Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0715

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 tal-11 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (notifikata bid-dokument C(2016) 2684)

    C/2016/2684

    ĠU L 125, 13.5.2016, p. 16–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2022: This act has been changed. Current consolidated version: 01/05/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/715/oj

    13.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/16


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/715

    tal-11 ta' Mejju 2016

    li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa

    (notifikata bid-dokument C(2016) 2684)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-Guignardia citricarpa Kiely (ir-razez kollha li huma patoġeniċi għaċ-ċitru) huwa elenkat fil-punt (c)11 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE bħala organiżmu ta' ħsara li mhuwiex magħruf li jeżisti fl-Unjoni. Mill-2011, wara l-approvazzjoni ta' kodiċi ġdid għan-nomenklatura fungali mill-Kungress Botaniku Internazzjonali (International Botanical Congress), dak l-organiżmu sar magħruf bħala Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala “Phyllosticta citricarpa”.

    (2)

    Minħabba l-għadd kbir rikorrenti ta' interċettazzjonijiet ta' frott taċ-ċitru li joriġina mill-Brażil u mill-Afrika t'Isfel, biex jiġi introdott fl-Unjoni l-frott taċ-ċitru kien soġġett għal miżuri speċifiċi. Dawk il-miżuri ġew stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/416/KE (2) għall-frott taċ-ċitru li joriġina mill-Brażil u bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/422/UE (3) għall-frott taċ-ċitru li joriġina mill-Afrika t'Isfel.

    (3)

    Fid-dawl tal-interċettazzjonijiet rikorrenti tal-Phyllosticta citricarpa għall-frott taċ-ċitru li joriġina mill-Brażil, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet xierqa li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni u d-dokumentazzjoni qabel ma l-frott jiġi esportat. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw f'każ li l-frott taċ-ċitru jkun prodott f'post fejn ma ġie osservat l-ebda sintomu tal-Phyllosticta citricarpa.

    (4)

    L-għadd kbir rikorrenti ta' interċettazzjonijiet tal-Phyllosticta citricarpa ġie nnotifikat fl-2015 mill-Istati Membri, bħala riżultat tal-importazzjonijiet tal-frott taċ-ċitru li joriġinaw mill-Urugwaj. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri għal dak il-frott li joriġina mill-Urugwaj li għandhom ikunu simili għall-miżuri adottati għal dak il-frott li joriġina mill-Afrika t'Isfel. Peress li ħafna minn dawk l-interċettazzjonijiet saru fuq il-frott ta' Citrus sinensis (L.) Osbeck “Valencia”, barra milli jiġu applikati l-miżuri adottati għall-frott taċ-ċitru kollu, dak il-frott għandu jiġi ttestjat għal infezzjoni moħbija.

    (5)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju dwar organiżmi ta' ħsara (4) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-importazzjoni tal-frott taċ-ċitru intiż esklussivament għall-ipproċessar f'meraq għandha inqas riskju li tittrasferixxi l-Phyllosticta citricarpa lejn pjanta ospitanti xierqa peress li tkun soġġetta għal kontrolli uffiċjali fl-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw il-moviment, l-ipproċessar, il-ħżin, il-kontenituri, l-ippakkjar u t-tikkettar. Għalhekk, l-importazzjonijiet jistgħu jsiru taħt rekwiżiti inqas stretti.

    (6)

    Sabiex jiġu introdotti fl-Unjoni, għandha tiġi żgurata t-traċċabilità sħiħa tal-frott speċifikat. L-aspetti relatati mal-għalqa tal-produzzjoni, mal-faċilitajiet ta' ppakkjar u mal-operaturi li jieħdu sehem fil-ġestjoni tal-frott speċifikat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni uffiċjali. Matul il-passaġġ tagħhom mill-għalqa tal-produzzjoni sal-Unjoni, il-frott speċifikat għandu jkun akkumpanjat b'dokumenti maħruġa taħt is-sorveljanza tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti.

