Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017O0009

Linja Gwida (UE) 2017/697 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' April 2017 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/9)

ĠU L 101, 13.4.2017, p. 156–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2017/697/oj

13.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/156


LINJA GWIDA (UE) 2017/697 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta' April 2017

dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/9)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(5)(a) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Huwa jissorvelja l-funzjonament tas-sistema biex jiżgura applikazzjoni konsistenti ta' standards għoljin ta' superviżjoni u l-konsistenza ta' eżiti superviżorji fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti. Il-BĊE jista' joħroġ linji gwida lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK), li għandhom jiġu osservati fit-twettiq ta' kompiti superviżorji u fl-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji mill-ANK.

(2)

Il-BĊE għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2).

(3)

Bħala l-awtorità kompetenti biex tagħmel dan skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE eżerċita numru ta' opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni taħt ir-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2016/4) (3) għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti.

(4)

Għalkemm l-ANK huma primarjament responsabbli biex jeżerċitaw l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet rilevanti fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti, ir-rwol ta' sorveljanza kumplessiv tal-BĊE fi ħdan l-MSU jippermettilu jippromwovi l-eżerċitar konsistenti tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet fir-rigward ta' istituzzjonijiet kemm sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti, meta jkun xieraq. Dan jiżgura li (a) is-sorveljanza prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti tiġi implimentata b'mod koerenti u effettiv, (b) li jiġi applikat sett ta' regoli wieħed għas-servizzi finanzjarji b'mod konsistenti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti, u (c) li l-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha jkunu suġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità.

(5)

Bl-għan li jiġi bbilanċjat il-bżonn għall-applikazzjoni konsistenti ta' standards superviżorji bejn istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti, minn naħa waħda, mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità min-naħa l-oħra, il-BĊE identifika ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet fost dawk li eżerċita fir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) li għandhom jiġu eżerċitati bl-istess mod mill-ANK fis-superviżjoni ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

(6)

Opzjonijiet u diskrezzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti b'referenza għall-fondi proprji u rekwiżiti kapitali skont l-Artikoli 89(3), 178(1)(b) u 282(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 471(1) u l-Artikolu 478(3)(a) u (b) tal-istess Regolament, għandhom impatt fuq il-livell u l-kwalità ta' fondi proprji regolatorji u l-proporzjonijiet tal-kapital ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti. Applikazzjoni prudenti u konsistenti ta' dawn l-opzjonijiet u diskrezzjonijiet hija meħtieġa għal diversi raġunijiet. Din tiżgura li (a) ir-riskji relatati ma' investimenti kwalifikanti barra mis-settur finanzjarju jiġu indirizzati b'mod adegwat, (b) id-definizzjoni ta inadempjenza tintuża b'mod konsistenti fir-rigward tal-adegwatezza u l-paragunabbiltà tar-rekwiżiti ta' fondi proprji, u (ċ) ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għal tranżazzjonijiet bi profil ta' riskju mhux lineari jew għal komponenti ta' ħlas u tranżazzjonijiet bi strumenti ta' dejn bħala sottostanti li għalihom l-istituzzjoni ma tistax tiddetermina d-delta jew it-tul ta' żmien modifikat ikunu kkalkolati b'mod prudenti. L-applikazzjoni armonizzata ta' dispożizzjonijiet tranżitorji relatati mat-tnaqqis ta' investimenti f'ekwità f'kumpanniji ta' assigurazzjoni u assi tat-taxxa differita, tiżgura li d-definizzjoni iktar rigoruża ta' kapital regolatorju introdotta mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tiġi implimentata minn instituzzjonijiet ta' kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti f'perijodu ta' żmien adegwat.

