Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0522

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi ta' pajjiżi terzi u l-banek ċentrali, l-indikaturi ta' manipulazzjoni tas-suq, il-limiti ta' divulgazzjoni, l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta' ttardjar, il-permess għal negozjar matul perjodi magħluqa u t-tipi ta' tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2015/8943

    ĠU L 88, 5.4.2016, p. 1–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/522/oj

    5.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 88/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/522

    tas-17 ta' Diċembru 2015

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi ta' pajjiżi terzi u l-banek ċentrali, l-indikaturi ta' manipulazzjoni tas-suq, il-limiti ta' divulgazzjoni, l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta' ttardjar, il-permess għal negozjar matul perjodi magħluqa u t-tipi ta' tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 6(5), l-Artikolu 12(5), l-Artikolu 17(2) u (3), u l-Artikolu 19(13) u (14) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati f'għadd ta' kwistjonijiet relatati mill-qrib fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti pajjiżi terzi, korpi pubbliċi u banek ċentrali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, l-indikaturi ta' manipulazzjoni tas-suq, il-limiti għad-divulgazzjoni minn parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet dwar informazzjoni privileġġata, l-ispeċifikazzjoni tal-awtorità kompetenti għan-notifika ta' ttardjar tad-divulgazzjoni pubblika ta' informazzjoni privileġġata, u ċ-ċirkustanzi li fihom in-negozjar matul perjodu magħluq jista' jkun permess mill-emittent u t-tipi ta' tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli.

    (2)

    L-Istati Membri, il-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, il-ministeri u aġenziji oħra u vetturi b'għan speċjali ta' Stat Membru wieħed jew iktar, u l-Unjoni u ċerti korpi pubbliċi oħra jew persuni li jaġixxu f'isimhom, ma għandhomx ikunu ristretti fit-twettiq tal-politika monetarja, tar-rata ta' skambju jew ta' ġestjoni ta' dejn pubbliku peress li dawn l-operazzjonijiet jitwettqu fl-interess pubbliku u fl-insegwiment ta' dawn il-politiki biss.

    (3)

    Eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għal operazzjonijiet imwettqa fl-interess pubbliku tista', skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, tiġi estiża għal ċerti korpi pubbliċi inkarigati minn, jew li jintervjenu, fl-ġestjoni ta' dejn pubbliku u għal banek ċentrali ta' pajjiżi terzi meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħejjiet u ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport fejn tivvaluta t-trattament internazzjonali tal-korpi pubbliċi inkarigati minn, jew li jintervjenu, fil-ġestjoni tad-dejn pubbliku u tal-banek ċentrali. Ir-rapport inkluda analiżi komparattiva tat-trattament ta' ċerti korpi u banek ċentrali fil-qafas legali ta' pajjiżi terzi, u l-istandards ta' ġestjoni tar-riskju applikabbli għat-tranżazzjonijiet li jidħlu fihom dawk il-korpi pubbliċi u l-banek ċentrali f'dawk il-ġurisdizzjonijiet. Fl-analiżi komparattiva r-rapport ikkonkluda l-adegwatezza tal-estensjoni tal-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba mwettqa fl-insegwiment tal-politika monetarja, tar-rata tal-kambju jew ta' ġestjoni tad-dejn pubbliku, anki għal ċerti korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' dawk il-pajjiżi terzi.

    (4)

    Lista ta' korpi pubbliċi u banek ċentrali eżentati ta' pajjiżi terzi għandha tiġi stabbilita u rriveduta kull meta jkun meħtieġ.

    (5)

    Huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-indikaturi ta' mġiba manipulattiva relatata ma' sinjali foloz jew qarrieqa u jiġu żguratu l-prezzijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, sabiex jiġu ċċarati l-elementi tagħhom u sabiex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, lista mhux eżawrjenti ta' tali indikaturi inklużi eżempji ta' prattiki għandhom jiġu pprovduti.

    (6)

    Għal xi prattiki, indikaturi addizzjonali għandhom jiġu identifikati peress li jistgħu jiċċaraw u jispjegaw rispettivament tali prattiki. Dawk l-indikaturi ma għandhomx jitqiesu la eżawrjenti u lanqas determinanti u r-relazzjonijiet tagħhom ma' wieħed jew aktar eżempji ta' prattiki m'għandhomx jitqiesu bħala limitattivi. L-eżempji ta' prattiki ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq per se, imma għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni meta tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar jiġu eżaminati mill-parteċipanti tas-suq u l-awtoritajiet kompetenti.

    (7)

    Għandu jiġi segwit approċċ proporzjonat, li jqis in-natura u l-karatteristiċi speċifiċi tal-istrumenti finanzjarji u tas-swieq ikkonċernati. L-eżempji jistgħu jkunu marbuta ma' u juru indikatur wieħed jew aktar ta' manipulazzjoni tas-suq kif ipprovdut fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Bħala riżultat, prattika speċifika tista' tinvolvi aktar minn indikatur wieħed ta' manipulazzjoni tas-suq stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 596/2014 skont kif jiġi użat, u jista' jkun hemm xi elementi komuni. Bl-istess mod, għalkemm mhux speċifikament imsemmija f'dan ir-Regolament, ċerti prattiki oħrajn jistgħu juru kull wieħed mill-indikaturi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Għalhekk, il-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni ċirkustanzi oħra mhux speċifikati li jistgħu jitqiesu bħala manipulazzjoni tas-suq potenzjali skont id-definizzjoni stipulata fir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

    (8)

    Ċerti eżempji ta' prattiki stabbiliti f'dan ir-Regolament jiddeskrivu każijiet li huma inklużi fil-kunċett ta' manipulazzjoni tas-suq jew li, f'ċerti aspetti, jirreferu għal imġiba manipulattiva. Min-naħa l-oħra, ċerti eżempji ta' prattiki jistgħu jitqiesu bħala leġittimi jekk, pereżempju, persuna li tidħol fi tranżazzjonijiet jew toħroġ ordnijiet għal negozjar li jista jitqies li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq tista' tistabbilixxi li r-raġunijiet tagħha biex tidħol f'tali operazzjonijiet jew toħroġ l-ordnijiet għal negozjar kienu leġittimi u konformi ma' prattika aċċettata fis-suq ikkonċernat.

    (9)

    Għall-finijiet tal-elenkar ta' eżempji ta' prattiki li jirreferu għal indikaturi ta' manipulazzjoni tas-suq kif ipprovdut fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, ir-referenzar trasversali fl-Anness II ta' dan ir-Regolament tinkludi kemm eżempju rilevanti ta' prattika u indikaturi oħrajn assoċjati ma' dak l-eżempju.

    (10)

    Għall-finijiet ta' indikaturi ta' mġiba manipulattiva stabbiliti f'dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza għal “ordni għan-negozjar” tkopri t-tipi kollha ta' ordnijiet, inklużi l-ordnijiet inizjali, modifiki, aġġornamenti u kanċellazzjonijiet, irrispettivament minn jekk kinux ġew eżegwiti jew le, mill-mezzi użati għall-aċċess għaċ-ċentru ta' negozjar jew għat-twettiq ta' tranżazzjoni jew għall-ħruġ ta' ordni għan-negozjar, u minn jekk l-ordni tkunx iddaħħlet fir-reġistru tal-ordnijiet taċ-ċentru ta' negozjar jew le.

    (11)

    Il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet huma subsett speċifiku tal-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet. Fost il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti ta' emissjonijiet, dawk li jaqbżu ċerti limiti minimi għandhom jikkwalifikaw bħala parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, u r-rekwiżit tad-divulgazzjoni pubblika ta' informazzjoni privileġġata għandu japplika biss għalihom. Għalhekk, dawn il-livelli minimi għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar.