    (7)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2004/416/KE u fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/422/UE għandhom jinbidlu b'sett ġdid ta' rekwiżiti miġbura f'att wieħed għall-frott taċ-ċitru li joriġina mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2004/416/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/422/UE għandhom jitħassru.

    (8)

    Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-1 ta' Ġunju 2016 biex l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, il-korpi uffiċjali responsabbli u l-operaturi kkonċernati jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2019.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott li joriġina mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Phyllosticta citricarpa” tfisser Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa, magħrufa wkoll bħala Guignardia citricarpa Kiely skont id-Direttiva 2000/29/KE;

    (b)

    “frott speċifikat” tfisser frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom għajr il-frott ta' Citrus aurantium L. u Citrus latifolia Tanaka li joriġinaw mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj.

    KAPITOLU II

    MIZURI FIR-RIGWARD TA' FROTT SPEĊIFIKAT GĦAJR IL-FROTT INTIŻ ESKLUSSIVAMENT GĦALL-IPPROĊESSAR INDUSTRIJALI F'MERAQ

    Artikolu 3

    Introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott speċifikat, għajr il-frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq

    1.   B'deroga mill-punti 16.4(c) u (d) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, il-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj, għajr il-frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq, għandu jiġi introdott fl-Unjoni skont l-Artikoli 4 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 16.1, 16.2, 16.3 u 16.5 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE.

    Artikolu 4

    Introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott speċifikat li joriġina mill-Brażil

    Il-frott speċifikat li joriġina mill-Brażil għandu jiġi introdott fl-Unjoni biss jekk ikun akkumpanjat b'ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, li taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jiddikjara uffiċjalment li fil-post ta' produzzjoni ma ġie osservat l-ebda sintomu tal-Phyllosticta citricarpa sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni, u li f'eżami uffiċjali xieraq l-ebda frott maħsud fil-post ta' produzzjoni ma wera s-sintomi ta' dak l-organiżmu ta' ħsara.

    Artikolu 5

    Introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj

    Il-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, li taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jkun fih l-elementi li ġejjin:

    (a)

    dikjarazzjoni li l-frott speċifikat joriġina f'għalqa ta' produzzjoni li kienet soġġetta għal trattamenti kontra l-Phyllosticta citricarpa mwettqa f'ħin xieraq sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni;

    (b)

    dikjarazzjoni li twettqet spezzjoni uffiċjali xierqa fl-għalqa ta' produzzjoni matul l-istaġun ta' tkabbir u li fil-frott speċifikat ma nstab l-ebda sintomu tal-Phyllosticta citricarpa sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni;

    (c)

    dikjarazzjoni li ttieħed kampjun f'xi punt minn meta jasal il-frott sa ma jiġi ppakkjat f'faċilitajiet ta' ppakkjar ta' mill-inqas 600 frotta ta' kull speċi għal kull 30 tunnellata, jew parti minnhom, kemm jista' jkun magħżula abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-Phyllosticta citricarpa u l-frott kollu li jkun ittieħed kamjun tiegħu u li juri xi sintomu, ikun ġie ttestjat u nstab ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara;

    (d)

    fil-każ ta' Citrus sinensis (L.) Osbeck “Valencia”, minbarra d-dikjarazzjonijiet imsemmija f'(a), (b) u (c) trid tiġi pprovduta: dikjarazzjoni li ttieħed kampjun għal kull 30 tunnellata, jew parti minnhom, u li ġie ttestjat għal infezzjoni moħbija u nstab ħieles mill-Phyllosticta citricarpa.

    Artikolu 6

    Rekwiżiti fl-Unjoni li jikkonċernaw l-ispezzjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj

    1.   Il-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj għandu jiġi spezzjonat viżwalment fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (5). Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjun ta' mill-inqas 200 frotta ta' kull speċi ta' frott speċifikat, f'lottijiet ta' 30 tunnellata l-wieħed, jew fuq parti minnhom, li jintgħażlu abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-Phyllosticta citricarpa.