(7)

Opzjonijiet u diskrezzjonijiet fir-rigward tal-eżenzjoni ta' skoperturi mill-applikazzjoni ta' limiti ta' skopertura kbar stabbiliti fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu applikati b'mod konsistenti kemm għal istituzzjonijiet sinifikanti u istituzzjonijiet inqas sinifikanti sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għal istituzzjonijiet ta' kreditu fl-Istati Membri parteċipanti, sabiex jiġu limitati r-riskji ta' konċentrazzjoni li ġejjin minn skoperturi speċifiċi u biex jiġi żgurat li l-istess standards minimi jiġu applikati fl-MSU għall-valutazzjoni ta' konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 400(3) tal-istess Regolament. B'mod partikolari, riskji ta' konċentrazzjoni li jinħolqu minn bonds koperti li jaqgħu fi ħdan it-termini tal-Artikolu 129(1), (3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skoperturi lejn jew iggarantiti minn gvernijiet reġjonali jew awtoritajiet lokali tal-Istati Membri, fejn dawk il-krediti jingħataw piż ta' riskju ta' 20 % taħt il-Parti Tlieta, Titolu II, Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu limitati. Għal skoperturi intragrupp, inklużi parteċipazzjonijiet jew tipi oħra ta' investimenti, għandu jiġi żgurat li d-deċiżjoni biex dawn l-iskoperturi jkunu eżenti għal kollox mill-applikazzjoni ta' limiti ta' skoperturi kbar tkun ibbażata fuq evalwazzjoni fil-fond kif speċifikat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4). Hija ġġustifikata l-applikazzjoni ta' kriterji komuni għall-valutazzjoni ta' jekk skopertura, inklużi parteċipazzjonijiet jew tipi oħra ta' investimenti, għal instituzzjonijiet ta' kreditu reġjonali jew ċentrali li magħhom hija assoċjata istituzzjoni ta' kreditu f'netwerk skont id-dispożizzjonijiet legali jew statutorji u li huma responsabbli, taħt dawk id-dispożizzjonijiet, għal operazzjonijiet tal-ikklerjar tal-flus fi ħdan in-netwerk, tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mil-limiti tal' skopertura kbira kif speċifikat fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4). Applikazzjoni bħal dik tiżgura li istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti assoċjati fl-istess netwerk jiġu ttrattati b'mod konsistenti. Il-mod kif tiġi eżerċitata l-opzjoni pprovduta fl-Artikolu 400(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif stabbilit f'din il-Linja Gwida għandu japplika biss jekk l-Istat Membru relevanti ma jkunx eżerċita l-opzjoni pprovduta fl-Artikolu 493(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(8)

Opzjonijiet u diskrezzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 24(4) u (5) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (5) għall-kalkolu ta' flussi 'l barra minn depożiti bl-imnut stabbli koperti minn skema ta' garanzija ta' depożitu (DGS) sabiex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' kopertura tal-likwidità għandhom jiġu eżerċitati b'mod konsistenti għall-istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti sabiex jiġi żgurat trattament identiku ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fl-istess DGS,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din il-Linja Gwida tispeċifika ċerti mill-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet ta' applikazzjoni ġenerali kkonferiti fuq awtoritajiet kompetenti skont il-liġi tal-Unjoni fir-rigward ta' rekwiżiti prudenzjali, li għandhom jiġu eżerċitati mill-ANK fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti b'mod totalment allinjat mal-mod kif il-BĊE jeżerċita l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet rilevanti fir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/61.

KAPITOLU II

IL-MOD KIF JIĠU EŻERĊITATI OPZJONIJIET U DISKREZZJONIJIET FIR-RIGWARD TA' ISTITUZZJONIJIET INQAS SINIFIKANTI LI JEĦTIEĠU ALLINJAMENT SĦIĦ MAL-LIĠI APPLIKABBLI GĦAL ISTITUZZJONIJIET SINIFIKANTI

SEZZJONI I

Fondi proprji

Artikolu 3

Artikolu 89(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: ippeżar tar-riskju u l-projbizzjoni ta' investimenti kwalifikanti barra mis-settur finanzjarju

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżit ta' kapital skont il-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-ANK għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti japplikaw piż tar-riskju ta' 1 250 % għall-ikbar wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'impriżi msemmija fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jaqbeż il-15 % tal-kapital eliġibbli tal-istituzzjoni ta' kreditu; u

(b)

l-ammont ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'impriżi msemmija fl-Artikolu 89(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jaqbeż is-60 % tal-kapital eliġibbli tal-istituzzjoni ta' kreditu.