    (12)

    Wara d-definizzjoni ta' informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk l-informazzjoni inkwistjoni tissodisfax il-kriterji ta' informazzjoni privileġġata. Dan jimplika li parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet mhuwiex mistenni li jiddivulga pubblikament l-informazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet fiżiċi tiegħu. Parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jivvaluta sewwa l-informazzjoni inkwistjoni, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tas-suq u fatturi esterni oħrajn li jista' jkollhom effett fuq il-prezz fuq kwota ta' emissjoni f'punt partikolari fiż-żmien meta tirriżulta l-informazzjoni.

    (13)

    L-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 teskludi mid-definizzjoni ta' parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet lil dawk il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet fejn l-installazzjonijiet jew attivitajiet ta' avjazzjoni tagħhom, jikkontrollaw jew huma responsabbli għalihom, fis-sena preċedenti kellhom emissjonijiet li ma jaqbżux limitu minimu ta' ekwivalent għad-diossidu tal-karbonju u, jekk iwettqu attivitajiet ta' kombustjoni, kellhom kapaċità termali kklassifikata li ma taqbiżx limitu minimu. Għaldaqstant, il-limiti minimi għandhom jirrelataw man-negozju kollu, inklużi attivitajiet tal-avjazzjoni jew installazzjonijiet, li l-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, jew l-impriża prinċipali tiegħu jew impriża relatata ikunu proprjetarji tiegħu jew li jikkontrollawhom jew għall-kwistjonijiet operattivi li għalihom il-parteċipant, jew l-impriża prinċipali tiegħu jew impriża relatata huma responsabbli, kollha kemm huma jew parti minnhom.

    (14)

    Barra minn hekk, il-limitu annwali ekwivalenti għad-dijossidu tal-karbonju u limitu minimu ta' kapaċità termali kklassifikata għandhom jiġu kkunsidrati b'mod kumulattiv biex ir-rekwiżit ma japplikax. Għalhekk, biex japplikaw l-obbligi ta' divulgazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandu jkun biżżejjed li jinqabeż wieħed miż-żewġ limiti.

    (15)

    Biex tissaħħaħ l-integrità tas-suq filwaqt li tiġi evitata d-divulgazzjoni eċċessiva, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-limiti minimi f'livell li jeżenta lill-kumpanniji li x'aktarx ma jkollhomx informazzjoni privileġġata.

    (16)

    Il-limiti minimi għandhom jiġu riveduti kif xieraq sabiex jiġi vvalutat il-funzjonament tagħhom fir-rigward, inter alia, iż-żieda mistennija fit-trasparenza tas-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, inkluż l-għadd ta' okkorrenzi rrappurtati u l-piż amministrattiv involut, l-iżvilupp u l-maturità tas-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-għadd ta' parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet u l-impatt fuq id-disponibbiltà ta' informazzjoni speċifika għall-kumpanija u dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet jew deċiżjonijiet ta' investiment fis-suq tal-kwoti ta' emissjonijiet.

    (17)

    Meta jitqies il-kamp ta' applikazzjoni usa' tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 f'dak li jirrigwarda l-istrumenti finanzjarji koperti, il-fatt li notifika ex post lill-awtorità kompetenti r-rekwiżit tapplika għal emittenti li jkunu talbu jew approvaw ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji tagħhom għan-negozjar f'suq regolat fi Stat Membru jew, fil-każ ta' strument innegozjat biss fuq faċilità tan-negozjar multilaterali (MTF) jew fuq tipi oħra ta' faċilitajiet tan-negozjar organizzati (OTFs), emittenti li approvaw negozjar tal-istrumenti finanzjarji tagħhom fuq MTF jew OTF jew talbu ammissjoni għan-negozjar tal-istrumenti finanzjarji tagħhom fuq MTF fi Stat Membru u l-fatt li tali emittenti jista' jkollhom l-istrumenti finanzjarji tagħhom ammessi għan-negozjar jew negozjati f'ċentri tan-negozjar fi Stati Membri differenti, għandu jiġi żgurat li fil-każijiet kollha l-awtorità kompetenti waħdanija li tirċievi n-notifika tkun l-iktar waħda b'interessi fis-sorveljanza tas-suq u biex jiġi evitat l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni mill-emittent. Dan l-approċċ jistrieħ fuq l-użu tal-kunċett ta' titoli ta' ekwità.

    (18)

    L-obbligu li jiġi nnotifikat ittardjar fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata lill-awtorità kompetenti stabbilit fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 japplika wkoll għall-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet. F'termini ta' kamp ta' applikazzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 japplika għal parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet attivi jew fuq is-suq primarju ta' kwoti tal-emissjonijiet jew fuq prodotti rkantati bbażati fuqhom (offerti fl-irkanti) u fi swieq sekondarji ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' derivattivi tagħhom.

    (19)

    Biex jiġi żgurat li awtorità kompetenti waħdanija tkun identifikata b'ċertezza għal parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-awtorità kompetenti għall-finijiet ta' notifiki skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandha tkun l-awtorità kompetenti għall-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet huwa reġistrat, skont l-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament, minflok l-awtorità kompetenti ta' kull ċentru ta' negozjar fejn jiġu nnegozjati l-kwoti ta' emissjonijiet

    (20)

    L-għażla tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet huwa rreġistrat hija soluzzjoni li dejjem tidentifika b'ċertezza awtorità kompetenti waħdanija, u dan jillimita l-piż amministrattiv fuq il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet billi jiżgura li ma jkollhomx għalfejn jagħmlu notifiki multipli u paralleli għal diversi awtoritajiet kompetenti.

    (21)

    Emittent jista jippermetti lil persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali biex tipproċedi bil-bejgħ immedjat tal-ishma tagħha matul perjodu magħluq taħt ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-permess tal-emittent għandu jingħata fuq bażi ta' każ b'każ, u l-ewwel kriterju għandu jkun li persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tkun talbet, u mbagħad kisbet, qabel kwalunkwe negozjar, il-permess tal-emittent għall-kummerċ. Sabiex l-emittent ikun jista' jivvaluta iċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ, dik it-talba għandha tkun ġustifikata u tinkludu spjegazzjoni tat-tranżazzjoni ppjanata u deskrizzjoni tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi.

    (22)

    Id-deċiżjoni li jingħata l-permess għall-kummerċ għandha tiġi kkunsidrata biss jekk ir-raġuni għat-talba għad-dħul fi tranżazzjoni tkun eċċezzjonali. Dik l-eżenzjoni għandha tkun interpretata b'mod strett mingħajr ma jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni ta' projbizzjoni għall-kummerċ matul perjodu magħluq. Iċ-ċirkostanzi li fihom tista' ssir eċċezzjoni mhux biss għandhom ikunu estremament urġenti, iżda wkoll konvinċenti, mhux previsti, u ma jkunux maħluqa mill-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali.

    (23)

    Meta persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali jippreżentaw sitwazzjonijiet konvinċenti u li mhux previsti, u lil hinn mill-kontroll tagħhom, għandhom ikunu permessi biss li jbiegħu l-ishma sabiex jiksbu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn impenn finanzjarju li persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali għandha tissodisfa, bħal domanda legalment infurzabbli, inkluża ordni tal-qorti, u dment li l-persuna li tiskarika responsabbiltajiet maniġerjali ma tistax tissodisfa dan l-impenn raġonevolment mingħajr bejgħ tal-ishma kkonċernati. Dan jista' wkoll jirriżulta minn sitwazzjoni li persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tidħol fiha qabel ma jkun beda l-perjodu magħluq (pereżempju, obbligazzjoni tat-taxxa) u li titlob il-ħlas ta' somma lil parti terza li ma tkunx tista' tiġi kompletament jew parzjalment imħallsa mill-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali b'modi oħra għajr il-bejgħ tal-ishma tal-emittent.