    2.   Jekk waqt l-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jinstabu xi sintomi tal-Phyllosticta citricarpa, il-preżenza ta' dak l-organiżmu ta' ħsara għandha tiġi kkonfermata jew rrifjutata billi jiġi ttestjat il-frott li juri dawn is-sintomi.

    3.   Jekk il-preżenza tal-Phyllosticta citricarpa tiġi kkonfermata, il-lott li minnu ttieħed il-kampjun ma għandux jingħata permess jidħol fl-Unjoni.

    Artikolu 7

    Rekwiżiti ta' traċċabilità

    Għall-finijiet tat-traċċabilità, il-frott speċifikat għandu jiġi introdott fl-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjijn:

    (a)

    l-għalqa ta' produzzjoni, il-faċilitajiet ta' ppakkjar, l-esportaturi u kwalunkwe operatur ieħor involut fil-ġestjoni tal-frott speċifikat, ikunu ġew irreġistrati uffiċjalment għal dak il-għan;

    (b)

    matul il-passaġġ tagħhom mill-għalqa tal-produzzjoni sal-Unjoni, il-frott speċifikat jkun ġie akkumpanjat b'dokumenti maħruġa taħt is-sorveljanza tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti;

    (c)

    fil-każ tal-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj, minbarra l-punti (a) u (b), trid tinżamm informazzjoni ddettaljata dwar it-trattamenti li jkunu saru qabel u wara l-ħsad.

    KAPITOLU III

    MIZURI FIR-RIGWARD TA' FROTT SPEĊIFIKAT INTIŻ ESKLUSSIVAMENT GĦALL-IPPROĊESSAR INDUSTRIJALI F'MERAQ

    Artikolu 8

    Introduzzjoni u moviment fl-Unjoni ta' frott speċifikat intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq

    1.   B'deroga mill-punt 16.4(d) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, il-frott speċifikat taċ-ċitru li joriġina mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq, għandu jiġi introdott u mċaqlaq fl-Unjoni skont l-Artikoli 9 sa 17 ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 16.1, 16.2, 16.3 u 16.5 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE.

    Artikolu 9

    Ċertifikati fitosanitarji

    1.   Il-frott speċifikat għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE. Iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi l-elementi li ġejjin taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”:

    (a)

    dikjarazzjoni li l-frott speċifikat joriġina f'għalqa ta' produzzjoni li kienet soġġetta għal trattamenti xierqa kontra l-Phyllosticta citricarpa mwettqa f'ħin xieraq;

    (b)

    dikjarazzjoni li twettqet spezzjoni viżwali uffiċjali xierqa waqt l-ippakkjar u li f'dik l-ispezzjoni ma nstab l-ebda sintomu tal-Phyllosticta citricarpa fil-frott speċifikat maħsud fl-għalqa ta' produzzjoni;

    (c)

    il-kliem “Frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq”.

    2.   Iċ-ċertifikat fitosanitarju jrid jinkludi n-numri ta' identifikazzjoni tal-kontenituri u n-numri uniċi tat-tabelli fuq il-pakketti individwali kif imsemmija fl-Artikolu 17.

    Artikolu 10

    Rekwiżiti ta' traċċabilità u moviment tal-frott speċifikat fil-pajjiż terż ta' oriġini

    Għall-finijiet ta' traċċabilità, il-frott speċifikat għandu jiġi introdott fl-Unjoni biss jekk joriġina f'post ta' produzzjoni rreġistrat uffiċjalment u jekk tkun saret reġistrazzjoni uffiċjali tal-moviment ta' dak il-frott mill-post ta' produzzjoni sal-punt ta' esportazzjoni fl-Unjoni. Il-kodiċi tal-unità ta' produzzjoni rreġistrat għandu jissemma fiċ-ċertifikat fitosanitarju msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”.