SEZZJONI II

Rekwiżiti ta' kapital

Artikolu 4

Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: inadempjenza ta' debitur

L-ANK għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti japplikaw l-istandard ta' “aktar minn 90 jum wara li jsiru dovuti” għall-kategoriji ta' skoperturi speċifikati fl-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 5

Artikolu 282(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: settijiet ta' hedging

Għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 282(6) tar-Regolament Nru (UE) Nru 575/2013, l-ANK għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jużaw il-metodu ta' valutazzjoni skont is-suq kif stabbilit fl-Artikolu 274 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

TAQSIMA III

Skoperturi kbar

Artikolu 6

Artikolu 400(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet

L-ANK għandhom jeżerċitaw l-opzjoni fir-rigward ta' eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 400(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti skont dan l-Artikolu u l-Anness relatat.

(a)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament għal 80 % tal-valur nominali tal-bonds koperti, iżda għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(b)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament għal 80 % tal-valur ta' skopertura tagħhom, iżda għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(c)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati għal kollox mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness ta' din il-Linja Gwida.

(d)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(e) sa (k) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati għal kollox, jew fil-każ tal-Artikolu 400(2)(i) għandhom ikunu eżentati sal-ammont massimu permess, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament, sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(e)

L-ANK għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jivvalutaw jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ukoll fl-Anness ta' din il-Linja Gwida applikabbli għall-iskopertura speċifika. L-ANK tista' tivverifika din il-valutazzjoni fi kwalunkwe żmien u titlob lill-istituzzjonijiet inqas sinifikanti biex jissottomettu d-dokumentazzjoni msemmija fl-Anness għal dan l-iskop.

(f)

Dan l-Artikolu għandu japplika biss meta l-Istat Membru relevanti ma jkunx eżerċita l-opzjoni taħt l-Artikolu 493(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jagħti eżenzjoni sħiħa jew parzjali għall-iskopertura speċifika.

TAQSIMA IV

Likwidità

Artikolu 7

Artikolu 24(4) u (5) tar-Regolament Iddelegat (UE) 2015/61: flussi 'l barra minn depożiti bl-imnut stabbli

L-ANK għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jimmultiplikaw bi 3 % l-ammont ta' depożiti bl-imnut stabbli koperti bi skema ta' garanzija ta' depożitu kif imsemmi fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament Iddelegat (UE) 2015/61, sakemm il-Kummissjoni tkun TAT l-approvazzjoni tagħha minn qabel skont l-Artikolu 24(5) ta' dak ir-Regolament Iddelegat li jiċċertifika li l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 24(4) ġew sodisfatti.

TAQSIMA V

Dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Artikolu 8

Artikolu 471(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjoni minn tnaqqis ta' investimenti f'ekwità f'kumpaniji tal-assigurazzjoni mill-partiti ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1

1.   Matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2018, l-ANK jistgħu jippermettu lil istituzzjonijiet inqas sinifikanti biex ma jnaqqsux parteċipazzjonijiet ta' ekwità f'impriżi tal-assigurazzjoni, impriżi tar-riassigurazzjoni u kumpanniji holding tal-assigurazzjoni minn partiti ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1 skont l-Artikolu 471(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2019, l-ANK għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jnaqqsu parteċipazzjonijiet ta' ekwità f'impriżi ta' assigurazzjoni, impriżi ta' riassigurazzjoni u kumpanniji holding ta' assigurazzjoni mill-partiti ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1.