    (24)

    Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet magħmula skont jew relatati ma' skema ta' ishma ta' impjegati jew ta' tfaddil, il-kwalifika jew intitolament ta' ishma, għandu jiġi stabbilit jekk jistgħux jiġu permessi mill-emittent. Għalhekk, ċerti tipi ta' tranżazzjonijiet għandhom jiġu identifikati b'mod ċar u stabbiliti fid-dettall. Il-karatteristiċi ta' tali tranżazzjonijiet jirrigwardaw in-natura tat-tranżazzjoni (eż. xiri jew bejgħ, l-eżerċizzju ta' għażla jew drittijiet oħra), iż-żmien tat-tranżazzjoni jew tad-dħul tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali fi skema partikolari, u jekk it-tranżazzjoni u l-karatteristiċi tagħha (eż. id-data ta' eżekuzzjoni, l-ammont) ġie miftiehem, ippjanat u organizzat perjodu raġonevoli qabel ma jibda l-perjodu magħluq.

    (25)

    Barra minn hekk, tranżazzjonijiet fejn l-interess ta' benefiċċju ma jinbidilx, jistgħu jittieħdu fuq l-inizjattiva tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali, dment li dik il-persuna tkun talbet u kisbet il-permess mill-emittent qabel it-tranżazzjoni prevista. It-tranżazzjoni kkonċernata għandha tirrigwarda biss trasferiment tal-istrumenti kkonċernati bejn il-kontijiet tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali (pereżempju, bejn skemi), mingħajr ma twassal għal bidla fil-prezz tal-istrumenti trasferiti. Dan l-approċċ ma jinkludix trasferiment ta' strumenti finanzjarji jew tranżazzjonijiet oħra bħal bejgħ jew xiri bejn il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali u persuna oħra, notevolment entità legali kompletament il-proprjetà tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali.

    (26)

    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jimponi rekwiżiti fuq persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali, kif ukoll persuni assoċjati mill-qrib magħhom biex jinnotifikaw lill-emittent u lill-awtorità kompetenti ta' kull tranżazzjoni mwettqa għal rashom relatata mal-ishma jew mal-istrumenti tad-dejn ta' dak l-emittent, jew ma' derivattivi jew strumenti finanzjarji oħra marbuta magħhom. Persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali, kif ukoll persuni assoċjati mill-qrib magħhom, għandhom jinnotifikaw ukoll parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet minn kull tranżazzjoni mwettqa għal rashom dwar kwoti tal-emissjonijiet, għal prodotti rkantati imsejsa fuqhom jew derivattivi relatati magħhom.

    (27)

    In-notifika ta' tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali fi ħdan emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għal rashom, jew minn persuni assoċċjati mill-qrib magħhom, mhux biss hija informazzjoni ta' valur għall-parteċipanti tas-suq, imma wkoll tikkostitwixxi mezz addizzjonali għall-awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw is-swieq. L-obbligu ta' tali persuni li jinnotifikaw it-tranżazzjonijiet huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tagħhom li joqgħodu lura milli jikkommettu abbuż tas-suq kif definit fir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

    (28)

    L-obbligu tan-notifika tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali jew persuna assoċjata mill-qrib magħhom tapplika għal firxa wiesgħa ta' operazzjonijiet, u tinkludi kull tranżazzjoni mwettqa fil-kont tagħhom stess. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi identifikata lista wiesgħa mhux eżawrjenti ta' tipi partikolari ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu nnotifikati. Din mhux biss għandha tiffaċilita l-kisba ta' trasparenza sħiħa ta' tranżazzjonijiet minn persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali u persuni assoċjati mill-qrib magħhom, iżda għandha ukoll l-għan li timmitiga r-riskju ta' ksur ta' dan ir-rekwiżit tan-notifika permezz ta' identifikazzjoni ta' tipi partikolari ta' tranżazzjonijiet notifikabbli.

    (29)

    Peress li l-kamp ta' applikazzjoni ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu koperti skont l-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 19(14) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huwa wiesa' u ma jistax jiġi limitat biss għal tliet tipi ta' tranżazzjonijiet elenkati b'mod espliċitu fl-Artikolu 19(7) ta' dak ir-Regolament, huwa xieraq li tiġi identifikata lista wiesgħa mhux eżawrjenti ta' tipi partikolari ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu nnotifikati.

    (30)

    Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet kondizzjonali, ir-rekwiżit ta' notifika jinħoloq mal-okkorrenza tal-kundizzjoni jew il-kundizzjonijiet inkwistjoni, u għaldaqstant meta t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-fatt isseħħ. Għalhekk, l-ebda rekwiżit ta' notifika kemm tal-kuntratt kondizzjonali kif ukol tat-tranżazzjoni eżegwiti mat-twettiq ta' tali kundizzjonijiet ma għandu jkun stabbilit, peress li tali notifika tista' toħloq konfużjoni fil-prattika, b'mod partikolari meta l-kundizzjonijiet ma jseħħux u t-tranżazzjoni ma tiġix eżegwita.

    (31)

    Id-dispożizzjonijiet u l-għoti ta' setgħat stipulati fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jibdew japplikaw biss mit-3 ta' Lulju 2016. Għalhekk, huwa importanti li r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data.

    (32)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward ta':

    1.

    l-estensjoni tal-eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' pajjiżi terzi mill-obbligi u l-projbizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 fit-twettiq ta' politika monetarja, ta' rata tal-kambju jew ta' ġestjoni tad-dejn pubbliku;

    2.

    l-indikaturi ta' manipulazzjoni tas-suq stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    3.

    il-limiti għad-divulgazzjoni minn parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet dwar informazzjoni privileġġata;

    4.

    l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta' ttardjar tad-divulgazzjoni pubblika ta' informazzjoni privileġġata;

    5.

    iċ-ċirkostanzi li fihom jista' jsir negozjar waqt perjodu magħluq jkun permess mill-emittent;

    6.

    it-tipi ta' tranżazzjonijiet li jiskattaw l-obbligu li jiġu nnotifikati tranżazzjonijiet tal-amministraturi.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “titoli ta' ekwità” tfisser il-klassi ta' titoli trasferibbli msemmija fl-Artikolu 4(1)(44)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Artikolu 3

    Korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' pajjiżi terzi eżenti

    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma japplikax għal tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba, fl-insegwiment ta' politika monetarja, tar-rata tal-kambju jew ta' ġestjoni ta' dejn pubbliku sakemm dawn jitwettqu fl-interess pubbliku u biss fl-insegwiment ta' dawk il-politiki mill-korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' pajjiżi terzi stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Indikaturi ta' imġiba manipulattiva

    1.   Fir-rigward ta' indikaturi ta' mġiba manipulattiva relatata ma' sinjali foloz jew qarrieqa u l-iżgurar tal-prezzijiet imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness I tar- Regolament (UE) Nru 596/2014, il-prattiki stabbiliti f'Indikaturi A(a) sa A(g) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huma stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness II ta' dan ir-Regolament

    2.   Fir-rigward ta' indikaturi ta' mġiba manipulattiva relatata mal-użu ta' apparati fittizji jew kwalunkwe forma oħra ta' qerq jew ta' sotterfuġju msemmija fit-Taqsima B tal-Anness I tar- Regolament (UE) Nru 596/2014), il-prattiki stabbiliti f'Indikaturi B(a) u (b) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huma stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Limiti minimi tad-dijossidu tal-karbonju u tal-kapaċità termali kklassifikata

    1.   Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    il-limitu minimu ta' ekwivalenti ta' dijossidu tal-karbonju (CO2) għandu jkun ta' 6 miljun tunnellata fis-sena;

    (b)

    il-limitu minimu ta' kapaċità termali kklassifikata, għandu jkun ta' 2 430 MW.

    2.   Il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1 japplikaw fil-livell ta' grupp u jirrelataw man-negozju kollu, inklużi attivitajiet tal-avjazzjoni jew installazzjonijiet, li l-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, jew l-impriża prinċipali tiegħu jew impriża relatata ikunu proprjetarji tagħhom jew li jikkontrollawhom jew għall-kwistjonijiet operattivi li għalihom il-parteċipant, jew l-impriża prinċipali tiegħu jew impriża relatata huma responsabbli, kollha kemm huma jew parti minnhom.

