Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2230

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/2230 tat-12 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ĠU L 336I, 12.12.2016, pp. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2230/oj

12.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 336/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/2230

tat-12 ta' Diċembru 2016

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 (2) jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/788/PESK (3) u jipprevedi ċerti miżuri diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż l-iffriżar tal-assi tagħhom.

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 tistabbilixxi kriterji għal listi awtonomi tal-Unjoni.

(3)

Għaldaqstant, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex tagħti effett għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231, partikolarment bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effikaċi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta', li huma miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew Anness Ia inkluż minn parti terza li taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness Ia jew għall-benefiċċju tagħhom.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2b

1.   L-Anness Ia għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kunsill għal kwalunkwe raġuni minn dawn:

(a)

li jostakolaw soluzzjoni konsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK, inkluż b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi jdgħajfu l-istat tad-dritt;

(b)

li jippjanaw, jidderġu jew iwettqu atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;

(c)

li huma assoċjati ma' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

2.   L-Anness Ia għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fih.

3.   L-Anness Ia għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi psewdonomi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness Ia u tal-membri dipendenti tal-familji ta' tali persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u tariffi tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba assoċjati mal-forniment ta' servizzi legali; jew

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji jew tariffi għal servizzi għall-ġestjoni normali jew il-kustodja ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; u

fejn l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dik l-azzjoni fi żmien erbat ijiem ta' xogħol min-notifika.

2.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li:

(a)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie notifikat dwar din id-determinazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat; u

(b)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness Ia, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifka lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għaliex iqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-anqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

3.   Għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness Ia, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafi 1 u 2.”;

(4)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi iffriżati, sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta':

(i)

garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel it-18 ta' April 2005 jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness 1; jew

(ii)

deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data meta l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness Ia, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, kemm qabel kif ukoll wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew is-sentenza mhijiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew l-Anness Ia;

(d)

ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   Għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I, il-garanzija jew sentenza msemmija fil-paragrafu 1(a)(i) għandha tiġi notifikata mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

3.   Għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness Ia, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.”;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4b

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi iffriżatili li jappartjenu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness Ia, jew li jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness Ia, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun neċessarju għal finijiet umanitarji, bħall-forniment jew il-faċilitazzjoni tal-forniment ta' għajnuna, inkluż provvisti mediċi u ikel, jew it-trasferiment ta' ħaddiema umanitarji u għajnuna relatata jew għal evakwazzjonijiet mir-RDK.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.”;

(6)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda f'kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal dan ir-Regolament;

(c)

ħlasijiet dovuti lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness Ia taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-UE jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

sakemm kull tali imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet ikunu ffriżati f'konformità mal-Artikolu 2(1).

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar fil-kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi trasferiti minn partijiet terzi lill-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew IA, bil-kundizzjoni li kwalunkwe tali żieda f'kontijiet bħal dawn tiġi ffriżata. L-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu għandhom jinformaw bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti b'dawn it-tranżazzjonijiet.”;

(7)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn huma residenti jew fejn jinsabu, u jittrasmettu tali informazzjoni, direttament jew permezz ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni;

(b)

jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti f'kull verifika ta' din l-informazzjoni.”;

(8)

fl-Artikolu 7a(1), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi I jew Ia;”;

(9)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jinnomina persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I.

2.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi fl-Anness Ia.

3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, sabiex b'hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

4.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat b'dan.

5.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi li jneħħi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp mil-lista, jew li jemenda d-data tal-identifikazzjoni ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkata, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I, kif adatt.

6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.”;

(10)

fir-Regolament (KE) Nru 1183/2005, it-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament jiddaħħal wara l-Anness I.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 336 I, 12.12.2016, p. 7.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30).


ANNESS

“ANNESS Ia

LISTA TA' PERSUNI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2b

A.   PERSUNI

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għal deżinjazzjoni

Data tal-Inklużjoni fil-Lista

1.

Ilunga Kampete

magħruf ukoll bħala Gaston Hughes Ilunga Kampete; magħruf ukoll bħala Hugues Raston Ilunga Kampete.

Twieled fl-24.11.1964 f'Lubumbashi, numru tal-karta tal-identità militari: 1-64-86-22311-29. Nazzjonalità Kongoliża.

