Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1019

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1019 tad-29 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1106/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja, li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 861/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/49

    ĠU L 163, 30.6.2015, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/11/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1019/oj

    30.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 163/18


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1019

    tad-29 ta' Ġunju 2015

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1106/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja, li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 861/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/49

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1106/2013 tal-5 ta' Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi:

    A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' wajers tal-azzar inossidabbli li fihom piż ta':

    2,5 % jew aktar ta' nikil, ħlief wajers li fihom piż ta' 28 % jew aktar iżda mhux aktar minn 31 % ta' nikil u 20 % jew aktar iżda mhux aktar minn 22 % ta' kromu,

    inqas minn 2,5 % ta' nikil, ħlief wajers li fihom piż ta' 13 % jew aktar iżda mhux aktar minn 25 % ta' kromu u 3,5 % jew aktar iżda mhux aktar minn 6 % ta' aluminju,

    li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7223 00 19 u 7223 00 99 u li joriġinaw mill-Indja (“il-prodott ikkonċernat”).

    (2)

    Fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' dazju antidumping definittiv ikkooperaw għadd kbir ta' produtturi esportaturi mill-Indja. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) għażlet kampjun ta' produtturi esportaturi Indjani sabiex jiġi investigat.

    (3)

    Il-Kunsill impona rati individwali ta' dazju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li jvarjaw minn 0 % għal 12,5 % għall-kumpaniji inklużi fil-kampjun u d-dazju medju ponderat ta' 5 % għall-kumpaniji li kkooperaw iżda li mhumiex fil-kampjun.

    (4)

    Il-Kunsill impona wkoll rata ta' dazju ta' 12,5 % mal-pajjiż kollhu fuq il-kumpaniji l-oħra li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

    (5)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013 jistipula li fejn xi produttur esportatur ġdid mill-Indja jipprovdi biżżejjed evidenza li turi lill-Kummissjoni li:

    (a)

    ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta' April 2011 sal-31 ta' Marzu 2012 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”);

    (b)

    mhuwiex relatat ma' esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri antidumping imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

    (c)

    jew effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta' investigazzjoni jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta' investigazzjoni,

    għalhekk l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament jista' jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkoperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata ta' dazju medja ponderata ta' 5 %.

    B.   IT-TALBA TAL-PRODUTTUR ESPORTATUR IL-ĠDID

    (6)

    Il-kumpaniji Indjani Superon Schweisstechnik India Ltd. (“l-ewwel applikant”) u Anand ARC Ltd. (“it-tieni applikant”) talbu li jingħataw ir-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (“trattament ta' produttur esportatur ġdid” jew “NEPT”).

    (7)

    Saret eżaminazzjoni sabiex ikun stabbilit jekk l-applikanti jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw in-NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013.

    (8)

    Intbagħat kwestjonarju lill-applikanti li fih jintalbu sabiex jipprovdu evidenza li turi li ssodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti hawn fuq fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013.

    (9)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikanti jissodisfawx it-tliet kriterji biex jingħataw in-NEPT. Twettqu żjarat ta' verifika fil-bini ta':

    Superon Schweisstechnik India Ltd., Gurgaon,

    Anand ARC Ltd., Mumbai.

    (10)

    L-ewwel applikant ipprovda evidenza biżżejjed biex juri li jissodisfa t-tliet kriterji msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013. Fil-fatt l-ewwel applikant seta' jipprova li:

    (i)

    ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni waqt il-perjodu mill-1 ta' April 2011 sal-31 ta' Marzu 2012;

    (ii)

    mhuwiex relatat ma xi esportaturi jew produtturi fl-Indja li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013; kif ukoll

    (iii)

    effettivament esporta kwantità sinifikanti ta' 30 tunnellata tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni minn Ottubru 2012;

    u għalhekk jista jingħata r-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 5 % skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013, u għandu jiżdied mal-lista ta' produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun.

    (11)

    Madankollu, it-tieni applikant naqas milli jissodisfa l-ewwel kriterju minħabba li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, it-talba tiegħu għan-NEPT ġiet miċħuda.

    (12)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-applikanti u lill-industrija tal-Unjoni bir-riżultati ta' hawn fuq u tathom l-opportunità li jikkummentaw. Produttur esportatur wieħed talab applikazzjoni retroattiva tad-deċiżjoni. Madankollu possibilità bħal din mhijiex mistennija fil-proċedura ta' bħalissa u l-produttur esportatur ġie infurmat skont dan. Ma waslu l-ebda kummenti oħra.

    (13)

    Lill-ewwel applikant jeħtieġ li jiġi attribwit kodiċi addizzjonali TARIC ġdid (B997). Purament għal raġunijiet ta' integrazzjoni teknika fit-TARIC, dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 861/2013 (3) billi jattribwixxi l-istess kodiċi addizzjonali TARIC (B997) lill-ewwel applikant.

    (14)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/49 (4) ġie adottat mingħajr l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali u jiġu mħarsal-aspettattivi leġittimi, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/49 għandu għalhekk jitħassar u l-kontenut tiegħu jiġi adottat mill-ġdid b'effett sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/49.

    (15)

    Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1106/2013 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-kodiċi addizzjonali TARIC “B781” li jidher fit-tabella fl-Artikolu 1(2) jinbidel bil-kliem “ara l-Anness”.

    (b)

    L-Anness jinbidel bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-entrata “B999” li tidher fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 861/2013 tinbidel bi: “B999 (Għal Superon Schweisstechnik India Ltd., Gurgaon, Haryana, India, il-kodiċi addizzjonali TARIC huwa B997)”.

    Artikolu 3

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/49 jitħassar b'effett mis-16 ta' Jannar 2015.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ikollu effett legali mis-16 ta' Jannar 2015.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 298, 8.11.2013, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 861/2013 tat-2 ta' Settembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 240, 7.9.2013, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/49 tal-14 ta' Jannar 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1106/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 861/2013 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 9, 15.1.2015, p. 17).


    ANNESS

    Produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw li mhux inklużi fil-kampjun:

    Isem il-kumpanija

    Belt

    kodiċi addizzjonali TARIC

    Bekaert Mukand Wire Industries

    Lonand, Tal. Khandala, Satara District, Maharashtra

    B781

    Bhansali Bright Bars Pvt. Ltd

    Ltd., Mumbai, Maharashtra

    B781

    Bhansali Stainless Wire

    Mumbai, Maharashtra

    B781

    Chandan Steel

    Mumbai, Maharashtra

    B781

    Drawmet Wires

    Bhiwadi, Rajasthan

    B781

    Jyoti Steel Industries Ltd

    Mumbai, Maharashtra

    B781

    Mukand Ltd.

    Thane

    B781

    Panchmahal Steel Ltd

    Dist. Panchmahals, Gujarat

    B781

    Superon Schweisstechnik India Ltd

    Gurgaon, Haryana

    B997


    Top