    Artikolu 6

    Speċifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti

    1.   L-awtorità kompetenti li emittent ta' strumenti finanzjarji għandu jinnotifika l-ittardjar fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 17(4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tkun l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-emittent huwa reġistrat fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    jekk u sakemm l-emittent ikollu titoli ta' ekwità li huma ammessi għan-negozjar jew huma negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, f'ċentru tan-negozjar fl-Istat Membru fejn l-emittent huwa rreġistrat;

    (b)

    jekk u sakemm l-emittent ma jkollux titoli ta' ekwità li huma ammessi għan-negozjar jew negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, f'ċentru ta' negozjar fi kwalunkwe Stat Membru, sakemm l-emittent ikollu xi strumenti finanzjarji oħra li huma ammessi għan-negozjar jew negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, f'ċentru tan-negozjar fl-Istat Membru fejn l-emittent huwa rreġistrat.

    2.   Fil-każijiet l-oħra kollha, inkluż fil-każ ta' emittenti inkorporati f'pajjiż terz, l-awtorità kompetenti li emittent ta' strumenti finanzjarji għandu jinnotifika l-ittardjar fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata tkun l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn:

    (a)

    l-emittent ikollu titoli ta' ekwità li huma ammessi għan-negozjar jew huma negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, f'ċentru tan-negozjar għall-ewwel darba;

    (b)

    l-emittent ikollu xi strumenti finanzjarji oħra li huma ammessi għan-negozjar jew negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, f'ċentru ta' negozjar għall-ewwel darba, jekk u sakemm l-emittent ma jkollux xi strumenti finanzjarji oħra li huma ammessi għan-negozjar jew negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, f'ċentru tan-negozjar fi kwalunkwe Stat Membru.

    Fejn l-emittent ikollu l-istrumenti finanzjarji rilevanti li huma ammessi għan-negozjar jew negozjati bil-kunsens tiegħu, jew li għalihom l-emittent ikun talab l-ammissjoni għan-negozjar, għall-ewwel darba simultanjament f'ċentri tan-negozjar f'aktar minn Stat Membru wieħed, l-emittent ta' strumenti finanzjarji għandu jinnotifika l-ittardjar lill-awtorità kompetenti taċ-ċentru tan-negozjar li huwa l-aktar suq rilevanti f'termini ta' likwidità, kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jiġi adottati skont l-Artikolu 26(9)(b) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    3.   Għall-finijiet tan-notifika skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jinnotifika l-ittardjar fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet huwa reġistrat.

    Artikolu 7

    Negozjar waqt perjodu magħluq

    1.   Persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali fi ħdan emittent għandu jkollha d-dritt li tinnegozja matul perjodu magħluq kif definit skont l-Artikolu 19(11) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    waħda miċ-ċirkostanzi referuti fl-Artikolu 19(12) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tkun issodisfata;

    (b)

    il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tista' turi li t-tranżazzjoni partikolari ma tistax tiġi eżegwita f'xi mument ieħor barra mill-perjodu magħluq.

    2.   Fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 19(12)(a) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, qabel kull negozjar matul il-perjodu magħluq, persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali għandha tipprovdi talba ġustifkata bil-miktub magħmula lill-emittent sabiex tikseb il-permess tal-emittent biex tipproċedi bi bejgħ immedjat ta' ishma tal-istess emittent matul perjodu magħluq.

    It-talba bil-miktub għandha tiddeskrivi t-tranżazzjoni prevista u tipprovdi spjegazzjoni dwar għaliex il-bejgħ ta' ishma huwa l-unika alternattiva raġonevoli biex jinkiseb il-finanzjament meħtieġ.

    Artikolu 8

    Ċirkostanzi eċċezzjonali

    1.   Meta jkun qed jiddeċiedi jekk jagħtix il-permess biex tipproċedi bil-bejgħ immedjat tal-ishma tiegħu matul perjodu magħluq, emittent għandu jagħmel valutazzjoni każ b'każ ta' talba bil-miktub msemmija fl-Artikolu 7(2) minn persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali. L-emittent ikollu d-dritt li jippermett il-bejgħ immedjat ta' ishma biss meta ċ-ċirkostanzi għal dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jiġu meqjusa bħala eċċezzjonali.

    2.   Iċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala eċċezzjonali meta huma estremament urġenti, mhux previsti u konvinċenti u fejn il-kawża tagħhom hija esterna għall-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali u l-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali ma jkollha l-ebda kontroll fuqhom.

    3.   Meta jkun qed jeżamina jekk iċ-ċirkostanzi deskritti fit-talba bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(2) huma eċċezzjonali, l-emittent għandu jikkunsidra, fost indikaturi oħra, jekk u sa fejn persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali:

    (a)

    qegħda fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba tagħha taffaċċja impenn finanzjarju jew ta' talba infurzabbli legalment;

    (b)

    trid tissodisfa jew tkun f'sitwazzjoni li daħlet fis-seħħ qabel il-bidu ta' perjodu magħluq u li tirrikjedi l-ħlas ta' somma lil parti terza, inkluż obbligazzjoni tat-taxxa, u ma tistax raġonevolment tissodisfa impenn finanzjarju jew talba b'mezzi oħra ħlief bil-bejgħ immedjat ta' ishma.

    Artikolu 9

    Karatteristiċi tan-negozjar matul perjodu magħluq

    L-emittent għandu jkollu d-dritt li jippermetti lill-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali fi ħdan emittent sabiex tinnegozja għal rasha jew f'isem parti terza matul perjodu magħluq f'ċirkostanzi li jinkludu, għalkemm mhux biss, ċirkostanzi fejn il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali:

    (a)

    tkun ġiet assenjata jew mogħtija strumenti finanzjarji skont skema tal-impjegati, dement li l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (i)

    l-iskema tal-impjegati, u t-termini tagħha jkunu ġew approvati minn qabel mill-emittent skont il-liġi nazzjonali u t-termini tal-iskema tal-impjegat jispeċifikaw iż-żmien l-assenjazzjoni jew l-għotja u l-ammont ta' strumenti finanzjarji mogħtija, jew il-bażi li fuqha dan l-ammont jiġi kkalkulat u dment li ebda diskrezzjoni tista' tiġi eżerċitata;

    (ii)

    il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali ma jkollha l-ebda diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni tal-istrumenti finanzjarji assenjati jew mogħtija;

    (b)

    kienet ġiet assenjata jew mogħtija strumenti finanzjarji skont skema tal-impjegati li sseħħ f'perjodu magħluq dment li jiġi segwit approċċ organizzat u ppjanat minn qabel dwar il-kundizzjonijiet, il-perjodiċità, iż-żmien tal-għoti, il-grupp ta' persuni intitolati li ingħatawlhom l-istrumenti finanzjarji u l-ammont ta' strumenti finanzjarji li għandhom jingħataw, l-assenjazzjoni jew l-għoti ta' strumenti finanzjarji jseħħ f'qafas definit li skontu ebda informazzjoni privileġġata ma tista' tinfluwenza l-assenjazzjoni jew l-għoti ta' strumenti finanzjarji;

    (c)

    teżerċita għażliet jew ċertifikati jew il-konverżjoni ta' bonds konvertibbli assenjati lilu skont skema tal-impjegati meta d-data ta' skadenza ta' tali għażliet, ċertifikati jew bonds konvertibbli tkun matul perjodu magħluq, kif ukoll il-bejgħ tal-ishma akkwistati bis-saħħa ta' tali eżerċizzju jew konverżjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (i)

    il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tinnotifika l-emittent tal-għażla tagħha li teżerċita jew li tikkonverti tal-anqas erba' xhur qabel id-data tal-iskadenza;

    (ii)

    id-deċiżjoni tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali hija irrevokabbli;

    (iii)

    il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tkun irċeviet awtorizzazzjoni mingħand min joħroġ dawn l-istrumenti qabel tipproċedi;

    (d)

    tkun akkwistat l-istrumenti finanzjarji tal-emittent skont skema tal-impjegati, dment li l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

