Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2318

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2318 tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar deroga mir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum mogħtija minn Spanja skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 8414)

    C/2016/8414

    ĠU L 345, 20.12.2016, p. 72–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2318/oj

    20.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 345/72


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2318

    tas-16 ta' Diċembru 2016

    dwar deroga mir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum mogħtija minn Spanja skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2016) 8414)

    (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37(2)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-kumpannija Syngenta Crop Protection AG (“l-applikant”) ippreżentat applikazzjonijiet kompluti lil Spanja għar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Irlanda fir-rigward tar-rodentiċidi li fihom is-sustanza attiva brodifakum (“il-prodotti”). L-Irlanda awtorizzat l-prodotti bħala rodentiċidi għall-użu fuq ġewwa, fuq barra madwar il-bini u f'kanali tad-drenaġġ minn professjonisti u professjonisti mħarrġa, kif ukoll għall-użu fuq ġewwa u fuq barra madwar il-bini mill-pubbliku ġenerali.

    (2)

    Skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, Spanja pproponiet lill-applikant biex jaġġusta t-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet li għandhom jingħataw fi Spanja u pproponiet li l-użu tal-prodotti jiġi ristrett għall-professjonisti mħarrġin u fuq ġewwa biss. L-għan ta' tali restrizzjonijiet huwa l-protezzjoni tal-ambjent kif hemm imsemmi fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 permezz tal-prevenzjoni ta' inċidenti ta' avvelenament primarju u sekondarju ta' annimali li mhumiex fil-mira minħabba l-proprjetajiet perikolużi tal-brodifakum, li jagħmluh potenzjalment persistenti, suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni u tossiku, jew persistenti ħafna u suxxettibbli ħafna għall-bijoakkumulazzjoni.

    (3)

    L-applikant ma qabilx mar-restrizzjonijiet proposti u qies li dawn il-miżuri mhumiex suffiċjentement iġġustifikati abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Bħala riżultat ta' dan, fit-18 ta' April 2016, Spanja għarrfet lill-Kummissjoni b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 37(2) ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    B'konformità mal-kundizzjonijiet imposti fuq l-approvazzjoni tal-brodifakum fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/10/UE (2), l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li fihom il-brodifakum huma soġġetti għall-miżuri kollha xierqa u disponibbli ta' mitigazzjoni tar-riskju biex jillimitaw ir-riskju ta' esponiment primarju u sekondarju ta' annimali li mhumiex fil-mira, kif ukoll l-effetti fuq perjodu twil tas-sustanza fuq l-ambjent. Dawk il-miżuri jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu r-restrizzjoni għall-użu professjonali biss jew restrizzjonijiet rigward iż-żona ta' użu tal-prodotti.

    (5)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-proposta ta' Spanja hija parti minn sett nazzjonali ta' miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju għar-rodentiċidi antikoagulanti, li kien ikkomunikat lill-Kummissjoni fl-2012 fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju applikati mill-Istati Membri matul l-awtorizzazzjoni ta' prodotti bijoċidali rodentiċidi antikoagulanti.

    (6)

    Dwar ir-restrizzjoni għall-użu mill-professjonisti mħarrġin biss, il-Kummissjoni tinnota li din il-kategorija ta' utenti hija kkunsidrata li għandha l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex tkun tista' tqis ir-riskji tal-użu tar-rodentiċidi għall-annimali li mhumiex fil-mira. Din il-kategorija ta' utenti hija għalhekk meqjusa li tista' tiddeċiedi liema rodentiċida hija meħtieġa biex tiġi kkontrollata infestazzjoni bl-inqas impatt fuq l-ambjent.

    (7)

    Dwar ir-restrizzjoni proposta għal ġewwa biss, din tevita l-espożizzjoni għall-brodifakum ta' annimali li mhumiex fil-mira, bħal mammiferi żgħar li jgħixu madwar il-binjiet, u dan iwassal għal tnaqqis ta' inċidenti ta' avvelenament primarju. B'konsegwenza ta' dan, ir-restrizzjoni tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju ta' avvelenament sekondarju ta' predaturi li jikkonsmaw annimali kontaminati.

    (8)

    Il-proposta għal deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva 2010/10/UE, li jħallu ċertu livell ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri biex japplikaw il-miżuri xierqa u disponibbli ta' mitigazzjoni tar-riskji bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti li fihom il-brodifakum. Id-deroga proposta hija ġġustifikata sabiex jitħares l-ambjent, partikolarment minħabba li għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas l-avvelenament primarju u sekondarju ta' organiżmi mhux fil-mira. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-proposta għal deroga mir-rikonoxximent reċiproku tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Id-deroga mir-rikonoxximent reċiproku proposta minn Spanja għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-ambjent, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    2.   Il-paragrafu 1 japplika għall-prodotti identifikati permezz tan-numri tal-każijiet li ġejjin, kif previsti fir-Reġistru tal-Prodotti Bijoċidali:

    (a)

    BC-KC011180-73;

    (b)

    BC-VM011322-40.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/10/UE tad-9 ta' Frar 2010 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-brodifacoum bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha (ĠU L 37, 10.2.2010, p. 44).


    Top