3.   Dan l-Artikolu japplika mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħudin mill-ANK skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 9

Artikolu 478(3)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: perċentwali applikabbli għat-tnaqqis mill-Ekwità Komuni tal-Grad 1 ta' investimenti sinifikanti f'entitajiet tas-settur finanzjarju u assi tat-taxxa differiti li jiddependu fuq profitt fil-futur

L-ANK għandhom jeżerċitaw l-opzjoni fir-rigward tal-perċentwali applikabbli għat-tnaqqis mill-partiti tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 ta' investimenti sinifikanti f'entitajiet tas-settur finanzjarju u assi tat-taxxa differiti li jiddependu fuq profitt fil-futur previst mill-Artikolu 478(3)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 skont kif ġej:

(a)

Għall-finijiet tal-Artikolu 478(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-perċentwal applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 469(1)(a) u (c) ta' dak ir-Regolament għandu jkun ta' 100 % mill-1 ta' Jannar 2018.

(b)

Għall-finijiet tal-Artikolu 478(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-perċentwal applikabbli għandu jkun ta' 100 % mill-1 ta' Jannar 2018.

(c)

B'deroga mill-punt (b), fejn, bis-saħħa tal-Artikolu 478(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal perjodu ta' tneħħija gradwali fuq 10 snin, il-perċentwal applikabbli għandu jkun:

(i)

80 % matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2018; u

(ii)

100 % mill-1 ta' Jannar 2019.

(d)

L-ANK m'għandhomx japplikaw il-punti (b) u (c) għal istituzzjonijiet inqas sinifikanti li, fid-data meta din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ, ikunu soġġetti għal pjanijiet ta' ristrutturar approvati mill-Kummissjoni.

(e)

Meta istituzzjoni ta' kreditu li tidħol fl-ambitu tal-punt (d) tiġi akkwistata minn istituzzjoni ta' kreditu oħra jew tamalgama magħha waqt li l-pjan ta' ristrutturar jkun għadu fis-seħħ mingħajr modifika dwar it-trattament prudenzjali ta' assi tat-taxxa differita, l-ANK għandhom japplikaw l-eċċezzjoni fil-punt (d) għall-istituzzjoni ta' kreditu li qed takkwista, l-istituzzjoni ta' kreditu ġdida li tirriżulta mill-amalgamazzjoni jew istituzzjoni ta' kreditu li tinkorpora l-istituzzjoni ta' kreditu oriġinali, sal-istess grad li applikat għall-istituzzjoni ta' kreditu akkwistata, amalgamata jew inkorporata.

(f)

Fil-każ ta' żieda mhux mistennija fl-impatt tat-tnaqqis skont il-punti (b) u (c) li l-ANK tiddetermina bħala materjali, l-istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti għandhom jitħallew ma japplikawx il-punti (b) jew (c).

(g)

Meta l-punti (b) u (c) ma japplikawx, l-ANK għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti japplikaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali.

Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li kienet teżisti qabel id-data meta din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ, sakemm dik il-liġi tistabbilixxi perċentwali li huma ogħla minn dawk speċifikati fil-punti (a) sa (c).

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-ANK għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta' Jannar 2018, ħlief għall-Artikolu 7 li miegħu għandhom jikkonformaw mill-1 ta' Jannar 2019.

Artikolu 11

Destinatarji

Din il-Linja ta' Gwida hija indirizzata lill-ANK tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta' April 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BĊE/2016/4) (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 60).

(4)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).


ANNESS

Kundizzjonijiet għall-valutazzjoni ta' eżenzjoni minn limitu ta' skopertura kbira, skont l-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 6(c) ta' din il-Linja Gwida

1.