Bħala Kmandant tal-Gwardja Repubblikana (GR), Ilunga Kampete kien responsabbli għall-unitajiet tal-GR skjerati fuq l-art u involuti fl-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti, f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Ilunga Kampete kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

12.12.2016

2.

Gabriel Amisi Kumba

magħruf ukoll bħala Gabriel Amisi Nkumba; magħruf ukoll bħala “Tango Fort”; magħruf ukoll bħala “Tango Four”.

Twieled fit-28.5.1964 f'Malela, numru tal-karta tal-identità militari: 1-64-87-77512-30. Nazzjonalità Kongoliża.

Kmandant tal-ewwel żona tad-difiża tal-armata Kongoliża (FARDC) li l-forzi tagħha ħadu sehem fl-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti, f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Gabriel Amisi Kumba kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

12.12.2016

3.

Ferdinand Ilunga Luyoyo

Twieled fit-8.3.1973 f'Lubumbashi.

Numru tal-passaport: nru OB0260335 (validu mill-15.4.2011 sal-14.4.2016). Nazzjonalità Kongoliża.

Bħala Kmandant tal-korp għal kontra l-irvellijiet il-Légion Nationale d'Intervention tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC), Ferdinand Ilunga Luyoyo kien responsabbli għall-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Ferdinand Ilunga Luyoyo kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

12.12.2016

4.

Celestin Kanyama

magħruf ukoll bħala Kanyama Tshisiku Celestin; magħruf ukoll bħala Kanyama Celestin Cishiku Antoine, magħruf ukoll bħala Kanyama Cishiku Bilolo Célestin, magħruf ukoll bħala Esprit de mort.

Twieled fl-4.10.1960 f'Kananga. Nazzjonalità Kongoliża. Numru tal-passaport: OB0637580 (validu mill-20.5.2014 sad-19.5.2019).

Ingħata viża ta' Schengen bin-numru 011518403, maħruġa fit-2.7.2016.

Bħala Kummissarju tal-Pulizija ta' Kinshasa (PNC), Celestin Kanyama kien responsabbli għall-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Celestin Kanyama kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

12.12.2016

5.

John Numbi

magħruf ukoll bħala John Numbi Banza Tambo; magħruf ukoll bħala John Numbi Banza Ntambo; magħruf ukoll bħala Tambo Numbi.

Twieled fis-16.8.1962 f'Jadotville-Likasi-Kolwezi. Nazzjonalità Kongoliża.

Ex-Spettur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC). John Numbi għadu figura infuwenti li b'mod partikolari kien involut fil-kampanja ta' intimidazzjoni vjolenti fl-elezzjonijiet tal-gvernaturi ta' Marzu 2016 fl-erba' provinċji tal-ex-Katangan tar-RDK u bħala tali kien responsabbli għall-impediment ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK.

12.12.2016

6.

Roger Kibelisa

magħruf ukoll bħala Roger Kibelisa Ngambaswi.

Nazzjonalità Kongoliża.

Bħala Direttur għall-Intern fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali (ANR) Roger Kibelisa kien hu involut fil-kampanja ta' intimidazzjoni mwettqa minn uffiċjali tal-ANR lejn membri tal-oppożizzjoni, inkluż arresti arbitrarji u detenzjoni. Roger Kibelisa għalhekk dgħajjef l-istat tad-dritt u impedixxa soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK.

12.12.2016

7.

Delphin Kaimbi

magħruf ukoll bħala Delphin Kahimbi Kasagwe; magħruf ukoll bħala Delphin Kayimbi Demba Kasangwe; magħruf ukoll bħala Delphin Kahimbi Kasangwe; magħruf ukoll bħala Delphin Kahimbi Demba Kasangwe; magħruf ukoll bħala Delphin Kasagwe Kahimbi.

Twieled fil-15.1.1969 (alternattivament: 15.7.1969) f'Kiniezire/Goma. Nazzjonalità Kongoliża. Passaport diplomatiku nru: DB0006669 (validu 13.11.2013 sa 12.11.2018).

Kap tal-Korp tal-Intelligence Militari (ex-DEMIAP), parti miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Operazzjonijiet, l-istruttura ta' kmand u ta' kontroll responsabbli għall-arresti arbitrarji u r-repressjoni vjolenta f'Kinshasa f'Settembru 2016, u responsabbli għall-forzi li pparteċipaw fl-intimidazzjoni u l-arresti arbitrarji u r-repressjoni vjolenta li impedixxu soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK.

12.12.2016

B.   ENTITAJIET”.


Top