    Artikolu 11

    Punti ta' dħul tal-frott speċifikat

    1.   Il-frott speċifikat għandu jiġi introdott permezz ta' punti ta' dħul, magħżula mill-Istat Membru li fih jinsabu dawk il-punti ta' dħul.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw biżżejjed minn qabel lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi kkonċernati bil-punti ta' dħul magħżula u bl-isem u bl-indirizz tal-korp uffiċjali ta' kull punt ta' dħul.

    Artikolu 12

    Spezzjoni tal-punti ta' dħul tal-frott speċifikat

    1.   Il-frott speċifikat għandu jiġi spezzjonat viżwalment fil-punt ta' dħul mill-korp uffiċjali responsabbli.

    2.   Jekk waqt l-ispezzjonijiet jinstabu xi sintomi tal-Phyllosticta citricarpa, il-preżenza ta' dak l-organiżmu ta' ħsara għandha tiġi kkonfermata jew rrifjutata billi jiġi ttestjat il-frott. Jekk il-preżenza tal-organiżmu ta' ħsara tiġi kkonfermata, il-lott li minnu ttieħed il-kampjun ma għandux jingħata permess jidħol fl-Unjoni.

    Artikolu 13

    Rekwiżiti għall-importaturi

    1.   L-importaturi tal-frott speċifikat għandhom jinnotifikaw id-dettalji ta' kull kontenitur qabel ma jasal fil-punt ta' dħul lill-korp uffiċjali responsabbli fl-Istat Membru li fih jinsab il-punt ta' dħul, u fejn applikabbli, lill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn se jsir l-ipproċessar.

    In-notifika għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-volum tal-frott speċifikat taċ-ċitru;

    (b)

    in-numri ta' identifikazzjoni tal-kontenituri;

    (c)

    id-data mistennija ta' introduzzjoni u l-punt ta' dħul fl-Unjoni,

    (d)

    l-ismijiet, l-indirizzi u l-postijiet tal-bini msemmija fl-Artikolu 15.

    2.   L-importaturi, malli tkun magħrufa, għandhom jinformaw lill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija fil-paragrafu 1 b'kull bidla li ssir fl-informazzjoni elenkata f'dak il-paragrafu u, fi kwalunkwe każ qabel ma l-kunsinna tasal fil-punt ta' dħul.

    Artikolu 14

    Moviment fl-Unjoni tal-frott speċifikat

    1.   Il-frott speċifikat ma għandux jiċċaqlaq fi Stat Membru għajr dak l-Istat Membru li minnu ġie introdott fl-Unjoni sakemm il-korpi uffiċjali responsabbli tal-Istati Membri kkonċernati jaqblu li jseħħ dan il-moviment.

    2.   Wara li jitwettqu l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12, il-frott speċifikat għandu jiġi ttrasportat direttament u mingħajr dewmien fil-bini tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 15 jew f'faċilità ta' ħżin. Kull moviment tal-frott speċifikat għandu jkun taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn jinsab il-punt ta' dħul u, fejn xieraq, tal-Istat Membru fejn se jsir l-ipproċessar.

    3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma' dan l-Artikolu.

    Artikolu 15

    Rekwiżiti li jikkonċernaw l-ipproċessar tal-frott speċifikat

    1.   L-ipproċessar f'meraq tal-frott speċifikat għandu jsir f'bini li jinsab f'żona fejn ma jiġix prodott frott taċ-ċitru. Il-bini għandu jiġi rreġistrat u approvat uffiċjalment għal dik il-għan mill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru li fih jinsab il-bini.

    2.   L-iskart u l-prodotti inċidentali tal-frott speċifikat għandhom jintużaw jew jinqerdu fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun ġie pproċessat dak il-frott, f'żona fejn ma jiġix prodott frott taċ-ċitru.

    3.   Il-prodotti inċidentali għandhom jinqerdu bi dfin fil-fond jew jintużaw b'metodu approvat mill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn il-frott speċifikat ġie pproċessat u taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali b'mod li jipprevjeni kull riskju potenzjali ta' tixrid tal-Phyllosticta citricarpa.