    (i)

    il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tkun daħlet fl-iskema qabel il-perjodu magħluq, ħlief meta ma tistax tidħol fl-iskema fi żmien ieħor minħabba d-data tal-bidu tal-impjieg;

    (ii)

    il-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-iskema jew tikkanċella l-parteċipazzjoni tagħha f'din l-iskema matul il-perjodu magħluq;

    (iii)

    l-operazzjonijiet tax-xiri huma organizzati b'mod ċar skont it-termini tal-iskema u li l-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali ma għandha l-ebda dritt jew possibbiltà legali li tibdilhom matul il-perjodu magħluq, jew huma ppjanati skont l-iskema li tintervjeni f'data fissa matul il-perjodu magħluq;

    (e)

    tittrasferixxi jew tirċievi, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji, dment li l-istrumenti finanzjarji huma trasferiti bejn żewġ kontijiet tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali u li tali trasferiment ma jirriżultax f'bidla fil-prezz ta' strumenti finanzjarji;

    (f)

    tikseb kwalifika jew intitolament ta' ishma tal-emittent u d-data finali għal dan l-akkwist, skont l-istatut jew id-digriet tal-emittent tkun matul il-perjodu magħluq, dment li l-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali tissottometti evidenza lill-emittent tar-raġunijiet għala l-akkwist ma seħħx f'xi żmien ieħor, u l-emittent ikun sodisfatt bl-ispjegazzjoni pprovduta.

    Artikolu 10

    Tranżazzjonijiet notifikabbli

    1.   Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u flimkien ma' tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19(7) ta' dak ir-Regolament, persuni li jeżerċizzaw responsabbiltajiet maniġerjali fi ħdan emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet u persuni assoċjati mill-qrib magħhom, għandhom jinnotifikaw lill-emittent jew lil parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet u lill-awtorità kompetenti dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom.

    Dawk it-tranżazzjonijiet notifikati għandhom jinkludu t-tranżazzjonijiet kollha imwettqa minn persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali għall-kont tagħhom stess relatat, fir-rigward tal-emittenti, mal-ishma jew l-istrumenti tad-dejn tal-emittent jew ma' derivattivi jew strumenti finanzjarji oħra marbuta magħhom, u fir-rigward ta' parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, ma' kwoti tal-emissjonijiet, ma' prodotti rkantati imsejsa fuqhom jew ma' derivattivi relatati magħhom.

    2.   Dawk it-tranżazzjonijiet notifikati għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    l-akkwist, id-disponiment, il-bejgħ qasir, is-sottoskrizzjoni jew l-iskambju;

    (b)

    l-aċċettazzjoni jew l-eżerċizzju ta' opzjoni ta' stokk, inkluż ta' għażla ta' stokk mogħtija lill-maniġers jew lill-impjegati bħala parti mill-pakkett ta' rimunerazzjoni tagħhom, u d-disponiment ta' ishma li jirriżulta mill-eżerċizzju ta' opzjoni ta' stokk;

    (c)

    id-dħul fi jew l-eżerċizzju ta' skambji ta' ekwità;

    (d)

    it-tranżazzjonijiet fi jew relatati ma' derivattivi, inklużi tranżazzjonijiet issaldati bi flus;

    (e)

    id-dħul f'kuntratt għal differenza fuq strument finanzjarju tal-emittent ikkonċernat jew fuq kwoti tal-emissjonijiet jew prodotti rkantati bbażati fuqhom;

    (f)

    l-akkwist, id-disponiment jew l-eżerċizzju ta' drittijiet, inklużi opzjonijiet put u eżerċitabbli, u ċertifikati;

    (g)

    is-sottoskrizzjoni għal żieda fil-kapital jew ħruġ ta' strumenti ta' dejn;

    (h)

    tranżazzjonijiet f'derivattivi u strumenti finanzjarji li huma marbuta ma' strument ta' dejn tal-emittent kkonċernati, inklużi skambji ta' inadempjenza tal-kreditu;

    (i)

    tranżazzjonijiet kondizzjonali fuq l-okkorrenza tal-kundizzjonijiet u l-eżekuzzjoni reali tat-tranżazzjonijiet;

    (j)

    il-konverżjoni awtomatika jew mhux awtomatika ta' strument finanzjarju fi strument finanzjarju ieħor, inkluż l-iskambju ta' bonds konvertibbli f'ishma;

    (k)

    rigali u donazzjonijiet magħmula jew irċevuti, u wirt irċevut;

    (l)

    tranżazzjonijiet eżegwiti fi prodotti, basktijiet u derivattivi relatati ma' indiċijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (m)

    tranżazzjonijiet eżegwiti f'ishma jew unitajiet ta' fondi ta' investiment, inklużi fondi ta' investiment alternattivi (AIFs) msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sa fejn hu meħtieġ mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (n)

    tranżazzjonijiet eżegwiti minn maniġer ta' AIF li fiha persuna li teżerċizza responsabbiltajiet maniġerjali jew persuna assoċjata mill-qrib ma' tali persuna tkun investiet, sa fejn hu meħtieġ mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (o)

    tranżazzjonijiet eżegwiti minn parti terza f'portafoll individwali jew mandat tal-immaniġġjar tal-assi f'isem jew għall-benefiċċju ta' persuna li teżerċizza responsabbiltajiet maniġerjali jew persuna assoċjata mill-qrib ma' tali persuna;

    (p)

    għoti jew teħid b'self ta' ishma jew strumenti tad-dejn tal-emittent jew derivattivi jew strumenti finanzjarji oħra marbuta magħhom.

    Artikolu 11

    Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE Test b'relevanza għaż-ŻEE(ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (4)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' pajjiżi terzi

    1.

    L-Awstralja:

    Il-Bank tar-Riżerva tal-Awstralja;

    L-Uffiċċju Awstraljan tal-Ġestjoni Finanzjarja;

    2.

    Il-Brażil:

    Il-Bank Ċentrali tal-Brażil;

    It-Teżor Nazzjonali tal-Brażil;

    3.

    Il-Kanada:

    Il-Bank tal-Kanada;

    Id-Dipartiment tal-Finanzi tal-Kanada;

    4.

    Iċ-Ċina:

    Il-Bank tal-Poplu taċ-Ċina;

    5.

    Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Ħong Kong;

    L-Awtorità Monetarja ta' Ħong Kong,

    Is-Servizzi Finanzjarji u l-Uffiċċju tat-Teżor ta' Hong Kong;

    6.

    L-Indja:

    Bank tar-Riżerva tal-Indja;

    7.

    Il-Ġappun

    Il-Bank tal-Ġappun;

    Ministeru tal-Finanzi tal-Ġappun;

    8.

    Il-Messiku:

    Il-Bank tal-Messiku;

    Il-Ministeru tal-Finanzi u tal-Kreditu Pubbliku tal-Messiku;

    9.

    Singapore:

    L-Awtorità Monetarja ta' Singapore;

    10.

    Il-Korea t'Isfel:

    Il-Bank tal-Korea;

    Il-Ministeru tal-Istrateġija u tal-Finanzi tal-Korea;

    11.

    L-Iżvizzera:

    Il-Bank Nazzjonali Żvizzeru;

    Amministrazzjoni Federali tal-Finanzi tal-Iżvizzera;

    12.

    It-Turkija:

    Il-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija;

    Sottosegretarjat tat-Teżor tar-Repubblika tat-Turkija;

    13.

