EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1837

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1837 tal-11 ta' Ottubru 2016 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tkompli tapplika miżuri ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 280, 18.10.2016, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1837/oj

18.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1837

tal-11 ta' Ottubru 2016

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tkompli tapplika miżuri ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta' merkanzija u servizzi li tkun irċeviet għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxati tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta' dik id-Direttiva jistabbilixxi rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta' negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, meta jintuża għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE (2), il-Polonja kienet awtorizzata biex, sal-31 ta' Diċembru 2016, tillimita sa 50 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti vetturi tat-triq motorizzati kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta dawn il-vetturi ma jintużawx kompletament għal skopijiet ta' negozju, u biex il-persuna taxxabbli teħles mill-obbligu li tiddikjara l-VAT fuq l-użu tal-vetturi koperti mir-restrizzjoni (il-“miżuri ta' deroga”).

(3)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta' Frar 2016, il-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri ta' deroga.

(4)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra, b'ittra datata s-6 ta' Ġunju 2016, bit-talba li għamlet il-Polonja. B'ittra datata t-8 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2013/805/UE, il-Polonja ressqet, mat-talba għall-estensjoni, rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, il-Polonja jidhrilha li r-rata ta' 50 % għadha ġustifikabbli. Fl-istess ħin, biex tkun evitata t-taxxa doppja, għandu jiġi sospiż ir-rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT imposta fuq l-użu ta' vettura bil-mutur li mhuwiex għal negozju fejn din tkun ġiet soġġetta għal dak il-limitu. Dawk il-miżuri ta' deroga jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-impożizzjoni tal-VAT u li tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa b'żamma skorretta ta' rekords u b'dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.

(6)

L-estensjoni ta' dawn il-miżuri ta' deroga għandu jkollhom limitu taż-żmien biex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-effettività tagħhom u tal-perċentwali xierqa; għalhekk il-Polonja għandha tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta' deroga sal-31 ta' Diċembru 2019.

(7)

Fejn il-Polonja jidhrilha li jkun hemm bżonn ta' estensjoni oħra tal-miżuri ta' deroga għal wara l-2019, mat-talba għall-estensjoni għandu jitressaq rapport lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2019, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta' deroga, inkluż rieżami tal-perċentwali applikat.

(8)

L-estensjoni tal-miżuri ta' deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tat-taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT.

(9)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/805/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/805/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.

2.   Kull talba għall-estensjoni tal-miżuri ta' deroga previsti f'din id-Deċiżjoni għandha ssir lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2019. Tali talba għandu jkollha magħha rapport li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta' din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 51).


Top