L-ANK għandhom jeżiġu li isituzzjonijiet inqas sinifikanti jikkunsidraw dawn il-kriterji li ġejjin meta jivvalutaw jekk skopertura msemmija fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mil-limitu ta' skopertura kbira, skont l-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(a)

Sabiex jiġi vvalutat jekk in-natura speċifika tal-iskopertura, il-korp reġjonali jew ċentrali jew ir-relazzjoni bejn l-istituzzjoni ta' kreditu u l-korp reġjonali jew ċentrali jeliminawx jew inaqqsux ir-riskju tal-iskopertura, kif ipprovdut fl-Artikolu 400(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, istituzzjonijiet inqas sinjifikanti għandhom jikkunsidraw jekk:

(i)

hemmx impedimenti prattiċi jew legali materjali attwali jew antiċipati li jistgħu jxekklu l-ħlas lura fil-ħin tal-iskopertura mill-kontroparti lill-istituzzjoni ta' kreditu, ħlief fil-każ ta' sitwazzjoni ta' rkupru jew riżoluzzjoni meta r-restrizzjonijiet msemmija fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) huma meħtieġa li jiġu implimentati;

(ii)

l-iskoperturi proposti huma f'konformità mal-andament normali tan-negozju tal-istituzzjoni tal-kreditu u l-mudell tan-negozju tagħha jew iġġustifikati mill-istruttura tal-finanzjament tan-netwerk;

(iii)

il-proċess li permezz tiegħu tittieħed deċiżjoni għall-approvazzjoni ta' skopertura lill-korp ċentrali, u l-proċess ta' monitoraġġ u reviżjoni applikabbli għal dawn l-iskoperturi, fil-livell individwali u kkonsolidat, meta jkun rilevanti, huwa simili għal dawk li huma applikati għal self lil terzi;

(iv)

il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju, is-sistema tal-IT u r-rapportar intern tal-istituzzjoni ta' kreditu jippermettulha tivverifika u tiżgura b'mod kostanti li l-iskoperturi kbar għall-korp reġjonali jew ċentrali tagħha huma kumpatibbli mal-istrateġija tar-riskju tagħha.

(b)

Sabiex jiġi vvalutat jekk xi riskju ta' konċentrazzjoni li fadal jistax jiġi indirizzat b'mezzi oħrajn li huma ugwalment effettivi bħall-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi pprovduti fl-Artikolu 81 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif previst fl-Artikolu 400(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, istituzzjonijiet inqas sinjifikanti għandhom iqisu jekk:

(i)

l-istituzzjoni ta' kreditu għandhiex proċessi, proċeduri u kontrolli robusti biex jiġi żgurat li l-użu tal-eżenzjoni ma jirriżultax f'riskju ta' konċentrazzjoni li huwa barra l-istrateġija tar-riskju tagħha;

(ii)

l-istituzzjoni ta' kreditu ikkunsidratx formalment il-konċentrazzjoni tar-riskju li jirriżulta mill-iskoperturi għall-korp reġjonali jew ċentrali tagħha bħala parti mill-qafas ta' valutazzjoni tar-riskju ġenerali tagħha;

(iii)

l-istituzzjoni ta' kreditu għandhiex qafas ta' kontroll tar-riskju li jimmonitorja b'mod adegwat l-iskoperturi proposti;

(iv)

ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta kienx jew huwiex se jkun identifikat b'mod ċar fil-proċess ta' valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern (ICAAP) ta' insitutzzjoni ta' kreditu u huwiex se jkun ġestit b'mod attiv. L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni humiex se jiġu vvalutati fil-proċess ta' reviżjoni u ta' evalwazzjoni superviżorju.

2.