    L-Istati Uniti:

    Is-Sistema ta' Riżerva Federali;

    Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti


    ANNESS II

    Indikaturi ta' mġiba manipulattiva

    TAQSIMA 1

    INDIKATURI TA' MĠIBA MANIPULATTIVA RELATATA MA' SINJALI FOLOZ JEW QARRIEQA U MAL-IŻGURAR TAL-PREZZIJIET (TAQSIMA A TAL-ANNESS I TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 596/2014)

    1.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(a) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Xiri ta' pożizzjonijiet, anke minn partijiet kollużivi, ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat fuq kwoti ta' emissjonijiet, fis-suq sekondarju, wara l-allokazzjoni fis-suq primarju sabiex il-prezz jitpoġġa f'livell artifiċjali u jiġġenera interess minn investituri oħra — normalment magħruf, pereżempju fil-kuntest tal-ekwità, bħala kollużjoni wara t-tqegħid fis-suq ta' Offerta Pubblika Inizjali (“IPO”) fejn huma involuti partijiet kollużivi. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    konċentrazzjoni mhux tas-soltu ta' tranżazzjonijiet u/jew ordnijiet għan-negozjar, kemm b'mod ġenerali, kif ukoll minn persuna waħda biss li tuża kont wieħed jew aktar, jew minn numru limitat ta' persuni;

    (ii)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar mingħajr ġustifikazzjoni oħra evidenti minn dik biex jiżdied il-prezz jew il-volum tan-negozjar, jiġifieri qrib punt ta' referenza matul il-ġurnata tan-negozju, pereżempju fil-ftuħ tagħha jew qrib l-għeluq;

    (b)

    Tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar li jsiru b'tali mod li jinħolqu ostakli lill-istrument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet, bil-prezzijiet li jaqgħu taħt jew jogħlew aktar minn livell partikolari, l-aktar biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi mit-tibdil fil-prezz tal-istrument finanzjarju, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet — normalment magħrufa bħala “ħolqien ta' limitu baxx jew limitu għoli fil-mudell tal-prezzijiet”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar li għandhom l-effett, jew huwa probabbli li jkollhom l-effett, li jgħollu jew ibaxxu jew iżommu l-istess prezz matul il-ġranet ta' qabel l-emissjoni, t-tifdija jew maturità fakultattivi ta' derivattiv jew konvertibbli relatat;

    (ii)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar li jkollhom l-effett li, jew huwa probabbli li jkollhom l-effett li jgħollu jew ibaxxu l-prezz medju peżat tal-ġurnata jew ta' perjodu matul sessjoni ta' negozjar;

    (iii)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar li għandhom l-effett li, jew huwa probabbli li jkollhom l-effett li jżommu l-istess prezz ta' strument finanzjarju sottostanti, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat ibbażat fuq il-kwoti tal-emissjonijiet, irħas jew ogħla mill-prezz tal-eżerċitar (eż. ostaklu) ta' derivattiv relatat fid-data ta' skadenza;

    (iv)

    tranżazzjonijiet jew kwalunkwe ċentru tan-negozjar li għandhom l-effett li, jew huwa probabbli li jkollhom l-effett li jbiddlu l-prezz tal-istrument finanzjarju sottostanti, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat ibbażat fuq il-kwoti tal-emissjonijiet, biex jaqbeż jew ma jilħaqx il-prezz tal-eżerċitar jew element ieħor li jintuża biex jiġi stabbilit il-ħlas (eż. ostaklu) ta' derivattiv relatat fid-data ta' skadenza;

    (v)

    tranżazzjonijiet li għandhom l-effett li, jew huwa probabbli li jkollhom l-effett li jbiddlu l-prezz tas-saldu ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet, meta dan il-prezz jintuża bħala referenza jew determinant speċifikament fil-kalkolu tar-rekwiżiti tal-marġini.

    (c)

    Id-dħul ta' ordnijiet żgħar għan-negozjar biex jiġi aċċertat il-livell ta' ordnijiet moħbija u b'mod partikolari biex jiġi vvalutat x'qiegħed iserraħ fuq pjattaforma skura — normalment magħrufa bħala “ping orders”;

    (d)

    L-eżekuzzjoni ta' ordnijiet għan-negozjar, jew serje ta' ordnijiet għan-negozjar, sabiex jinkixfu l-ordnijiet ta' parteċipanti oħra, biex imbagħad isir dħul ta' ordni għan-negozjar biex jittieħed vantaġġ mill-informazzjoni miksuba — normalment magħrufa bħala “phishing”.

    2.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(b) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Il-prattiki stabbiliti fil-Punt 1(a) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa pereżempju fil-kuntest tal-ekwità, bħala kollużivi fis-suq ta' wara l-bejgħ ta' Offerta Pubblika Inizjali li fiha jkunu involuti l-partijiet kollużivi;

    (b)

    It-teħid ta' vantaġġ mill-influwenza sinifikanti ta' pożizzjoni dominanti fuq il-provvista ta', jew it-talba għal, jew mekkaniżmi ta' kunsinna għal strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet, sabiex tinħoloq distorsjoni materjali, jew x'aktarx tinħoloq distorsjoni materjali fuq il-prezzijiet li jkollhom jipprovdu partijiet oħra sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom — normalment magħruf bħala “abusive squeeze”;

    (c)

    L-involviment fin-negozju jew id-dħul f'ordnijiet għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar (inkluż id-dħul f'espressjonijiet ta' interess) biex jinfluwenzaw b'mod mhux xieraq il-prezz tal-istess strument finanzjarju f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat ieħor skont il-kwoti tal-emissjonijiet — normalment magħrufa bħala “manipulazzjoni interprofessjonali taċ-ċentri” (negozju f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar biex il-prezz ta' strument finanzjarju jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor). Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    eżekuzzjoni ta' tranzazzjoni, bdil tal-prezzijiet bejn it-talba u l-offerta, meta l-firxa bejn il-prezzijiet tat-talba u tal-offerta hija fattur fl-istabbiliment tal-prezz ta' kwalunkwe tranzazzjoni oħra kemm jekk fl-istess ċentru tan-negozjar kif ukoll jekk le;

    (ii)

    l-indikaturi stabbiliti fil-Punt 1(b)(i), (b)(iii), (b)(iv) u (b)(v) ta din it-Taqsima;

    (d)

    L-involviment fin-negozjar jew id-dħul f'ordnijiet għan-negozjar f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar (inkluż id-dħul f'espressjonijiet ta' interess) biex jinfluwenzaw b'mod mhux xieraq il-prezz tal-istess strument finanzjarju f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat relatat skont il-kwoti tal-emissjonijiet — normalment magħrufa bħala “manipulazzjoni bejn prodotti differenti” (negozju fi strument finanzjarju biex il-prezz ta' strument finanzjarju relatat jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor). Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali tal-manipulazzjoni tas-suq imsemmija fil-Punt 1(b)(i), (b)(iii), (b)(iv) u (b)(v), u Punt 2(c)(i) ta' din it-Taqsima.

    3.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(c) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Id-dħul f'arranġamenti għall-bejgħ jew ix-xiri ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet, fejn ma jkunx hemm bdil fl-interessi benefiċjarji jew ir-riskji tas-suq jew fejn l-interessi benefiċjarji jew ir-riskji tas-suq jiġu ttrasferiti bejn il-partijiet li jaġixxu flimkien jew f'kollużjoni — normalment magħrufa bħala “wash trades”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    repetizzjoni mhux tas-soltu ta' tranżazzjoni fost numru żgħir ta' partijiet fuq ċertu perjodu ta' żmien;

    (ii)

    tranżazzjoni jew ordni għan-negozjar li jbiddlu, jew x'aktarx ibiddlu, il-valutazzjoni ta' pożizzjoni filwaqt li d-daqs tal-pożizzjoni ma jonqosx/ma jiżdiedx;

    (iii)

    l-indikatur stabbilit fil-Punt 1(a)(i) ta' din it-Taqsima.

    (b)

    Id-dħul f'ordnijiet għan-negozjar jew l-involviment fi tranżazzjoni jew serje ta' tranżazzjonijiet li jintwerew f'faċilità ta' wiri pubbliku biex jagħtu l-impressjoni ta' attività jew tal-prezz fi strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet — normalment magħruf bħala “painting the tape”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti fil-Punt 1(a)(i), u l-Punt 3(a)(i) ta' din it-Taqsima.

