Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1437

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1437 tal-4 ta' Awwissu 2017 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Repubblika Ċeka (notifikata bid-dokument C(2017) 5418) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/5418

ĠU L 205, 8.8.2017, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1437/oj

8.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/87


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1437

tal-4 ta' Awwissu 2017

li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Repubblika Ċeka

(notifikata bid-dokument C(2017) 5418)

(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profitti tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer salvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) li tistabbilixxi l-miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi l-istabbiliment ta' żona infettata wara li jiġi kkonfermat każ wieħed jew iktar ta' deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi.

(4)

Ir-Repubblika Ċeka għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni aġġornata fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, u skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żona infettata fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li pajjiżi terzi jimponu ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ, jeħtieġ li tiġi identifikata fil-livell tal-Unjoni ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Repubblika Ċeka b'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(6)

Għaldaqstant, iż-żona infettata fir-Repubblika Ċeka għandha titniżżel fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi ffissat it-tul taż-żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Ċeka għandha tiżgura li ż-żona infettata stabbilita skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tinkludi tal-inqas iż-żoni mniżżlin bħala ż-żona infettata fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Settembru 2017.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda id-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).


ANNESS

Iż-żoni stabbiliti bħala ż-Żona Infettata fir-Repubblika Ċeka kif imsemmi fl-Artikolu 1

Id-data sa meta japplikaw

Id-distrett ta' Zlin

It-30 ta' Settembru 2017


Top