Barra mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ANK għandhom jeżiġu lki l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jqisu l-kriterji li ġejjin, sabiex jiġi vvalutat jekk il-korp reġjonali jew ċentrali li miegħu hija assoċjata l-istituzzjoni ta' kreditu f'netwerk hijiex responsabbli għal operazzjonijiet tal-ikklerjar ta' flus kontanti, kif previst fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jekk il-liġijiet sussidjarji jew l-artikoli ta' assoċjazzjoni tal-korp ċentrali jinkludux espliċitamentdawn ir-responsabbiltajiet, inklużi, imma mhux biss, dawn li ġejjin:

(a)

finanzjament tas-suq għan-netwerk sħiħ;

(b)

ikklerjar ta' likwidità fi ħdan in-netwerk, fl-ambitu tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

tiġi pprovduta likwidità lil istituzzjonijiet ta' kreditu affiljati;

(d)

assorbiment ta' likwidità eċċessiva ta' istituzzjonijiet ta' kreditu affiljati.

3.

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1 u 2 humiex sodisfatti, l-ANK jistgħu jitolbu lil istituzzjonijiet inqas sinifikanti biex jissottomettu d-dokumentazzjoni li ġejja.

(a)

Ittra ffirmata mir-rappreżentant legali tal-istituzzjoni ta' kreditu, b'approvazzjoni mill-korp maniġerjali, fejn jingħad li l-istituzzjoni ta' kreditu tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 400(2)(d) u l-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex tingħata eżenzjoni.

(b)

Parir legali, maħruġ jew minn terza persuna indipendenti esterna jew minn dipartiment legali intern, u approvat mill-korp ta' ġestjoni, fejn jintwera li ma hemmx ostkoli li jistgħu jtellfu l-ħlas lura fil-ħin tal-iskoperturi minn korp reġjonali jew ċentrali lill-istituzzjoni ta' kreditu li jirriżulta jew mill-applikazzjoni ta' regolamenti, inklużi regolamenti fiskali, jew ftehim vinkolanti.

(c)

Stqarrija ffirmata mir-rappreżentant legali u approvata mill-korp maniġerjali li tgħid li:

(i)

ma hemmx impedimenti prattiċi għall-ħlas lura fil-ħin tal-iskoperturi minn korp reġjonali jew ċentrali lill-istituzzjoni ta' kreditu;

(ii)

l-iskoperturi tal-korp reġjonali jew ċentrali huma ġġustifikati mill-istruttura ta' finanzjament tan-netwerk;

(iii)

il-proċess li permezz tiegħu tittieħed deċiżjoni għall-approvazzjoni ta' skopertura lill-korp reġjonali jew ċentrali, u l-proċess ta' monitoraġġ u reviżjoni applikabbli għal dawn l-iskoperturi, fil-livell ta' entità legali u fil-livelli kkonsolidat, huma simili għal dawk li huma applikati għal self lil terzi;

(iv)

riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi għall-korp reġjonali jew ċentrali ġie kkunsidrat bħala parti mill-qafas ta' valutazzjoni tar-riskju globali ta' istituzzjoni ta' kreditu.

(d)

Dokumentazzjoni ffirmata mir-rappreżentant legali u approvata mill-korp maniġerjali li tiċċertifika li l-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju, il-proċeduri tal-kalkolu u l-kontroll tal-istituzzjoni ta' kreditu huma l-istess bħal tal-korp reġjonali jew ċentrali u li l-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju, is-sistema tal-IT u r-rapportar intern tal-istituzzjoni ta' kreditu jippermettu lill-korp maniġerjali biex jimmonitorja kontinwament il-livell tal-iskopertura l-kbira u l-kumpatibbiltà tagħha mal-istrateġija tar-riskju tal-istituzzjoni tal-kreditu fil-livell tal-entità legali u fil-livell ikkonsolidat, fejn rilevanti, u mal-prinċipji ta' ġestjoni soda tal-likwidità interna fi ħdan in-netwerk.

(e)

Dokumentazzjoni li turi li l-ICAAP tidentifika b'mod ċar ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi kbar lill-korp reġjonali jew ċentrali u li dan huwa ġestit b'mod attiv.

(f)

Dokumentazzjoni li turi li l-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni hija konsistenti mal-pjan ta' rkupru tan-netwerk.


(1)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(2)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


Top