    (c)

    Tranżazzjonijiet li jsiru b'riżultat tad-dħul ta' ordnijiet ta' xiri u bejgħ biex isir in-negozju fl-istess ħin jew kważi, bi kwantità simili ħafna u bi prezz simili, mill-istess parti jew partijiet differenti iżda kollużivi — normalent magħrufa bħala “improper matched orders”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar li għandhom l-effett li, jew x'aktarx għandhom l-effett li jistabbilixxu prezz tas-suq meta l-likwidità jew il-fond tar-reġistru tal-ordnijiet ma jkunux biżżejjed biex jitranġa l-prezz f'dik is-sessjoni;

    (ii)

    l-indikatur stabbilit fil-Punt 1(a)(i), 3(a)(i) u 3(a)(ii) ta' din it-Taqsima.

    (d)

    Tranżazzjoni jew serje ta' tranżazzjonijiet imfassla biex jaħbu s-sjieda ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet permezz tal-ksur ta' rekwiżiti ta' divulgazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet f'isem parti jew partijiet kollużiva/i. Id-divulgazzjonijiet huma qarrieqa fir-rigward tal-parteċipazzjoni reali sottostanti tal-istrument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet — normalment magħrufa bħala “concealing ownership”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti f' Punt 3(a)(i) ta' din it-Taqsima.

    4.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(d) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Il-prattika stabbilita f'Punt 3(b) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “painting the tape”;

    (b)

    Il-prattika stabbilita f'Punt 3(c) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “improper matched orders”;

    (c)

    It-teħid ta' pożizzjoni twila fi strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet u imbagħad l-involviment f'aktar attività ta' xiri u/jew tixrid ta' informazzjoni pożittiva qarrieqa dwar l-istrument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet biex jiżdied il-prezz tal-istrument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet, billi jiġu attirati xerrejja oħra. Meta l-prezz ikun f'livell artifiċjalment għoli, tinbiegħ il-pożizzjoni twila li tinżamm — normalment magħrufa bħala “pump and dump”;

    (d)

    It-teħid ta' pożizzjoni twila fi strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet u imbagħad l-involviment f'aktar attività ta' xiri u/jew tixrid ta' informazzjoni pożittiva qarrieqa dwar l-istrument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet biex jiżdied il-prezz tal-istrument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet, billi jiġu attirati bejjiegħa oħra. Meta jaqa' l-prezz, tingħalaq il-pożizzjoni miżmuma — normalment magħrufa bħala “trash and cash”;

    (e)

    Id-dħul f'numru kbir ta' ordnijiet għan-negozjar u/jew kanċellamenti u/jew aġġornamenti għall-ordnijiet għan-negozjar biex tinħoloq inċertezza għall-parteċipanti l-oħra, u jittawwal il-proċess tagħhom u/jew biex jgħattu l-istrateġija tagħhom — normalment magħruf bħala “quote stuffing”;

    (f)

    Id-dħul f'ordnijiet għan-negozjar jew serje ta' ordnijiet għan-negozjar, jew l-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet jew serje ta' tranżazzjonijiet, li probabbli tibda jew taggrava tendenza u li twassal lil parteċipanti oħra biex jaċċelleraw jew jestendu t-tendenza sabiex tinħoloq opportunità li tingħalaq jew tinfetaħ pożizzjoni bi prezz favorevoli — normalment magħrufa bħala “momentum ignition”. Din il-prattika tista' wkoll tintwera mill-proporzjon għoli ta' ordnijiet kanċellati (eż proporzjon ta' ordnijiet għan-negozjar) li jistgħu jingħaqdu ma' proporzjon dwar il-volum (eż. numru ta' strumenti finanzjarji għal kull ordni).

    5.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(e) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 1(b) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala ħolqien ta' limitu baxx jew limitu għoli fil-mudell tal-prezzijiet;

    (b)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(c) ta' din it-Taqsima, magħrufa wkoll bħala “manipulazzjoni interprofessjonali tal-taċ-ċentri” (negozju f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar biex il-prezz ta' strument finanzjarju jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor);

    (c)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(d) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “manipulazzjoni bejn prodotti differenti” (negozju fi strument finanzjarju biex il-prezz ta' strument finanzjarju relatat jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar ieħor jew fl-istess ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar);

    (d)

    Xiri jew bejgħ ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet, deliberatament, fil-ħin ta' referenza tas-sessjoni ta' negozjar (eż. ftuħ, għeluq, ħlas) fi sforz biex jorħos, jogħla jew jinżamm il-prezz ta' referenza (eż, il-prezz tal-ftuħ, il-prezz tal-għeluq, il-prezz tas-saldu) f'livell speċifiku — normalment magħruf bħala “marking the close”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    id-dħul f'ordnijiet li jirrappreżentaw volumi sinifikanti fir-reġistru ċentrali tal-ordnijiet tas-sistema tan-negozjar ftit minuti qabel il-fażi tal-istabbiliment tal-prezzijiet tal-irkant u l-kanċellament ta' dawn l-ordnijiet ftit sekondi qabel ma r-reġistru tal-ordnijiet jiġi ffriżat għall-komputazzjoni tal-prezz tal-irkant biex il-prezz teoretiku tal-ftuħ jista' jkun li jidher ogħla/aktar baxx milli kieku jidher;

    (ii)

    l-indikaturi stabbiliti fil-Punt 1(b)(i), (b)(iii), (b)(iv) u (b)(v) ta din it-Taqsima;

    (iii)

    tranżazzjonijiet inwettqa jew preżentazzjonijiet ta' ordnijiet għan-negozjar, l-aktar qrib punt ta' referenza matul il-jum ta' negozjar, li, minħabba d-daqs tagħhom b'rabta mas-suq, ikollhom b'mod ċar impatt sinifikanti fuq il-forniment jew it-talba, jew il-prezz jew il-valur;

    (iv)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar mingħajr ġustifikazzjoni oħra evidenti milli biex jiżdied il-prezz jew il-volum tan-negozjar, jiġifieri qrib punt ta' referenza matul il-ġurnata tan-negozju, eż. fil-ftuħ jew qrib l-għeluq tagħha;

    (e)

    Il-preżentazzjoni ta' diversi ordnijiet għan-negozjar jew ordnijiet għan-negozjar kbar spiss 'il bogħod mill-mess fuq naħa waħda tar-reġistru tal-ordnijiet biex jiġi eżegwit negozju fuq in-naħa l-oħra tar-reġistru tal-ordnijiet. Ladarba jkun seħħ negozju, l-ordnijiet mingħajr l-ebda intenzjoni li jiġu eżegwiti jitneħħew — normalment magħrufa bħala “layering and spoofing”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti fil-Punt 4(f)(i);

    (f)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 4(e) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “quote stuffing”;

    (g)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 4(e) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “momentum ignition”.

    6.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(f) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Id-dħul f'ordnijiet li jiġu rtirati qabel l-eżekuzzjoni, li għalhekk ikollhom l-effett, jew x'aktarx ikollhom l-effett, li jagħtu impressjoni qarrieqa li hemm talba għal jew forniment ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet f'dak il-prezz — normalment magħruf bħala t-tqegħid ta' ordni mingħajr l-ebda intenzjoni ta' eżekuzzjoni. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    ordnijiet għan-negozjar imdaħħlin bi prezz tali li jżidu t-talba jew inaqqsu l-offerta, u għandhom l-effett, jew x'aktarx ikollhom l-effett, li jżidu jew inaqqsu l-prezz ta' strument finanzjarju relatat;

    (ii)

    l-indikatur stabbilit fil-Punt 4(f)(i) ta' din it-Taqsima.

    (b)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 1(b) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala ħolqien ta' limitu baxx jew limitu għoli fil-mudell tal-prezzijiet;

    (c)

    Iċ-ċaqliq tal-firxa bejn it-talba u l-offerta biex u/jew tinżamm f'livelli artifiċjali, permezz tal-abbuż mis-saħħa tas-suq magħruf bħala “excessive bid-offer spreads”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    tranżazzjonijiet jew ordnijiet għan-negozjar li għandhom l-effett li, jew x'aktarx ikollhom l-effett li jevitaw is-salvagwardji tan-negozju tas-suq (eż. limitazzjonijiet tal-prezzijiet, limitazzjonijiet fil-volum, parametri tal-firxa bejn it-talba u l-offerta, eċċ.);

    (ii)

    l-indikatur stabbilit fil-Punt 2(c)(i) ta' din it-Taqsima.

