C:1999:251, il-paragrafu 15; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 2005, Heiser, C-172/03, ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 36.

    (44)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Novembru 2003, GEMO SA, C-126/01, ECLI:EU:C:2003:622, il-paragrafi 28 sa 31.

    (45)  Is-Sentenza tal-2014, il-paragrafu 55.

    (46)  Ibid, il-paragrafu 57.

    (47)  L-inġunzjoni tal-2015, il-paragrafu 35.

    (48)  Sentenza tal-2014, il-paragrafu 76.

    (49)  Ibid, il-paragrafu 77.

    (50)  Ibid, il-paragrafu 78.

    (51)  Ibid, il-paragrafu 80.

    (52)  L-inġunzjoni tal-2015, il-paragrafu 55.

    (53)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Jannar 1978, Van Tiggele, 82/77, ECLI:EU:C:1978:10, il-paragrafi 25 u 26; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, T-358/94, ECLI:EU:T:1996:194, il-paragrafu 63.

    (54)  Il-Każ C-379/98 Preussen Elektra EU:C:2001:160, il-paragrafu 62.

    (55)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Jannar 1978, Van Tiggele, 82/77, ECLI:EU:C:1978:10, il-paragrafi 25 u 26.


    Top