    4.   Il-proċessur għandu jżomm rekords tal-frott speċifikat li jkun ipproċessat u jżommhom għad-dispożizzjoni tal-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn il-frott speċifikat ikun ġie proċessat. Dawk ir-rekords għandhom jindikaw in-numri u l-marki distinti tal-kontenituri, il-volumi tal-frott speċifikat importati, il-volumi ta' skart u ta' prodotti inċidentali użati jew meqruda u l-informazzjoni ddettaljata dwar l-użu jew il-qerda tagħhom.

    Artikolu 16

    Rekwiżiti li jikkonċernaw il-ħżin tal-frott speċifikat

    1.   Jekk il-frott speċifikat ma jiġix ipproċessat immedjatament, dan għandu jinħażen f'faċilità rreġistrata u approvata għal dak il-għan mill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru fejn tinsab il-faċilità.

    2.   Il-lottijiet tal-frott speċifikat għandhom jibqgħu identifikabbli separatament.

    3.   Il-frott speċifikat għandu jinħażen b'mod li jipprevjeni kull riskju potenzjali ta' tixrid tal-Phyllosticta citricarpa.

    Artikolu 17

    Kontenituri, ippakkjar u tikkettar

    Il-frott speċifikat għandu jiġi introdott u mċaqlaq fl-Unjoni jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jiġu inklużi f'pakketti individwali f'kontenitur;

    (b)

    titwaħħal tikketta ma' kull kontenitur u ma' kull pakkett individwali msemmi fil-punt (a) li jkollha l-informazzjoni li ġejja:

    (i)

    numru uniku fuq kull pakkett individwali;

    (ii)

    il-piż nett iddikjarat tal-frott;

    (iii)

    marka li tiddikjara: “Frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq.”

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18

    Obbligi ta' rappurtar

    1.   Kull sena qabel il-31 ta' Diċembru, l-Istati Membri importaturi għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'informazzjoni dwar l-ammont ta' frott speċifikat introdott fl-Unjoni skont din id-Deċiżjoni matul l-istaġun ta' importazzjoni preċedenti.

    2.   Kull sena qabel il-31 ta' Diċembru, l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom il-frott speċifikat jiġi pproċessat f'meraq, għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li jinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

    (a)

    l-ammont ta' frott speċifikat ipproċessat fit-territorju tagħhom skont din id-Deċiżjoni matul l-istaġun ta' importazzjoni preċedenti;

    (b)

    il-volum ta' skart u ta' prodotti inċidentali meqruda u l-informazzjoni ddettaljata dwar l-użu jew il-qerda tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 15(3).

    3.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi wkoll ir-riżultati tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti tal-frott speċifikat imwettqa skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE u ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 19

    Notifiki

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-pajjiż terz ikkonċernat malli tiġi kkonfermata sejba tal-Phyllosticta citricarpa.

    Artikolu 20

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni 2004/416/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/422/UE huma mħassra.

    Artikolu 21

    Data ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Ġunju 2016.

    Artikolu 22

    Data ta' skadenza

    Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Marzu 2019.

    Artikolu 23

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/416/KE tad-29 ta' April 2004 dwar miżuri ta' emerġenza fir-rigward ta' ċertu frott taċ-ċitru li joriġina mill-Brażil (ĠU L 151, 30.4.2004, p. 76).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/422/UE tat-2 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi l-miżuri rigward ċertu frott taċ-ċitru li joriġina mill-Afrika t'Isfel li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa fl-Unjoni tal-Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (ĠU L 196, 3.7.2014, p. 21).

    (4)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2014. “Scientific Opinion on the risk of Phyllosticta citricarpa (Guignardia citricarpa) for the EU territory with identification and evaluation of risk reduction options”. EFSA Journal 2014;12(2):3557, 243 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3557

    (5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).


    Top