    (d)

    Id-dħul f'ordnijiet għan-negozjar li jżidu t-talba (jew inaqqsu l-offerta) għal strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat jew prodott irkantat, skont il-kwoti tal-emissjonijiet, sabiex iżidu (jew inaqqsu) l-prezz tiegħu — normalment magħrufa bħala “advancing the bid”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti fil-Punt 6(a)(i) ta' din it-Taqsima;

    (e)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(c) ta' din it-Taqsima, magħrufa wkoll bħala “manipulazzjoni interprofessjonali taċ-ċentri” (negozju f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar biex il-prezz ta' strument finanzjarju jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor);

    (f)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(d) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “manipulazzjoni bejn prodotti differenti” (negozju fi strument finanzjarju biex il-prezz ta' strument finanzjarju relatat jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar ieħor jew fl-istess ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar);

    (g)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 5(e) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “layering” u “spoofing”;

    (h)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 4(e) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “quote stuffing”;

    (i)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 4(f) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “momentum ignition”;

    (j)

    It-tpoġġija ta' ordnijiet għan-negozju, biex jiġu attirati parteċipanti fis-suq li jużaw tekniki ta' negozju tradizzjonali (“negozjanti kajmana”), li mbagħad jiġu riveduti malajr fuq termini anqas ġenerużi, bit-tama li jeżegwixxu bi profitt fil-konfront tal-fluss ta' dħul ta' ordnijiet għan-negozjar tan-“negozjanti kajmana”, normalment magħrufa bħala “smoking”.

    7.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur A(g) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 5(d) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “marking the close”;

    (b)

    Il-prattiċi stabbiliti fil-Punt 1(a) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa pereżempju fil-kuntest tal-ekwità, bħala kollużivi fis-suq ta' wara l-bejgħ ta' Offerta Pubblika Inizjali li fiha jkunu involuti l-partijiet kollużivi;

    (c)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 1(b) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala ħolqien ta' limitu baxx jew limitu għoli fil-mudell tal-prezzijiet;

    (d)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(c) ta' din it-Taqsima, magħrufa wkoll bħala “manipulazzjoni interprofessjonali taċ-ċentri” (negozju f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar biex il-prezz ta' strument finanzjarju jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar ieħor);

    (e)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(d) ta' din it-Taqsima, normalment magħrufa bħala “manipulazzjoni bejn prodotti differenti” (negozju fi strument finanzjarju biex il-prezz ta' strument finanzjarju relatat jitpoġġa b'mod mhux xieraq f'ċentru tan-negozjar ieħor jew fl-istess ċentru tan-negozjar jew barra ċentru tan-negozjar);

    (f)

    Id-dħul f'arranġamenti sabiex jitgħawġu l-kostijiet assoċjati ma' kuntratt ta' komodità, bħall-assigurazzjoni jew merkanzija, bl-effett li jiġi ffissat il-prezz tas-saldu ta' strument finanzjarju jew kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat bi prezz mhux normali jew artifiċjali.

    8.

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(c) ta' din it-Taqsima u msemmija wkoll fil-Punti 5(c), 6(e) u 7(d) ta' din it-Taqsima hija rilevanti fil-kuntest tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar manipulazzjoni bejn postijiet differenti.

    9.

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 2(d) ta' din it-Taqsima kif ukoll imsemmija fil-Punti 5(c), 6(f) u 7(e) ta' din it-Taqsima hija rilevanti fil-kuntest tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar manipulazzjoni bejn postijiet differenti, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-prezz jew il-valur ta' strument finanzjarju jistgħu jiddependu fuq jew jistgħu jkollom effett fuq il-prezz jew il-valur ta' strument finanzjarju jew kuntratt spot dwar il-komoditajiet ieħor.

    TAQSIMA 2

    INDIKATURI TA' IMĠIEBA MANIPULATTIVA MARBUTA MAL-UŻU TA' TAGĦMIR FITTIZJU JEW KWALUNKWE FORMA OĦRA TA' QERQ JEW SOTTERFUĠJU (TAQSIMA B TAL-ANNESS I TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 596/2014)

    1.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur B(a) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Tixrid ta' informazzjoni tas-suq falza jew qarrieqa permezz tal-midja, inkluż bl-Internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, li jirriżulta jew x'aktarx jirriżulta fiċ-ċaqliq tal-prezz ta' strument finanzjarju, kuntratt spot dawr il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet, f'direzzjoni favur il-pożizzjoni miżmuma jew lejn tranżazzjoni ippjanata mill-persuna jew persuni interessati fit-tixrid tal-informazzjoni;

    (b)

    Il-ftuħ ta' pożizzjoni fi strument finanzjarju, kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat, jew prodott irkantat skont il-kwoti tal-emissjonijiet u l-għeluq ta' pożizzjoni bħal din immedjatament wara d-divulgazzjoni pubblika u wara li titpoġġa enfasi fuq il-perjodu twil ta' parteċipazzjoni tal-investiment — normalment magħruf bħala l-ftuħ ta' pożizzjoni u l-għeluq tagħha immedjatament wara d-divulgazzjoni pubblika tagħha;

    (c)

    Il-prattika stabbilita f'Punt 4(c) ta' Taqsima 1 normalment magħrufa bħala “pump and dump”; Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi addizzjonali li jmiss ta' manipulazzjoni tas-suq:

    (i)

    tixrid ta' aħbarijiet permezz tal-midja relatat maż-żieda (jew tnaqqis) ta' parteċipazzjoni kwalifikanti qabel jew ftit wara moviment mhux tas-soltu tal-prezz ta' strument finanzjarju;

    (ii)

    l-indikatur stabbilit fil-Punt 5(d)(i) tat-Taqsima 1;

    (d)

    Il-prattika stabbilita f'Punt 4(d) ta' Taqsima 1 normalment magħrufa bħala “trash and cash”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti fil-Punt 5(d)(i) tat-Taqsima 1 u l-Punt 1(c)(i) ta' din it-Taqsima;

    (e)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 3(d) ta' Taqsima 1 normalment magħrufa bħala “concealing ownership”;

    (f)

    Ċaqliq jew ħażna ta' komoditajiet fiżiċi, li tista' toħloq impressjoni qarrieqa fir-rigward tal-forniment ta' jew talba għal, jew prezz jew valur ta', komodità jew ir-riżultat fi strument finanzjarju jew kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat;

    (g)

    Ċaqliq ta' bastiment tat-tagħbija vojt, li tista' toħloq impressjoni falza jew qarrieqa fir-rigward tal-forniment ta' jew talba għal, jew prezz jew valur ta', komodità jew ir-riżultat fi strument finanzjarju jew kuntratt spot dwar il-komoditajiet relatat.

    2.

    Prattiki li jispeċifikaw Indikatur B(b) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

    (a)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 1(a) ta' din it-Taqsima. Din il-prattika tista' wkoll tintwera bi dħul f'ordnijiet għan-negozjar jew tranżazzjonijiet qabel jew ftit wara li l-parteċipant fis-suq jew il-persuni magħrufa pubblikament bħala marbuta mal-parteċipant fis-suq jipproduċu jew ixerrdu riċerka jew rakkomandazzjonijiet ta' investiment kuntrarji li jsiru disponibbli għall-pubbliku.

    (b)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 4(c) ta' Taqsima 1 normalment magħrufa bħala “pump and dump”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti f' Punt 2(a)(i) ta' din it-Taqsima.

    (c)

    Il-prattika stabbilita fil-Punt 3(d) ta' Taqsima 1, normalment magħrufa bħala “trash and cash”. Din il-prattika tista' tintwera wkoll mill-indikaturi stabbiliti f' Punt 2(a)(i) ta' din it-Taqsima.


    Top